Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0723

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal- 25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC)

    ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/12/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/723/oj

    8.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 723/2009

    tal-25 ta' Ġunju 2009

    dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 171 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 172, tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 171 tat-Trattat il-Komunità tista’ tistabbilixxi impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra meħtieġa għat-twettiq effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni.

    (2)

    L-appoġġ u l-iżvilupp tal-infrastrutturi tar-riċerka fl-Ewropa ilhom fil-mira tal-Komunità, kif deher l-aħħar fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (4) u b’mod partikolari fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/974/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku “Kapaċitajiet” (5).

    (3)

    Filwaqt li l-appoġġ tradizzjonali għall-użu u l-iżvilupp tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka essenzjalment ħa l-forma ta’ għotjiet favur l-infrastrutturi tar-riċerka stabbiliti fl-Istati Membri, il-ħtieġa għal sforzi addizzjonali bdiet tidher fl-aħħar snin sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strutturi ġodda billi jinħoloq qafas ġuridiku adegwat li għandu jiffaċilita l-istabbiliment u l-operat tagħhom fil-livell tal-Komunità.

    (4)

    Din il-ħtieġa ssemmiet f’numru ta’ okkażjonijiet, kemm fil-livell politiku mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u mid-diversi atturi fi ħdan il-komunità tar-riċerka Ewropea bħall-impriżi, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet u, b’mod partikolari, il-Forum tal-Istrateġija Ewropea għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI).

    (5)

    Filwaqt li r-rwol ċentrali tal-infrastrutturi tar-riċerka xjentifika ta’ klassi dinjija għall-ksib tal-għanijiet tar-RŻT tal-Komunità stabbiliti fl-Artikolu 163 tat-Trattat b’hekk ilu rikonoxxut taħt il-Programmi ta’ Qafas tar-RŻT tal-Komunità, ir-regoli li jirregolaw l-istabbiliment, il-finanzjament u l-operat ta’ dawn l-istrutturi għadhom xorta waħda frammentati u reġjonalizzati. Meta jitqies li l-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka qegħdin jikkompetu ma’ dawk tal-imsieħba dinjin tal-Komunità li huma u li ser ikunu qed jinvestu ħafna f’infrastrutturi tar-riċerka moderni fuq skala kbira, u meta jitqies li dawn l-infrastrutturi qegħdin isiru dejjem iktar kumplessi u għaljin, spiss f’pożizzjoni li ma jistgħux jintlaħqu minn Stat Membru jew saħansitra minn kontinent wieħed, huwa meħtieġ li issa jiġi sfruttat u żviluppat il-potenzjal kollu tal-Artikolu 171 tat-Trattat billi jiġi stabbilit qafas li jkun fih il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment u l-operat tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka fuq livell Komunitarju li huma meħtieġa għat-twettiq effiċjenti tal-programmi tar-RŻT tal-Komunità. Dan il-qafas ġuridiku ġdid għandu jikkumplimenta forom legali oħrajn li jeżistu taħt il-liġi nazzjonali, internazzjonali jew dik Komunitarja.

    (6)

    B’kuntrast mal-Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija (IKT) li nħolqu bħala Impriżi Konġunti li tagħhom il-Komunità hija membru u tagħtihom kontributi finanzjarji, il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ERIC”) m’għandux jitqies bħala korp Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju appliabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (ir-Regolament Finanzjarju), iżda bħala entità ġuridika li fiha l-Komunità mhux neċessarjament tkun membru u li ma tagħtihiex kontributi finanzjarji fis-sens tal-punt (f) tal-Artikolu 108(2), tar-Regolament Finanzjarju.

    (7)

    Minħabba fil-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Komunità fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka rispettivi tagħhom b’mod kumplimentari, kif stabbilit fl-Artikoli 164 u 165 tat-Trattat, għandhom ikunu l-Istati Membri interessati, waħidhom jew flimkien ma’ entitajiet ikkwalifikati oħra, li jiddefinixxu l-ħtiġijiet tagħhom għall-istabbiliment ta’ infrastrutturi tar-riċerka f’dan il-format ġuridiku, ibbażati fuq l-attivitajiet tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku tagħhom u fuq ir-rekwiżiti Komunitarji. Għall-istess raġunijiet, is-sħubija f’ERIC għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri interessati bil-possibilità tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi kkwalifikati assoċjati fil-programm ta’ qafas tal-Komunità għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsemmijin “stati assoċjati”) u pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet intergovernattivi speċjalizzati. Flimkien mas-sħubija sħiħa, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jsiru osservaturi ta’ ERIC bil-kondizzjonijiet speċifikati fl-Istatuti tiegħu.

    (8)

    ERIC stabbilit taħt dan ir-Regolament għandu jkollu bħala l-kompitu prinċipali tiegħu l-istabbiliment u l-operat ta’ infrastruttura tar-riċerka fuq bażi mhux ekonomika u għandu jiddedika l-parti l-kbira tar-riżorsi tiegħu għal dan il-kompitu prinċipali. Sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien u tat-teknoloġija, l-ERIC għandu jitħalla jwettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati jekk dawn ikunu marbutin mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u ma jfixklux il-kisba tiegħu. L-istabbiliment ta’ infrastrutturi tar-riċerka bħala ERICs ma jeskludix li infrastrutturi tar-riċerka ta’ interess pan-Ewropew li jkollhom forma ġuridika oħra jistgħu jkunu rikonoxxuti bl-istess mod bħala kontributuri għall-progress tar-riċerka Ewropea, inkluż għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni żviluppat mill-ESFRI. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-membri tal-ESFRI u partijiet interessati oħrajn ikunu infurmati dwar dawn il-forom ġuridiċi alternattivi.

    (9)

    L-infrastrutturi tar-riċerka għandhom jgħinu sabiex jissalvagwardjaw l-eċċellenza xjentifika tar-riċerka tal-Komunità u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Komunità, kif ibbażati fuq previżjonijiet għal perijodu ta’ żmien medju sa dak fit-tul, permezz tal-appoġġ effiċjenti tal-attivitajiet tar-riċerka Ewropej. Sabiex jinkiseb dan, huma għandhom ikunu effettivament miftuħin għall-komunità tar-riċerka Ewropea b’mod ġenerali skont ir-regoli stabbiliti fl-Istatuti tagħhom u għandu jkollhom l-ambizzjoni li jsaħħu l-kapaċitajiet xjentifiċi Ewropej lil hinn mil-livell ta’ għarfien attwali u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    (10)

    Bil-għan li jkun jista’ jkun hemm proċedura effiċjenti għall-stabbiliment ta’ ERIC, hu meħtieġ għall-entitajiet li jixtiequ jistabbilixxu ERIC li jressqu applikazzjoni lill-Kummissjoni li għandha tivvaluta, bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti, li jistgħu jinkludu ESFRI, jekk l-infrastruttura tar-riċerka proposta hijiex konformi ma’ dan ir-Regolament. Tali applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni tal-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi l-ERIC bħala korp jew organizzazzjoni internazzjonali għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (7) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (8), mill-istabbiliment tiegħu. L-ERIC għandu jibbenefika wkoll minn ċerti eżenzjonijiet bħala organizzazzjoni internazzjonali għall-fini tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (9), f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (11)

    Għal raġunijiet ta’ trasparenza, id-deċiżjoni li tistabbilixxi ERIC għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għall-istess raġunijiet, l-elementi essenzjali tal-Istatuti tiegħu, għandhom ikunu annessi għal dawn id-deċiżjonijiet.

    (12)

    Bil-għan li jwettaq il-kompiti tiegħu bl-iktar mod effiċjenti, ERIC għandu jkollu personalità ġuridika u jgawdi mill-iżjed kapaċità ġuridika wiesgħa mill-jum meta d-deċiżjoni tal-istabbiliment tiegħu tidħol fis-seħħ. Għandu jkollha sede statutorja, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli, fit-territorju ta’ membru ta’ dak l-ERIC li huwa Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

    (13)

    Is-sħubija f’ERIC għandha tkun magħmula minn tal-anqas tliet Stati Membri u tista’ tinkludi pajjiżi assoċjati kkwalifikati u pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi assoċjati kif ukoll organizzazzjonijiet intergovernattivi speċjalizzati.

    (14)

    F’konformità mad-dimensjoni Komunitarja ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandu jkollhom b’mod konġunt bejniethom il-maġġoranza tal-voti fl-assemblea tal-membri ta’ ERIC.

    (15)

    Għall-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas, għandhom jitniżżlu fi Statuti iktar dispożizzjonijiet dettaljati, li abbażi tagħhom, il-Kummissjoni għandha teżamina l-konformità ta’ applikazzjoni mal-qafas stabbilit f’dan ir-Regolament.

    (16)

    Huwa meħtieġ li jkun żgurat, minn naħa waħda, li ERIC jkollha l-flessibbiltà meħtieġa biex jemenda l-Istatuti tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Komunità li tistabbilixxi l-ERIC iżżomm il-kontroll fuq ċerti elementi essenzjali. Jekk emenda tikkonċerna element essenzjali tal-Istatuti annessi għad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC, tali emenda għandha tkun approvata, qabel ma tidħol fis-seħħ, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-istess proċedura li tkun ġiet segwita fl-istabbiliment tal-ERIC. Kwalunkwe emenda oħra għandha tkun mgħarrfa lill-Kummissjoni, li għandu jkollha opportunità li toġġezzjona jekk tqis li l-emenda tmur kontra dan ir-Regolament.

    (17)

    Huwa meħtieġ li ERIC jgħammar lilu nnifisu bil-korpi tiegħu stess għall-ġestjoni effettiva tal-attivitajiet tiegħu. L-Istatuti għandhom jiddeterminaw il-mod kif dawk il-korpi jirrappreżentaw legalment lill-ERIC.

    (18)

    Huwa meħtieġ għal ERIC li jwettaq l-attivitajiet tiegħu skont prinċipji baġitarji sodi għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu.

    (19)

    ERIC jista’ jikkwalifika għal finanzjament skont it-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju. Il-finanzjament taħt il-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jkun possibbli wkoll, f’konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità.

    (20)

    Bil-għan li jwettaq il-kompiti tiegħu bl-iktar mod effiċjenti u bħala konsegwenza loġika tal-personalità ġuridika tiegħu, ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. Bil-għan li jippermetti lill-membri jsibu soluzzjonijiet adegwati dwar ir-responsabbiltà tagħhom, għandha tingħata l-alternattiva li fl-Istatuti jiġi pprovdut għal reġimi differenti ta’ responsabbiltà li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà limitata għall-kontribuzzjonijiet tal-membri.

    (21)

    Peress li ERIC huwa stabbilit taħt il-liġi tal-Komunità, għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Komunità, flimkien mal-liġi tal-Istat fejn għandu s-sede statutorja tiegħu. Madankollu, l-ERIC jista’ jkollu post ta’ operat fi Stat ieħor. Il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi definiti mill-Istatuti tal-ERIC. Barra minn hekk, ERIC għandu jiġi rregolat mir-regoli ta’ implimentazzjoni li huma konformi mal-Istatuti.

    (22)

    L-Istati Membri huma liberi li japplikaw jew jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew miżura amministrattiva li ma jmorrux kontra l-kamp ta’ applikazzjoni jew l-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

    (23)

    Bil-għan li jiżgura kontroll suffiċjenti tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ERIC għandu jittrasmetti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti r-rapport annwali tiegħu u kwalunkwe informazzjoni dwar ċirkostanzi li jheddu li jippreġudikaw serjament il-ksib tal-kompiti tiegħu. F’każ li l-Kummissjoni tikseb indikazzjonijiet, permezz tar-rapport annwali jew mod ieħor, li l-ERIC jaġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament jew ta’ liġi applikabbli oħra, hi għandha titlob spjegazzjonijiet u/jew azzjonijiet mill-ERIC u/jew mill-membri tiegħu. F’każijiet estremi u jekk ma tittieħdet l-ebda azzjoni ta’ rimedju, il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC; u b’hekk tagħti bidu għall-istralċ tal-ERIC.

    (24)

    Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament; jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas għall-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka bejn l-Istati Membri, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistemi kostituzzjonali nazzjonali tagħhom, minħabba fin-natura transnazzjonali tal-problema, u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

    (25)

    Peress li dan ir-Regolament hu stabbilit primarjament għat-twettiq effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, u minħabba li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu huma essenzjalment miżuri ta’ ġestjoni, dawn għandhom għalhekk jiġu adottati skont il-proċedura ta’ ġestjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprevedi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (10),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ġuridiku li jistabbilixxi r-rekwiżiti u l-proċeduri għall-ħolqien ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ERIC”), kif ukoll l-effetti ta’ dan.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “infrastrutturi tar-riċerka” tfisser il-faċilitajiet, ir-riżorsi u s-servizzi relatati użati mill-komunità xjentifika sabiex titwettaq riċerka ta’ livell għoli fl-oqsma rispettivi tagħhom u tkopri it-tagħmir xjentifiku prinċipali jew is-settijiet ta’ strumenti; ir-riżorsi bbażati fuq l-għarfien bħall-kollezzjonijet, l-arkivji jew l-istrutturi għal informazzjoni xjentifika; li jippermettu li l-infrastrutturi bbażati fuq it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tat-Telekomunikazzjoni bħall-Grid, il-materjal informatiku, is-software u l-komunikazzjoni, jew kwalunkwe entità oħra ta’ natura individwali biex jintlaħaq livell ta’ eċċellenza fir-riċerka. Dawn l-infrastrutturi jistgħu jitqiegħdu f’ “post wieħed” jew “jitqassmu” (netwerk organizzat ta’ riżorsi);

    (b)

    “pajjiż terz” tfisser Stat li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

    (c)

    “pajjiż assoċjat” tfisser pajjiż terz li huwa parti għal ftehim internazzjonali mal-Komunità, u li skont u abbażi ta’ dan il-ftehim jagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-programmi Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, kollha, jew għal parti minnhom.

    Artikolu 3

    Kompitu u attivitajiet oħra

    1.   Il-kompitu prinċipali ta’ ERIC għandu jkun li jistabbilixxi u jopera infrastruttura ta’ riċerka.

    2.   ERIC għandu jwettaq il-kompitu prinċipali tiegħu fuq bażi mhux ekonomika. Madankollu, huwa jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kondizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx il-ksib tiegħu.

    3.   ERIC għandu jżomm rendikont separat tal-ispejjeż u d-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu determinati, abbażi tal-ispejjeż totali b’marġni raġonevoli.

    Artikolu 4

    Rekwiżiti relatati mal-infrastruttura

    L-infrastruttura tar-riċerka li għandha tiġi stabbilita minn ERIC għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    tkun meħtieġa għat-twettiq tal-programmi u l-proġetti ta’ riċerka b’dimensjoni Ewropea, inkluż għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni;

    (b)

    tirrappreżenta valur miżjud fit-tisħiħ u l-istrutturar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u titjib sinifikanti fil-livell internazzjonali fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti;

    (c)

    jingħata aċċess effettiv, skont ir-regoli stabbiliti fl-Istatuti tiegħu, lill-komunità Ewropea tar-riċerka, magħmula minn riċerkaturi mill-Istati Membri u minn pajjiżi assoċjati;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-mobbiltà tal-għarfien u/jew tar-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u żżid l-użu tal-potenzjal intelletwali fl-Ewropa kollha; u

    (e)

    tikkontribwixxi għat-tixrid u l-valorizzazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet Komunitarji ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni.

    Artikolu 5

    Applikazzjoni għall-istabbiliment ta’ ERIC

    1.   L-entitajiet li japplikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “applikanti”) għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)

    talba lill-Kummissjonigħall-istabbiliment tal-ERIC;

    (b)

    l-Istatuti proposti tal-ERIC imsemmija fl-Artikolu 10;

    (c)

    deskrizzjoni teknika u xjentifika tal-infrastruttura tar-riċerka li għandha tiġi stabbilita u operata mill-ERIC, li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti mniżżlin fl-Artikolu 4;

    (d)

    dikjarazzjoni mill-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi l-ERIC bħala korp internazzjonali fis-sens tal-Artikoli 143(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE u bħala organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 92/12/KEE, mill-istabbiliment tiegħu. Il-limiti u l-kondizzjonijiet tal-eżenzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-membri tal-ERIC.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Matul din il-valutazzjoni, hija għandha tikseb l-fehmiet ta’ esperti indipendenti b’mod partikolari fil-qasam tal-attivitajiet previsti għall-ERIC. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-applikanti li għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu mistiedna jimlew jew jemendaw l-applikazzjoni.

    Artikolu 6

    Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha, b’kont meħud tar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) u skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20:

    (a)

    tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC wara li tkun sodisfatta li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati; jew

    (b)

    tiċħad l-applikazzjoni jekk tikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament mhumiex sodisfatti, inkluż fin-nuqqas tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(d).

    2.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għandha tiġi notifikata lill-applikanti. F’każ li din tiġi miċħuda, id-deċiżjoni għandha tiġi spjegata f’termini ċari u preċiżi lill-applikanti.

    Id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC għandha tiġi ppubblikata wkoll fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti kif imniżżlin fl-Artikolu 10 l-punti (b) sa (f) u fil-punti (i) sa (vi) tal-punt (g) li jidhru fl-applikazzjoni għandhom jiġu annessi għad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC.

    Artikolu 7

    Status ta’ ERIC

    1.   ERIC għandu jkollu personalità ġuridika mid-data li fiha jkollha effett id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC.

    2.   ERIC għandu jkollu f’kull Stat Membru l-aktar kapaċità ġuridika wiesgħa mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jipposedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċeduri legali.

    3.   ERIC huwa organizzazzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2004/18/KE.

    Artikolu 8

    Sede u isem

    1.   ERIC għandu jkollu sede statutorja, li għandha tkun tinsab fit-territorju ta’ membru li għandu jkun Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

    2.   ERIC għandu jkollu isem li jkun fih l-abbrevjazzjoni “ERIC”.

    Artikolu 9

    Rekwiżiti għas-sħubija

    1.   L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri ta’ ERIC:

    (a)

    L-Istati Membri;

    (b)

    il-pajjiżi assoċjati;

    (c)

    il-pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi assoċjati;

    (d)

    l-organizzazzjonijiet intergovernattivi.

    2.   ERIC għandu jkollu mill-inqas tliet Stati Membri bħala membri. Jistgħu jingħaqdu iktar Stati Membri bħala membri fi kwalunkwe ħin fuq termini ġusti u raġonevoli kif speċifikat fl-Istatuti u bħala osservaturi mingħajr drittijiet ta’ vot bil-kundizzjonijiet speċifikati fl-Istatuti. Pajjiżi assoċjati u pajjiżi terzi oħrajn li mhumiex pajjiżi assoċjati kif ukoll organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu wkoll isiru membri ta’ ERIC, soġġett għall-approvazzjoni tal-assemblea tal-membri, imsemmija fl-Artikolu 12(a), skont il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-bidliet fl-isħubija msemmija fl-Istatuti tiegħu.

    3.   L-Istati Membri għandu jkollhom b’mod konġunt il-maġġoranza tad-drittijiet ta’ votazzjoni fl-assemblea tal-membri.

    4.   Kwalunkwe Stat Membru, pajjiż assoċjat jew pajjiż terz, jista’ jkun rappreżentat minn entità pubblika waħda jew iktar, inklużi reġjuni jew entitajiet privati b’missjoni ta’ servizz pubbliku, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ drittijiet speċifiċi u t-twettiq ta’ obbligi speċifiċi bħala membru ta’ ERIC.

    5.   Il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li japplikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC jew għal sħubija fih għandhom jirrikonoxxu li dan għandu l-personalità u l-kapaċità ġuridiċi skont l-Artikolu 7(1) u (2), u li huwa għandu jkun soġġett għar-regoli determinati b’applikazzjoni tal-Artikolu 15.

    6.   Il-pajjiżi assoċjati u l-pajjiżi terzi li japplikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC jew għal sħubija fih għandhom jagħtu lill-ERIC trattament ekwivalenti għal dak li joħroġ mill-Artikoli 5(1)(d) u 7(3).

    Artikolu 10

    Statuti

    L-Istatuti ta’ ERIC għandu jkun fihom, tal-anqas, dan li ġej:

    (a)

    lista ta’ membri, osservaturi u, fejn applikabbli, ta’ entitajiet li jirrappreżentaw il-membri u l-kondizzjonijiet u l-proċedura għal tibdiliet fis-sħubija u r-rappreżentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9;

    (b)

    il-kompiti u l-attivitajiet tal-ERIC;

    (c)

    is-sede statutorja f’konformità mal-Artikolu 8(1);

    (d)

    l-isem tal-ERIC f’konformità mal-Artikolu 8(2);

    (e)

    id-dewmien, u l-proċedura għall-istralċ f’konformità mal-Artikolu 16,

    (f)

    ir-reġim tar-responsabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 14(2);

    (g)

    il-prinċipji bażiċi li jkopru:

    (i)

    il-politika dwar l-aċċess għall-utenti;

    (ii)

    il-politika dwar l-evalwazzjoni xjentifika;

    (iii)

    il-politika dwar id-disseminazzjoni;

    (iv)

    il-politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    (v)

    il-politika dwar l-impjiegi, inklużi l-opportunitajiet indaqs;

    (vi)

    il-politika dwar l-akkwist pubbliku li tirrispetta l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni;

    (vii)

    diżattivazzjoni tal-faċilitajiet, jekk ikun il-każ;

    (viii)

    il-politika dwar id-data;

    (h)

    id-drittijiet u l-obbligi tal-membri, inkluż l-obbligu li jagħtu kontribuzzjonijiet għal baġit ibbilanċjat u d-drittijiet ta’ votazzjoni;

    (i)

    il-korpi tal-ERIC, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom u l-mod li fih huma jiġu kostitwiti u li jieħdu d-deċiżjonijiet, inkluż b’emenda fl-Istatuti, f’konformità mal-Artikoli 11 u 12;

    (j)

    l-identifikazzjoni tal-lingwa/i ta’ ħidma;

    (k)

    ir-referenzi għar-regoli li jimplimentaw l-Istatuti.

    L-Istatuti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

    Artikolu 11

    Emendi fl-Istatuti

    1.   Kwalunkwe emenda fl-Istatuti li tikkonċerna il-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (b) sa (f) jew fil-punti (i) sa (vi) tal-punt (g) tal-Artikolu 10 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mill-ERIC għall-approvazzjoni. Din l-emenda m’għandhiex tieħu effett qabel ma tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tapplika l-Artikoli 5(2) u 6, mutatis mutandis.

    2.   Kwalunkwe emenda fl-Istatuti għajr dak imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mill-ERIC fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tqajjem oġġezzjoni għal tali emenda fi żmien sittin jum minn meta tiġi ppreżentata billi tagħti r-raġunijiet għaliex l-emenda ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

    4.   L-emenda m’għandhiex tieħu effett qabel ma jkun skada l-perijodu għall-oġġezzjonijiet jew qabel dan jitneħħa mill-Kummissjoni jew qabel ma tkun irtirata oġġezzjoni li tkun tqajmet.

    5.   L-applikazzjoni għall-emenda għandu jkun fiha dan li ġej:

    (a)

    it-test tal-emenda proposta jew, fejn xieraq, kif adottata, inkluża d-data li fiha tidħol fis-seħħ;

    (b)

    il-verżjoni kkonsolidata emendata tal-Istatuti;

    Artikolu 12

    Organizzazzjoni tal-ERIC

    L-Istatuti għandhom jipprovdu tal-anqas għall-korpi li ġejjin, li jkollhom il-kompetenzi li ġejjin:

    (a)

    assemblea tal-membri bħala l-korp li għandu l-poteri sħaħ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż l-adozzjoni tal-baġit;

    (b)

    direttur jew bord tad-diretturi, maħtur mill-assemblea tal-membri, bħala l-korp eżekuttiv u r-rappreżentant ġuridiku tal-ERIC.

    L-Istatuti għandhom jispeċifikaw il-mod kif il-membri tal-bord tad-diretturi jirrappreżentaw lill-ERIC legalment.

    Artikolu 13

    Prinċipji baġitarji, kontijiet u verifika

    1.   L-oġġetti kollha tad-dħul u tal-infiq ta’ ERIC għandhom ikunu inklużi fl-istimi li jridu jitfasslu għal kull sena finanzjarja u għandhom jidhru fil-baġit. Għandu jkun hemm bilanċ fil-budget bejn id-dħul u l-ħruġ.

    2.   Il-membri ta’ ERIC għandhom jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba.

    3.   Il-baġit għandu jkun stabbilit u implimentat u l-kontijiet ikunu ppreżentati f’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza.

    4.   Il-kontijiet ta’ ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

    5.   ERIC għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi applikabbli fir-rigward tat-tħejjija, id-depożitu, il-verifika u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

    Artikolu 14

    Responsabbiltà u assigurazzjoni

    1.   ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

    2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom magħmula lill-ERIC. Il-membri jistgħu jispeċifikaw fl-Istatuti li huma ser jassumu responsabbiltà stabbilita minn qabel akbar mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom jew responsabbiltà bla limitu.

    3.   F’każ li r-responsabbiltà finanzjarja tal-membri tiegħu ma tkunx bla limitu, l-ERIC għandu joħroġ assigurazzjoni adatta biex ikopri r-riskji kollha speċifikament relatati mal-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura.

    4.   Il-Komunità m’għandhiex tkun responsabbli għal xi dejn tal-ERIC.

    Artikolu 15

    Liġi applikabbli u ġurisdizzjoni

    1.   L-istabbiliment u l-funzjonament intern ta’ ERIC għandhom jiġu rregolati:

    (a)

    mil-liġi tal-Komunità, b’mod partikulari dan ir-Regolament, u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6(1)(a) u 11(1);

    (b)

    mil-liġi tal-Istat fejn l-ERIC ikollu s-sede statutorja tiegħu fil-każ ta’ kwistjonijiet li mhumiex, jew huma biss parzjalment, irregolati mill-atti msemmija fil-punt (a);

    (c)

    mill-Istatuti u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom.

    2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-membri fir-rigward tal-ERIC, bejn il-membri u l-ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li għaliha l-Komunità hija parti.

    3.   Il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għat-tilwim bejn l-ERIC u partijiet terzi. F’każijiet mhux koperti mil-leġislazzjoni Komunitarja, hija l-liġi tal-Istat fejn l-ERIC għandu s-sede statutorja tiegħu li għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ dan it-tilwim.

    Artikolu 16

    Stralċ u insolvenza

    1.   L-Istatuti għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi applikata fil-każ tal-istralċ tal-ERIC wara deċiżjoni tal-assemblea tal-membri. L-istralċ jista’ jkun jinkludi t-trasferiment ta’ attivitajiet lil entità legali oħra.

    2.   L-ERIC għandu jinnotifika d-deċiżjoni dwar l-istralċ lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-assemblea tal-membri, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn din l-adozzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   L-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-għeluq tal-proċedura tal-istralċ mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn dan l-għeluq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-ERIC m’għandux jibqa’ jeżisti mill-jum tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

    4.   Fi kwalunkwe żmien, fil-każ li l-ERIC ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu, għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 17

    Rappurtar u kontroll

    1.   ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jinkludi b’mod partikolari l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu msemmijin fl-Artikolu 3. Dan għandu jkun approvat mill-assemblea tal-membri u trasmess lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponnibbli għall-pubbliku.

    2.   ERIC u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ċirkustanza li thedded li tfixkel serjament it-twettiq tajjeb tal-kompitu tal-ERIC jew li jfixkel l-ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    3.   Fejn il-Kummissjoni tikseb indikazzjonijiet li ERIC ikun qiegħed jaġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament, tad-deċiżjonjijiet adottati abbażi tiegħu jew ta’ xi liġi applikabbli oħra, hija għandha titlob spjegazzjonijiet mill-ERIC u/jew mill-membri tiegħu.

    4.   Jekk, wara li tkun tat lill-ERIC u/jew lill-membri tiegħu żmien raġonevoli sabiex jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ERIC ikun qiegħed jaġixxi bi ksur serju ta’ dan ir-Regolament, tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tiegħu jew ta’ xi liġi applikabbli oħra, hija tista’ tipproponi azzjoni korrettiva lill-ERIC u lill-membri tiegħu.

    5.   F’każ li ma tittieħed l-ebda azzjoni korrettiva, il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ERIC skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20. Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-ERIC u ppubblikata fis-serje L ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jwassal għall-istralċ tal-ERIC.

    Artikolu 18

    Dispożizzjonijiet adatti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jkunu adatti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 19

    Rapport u Analiżi

    Sa mhux aktar tard mis-27 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu u, jekk ikun adatt, proposti għal emendi.

    Artikolu 20

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat ta’ ġestjoni.

    2.   Fejn isir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. MIKO


    (1)  L-Opinjoni tad-19.2.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  L-Opinjoni tal-14.1.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU C 76, 31.3.2009, p. 6.

    (4)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 54, 22.2.2007, p. 101.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (8)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1.

    (9)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

    (10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


    Top