Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0500

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 tal- 11 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU L 151, 16.6.2009, p. 6–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/07/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/500/oj

    16.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 151/6


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 500/2009

    tal-11 ta’ Ġunju 2009

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”) (“ir-Regolament tal-miżuri definittivi”). Ir-rati ta’ dazju individwali kienu jvarjaw minn 0 % sa 37,9 % u l-livell ta’ dazju ta’ residwu kien stabbilit għal 47,8 %. Offerta ta’ impriża konġunta kienet aċċettata minn numru ta’ kumpaniji flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (CCME – China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products) mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/109/KE (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 268/2006 (4). Fid-dawl ta’ diversi rikjesti ġodda minn produtturi esportatuti, ir-Regolament tal-miżuri definittivi kien emendat minn żmien għal żmien – l-aktar reċenti f’April 2009 (5).

    B.   IL-BIDU TAL-INVESTIGAZZJONI TA’ REVIŻJONI U L-PROĊEDURA

    (2)

    Fit-8 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba kienet mibgħuta minn Eurofonte (“l-appikant”), f’isem disa’ produtturi Ewropej. L-applikant allega li kien hemm nuqqas ta’ ċarezza fl-ambitu tal-miżura kif stipulata fir-Regolament tal-miżuri definittivi. L-applikant allega li l-ambitu tal-prodott għandu jiġi ċċarat safejn jikkonċerna kkastjar magħmul minn ħadid duttili u b’mod partikolari jekk dan it-tip ta’ kkastjar jaqax fi ħdan id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

    (3)

    Wara li ddeterminat li teżisti evidenza suffiċjenti għall-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, u wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni, permezz ta’ avviż (“l-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni”) ippublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6), bdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni kienet limitata fl-ambitu għad-definizzjoni tal-prodott suġġett għall-miżuri fis-seħħ.

    (4)

    Il-Kummissjoni avżat lill-produtturi Komunitarji, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur kif ukoll lill-esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ bil-bidu tar-reviżjoni. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-partijiet imsemmija hawn fuq u minn dawk il-partijiet li ppreżentaw ruħhom fil-limitu taż-żmien stipulat fl-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni. Il-Kummissjoni tat ukoll lill-partijiet interessati l-opportunità li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu seduta ta’ smigħ.

    (5)

    Risposti għall-kwestjonarju kienu mibgħuta minn 15-il produttur Komunitarju, disa’ importaturi fil-Komunità mhux relatati ma’ produtturi esportaturi Ċiniżi, utent Komunitarju u 17-il produttur esportatur Ċiniż.

    (6)

    Fuq talba tagħhom ingħataw seduti ta’ smigħ lil sitt partijiet interessati: l-applikant, produttur Komunitarju u erba’ importaturi.

    C.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (7)

    Il-prodott ikkonċernat, kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-miżuri definittivi, huwa prodotti tal-ħadid fondut li mhux daqshekk faċli li jinħadem ta’ tip użat biex ikopri u/jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt l-art, u partijiet tagħhom, kemm jekk ikunu maħdumin bil-magni kif ukoll jekk le, miksi, miżbugħ jew iffitjat ma’ materjali oħra, minbarra idranti tat-tifi tan-nar, li joriġinaw fir-RPĊ u kklassifikat bil-kodiċi NM 7325 10 50, 7325 10 92 u ex 7325 10 99 (kodiċi Taric 7325109910).

    (8)

    Fid-definizzjoni tal-prodott fl-istess Regolament, speċifikament fil-premessa (18), jissemma li l-ikkastjar hu magħmul minn ħadid griż jew duttili u li minkejja ċerti differenzi msemmija fil-premessi (20) sa (21), fil-premessi (22) sa (29) huwa konkluż li t-tipi kollha ta’ kkastjar għandhom l-istess karateristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, li għandhom l-istess użu u li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala tipi differenti tal-istess prodott.

    (9)

    Skont diversi partijiet interessati, it-terminu użat fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-miżuri definittivi biex jiddeskrivi l-prodott suġġett għall-miżuri (“prodotti tal-ħadid fondut li mhux daqshekk faċli li jinħadem”) ma jkoprix ikkastjar tal-ħadid duttili. Xi partijiet għamlu referenza għal sottotitolu ieħor tan-NM dwar tubi u fittings tal-pajpijiet ta’ ħadid fondut malleabbli (kodiċi ta-NM 7307 19 10) fejn l-Avviż ta’ spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda ssemmi li ħadid fondut sferiku (ħadid duttili) jista’ jinħadem. Kien għaldaqstant allegat li kkastjar tal-ħadid duttili ma kienx kopert mir-Regolament, anke jekk fil-parti deskrittiva ta’ dak ir-Regolament kien imsemmi li t-tipi kollha ta’ kkastjar jistgħu jkunu kkunsidrati tipi differenti tal-istess prodott.

    D.   IS-SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI

    1.   Kummenti preliminari

    (10)

    Diversi partijiet interessati allegaw li r-reviżjoni tal-ambitu tal-prodott ma tkunx l-investigazzjoni xierqa biex tkun affaċċjata l-kwistjoni msemmija hawn fuq, iżda li l-Kummissjoni għandha tibda jew investigazzjoni ġdida anti-dumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jew reviżjoni kontra l-ksur skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

    (11)

    Minħabba li l-għan tal-investigazzjoni huwa prinċiparjament l-eżaminar tal-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali u t-tibdil, jekk ikun hemm bżonn, tal-parti operattiva skont dan, reviżjoni tal-ambitu tal-prodott skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku hija l-proċedura adegwata f’dan il-każ partikolari. Kemm investigazzjoni ġdida skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kif ukoll investigazzjoni ta’ ksur skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jindirizzaw ċirkostanzi differenti. Din tal-ewwel tista’, fost l-oħrajn, tintuża biex tinbeda investigazzjoni għal prodott li ma kienx investigat fl-investigazzjoni oriġinali (pereżempju permezz ta’ definizzjoni differenti jew oriġini minn pajjiżi li mhumiex suġġetti għall-miżuri). Din tal-aħħar tista’ tintuża bħala bażi għal investigazzjoni dwar jekk hemmx ksur fir-rigward tal-prodott suġġett għall-miżuri. Dan iż-żewġ tipi ta’ investigazzjoni mhumiex għalhekk adegwati fiċ-ċirkostanzi preżenti.

    (12)

    Il-bidu ta’ din ir-reviżjoni kien għalhekk intiż biex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dawn il-miżuri anti-dumping.

    2.   L-analiżi tal-investigazzjoni oriġinali

    (13)

    Fl-ewwel stadju, l-investigazzjoni oriġinali kienet analizzata biex ikun iddeterminat jekk dik l-investigazzjoni kinitx kopriet bis-sħiħ kemm ikkastjar tal-ħadid griż, kif ukoll dak tal-ħadid fondut duttili.

    (14)

    ta’ min jinnota mal-ewwel li fl-Avviż ta’ bidu tal-investigazzjon oriġinali (7), il-prodott huwa deskritt bħala “ċerti prodotti tal-ħadid fondut li mhux faċli li jinħadem ta’ tip użat biex jgħatti u/jew jipprovdi dħul f’sistemi mal-art jew taħt il-wiċċ, (…) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (…) normalment iddikjarat taħt il-kodiċi tan-NM 7325 10 50, 7325 10 92 u 7325 10 99.”

    (15)

    Il-kliem “normalment iddikjarat taħt” jagħmluha ċara li l-kodiċi tan-NM imsemmija fl-Avviż ta’ bidu kienu – kif normalment ikunu – mogħtija “bħala informazzjoni biss”. Għaldaqstant, il-partijiet interessati ma setgħux jassumu li l-prodotti koperti minn dawk il-kodiċi tan-NM biss kienu jiffurmaw parti mill-investigazzzjoni. Barra mill-informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott mogħtija fl-Avviż ta’ bidu, l-informazzjoni fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment oriġinali li kienet aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha tal-proċediment u li kienet mibgħuta lill-produturi esportaturi, importaturi, u utenti kollha elenkati fl-ilment kienet tinkludi dettalji ulterjuri.

    (16)

    Fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat hija eżatt hekk kif ippubblika fl-Avviż ta’ bidu. Aktar spjegazzjonijiet ta dik id-deskrizzjoni ġenerali jsegwu fil-punti 3.2-3.7 tal-ilment. Minn diversi elementi f’dawk il-punti huwa ċar li l-ilment kien ikopri prodotti magħmula minn ħadid kemm griż kif ukoll duttili. Pereżempju fil-punt 3.5, jissemma li “l-prodott huwa magħmul minn ħadid fondut li mhux faċli li jinħadem, li jista’ jkun griż jew ħadid fondut duttili”. Barra minn hekk, il-proċess tal-produzzjoni tal-ikkastjar magħmul minn ħadid fondut kemm griż kif ukoll duttili huwa deskritt fil-punt 3.4. tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment.

    (17)

    Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-Avviż ta’ bidu kien intiż li jkun aktar limitat mill-ambitu tal-ilment.

    (18)

    Barra minn hekk, matul l-investgazzjoni oriġinali, id-dejta dwar dumping u ħsara kienet miġbura dwar ikkastjar magħmul minn ħadid fondut kemm griż u kemm duttili. B’mod partikolari, fil-kwestjonarji li ntbagħtu lill-partijiet interessati magħrufa u lil dawk il-partijiet interessati li ppreżentaw ruħhom u talbu kwestjonarju, iż-żewġ tipi kienu inklużi fid-deskrizzjoni tat-tipi ta’ prodott li kellu jkun irrappurtat fil-klassifikazzjoni tal-prodott (in-numri ta’ kontroll tal-prodott). Għaldaqstant, kien ċar għall-partijiet kollha li kkooperaw li rċevew il-kwestjonarju li l-ikkastjar magħmul mill-ħadid fondut griż u duttili kien kopert mill-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-klassfikazzjoni tal-prodott tinkludi ż-żewp tipi tiżgura li s-sejbiet kollha dwar dumping, ħsara, kawża u interess Komunitarju tal-investigazzjoni oriġinali kienu jirreferu għal ikkastjar magħmul minn ħadid fondut griż u duttili.

    (19)

    Barra minn dan, it-test tal-iżvelar finali mibgħut lill-partijiet interessati kollha u r-Regolament tal-miżuri definittivi semmew f’diversi punti li l-ikkastjar jista’ jkun magħmul minn ħadid fondut griż jew duttili (ara b’mod partikolari l-premessi (18), (20) u (21)). Id-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ kkastjar kienu eżaminati u spjegati (ara l-premessi msemmija aktar ‘il fuq). Fl-aħħar nett, il-konklużjoni definita fir-Regolament tal-miżuri definittivi kif stipulat fil-premessa (22) hija li l-investigazzjoni wriet li minkejja d-differenzi f’termini ta’ ħadid fondut griż jew duttili, kull tip ta’ kkastjar għandu l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, għandu l-istess użu u jista’ jkun ikkunsidrat bħala tip differenti tal-istess prodott.

    (20)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, wieħed jista’ jikkonkludi li l-investigazzjoni oriġinali kopriet kemm ikkastjar tal-ħadid fondut griż u duttili. Anke jekk wieħed jassumi li dan ma kienx ċar bis-sħiħ mill-Avviż ta’ bidu waħdu, il-partijiet interessati kellhom diversi possibbiltajiet biex jindunaw li l-investigazzjoni kopriet ikkastjar tal-ħadid fondut griż u duttili, billi dan kien imsemmi fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, fil-kwestjonarji u billi dan kien żvelat fl-istadju definittiv lill-partijiet interessati.

    (21)

    Wara l-iżvelar tas-sejbiet finali ta’ din ir-reviżjoni, parti interessata allegat li l-Avviż ta’ bidu tal-investigazzjoni oriġinali kellu jindika l-ambitu tal-prodott b’mod ċar. Billi dan l-Avviż ta’ bidu semma biss ikkastjar magħmul minn ħadid fondut mhux malleabbli, importatur ta’ kkastjar magħmul minn ħadid fondut malleabbli jista’ jkun assigurat li l-prodotti tiegħu ma kinux koperti mill-investigazzjoni u ma kellu l-ebda bżonn jikkonsulta l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment.

    (22)

    Fid-dawl tal-kliem tal-Avviż ta’ bidu oriġinali wieħed ma jistax jargumenta li kkastjar tal-ħadid fondut duttili kien eskluż b’mod impliċitu jew espliċitu mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-ewwel nett ta’ min jinnota li fl-Avviż ta’ bidu oriġinali, l-ewwel paragrafu, jissemma li l-Kummissjoni rċeviet “ilment (…) li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċertu kkastjar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (…), qegħdin ikunu l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija Komunitarja”. It-tieni nett, fit-tieni taqsima (“il-prodott”) jissemma li l-ikkastjar tal-ħadid fondut mhux malleabbli tat-tip użat biex jgħatti u/jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt wiċċ l-art se jkunu koperti, iżda mingħajr aktar speċifikazzjoni ta’ x’wieħed jista’ jifhem b’ “mhux malleabbli”. ta’ min ifakkar f’dan il-kuntest li l-kodiċi NM msemmija fl-Avviż ta’ bidu kienu espliċitament “mogħtija biss għall-informazzjoni” u għaldaqstant wieħed ma setax jargumenta li dawn illimitaw l-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, l-Avviż ta’ bidu kien diġà jinkludi elementi li jindikaw lill-importatur jew produttur esportatur dwar ikkastjar magħmul minn ħadid duttili tat-tip użat biex jgħatti jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt wiċċ l-art li kkastjar duttili seta’ jkun kopert mill-investigazzjoni. Fid-dawl ta’ dan, dan l-argument huwa miċħud.

    (23)

    F’kull każ, anke jekk wieħed jassumi li dan ma kienx il-każ l-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni kien ċar dwar il-kwistjoni. Fit-taqsima 3 (il-bażi tar-reviżjoni) dan semma li filwaqt li l-parti deskrittiva tar-Regolament tal-miżuri definittivi kopriet ukoll ikkastjar tal-ħadid fondut duttili, l-ambitu tal-parti operattiva ta’ dak ir-Regolament jaf għandha bżonn tkun iċċarata dwar dan il-punt. Dan stieden lill-operaturi kollha b’mod espliċitu biex jagħtu l-opinjoni tagħhom, u jissottomettu kull evidenza bħala appoġġ għal dawn l-opinjonijiet. Madankollu, l-importartur ikkonċernat ma ssottometta l-ebda evidenza li wieħed jew aktar mill-fornituri tiegħu li kien/u suġġett/i għad-dazju ma fehemx/fehmux li l-investigazzjoni oriġinali kienet tkopri wkoll ikkastjar tal-ħadid duttili. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni saħaq fit-taqsima 9 li kull parti li jidhrilha hekk tista’ titlob reviżjoni oħra skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-ebda esportatur li l-prodotti tiegħu huma suġġetti għad-dazju ma allega li ma fehemx, matul l-investigazzjoni oriġinali, li l-ikkastjar tal-ħadid duttili kien kopert ukoll, u li, għaldaqstant, issa, hemm bżonn titnieda reviżjoni ulterjuri biex tikkalkula mill-ġdid id-dazju applikabbli għall-prodotti tiegħu, inkluż dawk tal-ħadid duttili.

    (24)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-argument tal-parti interessata huwa miċħud.

    3.   Il-paragun bejn ikkastjar tal-ħadid duttili u kkastjar tal-ħadid griż

    (25)

    Sabiex ikun iċċarat jekk is-sejbiet fir-rigward ta’ kkastjar magħmul minn ħadid fondut griż u duttili kif stipulati fir-Regolament tal-miżuri definittivi kinux fil-fatt korretti, kien eżaminat jekk ikkastjar tal-ħadid duttili u kkastjar tal-ħadid griż kinux ikkunsidrati korrettament bħala bl-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-istess użi, kif indikat fir-Regolament tal-miżuri definittivi

    (a)   Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u l-interkambjabbiltà

    (26)

    Fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi, il-forma finali tal-ikkastjar hija influwenzata mill-għan u l-kundizzjonijiet tal-installazzjoni tal-prodott iżda f’kull każ il-prodott irid ikun konformi mal-istandards fis-seħħ, kif stipulat, fost l-oħrajn, f’EN 1561, EN 1563, EN 124 u EN 1433.

    (27)

    Fir-rigward tal-karatteristiċi kimiċi tal-ikkastjar, kemm il-ħadid fondut griż kif ukoll dak duttili huma taħlita ta’ ħadid u karbonju. Filwaqt li hemm differenzi minimi fl-istruttura tal-materja prima u anke fil-materjal miżjud matul il-proċess ta’ produzzjoni (pereżempju manjeżju) il-prodotti finali ma juru ebda differenza sinifikanti f’dan ir-rigward.

    (28)

    Ta’ min jinnota li minħabba l-manjeżju miżjud matul il-proċess ta’ produzzjoni tal-ħadid duttili, il-mikrostruttura tal-ħadid fondut tinbidel minn forma laqxija/fuljettata (ħadid fondut griż) għal struttura sferika. Terminu aktar preċiż għall-ħadid duttili huwa għalhekk “ħadid fondut sferiku tal-graffit”.

    (29)

    Fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi, l-investigazzjoni wriet li l-ħadid fondut duttili, bil-kontra tal-ħadid fondut griż, għandu karatteristiċi tekniċi li jippermettu lill-materjal jiflaħ stress ta’ ksur akbar u, aktar importanti minn hekk, li jkun deformat b’mod aktar sinifikanti taħt saħħa kompressiva mingħajr ksur, jiġifieri il-ħadid fondut duttili għandu d-duttilità tal-plastik filwaqt li l-ħadid fondut griż jinqasam taħt stress kompressiv, jiġifieri huwa fraġli. L-investigazzjoni wriet ukoll li minkejja din id-differenza, karatteristiċi bażiċi mekkaniċi/tekniċi oħra bħal-laminar, ir-reżistenza għall-użu u l-elastiċità għall-ħadid fondut griż u l-ħadid fondut duttili huma paragunabbli.

    (30)

    Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-ħadid fondut griż u duttili msemmija hawn fuq jaffettwaw biss id-disinn rikjest tal-ikkastjar (pereżempju jekk hemmx bżonn ta’ apparat biex jintrabat), iżda mhux l-utilità tal-ikkastjar għall-għan, li huwa biex jgħatti u/jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt il-wiċċ.

    (31)

    Il-prodotti tal-ħadid fondut użati għall-użu msemmi hawn fuq għanhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandards EN 124 (għatien tat-toqob tal-ispezzjonar u wċuħ tal-kanali) u EN 1433 (spralli tal-kanali). Iż-żewġ standards jispeċifikaw li l-materjal tal-ħadid fondut għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ EN 1561 jew ta’ EN 1563 (jiġifieri ħadid fondut griż jew duttili). Għaldaqstant, il-ħadid fondut kemm griż u kemm duttili huwa konformi mal-istandards, u għalhekk jista’ jkun ikkunsidrat interkambjabbli.

    (b)   L-użu finali

    (32)

    Il-konsumaturi għandhom il-perċezzjoni li ż-żewġ tipi ta’ kkastjar huma l-istess prodott li jintuża biex jgħatti toqob tal-ispezzjonar, jipprovdu aċċess sigur u faċli għal netwerks taħt l-art jew biex jiġbru ilma tal-wiċċ (spralli). Iż-żewġ tipi jipprovdu soluzzjonijiet dejjiema fuq medda twila ta’ żmien.

    (c)   Konklużjoni

    (33)

    Bħala konsegwenza wieħed jikkonkludi li għalkemm hemm differenzi minimi bejn iż-żewġ tipi tal-prodott, dawn kienu korrettament ikkunsidrati bħala prodott wieħed billi dawn għandhom l-istess karattersitiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, jintużaw għall-istess għan u huma interkambjabbli. Dan jikkonferma s-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali u l-premessi (18) u (20) – (22) tar-Regolament tal-miżuri definittivi.

    (34)

    Wara l-iżvelar finali, diversi partijiet interessati ikkuntestaw dawn is-sejbiet u saħqu li fl-investigazzjoni oriġinali kien diġà konkluż b’mod mhux korrett li l-ikkastjar magħmul minn ħadid fondut griż u duttili għandhom l-istess karatteristiċi u għandhom jitqiesu bħala prodott wieħed għall-għan tal-investigazzjoni. Dawn il-partijiet argumentaw li diversi fatturi jistgħu juru li ż-żewġ tipi ta’ kkastjar mhumiex paragunabbli u għandhom jitqiesu bħala prodotti differenti. B’mod partikolari, dawn il-partijiet semmew (i) id-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni li jwasslu għal (ii) karattersitiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi kompletament differenti u (iii) struttura differenti tal-ispejjeż u (iv) perċezzjoni differenti tal-konsumatur. Sabiex jappoġġjaw din l-allegazzjoni, diversi opinjonijiet esperti kif ukoll pubblikazzjonijiet f’rivisti professjonali kienu sottomessi lill-Kummissjoni. Dawn l-opinjonijiet tal-esperti ffukaw l-aktar fuq id-differenzi bejn il-ħadid fondut duttili u l-ħadid fondut griż fl-istruttura tal-graffit kif ukoll id-differenzi tekniċi, jiġifieri l-fatt li l-ħadid duttili tista’ tinbidillu l-forma taħt stress kompressiv filwaqt li l-ħadid griż jinqasam taħt l-istess kundizzjonijiet.

    (35)

    F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li din l-investigazzjoni kkonfermat li dawn huma fil-fatt id-differenzi bejn iż-żewġ tipi tal-prodott, jiġifieri l-ikkastjar tal-ħadid fondut griż u l-ikkastjar tal-ħadid fondut duttili. Il-fatt li l-manjeżju huwa miżjud matul il-proċess ta’ produzzjoni tal-ikkastjar tal-ħadid fondut duttili jbiddel l-istruttura tal-graffit minn laqxija/fuljettata għal sferika u jagħtiha karatteristiċi mekkaniċi differenti bħal ċerta deformità taħt stress kompressiv. Barra minn dan, l-ikkastjar tal-ħadid fondut duttili normalment għandhom bżonn disinn speċjali biex dawn jintrabtu mal-wiċċ. Madankollu, ta’ min jiftakar li hija prattika normali li wieħed jeżamina jekk prodotti jew tipi ta’ prodotti għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u jintużawx bażikament għall-istess użu biex ikun determinat jekk għandhomx jiffurmaw prodott wieħed għall-għan tal-investigazzjoni anti-dumping. Dan ifisser li t-tipi ta’ prodott ma għandhomx għalfejn ikunu identiċi f’kull aspett minn perspettiva xjentifika (jew perspettivi oħrajn), iżda li ċerti differenzi jistgħu jkunu aċċettati sakemm il-karatteristiċi bażiċi msemmija hawn fuq huma l-istess. Barra minn dan, ta’ min jiftakar li l-proċediment mhuwiex kontra l-importazzjoni tal-materjal innifsu pereżempju ħadid fondut, iżda kontra kkastjar użat biex jgħatti u/jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt il-wiċċ jew partijiet minnhom. L-insvestigazzjoni kkonfermat li l-ikkastjar tal-ħadid fondut duttili għandu l-istess karattersitiċi bażiċi ta’ kkastjar tal-ħadid fondut griż (ara l-argumenti fil-premessi (24)-(30) aktar ‘il fuq). Għaldaqstant, l-argument li l-ikkastjar tal-ħadid fondut griż u l-ikkastjar tal-ħadid fondut duttili ma għandhomx l-istess karatteristiċi bażiċi huwa miċħud.

    4.   Spralli tal-kanali

    (36)

    Fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni, żewġ kumpaniji allegaw li s-sistemi ta’ drenaġġ koperti mill-istandard EN 1433 ma għandhomx jaqgħu fl-ambitu tal-miżuri. Biex jappoġġjaw l-allegazzjoni tagħhom, il-partijiet interessati semmew li fir-Regolament tal-miżuri definittivi ssemma standard ieħor biss (EN 124) applikabbli għall-għatien tat-toqob tal-ispezzjonar u l-uċuħ tal-kanali, u li l-investigazzjoni oriġinali ffukat b’mod ċar fuq l-għatien tat-toqob tal-ispezzjonar.

    (37)

    L-ilmentatur allega li l-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni li tistipula l-qafas tar-reviżjoni parzjali interim ma jsemmix il-kwistjoni tal-ispralli tal-kanali u li għalhekk l-argumenti f’dan ir-rigward għandhom ikunu injorati. Dan l-argument huwa madankollu miċħud fid-dawl tal-fatt li l-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni stipula ukoll li l-ambitu tal-prodott għandu jkun ikkjarifikat. Il-fatt li ngħatat attenzjoni partikolari lill-kwistjoni jekk ikkastjar tal-ħadid fondut duttili huwiex kopert mill-miżuri ma jeskludix l-analiżi ta’ allegazzjonijiet oħrajn dwar l-ambitu tal-prodott.

    (38)

    L-ewwel nett kien eżaminat jekk l-ispralli tal-kanali kinux koperti mill-investigazzjoni oriġinali.

    (39)

    Kif imsemmi fil-premessa (14), l-Avviż ta’ bidu tal-investigazzjoni oriġinali ddeskriva l-prodott ikkonċernat bħala “ċerti prodotti tal-ħadid fondut mhux malleabbli ta’ tip użat biex jgħattu u/jew jipprovdu dħul f’sistemi mal-art jew taħt il-wiċċ, u partijiet ta’ dawn (…)”. Billi l-ispralli tal-kanali huma prodotti użati biex jgħattu sistemi mal-art jew taħt il-wiċċ u partijiet minnhom, l-Avviż ta’ bidu kellu jinqara li jinkludi spralli tal-kanali bħala tip ta’ kkastjar.

    (40)

    Barra minn dan, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment oriġinali espliċitament issemmi li l-prodott ikkonċernat “huwa normalment imsemmi b’referenza għall-użu tiegħu li huwa uċuħ tat-toqob tal-ispezzjonar (jew għatien tat-toqob tal-ispezzjonar), uċuħ tal-kanali jew spralli tal-kanali u kaxxi tal-wiċċ” (ara punt 3.2.). Referenza oħra għall-ispralli tal-kanali bħala parti mill-prodott ikkonċernat tinstab fil-punt 3.5 (id-drenaġġ effiċjenti tal-ilma tal-wiċċ) u 3.6.

    (41)

    Barra minn dan, l-ispralli tal-kanali kienu inklużi ukoll fid-deskrizzjoni tat-tipi tal-prodotti li kellhom ikunu rappurtati fil-kwestjonarju (numri ta’ kontroll tal-prodott) u l-partijiet kollha li kkooperaw li rċevew il-kwestjonarju kellhom jirrappurtaw il-bejgħ ta’ spralli tal-kanali wkoll. Għaldaqstant, is-sejbiet kollha dwar dumping, ħsara, kawża u interess Komunitarju tal-investigazzjoni oriġinali kienu jinkludu wkoll l-ispralli tal-kanali.

    (42)

    Barra minn dan, fir-Regolament tal-miżuri definittivi li kien ukoll żvelat lill-partijiet kollha interessati, b’mod partikolari fil-premessi (15)-(17), jissemma li l-ikkastjar huwa prinċipalment magħmul minn qafas li huwa mwaħħal fl-art u għatu jew sprall li jidhol flaxx ma’ kull wiċċ. Il-premessa (17) issemmi li l-għatien jew spralli huma disponibbli f’kull forma inkluż forom triangolari, tondi, kaxxi jew rettangolari, u aktar Fuq l-istess tema, fil-premessa (19) jissemma li l-preżentazzjonijiet differenti possibbli ta’ kkastjar bħall-għatien tat-toqob tal-ispezzjonar, għatien tal-kanali u kaxxi tal-wiċċ, huma suffiċjentement simili u għalhekk jiffurmaw prodott wieħed fl-ambitu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-kliem tar-Regolament tal-miżuri definittivi jindika li l-ispralli tal-kanali kienu inklużi wkoll bħala tip ta’ preżentazzjoni possibbli tal-ikkastjar.

    (43)

    Bħala konklużjoni, l-ispralli tal-kanali kienu inklużi fl-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni oriġinali, u dan seta’ jkun iddeterminat fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq.

    (44)

    Wara l-iżvelar finali, parti interessata allegat li la l-Avviż ta’ bidu u lanqas ir-Regolament tal-miżuri definittivi ma kienu ċari fir-rigward tal-inklużjoni tal-ispralli tal-kanali fl-ambitu tal-investigazzjoni. Din il-parti allegat li filwaqt li l-Avviż ta’ bidu tal-anqas ma kienx ċar fir-rigward tal-ispralli tal-kanali, il-premessa (16) tar-Regolament tal-miżuri definittivi speċifikat b’mod ċar li l-“ikkastjar għandu jipprovdi aċċess sigur u faċli għall-kamra ta’ taħt l-art, kemm għall-iskop ta’ spezzjonar fiżiku jew viżwali”. Billi s-sistemi tad-drenaġġ lineari ma jippermettux l-aċċess għall-bniedem għal kamra ta’ taħt l-art, iżda jservu għall-iskop tal-ilma tad-drenaġġ, huwa ċar li l-ispralli tal-kanali ma kinux koperti.

    (45)

    Mhuwiex miċħud li l-ispralli tal-kanali/sistemi tad-drenaġġ lineari li huma normalment magħmula minn kanal tad-drenaġġ u sprall fuqu jservu l-aktar għall-għan tad-drenaġġ tal-ilma minn wiċċ. Madankollu, dawn jippermettu wkoll għal aċċess sigur u faċli għal kamra taħt l-art li, f’dan il-każ, ikun il-kanal tad-drenaġġ. Jekk, pereżempju, il-kanal tad-drenaġġ ikun imblukkat bil-weraq jew oġġetti oħra, persuna tista’ wara li terfa’ l-isprall, taċċessa il-kanal tad-drenaġġ biex tneħħi l-imblukkar. Anke jekk wieħed jassumi li l-kanal tad-drenaġġ ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li jifforma parti mill-kamra taħt l-art billi l-ikkastjar sħiħ jagħti aċċess għaliha, wieħed jista’ xorta jargumenta li l-isprall tal-kanal jgħatti kavità lineari fl-art li kienet imħaffra biex tippermetti d-drenaġġ tal-ilma. Qed ikun enfasizzat ukoll li s-sentenza fil-premessa msemmija ssemmi li l-aċċess jista’ jkun għall-iskop ta’ spezzjoni viżwali li hija bla dubju possibbli fil-każ ta’ spralli tal-kanali. Barra minn dan, is-sentenza msemmija minn dik il-parti trid tinqara fil-kuntest, jiġifieri flimkien mal-premessa (15) u l-bidu tal-premessa (16) Kif imsemmi aktar ‘il fuq, hemm stipulat li “l-ikkastjar huwa normalment magħmul minn qafas li huwa mwaħħal fl-art, u għatu jew sprall, li jidhol flaxx ma’ kull wiċċ użat minn persuni bil-mixi u/jew vetturi u li jiflaħ direttament it-toqol u l-impatt tat-traffiku tal-persuni bil-mixi u/jew vetturi. (…) L-ikkastjar iservi l-għan li jgħatti kamra taħt l-art u jrid jiflaħ il-piż tat-traffiku ta’ vetturi bil-mutur u/jew persuni bil-mixi. L-għatu jew sprall irid jibqa’ mwaħħal sew fil-qafas sabiex ikun evitat it-tniġġis bl-istorbju, ħsara lill-persuni u lill-vetturi”. L-investigazzjoni wriet li l-ispralli tal-kanali huma normalment magħmula minn kanal tad-drenaġġ li huwa mħaffer fl-art, u sprall, li jidhol flaxx ma’ kull wiċċ użat minn persuni bil-mixi u/jew vetturi u li jiflaħ direttament it-toqol u l-impatt tat-traffiku tal-persuni bil-mixi u/jew vetturi. Barra minn dan, l-isprall tal-kanal jista’ jintuza biex jagħti aċċess u/jew dħul għal kamra taħt l-art u dawn iridu wkoll isostnu l-piż tat-toqol tat-traffiku tal-vetturi bil-mutur u/jew persuni bil-mixi. Għaldaqstant, l-argument li l-ispralli tal-kanali kienu b’mod ċar mhux inklużi huwa miċħud.

    (46)

    Fit-tieni stadju, biex ikun ikkjarifikat jekk is-sejbiet dwar spralli tal-kanali kinux korretti, kien eżaminat jekk l-ispralli tal-kanali għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bħall-ikkastjar l-ieħor u jekk kinux għalhekk korrettament ikkunsidrati, flimkien mat-tipi l-oħrajn ta’ kkastjar, bħala prodott wieħed.

    (47)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-ispralli tal-kanali huma kkastjar magħmul minn ħadid fondut griż jew duttili, u li huma ġeneralment magħmula minn qafas imwaħħal fl-art u sprall li joqgħod flaxx ma’ kull wiċċ. Il-qafas huwa poġġut direttament fuq il-wiċċ tal-kamra. L-ispralli tal-kanali jintużaw biex jgħattu l-art u jippermettu spezzjoni viżwali.

    (48)

    Filwaqt li huwa minnu li l-għan ewlieni tal-ispralli tal-kanali huwa d-drenaġġ tal-wiċċ minn ilma eċċessiv sabiex vetturi u ajruplani jkunu jistgħu jużaw it-triq/runway b’mod sigur, dan ma jeskludix li l-ispralli tal-kanal ma jservux l-għan li jgħattu kamra taħt l-art, kif imsemmi hawn fuq, u jridu wkoll isostnu l-piż tal-vetturi. Barra minn hekk, tipi oħrajn ta’ kkastjar (bħal uċuħ tal-kanali), ukoll, għandhom il-funzjoni tad-drenaġġ tal-ilma eċċessiv.

    (49)

    Fir-rigward tal-argument tal-istandard nieqes EN 1433 fir-Regolament tal-miżuri definittivi, ta’ min jinnota li fil-premessi (26) u (27) saret referenza għal EN 124 fil-prodott simili b’konnessjoni ma’ allegazzjoni mill-partijiet interessati li l-ikkastjar magħmul u mibjugħ fir-RPĊ u l-ikkastjar magħmul u mibjugħ mill-industrija Komunitarja mhumiex l-istess. Dan, min-naħa l-oħra, ma jfissirx li l-prodotti koperti minn EN 1433 ma kinux koperti. Ir-referenza (jew nuqqas tagħha) ta’ norma EN speċifika f’Regolament hija mogħtija biss għall-informazzjoni, u ma jfissirx li m’hemm l-ebda norma oħra li tista’ tkun applikabbli. Barra minn dan, l-istandard EN 1433 kien standard ġdid fiż-żmien tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (April 2003 – Marzu 2004), applikabbli minn Awwissu 2003, u kien jeżisti flinkien mal-istandards nazzjonali sa Awwissu 2004. Għaldaqstant, fil-ħin tal-ġbir tad-dejta matul l-investigazzjoni oriġinali, dan l-istandard ma kienx operattiv bis-sħiħ u kien jeżisti flimkien ma’ standards oħrajn li jkopru l-istess prodott.

    (50)

    Għaldaqstant, huwa kkonfermat li din il-preżentazzjoni partikolari tal-ikkastjar għandha l-istess karattersitiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi ta’ għatien oħra ta’ toqob tal-ispezzjonar, uċuħ tal-kanali jew kaxxi tal-wiċċ.

    (51)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa kkjarifikat li l-prodotti li jaqgħu taħt EN 1433 kienu suġġetti għall-ambitu tal-prodott u għandhom jibqgħu suġġetti għall-miżuri billi d-differenza misjuba fl-għan prinċipali mhijiex sinifikanti biżżejjed biex tiġġustifika l-esklużjoni ta’ din il-forma ta’ kkastjar.

    5.   Il-bżonn għal emenda tal-parti operattiva tar-Regolament tal-miżuri definittivi – rimarki finali

    (52)

    Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, kien finalment ikkunsidrat xieraq li jkun eżaminat jekk il-kliem tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-miżuri definittivi u l-premessi (18) – (29) ta’ dak ir-Regolament kinux f’armonija mas-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali u s-sejbiet ta’ hawn fuq. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni kienet eżaminata biex ikun identifikat jekk wara kollox kienx hemm bżonn għal emenda tal-parti operattiva tar-Regolament tal-miżuri definittivi, u jekk setax wieħed jargumenta li l-verżjoni kurrenti tal-Artikolu 1 kinitx diġà tkopri b’mod ċar kull tip ta’ kkastjar tal-ħadid duttili. F’dan ir-rigward, il-kummenti li waslu minn partijiet interessati fuq il-parti tad-definizzjoni tal-prodott tar-Regolament tal-miżuri definittivi kienu wkoll ikkunsidrati kif xieraq.

    (53)

    Ta’ min jiftakar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-miżuri definittivi jistipula li l-ikkastjar tal-ħadid fondut “mhux malleabbli” għandu jkun kopert. ta’ min jiftakar ukoll li l-investigazzjoni wriet li l-ħadid fondut duttili għandu d-duttilità tal-plastik (ara l-premessa 30).

    (54)

    Il-mistoqsija li għalhekk qamet kienet jekk il-ħadid fondut duttili għandux dejjem ikun ikkunsidrat bħala “mhux malleabbli” minn perspettiva teknika minkejja l-fatt li dan għandu d-duttilità tal-plastik. Fix-xjenza materjali “malleabbiltà” tirreferi għall-abilità tal-materjal li jibdel il-forma taħt stress kompressiv li huwa kkaratterizzat mill-abilità tal-materjal li jifforma folja rqiqa meta jkun imsammar jew imrembel. F’dan il-kuntest kien allegat mill-industrija Komunitarja li l-kunċett ta’ kkastjar magħmul minn ħadid fondut “mhux malleabbli” fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-miżuri definittivi jista’ jirreferi għall-ikkastjar kollu li mhuwiex magħmul minn ħadid fondut malleabbli, u dan jinkludi kkastjar tal-ħadid fondut griż u ħadid fondut duttili. Kien għalhekk allegat li f’dan is-sens, wieħed jista’ jargumenta li anke kkastjar tal-ħadid fondut duttili, meta mqabbel ma’ ħadid fondut malleabbli, mhuwiex malleabbli u għalhekk kopert mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-miżuri definittivi mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (55)

    Madankollu, ta’ min jinnota li d-duttibbiltà u l-malleabbilità mhux dejjem għandhom korrelazzjoni; pereżempju, id-deheb huwa kemm duttili kif ukoll malleabbli, iżda ċ-ċomb huwa biss malleabbli. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni kienet ipprovduta evidenza li l-ħadid fondut duttili ma jbiddilx biss il-forma taħt stress tensili, iżda wkoll taħt stress kompressiv sa ċertu punt. Għaldaqstnat, minn perspettiva teknika jidher, li l-ħadid fondut duttili ma għandux jitqies bħala mhux malleabbli (f’liema każ ma jkun hemm l-ebda bżonn għal emenda tal-parti operattiva tar-Regolament tal-miżuri definittivi).

    (56)

    Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-ikkastjar tal-ħadid fondut duttili kien kopert mill-investigazzjoni oriġinali. Sabiex tkun eskluża kull ambigwità possibbli fl-interpretazzjoni, ir-Regolament tal-miżuri definittvi għandu jinbidel skont dan. B’mod partikolari, ta’ min jiċċara li l-ambitu tal-prodott ikopri kkastjar tal-ħadid fondut mhux malleabbli u tal-ħadid fondut sferiku tal-graffit (ħadid duttili). Barra minn dan kodiċi tan-NM addizzjonali għandu jkun inkluż, jiġifieri kodiċi NM ex 7325 99 10 li jirreferi għal “prodotti oħra tal-fondut tal-ħadid u tal-azzar tal-ħadid fondut malleabbli”. Dan kien neċessarju biex ikun żgurat li d-dazju anti-dumping li kien meqjus xieraq għal (fost l-oħrajn) dan it-tip ta’ kkastjar tal-ħadid fondut duttili matul l-investigazzjoni orġinali issa jibda jsir applikabbli għalih.

    6.   Ir-retroattività

    (57)

    Fl-Avviż ta’ bidu tar-reviżjoni, il-partijiet interessati kienu espliċitament mistiedna jikkummentaw dwar effett possibbli li r-retroattività tal-konklużjonijiet jista’ jkollha. Il-kwistjoni tar-retroattività kienet indirizzata minn diversi partijiet matul is-seduti u fis-sottomissjonijiet. B’mod ġenerali, il-partijiet kollha minbarra l-industrija Komunitarja esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-applikazjoni tar-retroattività tar-riżultati tar-reviżjoni.

    (58)

    F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-investigazzjoni kurrenti wriet li l-parti operattiva tar-Regolament tal-miżuri definittivi għandha tkun emendata sabiex ikun iċċarat l-ambitu tal-prodott u li għandu jiżdied kodiċi NM addizzjonali. Barra minn dan, jidher li fil-passat, xi operaturi bbażaw l-operat kummerċjali tagħhom fuq is-suppożizzjoni li kkastjar tal-ħadid duttili ma kienx kopert mid-dazju anti-dumping. Jekk l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ dan l-ikkastjar ikun retroattivament suġġett għad-dazju anti-dumping, l-operazzjonijiet ekonomiċi ta’ dawk l-operaturi jkunu affettwati b’mod serju. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jidher aktar xieraq li l-kjarifikazzjoni tal-ambitu tal-prodott għandu jkollha effett esklussivament għall-futur.

    E.   KONKLUŻJONI

    (59)

    Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq, huwa kkunsidrat xieraq li r-Regolament (KE) Nru 1212/2005 ikun rivedut sabiex l-ambitu tal-prodott kopert minn dak ir-Regolament ikun iċċarat u biex jiddaħħal li l-ambitu tal-prodott jinkludi ħadid fondut mhux malleabbli u ħadid fondut sferiku tal-graffit (ħadid duttili). Barra minn dan, kodiċi addizjonali NM għandha tkun inkluża jiġifieri kodiċi NM ex 7325 99 10.

    (60)

    Is-sejbiet u l-proposta kienu żvelati lill-partijiet interessati u l-kummenti tagħhom ikkunsidrati fejn xieraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1212/2005 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Qiegħed jiġi b’dan impost dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ kkastjar tal-ħadid fondut mhux malleabbli u ħadid fondut graffit sferiku (ħadid duttili) tat-tip użat biex jgħatti u/jew jagħti aċċess għal sistemi fl-art jew taħt l-art, u partijiet minnhom, kemm jekk ikunu maħdumin bil-magni u kemm jekk le, miksijin jew miżbugħin jew iffitjati b’materjali oħra, minbarra idranti tat-tifi tan-nar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bħalissa kklassifikat bil-kodiċi NM 7325 10 50, 7325 10 92, ex 7325 10 99 (kodiċi Taric 7325109910) u ex 7325 99 10 (kodiċi Taric 7325991010).”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. SLAMEČKA


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1

    (2)  ĠU L 199, 29.7.2005, p. 1

    (3)  ĠU L 47, 17.2.2006, p. 59

    (4)  ĠU L 47, 17.2.2006, p. 3.

    (5)  ĠU L 94, 8.4.2009, p. 1.

    (6)  ĠU C 74, 20.3.2008, p. 66.

    (7)  ĠU C 104, 30.4.2004, p. 62.


    Top