EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0113

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/113/KE tal- 25 ta’ Awwissu 2009 li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan

ĠU L 223, 26.8.2009, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/113/oj

26.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 223/31


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/113/KE

tal-25 ta’ Awwissu 2009

li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti minimi tal-idonejità medika għas-sewqan mhumiex armonizzati għalkollox. L-Istati Membri jistgħu jimponu standards aktar stretti mir-rekwiżiti minimi Ewropej, kif stipulati fl-Anness III fil-punt 5 tad-Direttiva 2006/126/KE.

(2)

Peress li l-eżistenza ta’ rekwiżiti differenti fi Stati Membri differenti tista’ taffettwa l-prinċipju ta’ moviment liberu l-Kunsill talab speċifikament għal reviżjoni tal-istandards mediċi għal-liċenzjar tas-sewwieqa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ġunju 2000.

(3)

F’konformità ma’ din ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni issuġġeriet li għandu jkun hemm ħidma fuq perjodu ta’ żmien medju u twil sabiex jiġi adattat l-Anness III għall-progress xjentifiku u tekniku kif stipulat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/126/KE.

(4)

Il-vista, id-dijabete u l-epilessija ġew identifikati bħala kundizzjonijiet mediċi li jaffettwaw l-idonejità għas-sewqan u li kien meħtieġ li jiġu kkunsidrati; għal dan il-għan twaqqfu gruppi ta’ ħidma li fihom hemm speċjalisti magħżula mill-Istati Membri.

(5)

Dawn il-gruppi ta’ ħidma pproduċew rapporti sabiex jiġu aġġornati l-punti rilevanti tal-Anness III għad-Direttiva 2006/126/KE.

(6)

Id-Direttiva 2006/126/KE għandha, għalhekk, tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-liċenzji tas-sewqan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III għad-Direttiva 2006/126/KE ġie emendat kif muri fl-Anness.

Artikolu 2

(1)   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sena mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir it-tali referenza.

(2)   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 403, 30 12.2006, p. 18.


ANNESS

L-Anness III għad-Direttiva 2006/126/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“VISTA

6.

L-applikanti kollha għal liċenzja tas-sewqan għandhom jgħaddu minn investigazzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat li għandhom vista ċara biżżejjed sabiex isuqu vetturi bil-mutur. Fejn ikun hemm raġuni ta’ dubju dwar jekk il-vista tal-applikant hix adegwata, dan/din għandu/għandha jiġi/tiġi eżaminat/a minn awtorità medika kompetenti. F’dan l-eżami għandha tingħata attenzjoni, b’mod partikolari, għal dan li ġej: l-akutezza fil-vista, il-kamp viżiv, il-vista f’dawl newwiemi, is-sensittività għad-dija u l-kuntrast, id-diplopija u funzjonijiet oħra tal-vista li jistgħu jikkompromettu s-sewqan sikur.

Għas-sewwieqa tal-Grupp 1, il-liċenzja tista’ tingħata f′‘każijiet eċċezzjonali’ fejn l-istandard tal-kamp jew tal-akutezza fil-vista ma jkunux intlaħqu; f’każijiet bħal dawn is-sewwieq għandu jsirlu eżami minn awtorità medika kompetenti sabiex jintwera li m’hemm l-ebda ħsara oħra fil-funzjoni tal-vista, inklużi s-sensittività għad-dija u l-kuntrast u l-vista f’dawl newwiemi. Is-sewwieq jew l-applikant għandu wkoll isirlu test prattiku pożittiv minn awtorità kompetenti.

Grupp 1:

6.1.

L-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan jew għat-tiġdid ta’ din il-liċenzja għandu jkollhom akutezza binokulari fil-vista, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa, ta’ mill-inqas 0,5 meta jintużaw iż-żewġ għajnejn flimkien.

Barra minn hekk, il-firxa orizzontali tal-vista għandha tkun ta’ mhux inqas minn 120 grad, l-estensjoni għandha tkun tal-inqas 50 grad fuq il-lemin u fuq ix-xellug u 20 grad ‘il fuq u ‘l isfel. Ma għandux ikun hemm difetti f’radju mill-20 grad ċentrali.

Meta tinstab jew tiġi ddikjarata marda progressiva tal-għajnejn, jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu l-liċenzji tas-sewqan bil-kundizzjoni li l-applikant isirlu eżami regolari minn awtorità medika kompetenti.

6.2.

L-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan, jew għat-tiġdid ta’ tali liċenzja, li jkollhom telf funzjonali totali tal-vista f’għajn waħda jew li jużaw għajn waħda biss (eż. fil-każ tad-diplopija) għandu jkollhom akutezza fil-vista ta’ mill-inqas 0,5, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa. L-awtorità medika kompetenti għandha tiċċertifika li din il-kundizzjoni ta’ vista monokulari kienet ilha teżisti biżżejjed hekk li tippermetti l-addattament u li l-kamp tal-vista f’din l-għajn jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 6.1.

6.3.

Wara żvilupp reċenti tad-diplopija jew wara t-telf ta’ vista f’għajn waħda, għandu jkun hemm perjodu ta’ adattament xieraq (pereżempju sitt xhur), li matulhom mhux permess sewqan. Wara dan il-perjodu, is-sewqan ikun permess biss wara opinjoni favorevoli mingħand esperti tal-vista u tas-sewqan.

Grupp 2:

6.4.

L-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan jew għat-tiġdid ta’ tali liċenzja għandu jkollhom akutezza fil-vista, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa, ta’ mill-inqas 0,8 fl-aħjar għajn u ta’ mill-inqas 0,1 fl-agħar għajn. Jekk jintużaw lentijiet korrettivi biex jintlaħqu l-valuri ta’ 0,8 u 0,1, l-akutezza minima (0,8 u 0,1) għandha tintlaħaq jew b’korrezzjoni permezz ta’ nuċċali b’qawwa ta’ mhux aktar minn + tmien dijopteri, jew bl-għajnuna ta’ lentijiet tal-kuntatt. Il-korrezzjoni jeħtieġ li tkun ittollerata sew.

Barra minn hekk, il-kamp orizzontali tal-vista biż-żewġ għajnejn għandha tkun ta’ mhux inqas minn 160 grad, l-estensjoni għandha tkun tal-inqas 70 grad fuq il-lemin u fuq ix-xellug u 30 grad ’il fuq u ’l isfel. Ma għandux ikun hemm difetti f’radju mit-30 grad ċentrali.

Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn sensittività għall-kuntrast imnaqqsa jew minn diplopija.

Wara telf sostanzjali ta’ vista minn għajn waħda, għandu jkun hemm perjodu ta’ adattament xieraq (pereżempju sitt xhur), li matulhom il-persuna ma titħalliex issuq. Wara dan il-perjodu, is-sewqan ikun permess biss wara opinjoni favorevoli mingħand esperti tal-vista u tas-sewqan.”

(2)

Il-punt 10 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“DIABETES MELLITUS

10.

Fil-paragrafi li ġejjin, ipogliċemija severa tfisser li hi meħtieġa l-għajnuna ta’ persuna oħra u ipogliċemija rikorrenti hija ddefinita bħala t-tieni ipogliċemija severa matul perjodu ta’ 12-il xahar.

Grupp 1:

10.1.

Il-liċenzji tas-sewqan għall-applikanti jew għas-sewwieqa li jsofru minn diabetes mellitus jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu. Meta jkunu qed jiġu ttrattati b’mediċina, għandhom ikunu suġġetti għal opinjoni medika awtorizzata u reviżjoni medika regolari, kif xieraq għal kull każ, iżda l-intervall ma għandux ikun ta’ iktar minn ħames snin.

10.2.

La għandhom jinħarġu u lanqas jiġġeddu l-liċenzji tas-sewqan għall-applikanti jew għas-sewwieqa li għandhom ipogliċemija rikorrenti severa u/jew għarfien ħażin tal-ipogliċemija. Sewwieq bid-dijabete għandu juri għarfien tar-riskju tal-ipogliċemija u kontroll xieraq tal-kundizzjoni.

Grupp 2:

10.3.

Tista’ tingħata kunsiderazzjoni għall-ħruġ/it-tiġdid ta’ liċenzji tal-Grupp 2 għal sewwieqa bid-diabetes mellitus. Meta jkunu qed jiġu ttrattati b’mediċina li għandha r-riskju li ġġib l-ipogliċemija (jiġifieri, bl-insulina u xi pilloli), il-kriterji li ġejjin għandhom japplikaw:

ma kien hemm l-ebda avveniment ta’ ipogliċemija severa fl-aħħar 12-il xahar,

is-sewwieq huwa totalment konxju mill-ipogliċemija,

is-sewwieq għandu juri kontroll adegwat tal-kundizzjoni permezz ta’ monitoraġġ regolari taz-zokkor fid-demm, tal-inqas darbtejn kuljum u f’ħinijiet rilevanti għas-sewqan,

is-sewwieq għandu juri għarfien tar-riskji tal-ipogliċemija,

m’hemm l-ebda kumplikazzjoni oħra tad-dijabete li tipprojbixxi s-sewqan.

Barra minn hekk, f’dawn il-każijiet, tali liċenzji għandhom jinħarġu skont l-opinjoni ta’ awtorità medika kompetenti u vista medika regolari, li ssir f’intervalli ta’ mhux iktar minn tliet snin.

10.4.

Avveniment ta’ ipogliċemija severa waqt li wieħed ikun imqajjem, anke jekk ma jkunx relatat mas-sewqan, għandu jkun irrappurtat u għandu jagħti lok għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-istat tal-liċenzja.”

(3)

Il-punt 12 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“EPILESSIJA

12.

L-attakki epilettiċi jew disturbi oħra għall-għarrieda fl-istat ta’ koxjenza huma ta’ periklu serju għas-sikurezza fit-triq jekk iseħħu meta persuna tkun qiegħda ssuq vettura li taħdem bil-mutur.

L-epilessija hija ddefinita bħala żewġ attakki epilettiċi jew aktar b’inqas minn ħames snin bejn kull attakk. Attakk epilettiku pprovokat huwa ddefinit bħala attakk li ġie kkawżat minn fattur rikonoxxut li jista’ jiġi evitat.

Persuna li kellha attakk inizjali jew iżolat jew telf ta’ koxjenza għandha tingħata l-parir li ma ssuqx. Ikun meħtieġ rapport ta’ speċjalista li jistabbilixxi l-perjodu li tulu s-sewqan se jkun ipprojbit u s-segwitu rikjest.

Huwa estremament importanti li s-sindromu speċifiku tal-epilessija tal-persuna u t-tip ta’ attakk ikunu identifikati biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni xierqa tas-sikurezza tas-sewqan tal-persuna (inkluż ir-riskju ta’ attakki ulterjuri) u t-terapija xierqa li għandha tingħata. Dan għandu jsir minn newrologu.

Grupp 1:

12.1.

Is-sewwieqa evalwati taħt il-grupp 1 bl-epilessija għandu jkollhom il-liċenzja riveduta sakemm għal tal-inqas ħames snin ma jkun tahom l-ebda attakk.

Jekk il-persuna għandha l-epilessija, il-kriterji għal liċenzja mingħajr kundizzjonijiet ma jkunux intlaħqu. L-Awtorità tal-Liċenzji għandha tiġi nnotifikata.

12.2.

Attakki ta’ epilessija provokati: l-applikant li kellu attakk ta’ epilessija provokat minħabba fattur provokattiv rikonoxxut li x’aktarx ma jerġax iseħħ waqt li jkun qed isuq jista’ jiġi ddikjarat li jista’ jsuq fuq bażi individwali, skont opinjoni newroloġika (il-valutazzjoni għandha tkun, fejn xieraq, f’konformità ma’ taqsimiet oħra tal-Anness III, eż. fil-każ ta’ alkoħol jew komorbidità oħra).

12.3.

L-ewwel attakk jew attakk individwali mhux provokat: l-applikant li kellu l-ewwel attakk mhux provokat ta’ epilessija jista’ jiġi ddikjarat li jista’ jsuq wara perjodu ta’ sitt xhur mingħajr attakki, jekk kien hemm valutazzjoni medika xierqa. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jħallu sewwieqa b’indikaturi pronostiċi rikonoxxuti tajbin isuqu qabel.

12.4.

Telf ieħor ta’ koxjenza: It-telf ta’ koxjenza għandu jiġi vvalutat skont ir-riskju li dan jerġa’ jiġri waqt is-sewqan.

12.5.

Epilessija: Is-sewwieqa jew l-applikanti jistgħu jiġu ddikkjarati tajbin biex isuqu wara perjodu ta’ sena mingħajr attakki ulterjuri.

12.6.

Attakki li jseħħu esklussivament waqt l-irqad: L-applikant jew is-sewwieq li qatt ma bata minn attakki ħlief waqt l-irqad jista’ jiġi ddikjarat tajjeb biex isuq sakemm dan il-mudell ġie stabbilit għal perjodu li ma għandux ikun inqas mill-perjodu ta’ mingħajr attakki meħtieġ għall-epilessija. Jekk iseħħ attakk waqt li wieħed ikun imqajjem, ikun meħtieġ perjodu ta’ sena mingħajr avveniment ieħor qabel ma tingħata l-liċenzja (ara ‘Epilessija’).

12.7.

Attakki fejn il-koxjenza jew il-kapaċità li taġixxi ma jiġux affettwati: L-applikant jew is-sewwieq li qatt ma bata minn attakki ħlief minn attakki fejn intwera esklussivament li la jaffettwaw il-koxjenza u lanqas ma jikkawżaw xi tfixkil funzjonali jista’ jiġi ddikjarat tajjeb biex isuq sakemm dan il-mudell ġie stabbilit għal perjodu li ma għandux ikun inqas mill-perjodu ta’ mingħajr attakki meħtieġ għall-epilessija. Jekk iseħħ kull tip ta’ attakk ieħor, ikun meħtieġ perjodu ta’ sena mingħajr avveniment ieħor qabel ma tingħata l-liċenzja (ara ‘Epilessija’).

12.8.

Attakki minħabba tibdil li sar min-naħa tat-tabib jew tnaqqis tat-terapija kontra l-epilessija: Il-pazjent jista’ jingħata l-parir biex ma jsuqx mill-bidu tal-perjodu tal-irtirar ‘il quddiem għal perjodu ta’ sitt xhur wara li jitwaqqaflu t-trattament. L-attakki li jseħħu waqt tibdil fuq parir tat-tabib jew irtirar ta’ mediċina jeħtieġu tliet xhur mingħajr sewqan jekk jerġa’ jinbeda t-trattament li kien effettiv qabel.

12.9.

Wara operazzjoni ta’ kura għall-epilessija: ara ‘Epilessija’.

Grupp 2:

12.10.

L-applikant għandu jkun mingħajr mediċina kontra l-epilessija għall-perjodu meħtieġ mingħajr attakki. Kien hemm segwitu mediku xieraq. Waqt investigazzjoni newroloġika estensiva, l-ebda patoloġija tal-moħħ ma ġiet stabbilita u m’hemm l-ebda attività epilettika fuq l-elettroenċefalogramm (EEG). Għandhom isiru EEG u valutazzjoni newroloġika xierqa wara episodju akut.

12.11.

Attakki ta’ epilessija provokati: L-applikant li kellu attakk provokat ta’ epilessija minħabba fattur provokattiv rikonoxxut li x’aktarx ma jerġax iseħħ waqt li jkun qed isuq jista’ jiġi ddikjarat li jista’ jsuq fuq bażi individwali, skont opinjoni newroloġika. Għandhom isiru EEG u valutazzjoni newroloġika xierqa wara episodju akut.

Persuna b’ferita strutturali intraċerebrali li għandha riskju akbar ta’ attakki ma għandhiex tkun tista’ ssuq vetturi tal-grupp 2 sakemm ir-riskju tal-epilessija ma jkunx niżel għal mill-inqas 2 % kull sena. Il-valutazzjoni għandha tkun, jekk xieraq, f’konformità mat-taqsimiet l-oħra rilevanti tal-Anness III (eż. fil-każ tal-alkoħol).

12.12.

L-ewwel attakk jew attakk individwali mhux provokat: l-applikant li kellu l-ewwel attakk ta’ epilessija mhux provokat jista’ jiġi ddikjarat li jista’ jsuq meta jgħaddu ħames snin mingħajr attakki ulterjuri mingħajr l-għajnuna ta’ drogi kontra l-epilessija, jekk kien hemm valutazzjoni newroloġika xierqa. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jħallu sewwieqa b’indikaturi pronostiċi rikonoxxuti tajbin isuqu qabel.

12.13.

Telf ieħor ta’ koxjenza: It-telf ta’ koxjenza għandu jiġi vvalutat skont ir-riskju li dan jerġa’ jseħħ waqt is-sewqan. Ir-riskju li jerġa jseħħ għandu jkun ta’ 2 % kull sena jew inqas.

12.14.

Epilessija: Għandhom jgħaddu 10 snin mingħajr attakki ulterjuri mingħajr l-għajnuna ta’ drogi kontra l-epilessija. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jħallu sewwieqa b’indikaturi pronostiċi rikonoxxuti tajbin isuqu qabel. Dan japplika wkoll f’każ ta’ ‘epilessija fil-minorenni’.

Ċertu mard (eż. malformazzjoni arterjovenuża jew emorraġija intraċerebrali) joħolqu riskju akbar ta’ attakki, anke jekk l-attakki jkunu għadhom ma seħħux. F’sitwazzjoni bħal din, għandha ssir valutazzjoni minn awtorità medika kompetenti; ir-riskju li jkun hemm attakk għandu jkun ta’ 2 % kull sena jew inqas sabiex tingħata l-liċenzja.”


Top