This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0088
Council Decision 2010/88/CFSP/JHA of 30 November 2009 on the signing, on behalf of the European Union, of the Agreement between the European Union and Japan on mutual legal assistance in criminal matters
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/88/PESK/ĠAI tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali
Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/88/PESK/ĠAI tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali
ĠU L 39, 12.2.2010, p. 19–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/88(1)/oj
12.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 39/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/88/PESK/ĠAI
tat-30 ta’ Novembru 2009
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-26-27 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, megħjuna mill-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati għal Ftehin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali. Dawk in-negozjati saru b’suċċess u tfassal Ftehim. |
(2) |
Fin-nuqqas ta’ trattati bilaterali dwar assistenza legali reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Ġappun, l-Unjoni Ewropea tfittex li tistabbilixxi koperazzjoni aktar effettiva bejn l-Istati Membri tagħha u l-Ġappun fil-qasam tal-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali. |
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat biex jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa biex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
B. ASK
12.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 39/20 |
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar assistenza legali reċiproka f’materji kriminali
L-UNJONI EWROPEA,
u
l-ĠAPPUN,
FILWAQT li jixtiequ jistabbilixxu kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġappun fil-qasam tal-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali,
FILWAQT li jixtiequ li din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità,
FILWAQT li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għar-rispett għall-ġustizzja, il-prinċipji tal-istat tad-dritt u d-demokrazija, u l-indipendenza ġudizzjarja,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Objettiv u fini
1. L-Istat rikjest għandu, fuq talba, mill-Istat rikjedenti, jipprovdi assistenza legali reċiproka (minn hawn ‘il quddiem “assistenza”) b’rabta mal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u proċedimenti oħrajn, inklużi l-proċedimenti ġudizzjarji, f’materji kriminali konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim ma japplikax għall-estradizzjoni, it-trasferiment ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minbarra l-konfiska prevista skont l-Artikolu 25.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:
(a) |
it-terminu “Partijiet Kontraenti” ifisser l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun; |
(b) |
it-terminu “Stat Membru” ifisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; |
(c) |
it-terminu “Stat” ifisser Stat Membru jew il-Ġappun; |
(d) |
it-terminu “oġġetti” ifisser dokumenti, rekords u artikoli oħrajn ta’ provi; |
(e) |
it-terminu “proprjetà” ifisser beni ta’ kull tip, kemm jekk materjali kif ukoll jekk mhux materjali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti legali jew strumenti li jixhdu d-dritt għal dawn il-beni jew l-interess fihom; |
(f) |
it-terminu “mezzi strumentali” ifisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, fi kwalunkwe mod, bis-sħiħ jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali; |
(g) |
it-terminu “rikavati” ifisser kwalunkwe proprjetà derivata jew miksuba, direttament jew indirettament, permezz tat-twettiq ta’ reat kriminali; |
(h) |
it-terminu “iffriżar jew qbid” ifisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, il-konverżjoni, id-dispożizzjoni jew il-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja ta’ kustodja jew kontroll ta’ proprjetà abbażi ta’ ordni maħruġa minn qorti jew xi awtorità kompetenti oħra; u |
(i) |
it-terminu “konfiska”, li jinkludi t-telf tad-dritt ta’ proprjetà fejn applikabbli, ifisser penali jew miżura, ordnata minn qorti b’segwitu għal proċedimenti fir-rigward ta’ reat kriminali jew reati kriminali, li jirriżultaw fid-deprivazzjoni finali tal-proprjetà. |
Artikolu 3
L-ambitu tal-assistenza
L-assistenza għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
il-ġbir ta’ xhieda jew dikjarazzjonijiet; |
(b) |
il-possibbiltà li s-smigħ isir permezz ta’ vidjokonferenza; |
(c) |
il-kisba ta’ oġġetti, inkluż permezz tal-eżekuzzjoni ta’ perkwiżizzjoni u qbid; |
(d) |
il-kisba ta’ rekords, dokumenti jew rapporti ta’ kontijiet bankarji; |
(e) |
l-eżami ta’ persuni, oġġetti jew postijiet; |
(f) |
is-sejba jew l-identifikazzjoni ta’ persuni, oġġetti jew postijiet; |
(g) |
il-forniment ta’ oġġetti fil-pussess tal-awtoritajiet leġislattivi, amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat rikjest kif ukoll l-awtoritajiet lokali tiegħu; |
(h) |
in-notifika ta’ dokumenti u l-infurmar ta’ persuna bi stedina biex tidher fl-Istat rikjedenti; |
(i) |
it-trasferiment temporanju ta’ persuna f’kustodja għal xhieda jew finijiet oħrajn ta’ provi; |
(j) |
assistenza fi proċedimenti relatati mal-iffriżar jew il-qbid u l-konfiska ta’ rikavati jew mezzi strumentali; u |
(k) |
kwalunkwe assistenza oħra permessa skont il-liġijiet tal-Istat rikjest u maqbula bejn Stat Membru u l-Ġappun. |
Artikolu 4
Ħatra u responsabbiltajiet tal-Awtoritajiet Ċentrali
Kull Stat għandu jaħtar l-Awtorità Ċentrali jiġifieri l-awtorità responsabbli biex tibgħat, tirċievi u twieġeb għat-talbiet għall-assistenza, l-eżekuzzjoni ta’ dawn it-talbiet jew it-trasmissjoni tagħhom lill-awtoritajiet li għandhom il-ġurisdizzjoni li jeżegwixxu dawn it-talbiet skont il-liġijiet tal-Istat. L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom ikunu l-awtoritajiet elenkati fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 5
Komunikazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali
1. It-talbiet għall-assistenza taħt dan il-Ftehim għandhom jintbagħtu mill-Awtorità Ċentrali tal-Istat rikjedenti lill-Awtorità Ċentrali tal-Istati rikjest.
2. L-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri u l-Ġappun għandhom jikkomunikaw direttament ma’ xulxin għall-fini ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 6
Awtoritajiet kompetenti biex joħorġu t-talbiet
L-awtoritajiet li huma kompetenti skont il-liġijiet tal-Istati biex joħorġu t-talbiet għall-assistenza skont dan il-Ftehim huma stabbiliti fl-Anness II ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 7
Awtentikazzjoni
Mhuwiex meħtieġ li d-dokumenti trasmessi minn Stat taħt dan il-Ftehim li huma attestati permezz ta’ firma jew siġill ta’ awtorità kompetenti jew l-Awtorità Ċentrali ta’ Stat jiġu awtentikati.
Artikolu 8
Talbiet għall-assistenza
1. L-Istat rikjedenti għandu jagħmel it-talba bil-miktub.
2. L-Istat rikjedenti jista’, f’każijiet urġenti, wara li jkun għamel kuntatt mal-Istat rikjest, jagħmel talba permezz ta’ kwalunkwe mezz affidabbli ieħor ta’ komunikazzjoni, inklużi l-faks jew il-posta elettronika. F’dawn il-każijiet, l-Istat rikjedenti għandu jipprovdi konferma supplimentarja tat-talba bil-miktub minnufih, jekk dan ikun meħtieġ mill-Istat rikjest.
3. Talba għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
l-isem tal-awtorità kompetenti li qiegħda tmexxi l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju; |
(b) |
il-fatti relatati mas-suġġett tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju; |
(c) |
in-natura u l-istadju tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju; |
(d) |
it-test jew dikjarazzjoni tal-liġijiet rilevanti, inklużi l-penalitajiet applikabbli, tal-Istat rikjedenti; |
(e) |
deskrizzjoni tal-assistenza mitluba; u |
(f) |
deskrizzjoni tal-fini tal-assistenza mitluba. |
4. Safejn hu possibbli u rilevanti għall-assistenza mitluba, talba għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
informazzjoni dwar l-identità u fejn tinsab kwalunkwe persuna li minnha qiegħda tintalab xhieda, dikjarazzjonijiet jew xi oġġetti; |
(b) |
lista ta’ mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li minnha qiegħda tintalab xhieda jew dikjarazzjonijiet; |
(c) |
deskrizzjoni preċiża tal-persuni jew il-postijiet li għandhom ikunu perkwiżiti u l-oġġetti mfittxija; |
(d) |
deskrizzjoni tar-raġuni għaliex l-Istat rikjedenti jikkunsidra li r-rekords, id-dokumenti jew ir-rapport tal-kontijiet bankarji mitluba huma rilevanti u meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni dwar ir-reat, u xi informazzjoni oħra li tista’ tiffaċilita l-eżekuzzjoni tat-talba; |
(e) |
informazzjoni rigward il-persuni, l-oġġetti jew il-postijiet li għandhom ikunu eżaminati; |
(f) |
informazzjoni rigward il-persuni, l-oġġetti jew il-postijiet li jridu jinstabu jew jiġu identifikati; |
(g) |
informazzjoni dwar l-identità u fejn tinsab persuna li għandha tiġi nnotifikata b’dokument jew informata dwar stedina, ir-relazzjoni ta’ dik il-persuna mal-proċediment, u l-mod li bih għandha ssir in-notifika; |
(h) |
informazzjoni dwar l-allowances u l-ispejjeż li għandha dritt għalihom il-persuna li qiegħda tintalab biex tidher quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti; u |
(i) |
deskrizzjoni preċiża ta’ rikavati jew mezzi strumentali, fejn jinsabu, u l-identità tas-sid tagħhom. |
5. Safejn hu meħtieġ, talba għandha tinkludi wkoll dan li ġej:
(a) |
deskrizzjoni ta’ kwalunkwe mod jew proċedura partikolari li għandha tiġi segwita fl-eżekuzzjoni tat-talba; |
(b) |
deskrizzjoni tar-raġunijiet għall-konfidenzjalità rigward it-talba; u |
(c) |
kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha tittressaq għall-attenzjoni tal-Istat rikjest biex tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni tat-talba. |
6. Jekk l-Istat rikjest iqis li l-informazzjoni li tinsab f’talba għall-assistenza mhijiex biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti taħt dan il-Ftehim sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita t-talba, l-Istat rikjest jista’ jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali.
Artikolu 9
Lingwa
It-talba u kwalunkwe dokument mehmuż magħha għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew, fihom kollha jew, f’każijiet urġenti, f’lingwa speċifikata fl-Anness III ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 10
Eżekuzzjoni tat-talbiet
1. L-Istat rikjest għandu minnufih jeżegwixxi t-talba konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjest għandhom jieħdu kull miżura possibbli fis-setgħa tagħhom biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tat-talba.
2. Talba għandha tiġi eżegwita permezz tal-użu ta’ miżuri li huma konformement mal-liġijiet tal-Istat rikjest. Il-mod jew il-proċedura partikolari deskritti fit-talba msemmija fil-paragrafu 4(g) jew il-paragrafu 5(a) tal-Artikolu 8 għandhom ikunu segwiti sakemm ma jkunux kontra l-liġijiet tal-Istat rikjest, u fejn hu possibbli fil-prattika. Fil-każ li l-eżekuzzjoni tat-talba fil-mod jew proċedura deskritti fit-talba toħloq problema prattika għall-Istat rikjest, l-Istat rikjest għandu jikkonsulta mal-Istat rikjedenti sabiex isolvi l-problema prattika.
3. Jekk l-eżekuzzjoni ta’ talba titqies li qiegħda tinterferixxi mal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju, li jkunu għaddejjin fl-Istat rikjest, l-Istat rikjest jista’ jipposponi l-eżekuzzjoni. L-Istat rikjest għandu jinforma lill-Istat rikjedenti bir-raġunijiet għall-posponiment u jikkonsulta il-proċedura sussegwenti. Minflok ma jipposponi l-eżekuzzjoni, l-Istat rikjest jista’ jpoġġi kondizzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni meqjusa meħtieġa, wara konsultazzjonijiet mal-Istat rikjedenti. Jekk l-Istat rikjedenti jaċċetta dawn il-kondizzjonijiet, l-Istat rikjedenti għandu jikkonforma magħhom.
4. L-Istat rikjest għandu jagħmel l-almu tiegħu biex iżomm konfidenzjali l-fatt li tkun saret talba, il-kontenuti tat-talba, l-eżitu tal-eżekuzzjoni tat-talba u informazzjoni rilevanti oħra dwar l-eżekuzzjoni tat-talba jekk din il-konfidenzjalità tintalab mill-Istat rikjedenti. Jekk talba ma tistax tiġi eżegwita mingħajr ma tinkixef din l-informazzjoni, l-Istat rikjest għandu jgħarraf b’dan lill-Istat rikjedenti, li mbagħad għandu jiddetermina jekk talba għandhiex madankollu tiġi eżegwita.
5. L-Istat rikjest għandu jwieġeb għall-inkjesti raġonevoli mill-Istat rikjedenti dwar l-istatus tal-eżekuzzjoni ta’ talba.
6. L-Istat rikjest għandu minnufih jinforma lill-Istat rikjedenti bir-riżultat tal-eżekuzzjoni ta’ talba, u għandu jipprovdi lill-Istat rikjedenti x-xhieda, id-dikjarazzjonijiet jew l-oġġetti, li jkunu nkisbu bħala riżultat tal-eżekuzzjoni, inkluż kwalunkwe talba minn persuna li li qied tintalab xhieda, dikjarazzjoni jew xi oġġetti rigward immunità, inkapaċità jew privileġġ skont il-liġijiet tal-Istat rikjedenti. L-Istat rikjest għandu minnufih jipprovdi l-oriġinali jew, jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, kopji ċċertifikati tar-rekords jew id-dokumenti. Jekk talba ma tkunx tista’ tiġi eżegwita bis-sħiħ jew parzjalment, l-Istat rikjest għandu jinforma lill-Istat rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.
Artikolu 11
Raġunijiet għaċ-ċaħda tal-assistenza
1. L-assistenza tista’ tinċaħad jekk l-Istat rikjest iqis li:
(a) |
talba tirrigwarda reat politiku jew reat marbut ma’ reat politiku; |
(b) |
l-eżekuzzjoni ta’ talba x’aktarx li tippreġudika s-sovranità, is-sigurtà, l-ordni pubbliku jew interessi essenzjali oħrajn. Għall-fini ta’ dan is-subparagrafu, l-Istat rikjest jista’ jikkunsidra li l-eżekuzzjoni ta’ talba rigward reat suġġett għall-piena tal-mewt skont il-liġijiet tal-Istat rikjedenti jew, fir-relazzjonijiet bejn Stat Membru wieħed, imniżżel fl-Anness IV ta’ dan il-Ftehim, u l-Ġappun, reat suġġett għal sentenza ta’ għomor il-ħabs skont il-liġijiet tal-Istat rikjedenti, tista’ tippreġudika l-interessi essenzjali tal-Istat rikjest, sakemm l-Istat rikjest u l-Istat rikjedenti jaqblu dwar il-kondizzjonijiet skont liema tista’ tiġi eżegwita t-talba; |
(c) |
hemm raġunijiet iġġustifikati sew biex wieħed jissupponi li t-talba għall-assistenza tkun saret bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni ta’ persuna jew biex tiġi ppenalizzata minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza, l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi jew is-sess, jew li l-pożizzjoni ta’ din il-persuna tista’ tkun ppreġudikata għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet; |
(d) |
il-persuna, li hi suġġetta għall-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet jew xi proċedimenti oħra kriminali, inklużi proċedimenti ġudizzjarji, li għalihom qiegħda tintalab l-assistenza, fl-Istat rikjedenti, kienet diġà nstabet ħatja u ġiet illiberata għall-istess fatti fi Stat Membru jew il-Ġappun; jew |
(e) |
talba mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan il-Ftehim. |
2. L-Istat rikjest jista’ jiċħad l-assistenza li teħtieġ miżuri ta’ kostrinġiment skont il-liġijiet tiegħu jekk jikkunsidra li l-imġiba li hi suġġetta għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju, fl-Istat rikjedenti ma tikkostitwix reat kriminali skont il-liġijiet tal-Istat rikjest. Fir-relazzjonijiet bejn il-Ġappun u żewġ Stati Membri, imniżżlin fl-Anness IV ta’ dan il-Ftehim, l-assistenza tista’ tinċaħad jekk l-Istat rikjest jikkunsidra li l-imġiba li hi suġġetta għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju, fl-Istat rikjedenti ma tikkostitwix reat kriminali skont il-liġijiet tal-Istat rikjest.
3. L-assistenza m’għandhiex tinċaħad għar-raġuni tas-segretezza bankarja.
4. Qabel ma jiċħad l-assistenza taħt dan l-Artikolu, l-Istat rikjest għandu jikkonsulta mal-Istat rikjedenti meta l-Istat rikjest iqis li l-assistenza tista’ tiġi pprovduta suġġetta għal ċerti kondizzjonijiet. Jekk l-Istat rikjedenti jaċċetta dawn il-kondizzjonijiet, l-Istat rikjedenti għandu jikkonforma magħhom.
5. Jekk l-assistenza tinċaħad, l-Istat rikjest għandu jinforma lill-Istat rikjedenti bir-raġunijiet għal din iċ-ċaħda.
Artikolu 12
Spejjeż
1. L-Istat rikjest għandu jħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-eżekuzzjoni ta’ talba, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor bejn l-Istat rikjedenti u l-Istat rikjest.
2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-Istat rikjedenti għandu jħallas:
(a) |
it-tariffi ta’ xhud espert; |
(b) |
l-ispejjeż tat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u t-traskrizzjoni; |
(c) |
l-allowances u spejjeż relatati mal-ivvjaġġar ta’ persuni skont l-Artikoli 22 u 24; |
(d) |
l-ispejjeż tal-istabbiliment ta’ konnessjoni bil-vidjo u spejjeż relatati mal-manutenzjoni tal-konnessjoni bil-vidjo fl-Istat rikjest; u |
(e) |
l-ispejjeż ta’ natura straordinarja; |
sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor bejn l-Istat rikjedenti u l-Istat rikjest.
3. Jekk l-eżekuzzjoni ta’ talba timponi spejjeż ta’ natura straordinarja, l-Istat rikjedenti u l-Istat rikjest għandhom jikkonsultaw sabiex jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet għandha tkun eżegwita t-talba.
Artikolu 13
Limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ xhieda, dikjarazzjonijiet, oġġetti jew informazzjoni
1. L-Istat rikjedenti m’għandux jagħmel użu minn xhieda, dikjarazzjonijiet, oġġetti jew kwalunkwe informazzjoni, inkluża data personali pprovduta jew miksuba mod ieħor taħt dan il-Ftehim minbarra f’investigazzjoni, prosekuzzjoni jew xi proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju, deskritti fit-talba mingħajr kunsens minn qabel tal-Istat rikjest. Fl-għoti ta’ tali kunsens minn qabel, l-Istat rikjest jista’ jimponi l-kondizzjonijiet li huwa jqis adatti.
2. L-Istat rikjest jista’ jitlob li xhieda, dikjarazzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra, inkluża data personali, pprovduta jew miksuba mod ieħor taħt dan il-Ftehim tinżamm konfidenzjali jew tintuża biss taħt xi kondizzjonijiet oħrajn li jista’ jispeċifika. Jekk l-Istat rikjedenti jaqbel ma’ din il-konfidenzjalità jew jaċċetta dawn il-kondizzjonijiet, huwa għandu jikkonforma magħhom.
3. F’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat jista’, fil-waqt li jkun qed jipprovdi xhieda, dikjarazzjonijiet, oġġetti jew kwalunkwe informazzjoni oħra, inkluża data personali, jitlob li l-Istat li jirċeviha jagħti informazzjoni dwar l-użu li jkun sar minnhom.
Artikolu 14
Trasport, manutenzjoni u radd lura ta’ oġġetti
1. L-Istat rikjest jista’ jitlob li l-Istat rikjedenti jittrasporta u jagħmel manutenzjoni ta’ oġġetti pprovduti taħt dan il-Ftehim konformement mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-Istat rikjest, inklużi l-kondizzjonijiet meqjusa meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi ta’ partijiet terzi fl-oġġetti li għandhom ikunu ttrasferiti.
2. L-Istat rikjest jista’ jitlob li l-Istat rikjedenti jrodd lura kwalunkwe oġġett ipprovdut taħt dan il-Ftehim konformement mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-Istat rikjest, wara li dawn l-oġġetti jkunu ġew użati għall-finijiet deskritti f’talba.
3. L-Istat rikjedenti għandu jikkonforma mat-talba li tkun saret skont il-paragrafu 1 jew 2. Meta tkun saret din it-talba, l-Istat rikjedenti m’għandux jeżamina l-oġġetti mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Istat rikjest jekk l-eżami jagħmel ħsara jew jista’ jagħmel ħsara lill-oġġett.
Artikolu 15
Ġbir ta’ xhieda jew dikjarazzjonijiet
1. L-Istat rikjest għandu jiġbor ix-xhieda jew id-dikjarazzjonijiet. L-Istat rikjest għandu jagħmel użu minn miżuri ta’ koerċizzjoni sabiex jagħmel dan, jekk dawn il-miżuri jkunu meħtieġa u l-Istat rikjedenti jipprovdi lill-Istat rikjest informazzjoni li tiġġustifika dawk il-miżuri skont il-liġijiet tal-Istat rikjest.
2. L-Istat rikjest għandu jagħmel mill-aħjar tiegħu biex jippermetti l-preżenza ta’ dawn il-persuni kif speċifikat f’talba għall-ġbir ta’ xhieda jew dikjarazzjonijiet matul l-eżekuzzjoni tat-talba, u biex jippermetti lil dawn il-persuni li jinterrogaw lill-persuna li qiegħda tintalab ix-xhieda jew id-dikjarazzjonijiet. Fil-każ li din l-interrogazzjoni diretta ma tkunx permessa, dawn il-persuni għandhom jitħallew jippreżentaw il-mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li qiegħda tintalab ix-xhieda jew id-dikjarazzjonijiet.
3. Jekk persuna, li tkun qiegħda tintalab xhieda jew xi dikjarazzjonijiet skont dan l-Artikolu, tafferma talba ta’ immunità, inkapaċità jew privileġġ skont il-liġijiet tal-Istat rikjedenti, ix-xhieda jew id-dikjarazzjonijiet jistgħu madankollu jittieħdu, sakemm it-talba ma tinkludix dikjarazzjoni mill-Istat rikjedenti li meta jintalbu tali immunità, inkapaċità jew privileġġ, ix-xhieda jew id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu.
Artikolu 16
Smigħ permezz ta’ vidjokonferenza
1. Jekk persuna tkun fl-Istat rikjest u tkun trid tinstema’ bħala xhud jew xhud espert mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti, l-Istat rikjest jista’ jippermetti li tittieħed xhieda jew dikjarazzjoni minn dik il-persuna minn dawk l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ vidjokonferenza jekk tali smigħ huwa meħtieġ għall-proċedimenti tal-Istat rikjedenti. L-Istat rikjedenti u dak rikjest għandhom jikkonsultaw, jekk meħtieġ, sabiex jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet legali, tekniċi jew loġistiċi li jistgħu jitfaċċaw matul l-eżekuzzjoni tat-talba.
2. Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għas-smigħ permezz ta’ vidjokonferenza, sakemm l-Istat rikjedenti u l-Istat rikjest ma jaqblux mod ieħor:
(a) |
l-awtorità tal-Istat rikjest għandha tidentifika l-persuna speċifikata fit-talba li għandha tinstema’, u tistieden lill-persuna biex tiffaċilita d-dehra tagħha; |
(b) |
is-smigħ għandu jitmexxa direttament mill-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti jew taħt id-direzzjoni tagħha konformement mal-liġijiet tiegħu stess u l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat rikjest; |
(c) |
l-awtorità tal-Istat rikjest għandha tkun preżenti matul is-smigħ, fejn meħtieġ assistita minn interpretu, u għandha tosserva s-smigħ. Jekk l-awtorità tal-Istat rikjest hi tal-fehma li matul is-smigħ il-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat rikjest ikunu qegħdin jinkisru, hija għandha tieħu minnufih il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li s-smigħ ikompli konformement ma’ dawn il-prinċipji; |
(d) |
fuq talba tal-Istat rikjedenti jew tal-persuna li għandha tinstema’, l-Istat rikjest għandu jiżgura, jekk meħtieġ, li l-persuna tkun assistita minn interpretu; u |
(e) |
il-persuna li għandha tinstema’ tista’ titlob id-dritt li ma tixhidx li hu dritt tagħha skont il-liġijiet tal-Istat rikjest jew tal-Istat rikjedenti. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri oħrajn meħtieġa għall-protezzjoni tal-persuna kif maqbula bejn l-awtoritajiet tal-Istat rikjedenti u dak rikjest. |
Artikolu 17
Kisba ta’ oġġetti
1. L-Istat rikjest għandu jikseb l-oġġetti. L-Istat rikjest għandu jagħmel użu minn miżuri ta’ koerċizzjoni, inklużi l-perkwiżizzjoni u l-qbid sabiex jagħmel dan, jekk dawn il-miżuri jkunu meħtieġa u l-Istat rikjedenti jipprovdi lill-Istat rikjest informazzjoni li tiġġustifika dawk il-miżuri skont il-liġijiet tal-Istat rikjest.
2. L-Istat rikjest għandu jagħmel mill-aħjar tiegħu biex jippermetti l-preżenza ta’ dawn il-persuni kif speċifikat f’talba għall-kisba ta’ oġġetti matul l-eżekuzzjoni tat-talba.
Artikolu 18
Kontijiet bankarji
1. L-Istat rikjest għandu jikkonferma jekk persuna fiżika jew ġuridika li hi s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali żżommx jew tikkontrollax kont wieħed jew aktar fil-banek speċifikati fit-talba.
2. L-Istat rikjest għandu jipprovdi r-rekords, id-dokumenti jew ir-rapporti speċifikati tal-kontijiet speċifikati, ir-rekords ta’ operazzjonijiet bankarji li twettqu matul perijodu speċifikat permezz tal-kontijiet speċifikati fit-talba, jew identifikati skont il-paragrafu 1 u r-rekords, id-dokumenti jew ir-rapporti speċifikati ta’ kwalunkwe kont li jibgħat jew jirċievi l-flus.
3. L-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss safejn l-informazzjoni tkun fil-pussess tal-bank li jkun qiegħed iżomm il-kont.
4. L-Istat rikjest jista’ jagħmel l-eżekuzzjoni ta’ talba fil-paragrafi 1 jew 2 dipendenti fuq il-kondizzjonijiet applikati minnu fir-rigward ta’ talba għall-kisba ta’ oġġetti.
Artikolu 19
Eżami ta’ persuni, oġġetti jew postijiet
1. L-Istat rikjest għandu jeżamina l-persuni, l-oġġetti jew il-postijiet. L-Istat rikjest għandu jagħmel użu minn miżuri ta’ koerċizzjoni sabiex jagħmel dan, jekk dawn il-miżuri jkunu meħtieġa u l-Istat rikjedenti jipprovdi lill-Istat rikjest informazzjoni li tiġġustifika dawk il-miżuri skont il-liġijiet tal-Istat rikjest.
2. L-Istat rikjest għandu jagħmel mill-aħjar tiegħu biex jippermetti l-preżenza ta’ dawn il-persuni kif speċifikat f’talba għall-eżami tal-persuni, l-oġġetti jew il-postijiet matul l-eżekuzzjoni tat-talba.
Artikolu 20
Sejba jew identifikazzjoni ta’ persuni, oġġetti jew postijiet
L-Istat rikjest għandu jagħmel l-almu tiegħu biex isib jew jidentifika l-persuni, l-oġġetti jew il-postijiet.
Artikolu 21
Forniment ta’ oġġetti fil-pussesstal-awtoritajiet leġislattivi, amministrattivi, ġudizzjarji jew lokali
1. L-Istat rikjest għandu jipprovdi lill-Istat rikjedenti oġġetti fil-pussess tal-awtoritajiet leġislattivi, amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat rikjest kif ukoll l-awtoritajiet lokali tiegħu u li huma disponibbli għall-pubbliku inġenerali.
2. L-Istat rikjest għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jipprovdi lill-Istat rikjedenti oġġetti, inklużi rekords kriminali, li huma fil-pussess tal-awtoritajiet leġislattivi, amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat rikjest kif ukoll l-awtoritajiet lokali tiegħu u li mhumiex disponibbli għall-pubbliku inġenerali, sal-istess punt u taħt l-istess kondizzjonijiet bħalma dawn l-oġġetti jkunu disponibbli għall-awtoritajiet investigattivi u ta’ prosekuzzjoni tiegħu.
Artikolu 22
Notifika ta’ dokumenti u l-informar ta’ persuna dwar stedina
1. L-Istat rikjest għandu jinnotifika d-dokumenti, inkluż in-notifika ta’ taħrika jew dokumenti oħrajn li jirrikjedu d-dehra ta’ persuna quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti, lil persuni fl-Istat rikjest. L-Istat rikjest għandu jinforma lil persuna f’dak l-Istat dwar stedina biex tidher quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti.
2. Fejn talba tirrigwarda n-notifika ta’ dokument li teħtieġ li persuna tidher quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti, it-talba għandha tintbagħat lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat rikjest mhux anqas minn ħamsin (50) jum qabel id-data skedata biex hija tidher. F’każijiet urġenti, l-Istat rikjest jista’ jneħħi dan ir-rekwiżit.
3. Fejn l-Istat rikjedenti jkun jaf li l-indirizzat ma jifhimx il-lingwa li biha d-dokumenti, innotifikati jew mibgħuta skont il-paragrafu 1, ikunu tfasslu jew ġew tradotti, l-Istat rikjedenti għandu jagħmel ħiltu biex jittraduċi d-dokumenti, jew għandu, tal-inqas, jittraduċi xi siltiet importanti minnhom, inkluż fil-lingwa li tinftiehem mill-indirizzat.
4. Id-dokumenti nnotifikati skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-indirizzat jista’ jikseb informazzjoni mill-awtorità kompetenti li permezz tagħha jkun inħareġ id-dokument jew minn awtoritajiet oħrajn tal-Istat rikjedenti rigward id-drittijiet u l-obbligi essenzjali tiegħu fir-rigward tad-dokumenti, jekk ikun hemm.
5. Waqt li jinforma dwar ir-riżultat tan-notifika tad-dokumenti skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 10, l-Istat rikjest għandu jagħti provi tan-notifika permezz ta’ riċevuta datata u ffirmata mill-persuna li tkun saritilha n-notifika jew permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula mill-Istat rikjest li n-notifika tkun saret, kif ukoll dwar id-data, il-post u l-mod tan-notifika. L-Istat rikjest għandu, fuq talba mill-Istat rikjedenti, jinforma minnufih lill-Istat rikjedenti, fejn hu possibbli, bit-tweġiba tal-persuna li hija mistiedna jew meħtieġa tidher quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti skont il-paragrafu 1.
6. Persuna li tkun ġiet mistiedna jew meħtieġa tidher quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti skont il-paragrafu 1, iżda ma tidhirx quddiem dik l-awtorità m’għandhiex, għal din ir-raġuni, tkun suġġetta għall-ebda piena jew tkun suġġetta għall-ebda miżura ta’ koerċizzjoni fl-Istat rikjedenti, minkejja kwalunkwe dikjarazzjoni għall-kuntrarju fit-talba jew f’dokumenti notifikati jew mibgħuta.
Artikolu 23
Immunità
1. Persuna li hija mistiedna jew meħtieġa tidher quddiem awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 22 m’għandhiex:
(a) |
tkun suġġetta għal detenzjoni jew kwalunkwe restrizzjoni tal-libertà personali f’dak l-Istat minħabba kwalunkwe imġiba jew kundanna li tippreċedi t-tluq tal-persuna mill-Istat rikjest; jew |
(b) |
tiġi obbligata tixhed jew tassisti fi kwalunkwe investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju, minbarra l-proċediment speċifikat fit-talba. |
2. Jekk l-immunità prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tiġi pprovduta, l-Istat rikjedenti għandu jispeċifika dan fit-talba jew id-dokumenti nnotifikati sabiex il-persuna tiġi infurmata b’dan u tkun tista’ tieħu deċiżjoni jekk hijiex ser tidher quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjedenti.
3. L-immunità prevista fil-paragrafu 1 għandha tieqaf meta:
(a) |
il-persuna, filwaqt li kellha opportunità li titlaq għal perijodu ta’ ħmistax-il jum (15) konsekuttiv mid-data meta l-preżenza tagħha ma kenitx għada meħtieġa mill-awtorità kompetenti jew mill-jum minn meta hija naqset li tidher quddiem dik l-awtorità fid-data skedata biex hija tidher, tkun madankollu baqgħet volontarjament fl-Istat rikjedenti; jew |
(b) |
il-persuna, filwaqt li tkun telqet mill-Istat rikjedenti, terġa’ lura hemm volontarjament. |
4. Meta l-Istat rikjedenti jkun jaf li l-immunità prevista fil-paragrafu 1 spiċċat skont il-paragrafi 3(a) u 3(b), l-Istat rikjedenti għandu jinforma lill-Istat rikjest b’dan mingħajr dewmien, jekk tali informazzjoni hija mitluba mill-Istat rikjest u meqjusa meħtieġa mill-Istat rikjedenti.
Artikolu 24
Trasferiment temporanju ta’ persuni fil-kustodja
1. Persuna fil-kustodja tal-Istat rikjest li l-preżenza tagħha fl-Istat rikjedenti hi meħtieġa biex tagħti xhieda jew għal raġunijiet oħra ta’ provi għandha tiġi trasferita temporanjament lejn l-Istat rikjedenti għal dawk il-finijiet jekk il-persuna tagħti l-kunsens tagħha u jekk l-Istat rikjedenti u l-Istat rikjest jaqblu, meta dan ikun permess skont il-liġijiet tal-Istat rikjest.
2. L-Istat rikjedenti għandu jżomm lill-persuna trasferita skont il-paragrafu 1 fil-kustodja tal-Istat rikjedenti, sakemm l-Istat rikjest ma jippermettix li jsir mod ieħor.
3. L-Istat rikjedenti għandu minnufih jreġġa’ lura lejn l-Istat rikjest lill-persuna trasferita, kif ikun sar qbil minn qabel, jew kif ikun sar qbil mod ieħor bejn l-Istat rikjedenti u dak rikjest.
4. Il-persuna ttrasferita għandha tirċievi krettu talli tkun skontat sentenza skontata fl-Istat rikjest għaż-żmien li tkun qattgħet fil-kustodja tal-Istat rikjedenti.
5. Il-persuna ttrasferita lill-Istat rikjedenti skont dan l-Artikolu għandha tgawdi mill-immunità prevista fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 23 fl-Istat rikjedenti sakemm terġa’ lura għall-Istat rikjest, sakemm il-persuna ma tagħtix kunsens li tagħti xhieda jew tassisti fi kwalunkwe investigazzjoni, prosekuzzjoni jew kwalunkwe proċediment ieħor, inkluż proċediment ġudizzjarju, minbarra l-proċediment speċifikat fit-talba u l-Istat rikjedenti u dak rikjest ma jaqblux mod ieħor.
6. Persuna li ma tagħtix il-kunsens tagħha għat-trasferiment skont dan l-Artikolu m’għandha tkun suġġetta għall-ebda piena jew tkun suġġetta għall-ebda miżura ta’ koerċizzjoni fl-Istat rikjedenti, għal din ir-raġuni, minkejja kwalunkwe dikjarazzjoni għall-kuntrarju fit-talba.
Artikolu 25
Iffriżar jew qbid u konfiska ta’ rikavati jew mezzi strumentali
1. L-Istat rikjest għandu jassisti, safejn ikun permess mil-liġijiet tiegħu, fi proċedimenti relatati mal-iffriżar jew il-qbid u l-konfiska tar-rikavati jew il-mezzi strumentali.
2. It-talba għall-konfiska deskritta fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ qorti jew ta’ awtorità ġudizzjarja oħra li timponi l-konfiska.
3. L-Istat rikjest li jkollu l-kustodja tar-rikavati jew il-mezzi strumentali jista’ jittrasferixxi dawn ir-rikavati jew l-mezzi strumentali, bis-sħiħ jew parzjalment, lill-Istat rikjedenti, sal-punt permess mil-liġijiet tal-Istat rikjest u taħt dawk il-kondizzjonijiet li hu jqis li huma adatti.
4. Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, id-drittijiet leġittimi u l-interessi ta’ partijiet terzi f’bona fide għandhom ikunu rrispettati skont il-liġijiet tal-Istat rikjest.
Artikolu 26
Skambju spontanju ta’ informazzjoni
1. Mingħajr ma ssir talba minn qabel, l-Istati Membri u l-Ġappun jistgħu jipprovdu informazzjoni rigward materji kriminali lil xulxin safejn dan ikun permess mil-liġijiet tal-Istat li jipprovdiha.
2. L-Istat li jipprovdiha jista’ jimponi kondizzjonijiet fuq l-użu ta’ din l-informazzjoni mill-Istat li jirċeviha. F’dan il-każ, l-Istat li jipprovdiha għandu javża minn qabel lill-Istat li jirċeviha dwar in-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u tal-kondizzjonijiet li għandhom jiġu imposti. L-Istat li jirċeviha għandu jintrabat b’dawk il-kondizzjonijiet jekk jaqbel magħhom.
Artikolu 27
Relazzjoni ma’ strumenti oħrajn
1. L-ebda parti minn dan il-Ftehim m’għandha timpedixxi lil kwalunkwe Stat li jitlob assistenza jew jipprovdi assistenza konformement ma’ ftehimiet internazzjonali applikabbli oħrajn, jew skont il-liġijiet tiegħu li jistgħu japplikaw.
2. L-ebda parti minn dan il-Ftehim m’għandha timpedixxi lil Stat Membru u l-Ġappun li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali li jikkonfermaw, jissupplimentaw, jestendu jew jamplifikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu.
Artikolu 28
Konsultazzjonijiet
1. L-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri u l-Ġappun għandhom, fejn meħtieġ, jikkonsultaw ma’ xulxin għall-fini tar-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe diffikultà fir-rigward tal-esekuzzjoni ta’ talba, u jiffaċilitaw l-assistenza rapida u effettiva taħt dan il-Ftehim, u jistgħu jiddeċiedu dwar dawk il-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għal dan il-fini.
2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fejn meħtieġ, jikkonsultaw dwar kwalunkwe materja li tista’ toħroġ mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 29
Applikazzjoni territorjali
1. Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Ġappun u, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, għal dawn li ġejjin:
(a) |
it-territorji tal-Istati Membri; u |
(b) |
it-territorji li fir-rigward tagħhom Stat Membru jkollu r-responsabbiltà għar-relazzjonijiet esterni, jew il-pajjiżi li mhumiex Stati Membri li fir-rigward tagħhom Stat Membru jkollu dmirijiet oħra rigward ir-relazzjonijiet esterni, meta jkun hemm ftehim dwar dan bi skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet Kontraenti, debitament ikkonferrmati mill-Istat Membru rilevanti. |
2. L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għal kwalunkwe territorju jew pajjiż li fir-rigward tiegħu tkun saret estensjoni konformement mal-paragrafu 1(b) tista’ tintemm minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti li tagħti avviż bil-miktub sitt xhur qabel lill-Parti Kontraenti l-oħra permezz ta’ mezz diplomatiku, fejn dan ikun debitament ikkonferrmat mill-Istat Membru rilevanti u l-Ġappun.
Artikolu 30
Status tal-annessi
L-annessi ma’ dan il-Ftehim jifformaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim. L-Annessi I, II u III jistgħu jiġu mmodifikati b’kunsens reċiproku bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti mingħajr ma jiġi emendat dan il-Ftehim.
Artikolu 31
Dħul fis-seħħ u tmiem
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha l-Partijiet Kontraenti jiskambjaw in-noti diplomatiċi li jinformaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom neċessarji biex ikollu effett dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim għandu japplika għal kwalunkwe talba għall-assistenza ppreżentata fid-data meta l-Ftehim jidħol fis-seħħ jew warajha, kemm jekk l-atti rilevanti għat-talba jkunu twettqu qabel id-data, fid-data jew warajha.
3. Kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien permezz ta’ avviż bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra, u dan it-tmiem għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data ta’ dan l-avviż.
B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan il-Ftehim.
MAGĦMUL duplikatament, bil-lingwa Ingliża u b’dik Ġappuniża, biż-żewġ testijiet ugwalment awtentiċi, u ffirmat fi Brussell fit-tlettax ta’ Novembru 2009, u f’Tokyo fil-ħmistax ta’ Diċembru 2009. Dan il-Ftehim għandu jitfassal ukoll fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża u l-Partijiet Kontraenti għandhom jawtentikaw dawk il-verżjonijiet lingwistiċi permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Ġappun
ANNESS I
L-AWTORITAJIET ĊENTRALI
L-Awtoritajiet Ċentrali tal-Partijiet Kontraenti huma l-awtoritajiet li ġejjin:
|
ir-Renju tal-Belġju: id-Dipartiment tas-Servizzi Federali Pubbliku għalll-Ġustizzja u l-Kooperazzjoni Kriminali Interjnazzjonali. |
|
ir-Repubblika tal-Bulgarija: il-Ministeru tal-Ġustizzja. |
|
ir-Repubblika Ċeka:
|
|
ir-Renju tad-Danimarka: il-Ministeru tal-Ġustizzja. |
|
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja: l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja. |
|
ir-Repubblika tal-Estonja: il-Ministeru tal-Ġustizzja. |
|
l-Irlanda: il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u r-Riforma Leġislattiva jew persuna maħtura mill-Ministru. |
|
ir-Repubblika Ellenika: il-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
ir-Renju ta’ Spanja: il-Ministeru tal-Ġustizzja, is-Sotto-Direttorat Ġenerali għall-kooperazzjoni legali internazzjonali. |
|
ir-Repubblika ta’ Franza: il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju għall-Assistenza Reċiproka f’Affarijiet Kriminali, id-Direttorat għall-Affarijiet Kriminali u l-Maħfriet. |
|
ir-Repubblika Taljana: il-Ministru tal-Ġustizzja, Dipartiment tal-Affarijiet Ġudizzjarji - id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Kriminali. |
|
ir-Repubblika ta’ Ċipru: il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku. |
|
ir-Repubblika tal-Latvja:
|
|
ir-Repubblika tal-Litwanja:
|
|
il-Gran Dukat tal-Lussemburgu: il-Prosekutur Ġenerali. |
|
ir-Repubblika tal-Ungerija:
|
|
ir-Repubblika ta’ Malta: l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali |
|
ir-Renju tal-Olanda: |
|
ir-Repubblika tal-Awstrija: il-Ministeru tal-Ġustizzja. |
|
ir-Repubblika tal-Polonja:
|
|
ir-Repubblika tal-Portugall: l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. |
|
Ir-Rumanija: il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni, id-Direttorat għal-Liġi Internazzjonali u t-Trattati, it-Taqsima għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali fi Kwistjonijiet Kriminali. |
|
ir-Repubblika tas-Slovenja: il-Ministeru tal-Ġustizzja, id-Direttorat għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-assistenza legali internazzjonali. |
|
ir-Repubblika Slovakka:
|
|
ir-Repubblika tal-Finlandja: il-Ministeru tal-Ġustizzja. |
|
ir-Renju tal-Isvezja: il-Ministeru tal-Ġustizzja. |
|
ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq: il-Home Office (l-Awtorità Ċentrali tar-Renju Unit), id-Dwana u s-Sisa tal-Majestà Tagħha, l-Uffiċċju tal-Kuruna. |
|
Il-Ġappun: il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni Nazzjonali għas-Sigurtà Pubblika jew persuni magħżula minnhom. |
ANNESS II
Fir-rigward tal-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, l-awtoritajiet li huma kompetenti skont il-liġijiet tal-Istati biex joħorġu talbiet għal assistenza skont dan il-Ftehim huma stabbiliti hawn taħt:
|
ir-Renju tal-Belġju: l-awtoritajiet ġudizzjarji: għandhom jinftehmu bħala membri tal-ġudikatura responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġi, il-maġistrati li jmexxu investigazzjoni u l-membri tad-Dipartiment tal-Prosekuzzjoni Pubblika. |
|
ir-Repubblika tal-Bulgarija: l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija għal każijiet ta’ qabel il-proċess tal-proċedimenti kriminali u l-qrati tar-Repubblika tal-Bulgarija għal każijiet pendenti fil-fażi tal-proċess tal-proċedimenti kriminali. |
|
ir-Repubblika Ċeka: il-prosekuturi pubbliċi u l-qrati tar-Repubblika Ċeka. |
|
ir-Renju tad-Danimarka:
|
|
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:
|
|
ir-Repubblika tal-Estonja: l-imħallfin u l-prosekuturi. |
|
l-Irlanda: id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi. |
|
ir-Repubblika Ellenika: l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti tal-Appelli. |
|
ir-Renju ta’ Spanja: il-maġistrati u mħallfin tal-Qorti Kriminali, u prosekuturi pubbliċi. |
|
ir-Repubblika Franċiża:
|
|
ir-Repubblika Taljana:
|
|
ir-Repubblika ta’ Ċipru:
|
|
ir-Repubblika tal-Latvja: l-investigaturi, il-prosekuturi u l-imħallfin. |
|
ir-Repubblika tal-Litwanja: l-imħallfin u l-prosekuturi. |
|
il-Gran Dukat tal-Lussemburgu: l-awtoritajiet ġudizzjarji: għandhom jinftehmu bħala membri tal-ġudikatura responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġi, il-maġistrati li jmexxu investigazzjoni u l-membri tad-Dipartiment tal-Prosekuzzjoni Pubblika. |
|
ir-Repubblika tal-Ungerija: l-uffiċċji tal-prosekutur u l-qrati. |
|
ir-Repubblika ta’ Malta:
|
|
ir-Renju tal-Olanda: membri tal-ġudikatura responsabbli għall-amministrazzjoni tal-liġi, il-maġistrati li jmexxu investigazzjoni u l-membri tad-Dipartiment tal-Prosekuzzjoni Pubblika. |
|
ir-Repubblika tal-Awstrija: il-qrati u l-prosekuturi |
|
ir-Repubblika tal-Polonja: l-uffiċċji tal-prosekutur u l-qrati. |
|
ir-Repubblika tal-Portugall: is-servizzi ta’ prosekuzzjoni fil-fażi investigattiva, l-imħallfin li jkunu qegħdin jagħmlu investigazzjoni u l-imħallfin tal-proċess. |
|
ir-Rumanija: il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekutur tal-Qrati. |
|
ir-Repubblika tas-Slovenja:
|
|
ir-Repubblika Slovakka: l-imħallfin u l-prosekuturi. |
|
ir-Repubblika tal-Finlandja:
|
|
ir-Renju tal-Isvezja: il-qrati u l-prosekuturi. |
|
ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq: il-qrati u l-prosekuturi. |
|
il-Ġappun:
|
ANNESS III
Fir-rigward tal-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim, l-Istati Membri u l-Ġappun jaċċettaw il-lingwi li ġejjin:
|
ir-Renju tal-Belġju: Olandiż, Franċiż u Ġermaniż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika tal-Bulgarija: Bulgaru fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika Ċeka: Ċek fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Renju tad-Danimarka: Daniż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja: Ġermaniż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika tal-Estonja: Estonjan u Ingliż fil-każijiet kollha; |
|
l-Irlanda: Ingliż u Irlandiż fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika Ellenika: Grieg fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Renju ta’ Spanja: Spanjol fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika Franċiża: Franċiż fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika Taljana: Taljan fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika ta’ Ċipru: Grieg u Ingliż fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika tal-Latvja: Latvjan fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika tal-Litwanja: Litwan fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
il-Gran Dukat tal-Lussemburgu: Franċiż u Ġermaniż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika tal-Ungerija: Ungeriż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika ta’ Malta: Malti fil-każijiet kollha; |
|
ir-Renju tal-Olanda: Olandiż fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika tal-Awstrija: Ġermaniż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Repubblika tal-Polonja: Pollakk fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika tal-Portugall: Portugiż fil-każijiet kollha u Ingliż jew Franċiż fil-każijiet urġenti; |
|
ir-Rumanija: Rumen, Ingliż jew Franċiż fil-każijiet kollha. Fir-rigward ta’ dokumenti itwal, ir-Rumanija żżomm id-dritt, fi kwalunkwe każ speċifiku, li titlob traduzzjoni bir-Rumen jew li titlob li din issir fuq spiża tal-Istat rikjedenti; |
|
ir-Repubblika tas-Slovenja: Sloven u Ingliż fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika Slovakka: Slovakk fil-każijiet kollha; |
|
ir-Repubblika tal-Finlandja: Finlandiż, Svediż u Ingliż fil-każijiet kollha; |
|
ir-Renju tal-Isvezja: Svediż, Daniż jew Norverġiż fil-każijiet kollha, dment li l-awtorità li titratta l-applikazzjoni ma tippermettix mod ieħor f’każ individwali; |
|
ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq: Ingliż fil-każijiet kollha; |
|
Il-Ġappun: Ġappuniż fil-każijiet kollha u Ingliż fil-każijiet urġenti. |
ANNESS IV
Fir-rigward tal-paragrafu 1(b) tal-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim, ir-referenza “Stat Membru wieħed” f’dan il-paragrafu hija għar-Repubblika tal-Portugall.
Fir-rigward tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim, ir-referenza “żewġ Stati Membri” f’dan il-paragrafu hija għar-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tal-Ungerija.