Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010A0602(04)

    Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tal-Polonja, 2009-2012

    ĠU C 143, 2.6.2010, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    2.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 143/17


    OPINJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tal-Polonja, 2009-2012

    2010/C 143/04

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

    Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    TA DIN L-OPINJONI:

    (1)

    Fis-26 ta’ April 2010 l-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza aġġornat tal-Polonja, li jkopri l-perijodu mill-2009 sal-2012.

    (2)

    Bil-PDG reali stmat li żdied b'1,7 %, il-Polonja kienet l-unika pajjiż tal-UE li rreġistrat tkabbir pożittiv fl-2009. Din il-prestazzjoni tirrifletti ġabra ta' fatturi favorevoli li jinkludu pedamenti sodi fil-bidu tal-kriżi, settur finanzjarju sod u kapitalizzat tajjeb, grad relattivament baxx ta' ftuħ tal-ekonomija, waqgħa konsiderevoli tal-munita Pollakka fi stadju bikri tal-kriżi, kif ukoll politiki akkomodattivi monetarji, u fiskali f'waqthom.

    Waqt li xi fatturi li appoġġaw it-tkabbir huma ta' natura temporanja – il-marġini għal politika fiskali ta' appoġġ fil-biċċa l-kbira għebet u r-rata tal-kambju issa qiegħda togħla – il-viżjoni ekonomika Pollakka tjiebet b'mod sinifikanti fl-aħħar xhur. L-isfidi ewlenin għas-snin li ġejjin ser ikunu li l-finanzi tal-gvern jinġabu lura għal pożizzjoni sostenibbli u li jiġi żgurat proċess kontinwu ta' rkupru mingħajr kompromessi fuq l-istabbiltà fiskali u makroekonomika. Il-Polonja ma użatx iż-żmien ekonomikament tajjeb (2006-2008) biex tikkonsolida l-finanzi pubbliċi tagħha, u l-iżbilanċ strutturali tal-gvern (jiġifieri l-bilanċ nett aġġustat ċiklikament minn miżuri ta' darba, u oħrajn temporanji kkalulati f'konformità mal-metodu bi qbil komuni abbażi tad-data fil-programm aġġornat) huwa stmat li laħaq 7 % tal-PDG fl-2009. Abbażi tan-notifikazzjoni tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv (EDP) ta' April 2009 mill-awtoritajiet Pollakki ta' żbilanċ tal-gvern ta' 3,9 % tal-PDG għall-2008, fis-7 ta' Lulju 2009 il-Kunsill iddeċieda li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv u rrakkomanda li jiġi kkoreġut sal-2012.

    (3)

    Għalkemm il-biċċa kbira mit-tnaqqis osservat fil-PDG attwali fil-kuntest tal-kriżi huwa ċikliku, il-livell tal-potenzjal ukoll ġie affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista' taffettwa wkoll it-tkabbir potenzjali fil-perijodu medju permezz ta' investiment aktar baxx, restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' kreditu u żieda fil-qgħad strutturali, għalkemm l-effetti għandhom ikunu anqas severi fil-Polonja minħabba l-iskala iżgħar tad-distruzzjoni tal-kapital u s-suq flessibbli tax-xogħol tagħha. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika jaggrava l-effetti negattivi tat-tixjiħ demografiku fuq il-produzzjoni potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F’dan il-kuntest ser ikun essenzjali li jitħaffef il-pass tar-riformi strutturali bil-għan li jiġi sostnut it-tkabbir potenzjali. B'mod partikulari, minħabba r-rata baxxa tal-impjieg tal-Polonja u l-ħtieġa għal riformi b'appoġġ għal proċess li għaddej ta' rkupru, ser ikun importanti li jittieħdu miżuri ulterjuri li jrawmu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, itejbu l-ambjent kummerċjali, u jistimolaw l-infiq fir-Riċerka u l-Iżvilupp.

    (4)

    Ix-xenarju makroekonomiku ta' bażi li fuqu huma bbażati l-previżjonijiet baġitarji fil-programm jipprevedi li t-tkabbir reali fil-PDG ser jiżdied minn 1,7 % fl-2009 għal 3 % fl-2010, 4,5 % fl-2011 u 4,2 % fl-2012. Meta vvalutata mal-informazzjoni attwalment disponibbli (2), l-assunzjoni għal tkabbir reali tal-PDG tidher kemxejn favorevoli u l-assunzjonijiet għall-2011 u l-2012 jidhru favorevoli. Il-programm jippreżenta alternattiva, “xenarju ta' riskju” bi tkabbir reali tal-PDG aktar baxx ta' 2,7 % fl-2010, 3,7 % fl-2011 u 3,5 % fl-2012, li aktar jidher plawsibbli. Meta jittieħed kont tal-informazzjoni reċenti, il-previżjoni fil-programm ta' rkupru gradwali fl-impjieg matul il-perijodu 2010-1012 jidher plawsibbli, speċjalment billi l-aġġustament pront tal-pagi reali jidher li qed ipatti għall-effetti ta' tnaqqis fl-impjiegi. Il-previżjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni, li juru tnaqqis ta' madwar 2 % fl-2010 flimkien ma' valur ta' munita li qed jogħla u pressjoni kkontrollata ta' pagi b'segwitu ta' rkupru moderat li jkompli f'konformità ma' sitwazzjoni ekonomika li qed titjieb, huma realistiċi.

    (5)

    Fil-programm l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fl-2009 huwa ta' 7,2 % tal-PDG. Id-deterjorazzjoni sinifikanti minn żbilanċ ta' 3,6 % tal-PDG fl-2008 tirrifletti b'mod ġenerali l-impatt tal-kriżi fuq il-finanzi tal-gvern, iżda kienet riżultat ukoll ta' miżuri ta' stimolu li jammontaw għal madwar 2 % tal-PDG li l-gvern implimenta fl-2009 f'konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (PERE). Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul personali (deċiż fl-2007), żieda f'investiment pubbliku u indiċizzazzjoni ta' trasferimenti soċjali kienu l-elementi ewlenin tal-stimolu. Min-naħa l-oħra, l-iżbilanċ imġarrab fl-2009 kien ikun ħafna agħar kieku ma ġewx implimentati miżuri għal tnaqqis stmati għal madwar 1,5 punti perċentwali (tnaqqis fl-infiq amministrattiv u żieda fid-dividend minn intrapriżi tal-istat). Minkejja dawn il-miżuri, il-bilanċ strutturali iddeterjora b'aktar minn 2 punti perċentwali tal-PDG fl-2009, li jirrifletti wkoll infiq żejjed f'xi setturi sekondarji (3) tal-gvern ġenerali u kompożizzjoni ta' tkabbir xejn favorevoli.

    Minkejja l-livell għoli milħuq mill-iżbilanċ strutturali u l-irkupru qawwi previst fl-attività ekonomika, il-programm ibassar strateġija ta' ħruġ gradwali, b'konsolidazzjoni fiskali moderata ppjanata fl-2010-2011.

    (6)

    Il-programm jipprevedi tnaqqis żgħir fl-iżbilanċ tal-gvern għal 6,9 % tal-PDG fl-2010. Dan għandu jintlaħaq permezz ta' żieda kbira fil-proporzjon tad-dħul (ta' 2,2 punti perċentwali) li għandha tpatti sew għal żieda għolja fil-proporzjon tal-infiq (ta' 1,9 punti perċentwali), prinċipalment minħabba żieda fl-infiq kapitali (parzjalment iffinanzjata mill-fondi tal-UE). Il-miżuri ta' konsolidazzjoni ewlenin huma żieda f'xi dazji tas-sisa u kważisisa (madwar 0,2 % tal-PDG) u tnaqqis fiż-żieda fil-pagi u fis-salarji fil-baġit ċentrali (0,3 % tal-PDG) li flimkien jammontaw għal 0,5 % tal-PDG. It-titjib fil-bilanċ strutturali huwa stmat għal 0,8 punti perċentwali tal-PDG, u għandu jirrifletti wkoll kompożizzjoni favorevoli ta' tkabbir li twassal għal elastiċità tat-taxxa ogħla min-normal. L-isforz fiskali implikat mill-pjanijiet attwali huwa iżgħar mill-medja annwali rrakkomandata mill-Kunsill f'Lulju 2009 għall-perijodu 2010-2012 (talanqas 1,25 % tal-PDG).

    (7)

    L-għan ewlieni tal-istrateġija baġitarja tal-programm għall-perijodu medju huwa li jitnaqqas l-iżbilanċ għal anqas mill-valur ta' referenza tal-iżbilanċ ta' 3 % tal-PDG sal-2012, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) TKE. Madankollu, l-aġġustament ippjanat huwa kkunsidrat bħala deferit għal iktar tard: huwa previst li l-bilanċ prinċipali ser jitjieb b'0,3 punti perċentwali tal-PDG fl-2010, b'1 punt perċentwali tal-PDG fl-2011 u bi 3 punti perċentwali tal-PDG fl-2012. Il-bilanċ strutturali għandu jitjieb b'0,8-0,9 punti perċentwali tal-PDG kull sena fl-2010-2011, u bi 3 punti perċentwali tal-PDG fl-2012. Biex jikkumpensa għal pożizzjoni tal-bidu tal-iżbilanċ prinċipali fl-2009 li kien agħar minn dak previst fil-waqt tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-isforz strutturali annwali medju għall-perijodu 2010-2012 jkun madwar 1,5 perċentwal tal-PDG, kemxejn ogħla minn dak irrakkomandat fir-rakkomandazzjoni mill-Kunsill taħt il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. Il-konsolidazzjoni fis-snin 2011-2012 hija primarjament ibbażata fuq l-infiq iżda ma għandhiex appoġġ suffiċjenti minn miżuri konkreti L-impatt totali nett tal-miżuri mħabbra, jiġifieri dawk inklużi fil-“Pjan għall-Iżvilupp u l-Konsolidazzjoni tal-Finanzi” tad-29 ta' Jannar 2010, li għalih jirreferi sikwit il-programm ta' konverġenza, ma jaqbiżx in 0,5 % tal-PDG matul il-perijodu 2011-2012 (4). Il-programm jikkonferma l-impenn għall-objettiv għall-perijodu medju (MTO) ta' bilanċ tal-gvern ta' –1 % tal-PDG f'termini strutturali. Fid-dawl tal-previżjonijiet l-iktar reċenti u l-livell tad-dejn, l-MTO jirrifletti tajjeb ferm l-objettivi tal-Pattt. Madankollu, il-programm ma jipprevedix li dan jinkiseb fil-perijodu tal-programm.

    (8)

    Ir-riżultati baġitarji jistgħu jkunu agħar minn dawk previsti fil-programm tul il-perijodu kollu tal-programm. L-ewwel nett, it-tkabbir reali tal-PDG jista' jkun anqas favorevoli minn dak previst, li jiġi jfisser dħul mit-taxxa aktar baxx minn dak mistenni. Skont il-programm, jekk isseħħ l-alternattiva, xenarju aktar kawtel u plawsibbli, l-iżbilanċ fl-2012 ikun qrib il-5 % tal-PDG, u l-iżbilanċ eċċessiv ma għandux jiġi kkoreġut fid-data tal-iskadenza stipulata mill-Kunsill. It-tieni nett, il-miri fiskali għall-2011 u l-2012 ma għandhomx appoġġ minn miżuri konkreti. Il-kalendarju elettorali mimli għas-sentejn li ġejjin (elezzjonijiet presidenzjali u lokali fil-ħarifa tal-2010, l-elezzjonijiet parlamentari fil-ħarifa tal-2011), iqajmu mistoqsijiet dwar meta dawn il-miżuri ser jiġu speċifikati u implimentati. It-tielet, il-Polonja għandha storja mħallta dwar il-kisba tal-miri tal-infiqa tal-gvern ġenerali speċifikati fl-aġġornamenti sussegwenti tal-Programmi ta' Konverġenza, u l-inizjattivi ġodda biex isaħħu l-qafas fiskali jistgħu ma jkunux suffiċjenti biex ibiddlu dan ir-ritmu matul iż-żmien kopert mil-programm. Ir-regola tal-infiq “temporanja” ġdida li għandha tiġi implimentata sakemm tiġi introdotta r-regola tal-infiq “fil-mira”, tkopri parti żgħira ħafna mill-infiq tal-gvern (anqas minn 15 %) u għandha tirriżulta f'aġġustament annwali żgħir, anke jekk tiġi implimentata kompletament (anqas minn 0,2 % tal-PDG kull sena fl-2011-2012) (5). B'mod ġenerali, ir-riżultati baġitarji jistgħu jkunu agħar minn dawk previsti fil-programm.

    (9)

    Id-dejn gross tal-gvern huwa stmat li laħaq 50,7 % tal-PDG fl-2009, 'il fuq minn 47,2 % fl-2008. Dan il-proporzjon huwa previst li jiżdied b'5 punti perċentwali matul il-perijodu tal-programm, u jilħaq il-livell ta' madwar 56 % tal-PDG fl-2012 iżda jibqa' taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat, xprunat prinċipalment minn żbilanċi għoljin tal-gvern. Huwa previst dħul importanti minn privatizzazzjoni ppjanata għall-2010 li ser trażżan iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn. Madankollu, fid-dawl ta' kondizzjonijiet tas-suq li għadhom batuti u prestazzjoni aktar baxxa minn dik prevista fil-pjanijiet tal-privatizzazzjoni tal-passat, id-dħul jista' jkun anqas milli mistenni. Taħt xenarju makroekonomiku differenti u politiki mhux mibdula, is-servizzi tal-Kummissjoni pprevedew fil-previżjoni tagħhom tal-Ħarifa 2009, proporzjon ta' dejn li jikser il-limitu massimu ta' 60 % tal-PDG fl-2011. Waqt li fid-dawl ta' data reċenti din il-previżjoni tidher aktarx għolja, il-proporzjon ta' dejn fis-snin li ġejjin jista' jkun ogħla minn dak previst fil-programm.

    (10)

    Il-previżjonijiet tad-dejn għall-perijodu medju sal-2020, li jassumu li r-rati tat-tkabbir tal-PDG ser jirkupraw gradwalment għall-valuri previsti qabel il-kriżi, li l-proporzjonijiet tat-taxxa ser jerġgħu lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi u li jinkludu żieda prevista fl-infiq relatat mat-tixjiħ juru li l-iżvilupp baġitarju previst fil-programm, meqjus b'valur nominali u b'ebda bidla fil-politika, huwa aktar milli biżżejjed biex jistabbilizza l-proporzjon tad-dejn sal-2020. Il-programm jirreferi għal riformi li jappoġġaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul (ġew inklużi l-professjonijiet bl-uniformi fil-pensjonijiet ġenerali riformati, l-età tal-irtirar, il-fond tas-sigurtà soċjali tal-bdiewa, u t-tnaqqis fil-benefiċji tad-diżabbiltà). Dawn il-miżuri waqt li huma importanti ħafna għall-bilanċ tal-gvern u għall-iżvilupp fis-suq tax-xogħol fit-tul, huma intenzjonati biex jiġu implimentati gradwalment, u għalhekk, ma għandux ikollhom effetti sinifikanti fuq il-bilanċ tal-gvern fil-perijodu tal-programm.

    (11)

    L-impatt baġitarju tat-tixjiħ għall-perijodu fit-tul huwa sinifikament aktar baxx mill-medja tal-UE, li jirrifletti t-tnaqqis ippjanat fl-infiq pubbliku fuq il-pensjonijiet. Madankollu, il-qagħda baġitarja fl-2009 tikkawża lakuna ċara fis-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul. L-iżgurar ta’ bilanċi pożittivi primarji għola fil-perijodu medju, kif diġà previst fil-programm, għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li ġew ivvalutati bħala medji fir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-Kummissjoni għall-2009 (6).

    (12)

    Hemm lok ta' titjib fil-qafas fiskali tal-Polonja. Il-Polonja għandha tip wieħed ta' regola fiskali, ibbażata fuq tliet limiti massimi ta' dejn (50 %, 55 % u 60 % tal-PDG, l-aħħar wieħed inkorporat fil-Kostituzzjoni), li meta jinkiser iwassal għal miżuri fiskali ta' konsolidazzjoni dejjem akbar. F'dak li jirrigwarda l-infiq, il-qafas istituzzjonali ma jiżgurax kontroll suffiċjenti tal-infiq u jirriżulta f'nuqqasijiet rikorrenti fl-infiq. L-awtoritajiet ħadu azzjoni biex itejbu l-qafas fiskali fl-2009. Huma għamlu r-regola eżistenti tad-dejn iktar restrittiva, bl-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi addizzjonali fuq it-tip ta' miżuri li jridu jiġu implimentati ladarba d-dejn pubbliku jaqbeż il-55 % tal-PDG (definizzjoni nazzjonali, mhux-ESA95). Il-perijodu tal-ippjanar fiskali għall-baġit ċentrali tal-istat ġie estiż minn 3 għal 4 snin. Saret xi riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni ġenerali bl-għan li tiżdied it-trasparenza tal-kontijiet pubbliċi. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet qed jippjanaw it-tisħiħ tal-qafas fiskali, li jinkludu regoli dwar l-infiq “temporanju” u “fil-mira”. Madankollu r-regola dwar it-“temporanju” tkopri biss il-parti mhix obbligatorja tal-baġit ċentrali tal-istat (li teskludi l-investiment pubbliku), li attwalment huwa anqas minn 15 % tal-infiq tal-gvern ġenerali. Waqt li dawn l-azzjonijiet ser jiffaċilitaw l-isforzi ta' konsolidazzjoni futuri, mhumiex sostituti għal miżuri meħtieġa biex tkun appoġġata t-triq ta' konsolidazzjoni inkluża fil-programm.

    (13)

    Meta wieħed jeżamina l-kompożizzjoni tal-infiq pubbliku, il-Polonja għandha sehem relattivament għoli tal-infiq pubbliku allokat għal protezzjoni soċjali li jirriżulta fi nfiq relattivament baxx f'xi kategoriji li jixprunaw it-tkabbir (innovazzjoni, Riċerka u Żvilupp) u l-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, jidher li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku f'oqsma bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni. Fir-rigward tad-dħul, il-piż tat-taxxa huwa qrib il-medja tal-UE, iżda s-sistema komplessa tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxi għandha tibbenefika jekk tiġi ssimplifikata aktar. Mill-2005, l-awtoritajiet Pollakki fasslu, u implimentaw gradwalment l-ibbaġitjar tal-prestazzjoni, li huwa mistenni li jtejjeb kemm l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq tal-gvern fis-snin li ġejjin. Il-baġit għall-2010 kabbar il-kamp ta' applikazzjoni għall-ibbaġitjar tal-prestazzjoni, peress li huma koperti partijiet addizzjonali tas-settur tal-gvern ġenerali huma koperti u ġew inklużi kategoriji addizzjonali tal-infiq. L-ewwel baġit ċentrali li huwa kopert kompletament mill-ibbaġitjar tal-prestazzjoni huwa mistenni li jiġi implimentat fl-2013.

    (14)

    B'mod ġenerali, l-istrateġija baġitarja għall-2010 stipulata fil-programm hija ġeneralment konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) tat-TKE tas-7 ta' Lulju 2009. Madankollu, b'kont meħud tar-riskji, l-istrateġija baġitarja, mill-2011, ma tidhirx konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. L-isforz strutturali annwali medju ppjanat għall-perijodu 2010-2012 huwa 1½ % tal-PDG, kemxejn ogħla minn dak irrakkomandat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv. Madankollu, il-konsolidazzjoni fiskali hija konsiderevolment deferita għal iktar tard, il-miri tal-iżbilanċ huma bbażati fuq assunzjonijiet ta' tkabbir favorevoli, u t-tfaddil ippjanat fuq l-infiq mhux appoġġat b'miżuri konkreti biżżejjed. Fid-dawl tal-prestazzjoni ekonomika tajba tal-Polonja matul il-kriżi, l-irkupru previst mill-awtoritajiet mill-2010 'l quddiem, l-iżbilanċ strutturali għoli tal-gvern, u l-objettiv tal-awtoritajiet biex jikkoreġu l-iżbilanċ eċċessiv sal-2012, strateġija fiskali ta' konsolidazzjoni bi ħlas bil-quddiem għandha tkun adatta. Fl-2010, il-baġit għandu jiġi implimentat b'mod rigoruż, kull fejn possibbli għandu jkun hemm esekuzzjoni mnaqqsa tal-pjanijiet għall-infiq kurrenti primarju, u d-dħul mhux mistenni jiġi allokat għat-tnaqqis tal-iżbilanċ. Il-miri tal-gvern għall-iżbilanċ fl-2011-2012 għandhom ikunu appoġġati b'miżuri mdaqqsa addizzjonali, li għandhom jiżguraw ukoll marġini adegwat f'każ li x-xenarju makroekonomiku ta' bażi inkluż fil-programm ma jseħħx.

    (15)

    Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ data speċifikati fil-kodiċi tal-imġiba għal programmi ta’ stabbiltà u konverġenza, il-programm jipprovdi d-data meħtieġa kollha u l-parti l-kbira tad-data fakultattiva (7). Il-Kunsill, fir-rakkomandazjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 104(7) TKE tas-7 ta' Lulju 2009, stieden ukoll lill-Polonja biex tirrapporta dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill f'kapitolu separat fl-aġġornamenti tal-programmi ta' konverġenza. Il-Polonja kkonformat parzjalment ma' din ir-rakkomandazzjoni. B'mod partikolari, il-miżuri dettaljati li huma meħtieġa biex inaqqsu l-iżbilanċ 'l isfel mill-valur ta' referenza sal-2012 u r-riformi biex jikkontrollaw l-infiq attwali primarju fis-snin li ġejjin, mhumiex spjegati biżżejjed.

    Fl-aħħar nett, il-konklużjoni hija li waqt li l-Polonja qed tippjana biex tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv tagħha sal-2012 f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, l-aġġustament fiskali huwa konsiderevolment deferit għal iktar tard, il-parti l-kbira tat-tnaqqis tal-iżbilanċ huwa previst li jseħħ fl-2012, u l-miri għall-iżbilanċ fil-programm huma soġġetti għal riskji sinifikanti potenzjalment negattivi, kemm għad-dħul kif ukoll għall-infiq. Bil-ħsieb tal-irkupru previst mill-awtoritajiet mill-2010 u l-iżbilanċ strutturali kbir tal-gvern, tkun adatta strateġija fiskali ta' konsolidazzjoni bi ħlas bil-quddiem. Ir-riskji għall-miri fiskali jirriflettu b'mod favorevoli tkabbir reali fil-PDG, nuqqas ta' miżuri mdaqqsa konkreti b'appoġġ għal miri fiskali mill-2011 'il quddiem, storja ta' nuqqasijiet fl-infiq kurrenti meta mqabbla mal-pjanijiet u l-impatt taċ-ċiklu elettorali. Huma mixtieqa pjanijiet għat-tisħiħ tal-qafas fiskali, b'mod partikulari permezz ta' regoli dwar l-infiq. Fir-rigward tar-regola dwar l-infiq “temporanja”, ikun adatt grad ogħla ta' ambizzjoni, notevolment f'termini tas-sehem tal-finanzi tal-gvern koperti mir-regola.

    Minħabba l-valutazzjoni ta’ hawn fuq u wkoll fid-dawl tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 104(7) TKE tas-7 ta’ Lulju 2009, kif ukoll minħabba l-ħtieġa li tkun żgurata konverġenza sostenibbli, il-Polonja hija mistiedna biex:

    (i)

    timplimenta l-baġit għall-2010 b'mod rigoruż, kull fejn possibbli tnaqqas l-esekuzzjoni tal-pjanijiet għall-infiq kurrenti primarju u talloka dħul mhux mistenni għat-tnaqqis tal-iżbilanċ;

    (ii)

    issaħħaħ l-aġġustament baġitarju ppjanat fl-2011 sabiex tikseb l-isforz fiskali annwali medju ta' 1,25 % tal-PDG f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Artikolu 104(7) u tkun lesta biex tadotta aktar miżuri ta' konsolidazzjoni fl-2011 u l-2012 f'każ li r-riskji relatati mall-fatt li x-xenarju tal-programm ikun aktar favorevoli mix-xenarju li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 104(7) TKE;

    (iii)

    tipproċedi bit-tisħiħ tal-qafas fiskali, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' regola għall-infiq li tkopri sehem akbar mill-infiq primarju tal-gvern ġenerali mir-regola “temporanja” ppreżentata fil-Programm ta' Konverġenza, b'mekkaniżmi ta' monitoraġġ u infurzar adatti. Dan ikun jirrikjedi t-tnaqqis tal-proporzjon tal-infiq statutorju mill-infiq totali.

    Il-Polonja hija wkoll mistiedna biex iżżid, fl-aġġornament tagħha li jmiss tal-programm ta' konverġenza, tagħrif iktar preċiż fil-kapitolu separat dwar il-progress milħuq biex tintemm is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv, kif mitlub mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 104(7) tas-7 ta' Lulju 2009.

    Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

     

    2008

    2009

    2010

    2011

    2012

    PDG reali

    (bidla f’%)

    PK Frar 2010

    5,0

    1,7

    3,0

    4,5

    4,2

    COM Nov 2009

    5,0

    1,2

    1,8

    3,2

    m.d.

    PK Diċ 2008

    5,1

    3,7

    4,0

    4,5

    m.d.

    Inflazzjoni tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur –(IAPK)

    (%)

    PK Frar 2010

    4,2

    4,0

    2,1

    2,7

    3,2

    COM Nov 2009

    4,2

    3,9

    1,9

    2,0

    m.d.

    PK Diċ 2008

    4,2

    2,9

    2,5

    2,5

    m.d.

    Differenza fil-produzzjoni (attwali/potenzjali) (8)

    (% tal-PDG potenzjali)

    PK Frar 2010

    2,4

    –0,4

    –1,7

    –1,5

    –1,5

    COM Nov 2009 (9)

    2,6

    –0,4

    –2,2

    –2,3

    m.d.

    PK Diċ 2008

    1,0

    –0,1

    –0,6

    –0,5

    m.d.

    Tislif/self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    –4,0

    –0,1

    –1,1

    –0,0

    –0,8

    COM Nov 2009

    –4,0

    –0,2

    –0,3

    –0,7

    m.d.

    PK Diċ 2008

    –4,0

    –1,8

    –1,3

    –1,5

    m.d.

    Dħul tal-amministrazzjoni pubblika

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    39,6

    37,4

    39,6

    40,3

    40,3

    COM Nov 2009

    39,6

    37,6

    38,6

    38,3

    m.d.

    PK Diċ 2008

    39,8

    40,7

    40,0

    39,7

    m.d.

    Nefqa tal-amministrazzjoni pubblika

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    43,3

    44,6

    46,5

    46,2

    43,3

    COM Nov 2009

    43,3

    44,0

    46,1

    45,9

    m.d.

    PK Diċ 2008

    42,6

    43,2

    42,4

    41,7

    m.d.

    Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    –3,6

    –7,2

    –6,9

    –5,9

    –2,9

    COM Nov 2009

    –3,6

    –6,4

    –7,5

    –7,6

    m.d.

    PK Diċ 2008

    –2,7

    –2,5

    –2,3

    –1,9

    m.d.

    Bilanċ ewlieni

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    –1,4

    –4,8

    –4,2

    –3,1

    –0,2

    COM Nov 2009

    –1,4

    –3,8

    –4,6

    –4,6

    m.d.

    PK Diċ 2008

    –0,3

    0,1

    0,2

    0,5

    m.d.

    Bilanċ aġġustat ċiċlikament (8)

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    –4,6

    –7,0

    –6,2

    –5,3

    –2,3

    COM Nov 2009

    –4,7

    –6,3

    –6,6

    –6,7

    m.d.

    PK Diċ 2008

    –3,1

    –2,5

    –2,1

    –1,7

    m.d.

    Bilanċ strutturali (10)

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    –4,6

    –7,0

    –6,2

    –5,3

    –2,3

    COM Nov 2009

    –4,7

    –6,4

    –6,6

    –6,7

    m.d.

    PK Diċ 2008

    –3,1

    –2,5

    –2,3

    –1,7

    m.d.

    Dejn gross tal-gvern

    (% tal-PDG)

    PK Frar 2010

    47,2

    50,7

    53,1

    56,3

    55,8

    COM Nov 2009

    47,2

    51,7

    57,0

    61,3

    m.d.

    PK Diċ 2008

    45,9

    45,8

    45,5

    44,8

    m.d.

    Programm ta' konverġenza (PK); Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa (COM); Il-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_mt.htm

    (2)  Il-valutazzjoni tieħu notevolment kont tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, kif ukoll informazzjoni oħra li saret disponibbli minn dakinhar, partikolarment il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Frar 2010.

    (3)  Dan jeskludi s-settur sekondarju tal-gvern ċentrali fejn kien hemm esekuzzjoni nieqsa tan-nefqa minkejja dħul ogħla.

    (4)  In 0,5 % tal-PDG jinkludi l-impatt tar-regola tal-infiq kif speċifikat fl-ewwel pakkett ta' riformi ppreżentat lill-President.

    (5)  Fil-programm hemm ippjanat l-introduzzjoni ta' żewġ regoli tal-infiq: l-ewwel regola “temporanja” li tkopri biss parti żgħira tal-infiq tal-gvern ġenerali. Din ir-regola ser tidħol fis-seħħ sakemm l-iżbilanċ strutturali tal-gvern ġenerali jilħaq l-MTO (żbilanċ ta' 1 % tal-PDG). Imbagħad, l-awtoritajiet qed jippjanaw li jintroduċu regola tal-infiq “fil-mira” (l-objettiv ikun li l-iżbilanċ strutturali jinżamm f'1 % tal-PDG), li għandu jkopri sehem akbar mill-infiq tal-gvern.

    (6)  Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2009 dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi “il-Kunsill appella lill-Istati Membri biex jiffokaw l-attenzjoni fuq strateġiji mmirati lejn is-sostenibbiltà fil-programmi futuri tagħhom tal-istabbiltà u l-konverġenza” u kompla biex “stieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, biex jissoktaw fl-iżvilupp ta' metodoloġiji għal valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila taż-żmien fil-ħin għar-rapport ta' Stabbiltà li jmiss” (traduzzjoni mhux uffiċjali), li huwa previst għall-2012.

    (7)  B'mod partikulari, l-estimi tal-kontribuzzjonijiet minn fatturi ta' produzzjoni individwali għat-tkabbir potenzjali u l-previżjonijiet għall-perijodu fit-tul ma ngħatawx.

    (8)  Id-differenzi fil-produzzjoni reali u potenzjali u l-bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi.

    (9)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat għal 5,0 %, 4,2 %, 3,7 % u 3,3 % rispettivament fil-perijodu 2008-2011

    (10)  Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn. Skont il-programm l-aktar riċenti ma hemmx miżuri ta' darba, u, skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, fl-2009 kien hemm 0,1 % tal-PDG, bħala tnaqqis fl-iżbilanċ.

    Sors:

    Programm ta' konverġenza (PK); Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa (COM); Il-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


    Top