Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0076

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 76/2009 tas- 26 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-arranġamenti għal dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

    ĠU L 23, 27.1.2009, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2835

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/76/oj

    27.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 23/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 76/2009

    tas-26 ta' Jannar 2009

    li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-arranġamenti għal dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 143(b) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 504/2007 (2) jipprovdi li l-importatur jista', fuq talba, għat-twaqqif tad-dritt addizzjonali, jkollu l-prezz CIF tal-importazzjoni tal-kunsinna partikolari applikat, meta dan ikun aktar mill-prezz rappreżentattiv applikabbli kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tiegħu. Fin-nuqqas ta’ talba bħal din, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi li d-dritt addizzjonali għandu jitwaqqaf abbażi tal-prezz rappreżentattiv kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tal-istess Regolament.

    (2)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropew fis-sentenza tagħha mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2001 fil-każ C-317/99 Kloosterboer Rotterdam BV v Minister van Landbouw, Natuurbeheer en Visserij  (3) iddikjara li l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95 tat-28 ta’ Ġunju 1995 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali tal-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd għall-albumina tal-bajd, u jħassar ir-Regolament Nru 163/67/KEE (4), huma invalidi, minħabba li jipprovdu li d-dazju addizzjonali kif inhu msemmi f’dak ir-Regolament, bħala regola ġenerali, huwa stabbilit abbażi tal-prezz rappreżentattiv kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1484/95 u li d-dazju huwa stabbilit abbażi tal-prezz CIF tal-importazzjoni tal-ġarr ikkonċernat sakemm l-importatur jitlob dan. Dawk il-paragrafi kienu l-istess bħall-Artikoli 4(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 504/2007. L-Artikolu 28(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (5) jikkorrispondi mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (6). L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 504/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (3)

    Sabiex ikun konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti, ir-Regolament (KE) Nru 504/2007 għandu jiġi emendat skont kif xieraq.

    (4)

    Mill-1 ta’ Jannar 2008, xi kodiċijiet NM tal-Kapitolu 4 ġew emendati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 tal-20 ta’ Settembru 2007 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (7). L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 504/2007 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 504/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2 il-paragrafu (3) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Id-dazji addizzjonali applikabbli skont l-Artikolu 4 għandhom ikunu ffissati mill-Kummissjoni fl-istess żmien li jkunu ffissati l-prezzijiet rappreżentattivi.”

    (2)

    Il-frażi introduttorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Jekk id-differenza bejn il-prezz indikattiv in kwistjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) u l-prezz CIF tal-importazzjoni tal-konsenja in kwistjoni:”

    (3)

    L-Artikolu 4 jinbidel kif ġej:

    “Artikolu 4

    1.   Id-dazju addizzjonali għandu jiġi stabbilit abbażi tal-prezz CIF tal-importazzjoni tal-konsenja f'dak il-każ bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.

    2.   Meta l-prezz CIF tal-importazzjoni għal kull 100 kg ta' konsenja jkun ogħla mill-prezz rappreżentattiv applikabbli msemmi fl-Artikolu 2(2), l-importatur għandu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jimportaw għall-anqas il-provi li ġejjin:

    (a)

    il-kuntratt tax-xiri, jew kwalunkwe dokument ieħor ekwivalenti għal dan,

    (b)

    il-kuntratt tal-assigurazzjoni,

    (c)

    il-fattura,

    (d)

    iċ-ċertifikat tal-oriġini (meta applikabbli),

    (e)

    il-kuntratt tat-trasport,

    (f)

    u, fil-każ ta' trasport bil-baħar, il-polza tal-merkanzija.

    3.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, l-importatur għandu jippreżenta l-garanzija msemmija fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (*), daqs l-ammont ta' dazju addizzjonali li kien ikollu jħallas li kieku l-kalkolu tad-dazju addizzjonali sar abbażi tal-prezz rappreżentativ applikabbli għall-prodott in kwistjoni.

    4.   L-importatur għandu jkollu xahar żmien mill-bejgħ tal-prodotti in kwistjoni, liema żmien ikun suġġett għal limitu ta' sitt xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, sabiex jipprova li l-konsenja tkun għaddiet skont il-kondizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezzijiet kif imsemmija fil-paragrafu 2. Il-garanzija mogħtija tintilef f’każ li ma tkunx irrispettata din id-data ta’ skadenza jew xi data oħra. Madankollu, il-limitu ta' sitt xhur żmien jista’ jiġi estiż mill-awtoritajiet kompetenti sa massimu ta' tliet xhur fuq talba tal-importatur, liema talba għandha tiġi ġġustifikata mill-importatur.

    Il-garanzija mogħtija għandha tkun rilaxxata sakemm il-kundizzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-konsenja jkunu ppruvati u pprovduti għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali.

    Inkella, il-garanzija tintilef billi jitħallsu d-dazji addizzjonali.

    5.   Jekk wara li ssir verifikazzjoni l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu ma ntlaħqux, huma għandhom jirkupraw id-dazju dovut lilhom skont l-Artikolu 220 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. L-ammont tad-dazju li għandu jew li għad irid jiġi rkuprat għandu jinkludi interessi mid-data li fiha l-provvisti kienu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera sad-data ta’ rkupru. Ir-rata ta’ interess applikata għandha tkun dik li hemm fis-seħħ rigward operazzjonijiet ta’ rkupru skont il-liġi nazzjonali.

    (*)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.”."

    (4)

    L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fl-ewwel kolonna:

    il-kodiċi 0402 91 11 jinbidel bil-kodiċi 0402 91 10,

    il-kodiċi 0402 91 31 jinbidel bil-kodiċi 0402 91 30,

    il-kodiċi 0402 99 11 jinbidel bil-kodiċi 0402 99 10;

    (b)

    il-kodiċijiet 0402 91 19 u 0402 91 39, u d-dejta li għandha x’taqsam ma’ dawk il-kodiċijiet, jitħassru.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Jannar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 119, 9.5.2007, p. 7.

    (3)  Rapporti tal-Qorti Ewropea 2001 Paġna I-09863.

    (4)  ĠU L 145, 29.6.1995, p. 47.

    (5)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48.

    (6)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 77.

    (7)  ĠU L 286, 31.10.2007, p. 1.


    Top