Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0973

2009/973/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar l-għajnuna għar-ristrutturar għal COMBUS AS (notifikata bid-dokument C(2009) 4538) Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 345, 23.12.2009, pp. 28–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/973/oj

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar l-għajnuna għar-ristrutturar għal Combus AS

(notifikata bid-dokument C(2009) 4538)

(Il-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/973/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

B’ittra li ġġib id-data tat-30 ta’ Novembru 2000, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw il-ħsieb tagħhom li jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-kumpanija tal-Istat tal-karozzi tal-linja Combus A/S (minn issa ’l quddiem, “Combus”) rigward il-bejgħ tagħha lil Arriva Denmark A/S (minn issa ‘l quddiem, “Arriva”).

(2)

Qabel in-notifika, il-Kummissjoni kienet irċeviet ittra, li ġġib id-data tal-25 ta’ Ġunju 1999, u lment li jġib id-data tal-11 ta’ Novembru 1999, mill-assoċjazzjoni kummerċjali “Danske Busvognmaend” (2), li permezz ta’ dan, l-assoċjazzjoni kkritikat l-appoġġ finanzjarju li ngħata lil Combus fl-imgħoddi u l-appoġġ finanzjarju l-ġdid li possibbilment se jingħata fil-ġejjieni.

(3)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-15 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Daniżi li weġbuha lura b’ittra li ġġib id-data tat-18 ta’ Diċembru 2000. L-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni pprovdiet ukoll informazzjoni b’ittra li ġġib id-data tal-20 ta’ Diċembru 2000. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew iktar informazzjoni b’ittra li ġġib id-data tat-8 ta’ Jannar 2001. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fid-9 ta’ Jannar 2001 u l-awtoritajiet Daniżi wieġbu dakinhar stess. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew iktar informazzjoni b’ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Jannar 2001 u b’ittra li ġġib id-data tas-26 ta’ Frar 2001.

(4)

Il-laqgħat bejn l-awtoritajiet Daniżi u s-servizzi tal-Kummissjoni saru fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 2000 u fid-19 ta’ Diċembru 2000 u f’Kopenħagen fl-4 ta’ Jannar 2001 u fil-15 ta’ Jannar 2001.

(5)

Bid-deċiżjoni SG(2001) D/287297 tat-28 ta’ Marzu 2001 (minn issa ‘l quddiem, “id-deċiżjoni inizjali”), il-Kummissjoni, wara valutazzjoni preliminari, iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżuri nnotifikati, minħabba li dawn

ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (fejn għandu x’jaqsam il-ħlas ta’ kumpens ta’ DKK 100 miljun f’pensjonijiet), jew

kienu kompatibbli, għal ammont ta’ DKK 162 miljun (3), mas-suq komuni bbażat fuq l-Artikolu 73 KE jew l-Artikolu 87(3)(c) KE flimkien mal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (4) (minn issa ‘l quddiem, “il-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar”),

kienu kompatibbli, għal ammont ta’ DKK 328 miljun (5), mas-suq komuni bbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (6).

(6)

Id-deċiżjoni kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali fil-5 ta’ Mejju 2001 (7). Il-Kummissjoni informat lil “Danske Busvognmaend” bid-deċiżjoni inizjali b’ittra li ġġib id-data tat-8 ta’ Mejju 2001.

(7)

B’ittri li jġibu d-dati tas-6 ta’ Novembru 2002 li l-Kummissjoni rċeviet fit-12 ta’ Novembru 2002 u tad-19 ta’ Jannar 2004 li l-Kummissjoni rċeviet fl-20 ta’ Jannar 2004, l-awtoritajiet Daniżi għamlu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan għar-ristrutturar għal Combus.

(8)

Fil-11 ta’ Lulju 2001, “Danske Busvognmaend” fetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (minn issa ‘l quddiem, “il-QPI”) biex tiġi annullata d-deċiżjoni inizjali.

(9)

B’sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004 (minn issa ‘l quddiem, “is-sentenza Combus”), il-QPI annullat id-deċiżjoni inizjali “safejn tiddikjara l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi lil Combus A/S fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital ta’ DKK 162 miljun u ta’ DKK 328 miljun sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni” [verżjoni mhux uffiċjali] (8).

(10)

Sa fejn għandha x’taqsam l-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 328 miljun, il-QPI kkonkludiet, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni inizjali hija “ivvizzjata minn żball peress li tikkonkludi li l-ħlas ta’ DKK 328 miljun kien kumpens għal obbligi tas-servizz pubbliku għall-finijiet tal-Artikoli 2 u 10 sa 13 tar-Regolament Nru 1191/69. […] Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn awtorizzat il-ħlas ta’ DKK 328 miljun skont dak ir-regolament, mingħajr ma kien hemm għalfejn tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mressqa rigward dan il-punt” (9).

(11)

Dejjem rigward l-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 328 miljun, il-QPI kkonkludiet, it-tieni nett, li sa fejn għandu x’jaqsam l-Artikolu 73 KE, “l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu jinvokaw direttament l-Artikolu 73 KE f’sitwazzjonijiet li mhumiex koperti mil-liġi sekondarja tal- Komunità. B’hekk, sakemm ir-Regolament Nru 1191/69 ma japplikax għal dan il-każ u l-ħlas ta’ DKK 328 miljun jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 87(1) KE, ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill tal-4 ta’ Ġunju 1970 dwar l-għoti ta’ għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 07 Volum 001 p. 39-41) jelenka b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna skont l-Artikolu 73 KE (*1). Għaldaqstant, il-motiv dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tawtorizza l-ħlas ta’ DKK 328 miljun ibbażat fuq l-Artikolu 73 KE għandu jintlaqa’.

(12)

Sa fejn għandha x’taqsam l-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 162 miljun li kienet awtorizzata b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(c) KE flimkien mal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar, il-QPI kkonkludiet li “id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li l-kulleġġ tal-Kummissarji ta awtorizzazzjoni ċara, bla kundizzjonijiet u definittiva għall-ħlas ta’ DKK 162 miljun ibbażat fuq l-Artikolu 87(3)(c) KE u l-Linji Gwida. Għall-kuntrarju, ir-raġunament tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala li juri dubju serju rigward il-vijabbiltà ta’ Combus għall-finijiet ta’ dak l-artikolu u tal-Linji Gwida, dubju li l-Kummissjoni, madankollu, ma ħassitx li kellha tiċċara peress li dehrilha li l-Artikolu 73 KE kien bażi legali suffiċjenti għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni. Peress li d-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax tiġi invokata b’dan il-mod (ara l-paragrafi 100 u 101 t’iktar ‘il fuq), il-ħlas ta’ DKK 328 miljun m’għadux iktar validament awtorizzat fid-deċiżjoni kkontestata. Minn dak li għadu kemm ingħad jirriżulta li l-awtorizzazzjoni għall-ħlas ta’ DKK 162 miljun għandha tiġi annullata fl-intier tagħha, mingħajr ma jkun hemm għalfejn tittieħed deċiżjoni rigward il-motivi l-oħra mressqa rigward dan il-punt” (11).

(13)

Wara s-sentenza tal-QPI, il-Kummissjoni ħejjiet deċiżjoni ġdida. Fil-11 ta’ Jannar 2005, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu mal-awtoritajiet Daniżi sabiex jiksbu iktar informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ Arriva/Combus fiż-żmien li kien għadda minn meta ngħatat id-deċiżjoni inizjali. Fl-1 ta’ Marzu 2005, l-awtoritajiet Daniżi bagħtu lill-Kummissjoni memorandum dwar l-iżvilupp tas-suq Daniż tal-karozzi tal-linja, li kien tħejja mill-Uffiċċju Daniż għat-Trasport (Trafikstyrelse).

(14)

B’ittra li ġġib id-data tat-3 ta’ Marzu 2005 (SG (2005) D/200926), il-Kummissjoni informat lid-Danimarka bid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE rigward dawn il-miżuri (minn issa ‘l quddiem, “id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura”), u stiednet lid-Danimarka biex tressaq il-kummenti tagħha. Il-Gvern Daniż talab darbtejn għal estensjoni tal-perjodu sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu, li l-Kummissjoni tat b’ittri li jġibu d-dati tal-5 ta’ April 2005 (TREN D (2005) 106964) u tal-24 ta’ Ġunju 2005 (TREN D (2005) 113062). Fil-21 ta’ Ġunju 2005, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Daniż. Fit-30 ta’ Ġunju 2005, l-awtoritajiet Daniżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom rigward id-deċiżjoni biex jinbdew il-proċeduri formali.

(15)

Id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (12) fit-22 ta’ Settembru 2005. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri koperti minn din id-deċiżjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, jiġifieri sat-23 ta’ Ottubru 2005.

(16)

Il-Kummissjoni informat lil Danske Busvognmaend bid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura b’ittra li ġġib id-data tat-12 ta’ Mejju 2005 (TREN (2005) D 109473). Il-Kummissjoni, wara talbiet min-naħa ta’ Danske Busvognmaend, estendiet darbtejn it-terminu ta’ żmien biex tirċievi l-osservazzjonijiet tagħha (ittra tal-15 ta’ Lulju 2005, TREN (2005) D 115786 u ittra tas-16 ta’ Awwissu 2005, TREN (2005) D 117806).

(17)

F’ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Ġunju 2005 (TREN (2005) A 15223), Danske Busvognmaend talbet lill-Kummissjoni biex tibgħatilha kopja tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, inkluż l-informazzjoni li kienet tneħħiet wara talba min-naħa tad-Danimarka. B’ittra li kienet iġġib id-data tal-15 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni wieġbet li skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (13), il-Kummissjoni m’għandhiex tiżvela informazzjoni li tkun kisbet tramite l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li hija koperta permezz tal-obbligu tas-segretezza professjonali. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li peress li l-informazzjoni li tħassret mill-kopja tad-deċiżjoni mibgħuta lil Danske Busvognmaend kienet koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali, il-Kummissjoni ma setgħetx tiżvelaha lilha.

(18)

Fl-istess ittra tas-17 ta’ Ġunju 2005, Danske Busvognmaend talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tgħaddilha kopja tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż dwar id-deċiżjoni biex jinbdew proċeduri formali. Il-Kummissjoni wieġbet li l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jistipula d-drittijiet tal-partijiet interessati, ma jipprovdix għat-trażmissjoni tat-tweġiba tal-Istat Membru lir-rikorrent u li għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tgħaddi kopja tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż lil Danske Busvognmaend.

(19)

Danske Busvognmaend ressqet l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Settembru 2005. Il-Kummissjoni għaddiet dawn l-osservazzjonijiet b’ittra li ġġib id-data tal-25 ta’ Ottubru 2005 (TREN D (2005) 122503) lill-awtoritajiet Daniżi, u tat opportunità lid-Danimarka biex twieġeb għall-kummenti fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet ir-reazzjoni tad-Danimarka għal dawn l-osservazzjonijiet b’ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Diċembru 2005 (SG (2006) A 80), wara li kienet estendiet il-perjodu ta’ żmien għat-tweġiba b’xahar wara talba min-naħa tal-Gvern Daniż.

(20)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand parti interessata waħda, Arriva Denmark A/S, b’ittra li ġġib id-data tal-21 ta’ Ottubru 2005 (TREN (2005) A 27196). Hija għaddiet dawn il-kummenti lid-Danimarka b’ittra li ġġib id-data tal-24 ta’ Novembru 2005, u tat opportunità lid-Danimarka biex twieġeb għall-kummenti fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet ir-reazzjoni tad-Danimarka għall-kummenti ta’ Arriva wkoll bl-ittra msemmija iktar ‘il fuq li ġġib id-data tat-23 ta’ Diċembru 2005.

(21)

L-awtoritajiet Daniżi ressqu informazzjoni fattwali addizzjonali b’ittri li jġibu d-dati tat-22 ta’ Frar 2007 u tat-2 ta’ April 2007 (TREN (2007) A 28850).

2.   IL-FATTI

2.1.   IS-SUQ DANIŻ TAL-KAROZZI TAL-LINJA

2.1.1.   DESKRIZZJONI ĠENERALI TAS-SUQ

(22)

Id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura tagħti (fil-premessi 13 sa 22) deskrizzjoni dettaljata tas-suq Daniż tal-karozzi tal-linja. Għaldaqstant, id-deskrizzjoni tas-suq tal-karozzi tal-linja hawnhekk qed tiġi limitata għall-iktar karatteristiċi importanti tas-suq għal dan il-każ u għal informazzjoni fattwali addizzjonali mressqa mill-Gvern Daniż u mill-partijiet interessati.

(23)

Ibda mill-1990, id-Danimarka gradwalment fetħet is-suq tal-karozzi tal-linja tagħha għall-kompetizzjoni, billi għamlet sejħa pubblika għall-offerti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku, li l-awtoritajiet pubbliċi jikkonkludu mal-operaturi tal-karozzi tal-linja fid-Danimarka. Sa mill-1994, ir-regoli Komunitarji applikabbli dwar l-akkwist pubbliku (Direttiva tal-Kunsill Nru 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (14)) jobbligaw lid-Danimarka biex toħroġ sejħa għall-offerti għall-kuntratti tas-servizz pubbliku li jipprovdu għat-trasport bil-karozzi tal-linja, ħlief jekk dawn is-servizzi jkunu pprovduti internament (“in house”) (15).

(24)

Fl-1999, is-sena meta għall-ewwel darba Combus irċeviet appoġġ finanzjarju mingħand l-Istat Daniż, disgħa(9) mit-12-il kontea Daniża kienu qed jagħmlu sejħiet għall-offerti għal 100 % mil-linji tagħhom. It-tliet (3) kontej l-oħra għamlu sejħiet għall-offerti rispettivament għal 96 % (Kopenħagen), 35 % (Ribe) u 21 % (Vyborg) mil-linji tagħhom (16). Il-kuntratti tas-servizz pubbliku fid-Danimarka japplikaw għal ħames (5) snin, u wħud minnhom jipprevedu l-għażla li dawn jiġu estiżi għal tliet (3) snin oħra.

(25)

Is-suq Daniż tal-karozzi tal-linja kien ikkaratterizzat minn proċess ta’ konċentrazzjoni kontinwa. Fl-1988, iktar minn 400 impriża kienu qed joffru servizzi tal-karozzi tal-linja, filwaqt li fl-2004, madwar 100 biss mill-operaturi baqgħu attivi. Storikament, id-Danish Railways, il-kumpanija Daniża tal-ferroviji, permezz tal-kumpanija sussidjarja tal-karozzi tal-linja tagħha, kienet l-ikbar operatur. F’Ġunju 1995, inħolqot il-kumpanija ġdida Daniża tal-ferroviji u ġiet isseparata minn mal-kumpanija sussidjarja tal-karozzi tal-linja tagħha (spin-off) u inkorporata bħala kumpanija b’kapital azzjonarju bl-isem DSB Busser a/s. Fl-1997, isem il-kumpanija nbidel għal Combus a/s. L-Istat Daniż żamm 100 % tal-ishma f’Combus. Matul is-snin 1990, fid-Danimarka, Combus u DSB Busser a/s kellhom 20 % sehem mis-suq.

(26)

Fl-1997, Arriva Denmark a/s (minn issa ‘l quddiem, “Arriva”), kumpanija sussidjarja tal-kumpanija Brittanika Arriva plc, u Connex Denmark a/s (minn issa ‘l quddiem, “Connex”), kumpanija sussidjarja tal-kumpanija Franċiża Veolia, daħlu fis-suq Daniż tal-karozzi tal-linja permezz tal-akkwisti li għamlu (17). Fl-1999 u fl-2004, l-aħħar sena li għaliha huma disponibbli l-figuri, l-ishma mis-suq tat-tliet kumpaniji kienu dawn li ġejjin:

Tabella 1

L-ishma mis-suq għal Combus, Arriva u Connex fl-1999 u fl-2004

(f’%)

 

Combus

1999

Combus

2004

Arriva

1999

Arriva

2004

Connex

1999

Connex

2004

Nordjylland

64,85

0

0

18,64

7,17

24,72

Viborg

17,27

0

0

17,40

0

0,33

Århus

54,24

0

0

10,15

9,11

41,07

Ringkjøbing

38,18

0

0

27,38

0

0

Vejle

56,96

0

21,68

13,29

0

17,22

Ribe

0

0

0

0

0

39,23

Sønderjylland

32,41

0

0

0

0

0

Fyn

97,80

0

0

100,00

0

0

Vestsjælland

25,20

0

24,00

33,86

32,60

35,26

Storstrøm

19,78

0

1,80

28,51

64,49

33,00

Bornholm

28,00

0

0

0

50,67

81,02

Id-Danimarka metropolitana

22,26

0

50,47

46,73

8,60

27,95

Il-pajjiż kollu

33,98

0

26,59

34,46

10,99

25,14

Il-pajjiż kollu għajr għad-Danimarka metropolitana

56,06

0

5,82

23,94

13,06

22,73

(27)

Għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-figuri, l-informazzjoni li ġejja hija meħtieġa: Fl-2001, Arriva akkwistat lil Combus. Iktar tard dik is-sena, Connex akkwistat 50 % mil-linji li għall-bidu kienu użati minn Combus mingħand Arriva. Fl-2004, Arriva kompliet saħħet il-pożizzjoni tagħha billi akkwistat l-impriża Wulff Bus a/s, li kellha 10 % sehem mis-suq fil-provinċja ta’ Jutland.

(28)

Is-suq Daniż tal-karozzi tal-linja jirrappreżenta volum totali ta’ madwar DKK 5,5 biljuni fis-sena.

2.1.2.   ID-DIFFIKULTAJIET FINANZJARJI TA’ COMBUS

(29)

Kif ġie spjegat fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura (il-premessa 34 et seq.), Combus, wara li nħolqot u ġiet isseparata (spin-off) mill-kumpanija Danish State Railways, kienet tat bidu għal politika ambizzjuża ta’ espansjoni. Combus rebħet bosta kuntratti ġodda, speċjalment fiż-żona ta’ Kopenħagen, u bejn l-1995 u l-1999 żiedet il-fatturat tagħha b’iktar minn 40 %. Madankollu, irriżulta li l-maġġoranza vasta ta’ dawn il-kuntratti l-ġodda bdew jagħmlu telf.

(30)

Konsegwentement, mill-1998, Combus sabet ruħha f’diffikultajiet finanzjarji kbar. Iż-żewġ tabelli li ġejjin juru dawn id-diffikultajiet kemm f’numri assoluti kif ukoll bħala perċentwali.

Tabella 2

Il-figuri prinċipali għal Combus A/S 1995-2000

(numri assoluti)

DKK 1 000

1995

1996

1997

1998

1999

2000

Fatturat nett

625 392

686 123

763 432

1 049 489

1 097 535

1 091 253

Riżultat gross

84 172

100 003

81 776

11 910

–17 230

68 206

Riżultat qabel l-imgħax

30 870

37 423

12 227

– 105 029

– 134 812

–50 035

Riżultat tas-sena

31 184

28 546

7 684

– 139 128

– 168 267

–82 249


Tabella 3

Il-figuri prinċipali għal Combus A/S 1995-2000 (perċentwali)

(f’%)

DKK 1 000

1995

1996

1997

1998

1999

2000

Marġni tal-profitt operattiv

4,9

5,5

1,6

neg.

neg.

neg.

Proporzjon profitt/kapital

4,0

5,5

1,3

neg.

neg.

neg.

Marġni gross

13,5

14,6

10,7

6,3

–1,6

1,1

Qligħ fuq l-ishma

23,5

18,2

2,5

neg.

neg.-{}-

neg.

Il-privatizzazzjoni ta’ Combus

(31)

Il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ Combus huwa kkaratterizzat minn tliet perjodi. Fil-perjodu bejn l-1995 u l-1998, l-Istat Daniż kellu l-għan li jbigħ biss sehem minimu ta’ 25 % imma dan qatt ma seħħ. Mill-1998, huwa ta bidu għall-ewwel tentattiv biex ibigħ 100 % tal-ishma. Dan it-tenattiv falla f’Lulju 1999. Il-Gvern Daniż imbagħad iddeċieda li l-ewwel jirristruttura u mbagħad ibigħ il-kumpanija. Dan il-pjan wassal għall-bejgħ ta’ Combus lil Arriva kmieni fl-2001.

Esplorazzjoni tal-bejgħ ta’ sehem minimu (mill-1995 sal-1998)

(32)

L-Att Nru 232 dwar DSB Busser A/S tal-1995, li permezz tiegħu Combus a/s twaqqfet bħala kumpanija indipendenti, kien jipprevedi li l-Istat Daniż ibigħ sa 25 % mill-ishma fil-kumpanija sa tmien l-1998. Għal dan il-għan, twaqqaf kumitat tat-tmexxija, li kien magħmul minn rappreżentanti mill-Ministeru tal-Finanzi, mill-Ministeru tat-Trasport, minn Combus flimkien ma’ konsulenti legali u finanzjarji esterni. Il-kumitat tat-tmexxija ltaqa’ għal seba’ (7) darbiet qabel ma x-xogħol kien sospiż f’nofs l-1997.

L-ewwel tentattiv għal privatizzazzjoni sħiħa (mill-1998 sal-1999)

(33)

Fil-bidu ta’ Novembru 1998, il-kumitat ta’ tmexxija reġa’ beda xogħlu, issa bl-istruzzjoni li jipprepara l-bejgħ ta’ mhux anqas minn sehem maġġoratarju f’Combus. Il-kumitat beda b’evalwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

(34)

Bħala bażi għal din l-evalwazzjoni, f’nofs Novembru 1998, Combus ressqet previżjoni tar-riżultati kontabbli tagħha għall-1998 u previżjoni għall-figuri tal-baġit għall-perjodu bejn l-1999 u l-2001. Fuq il-bażi ta’ dawn is-sottomissjonijiet, il-konsulent finanzjarju tal-gvern, l-uffiċċju f’Kopenħagen ta’ Alfred Berg Corporate Finance (minn issa ‘l quddiem, “Alfred Berg”), ġibed il-konklużjonijiet li ġejjin:

“… jista’ jiġi konkluż li l-kapital azzjonarju totali ta’ Combus għandu valur negattiv tas-suq ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ kroner Daniżi. Minbarra li l-profitabbiltà tan-negozju primarju naqset b’mod sinifikanti tul l-aħħar ftit snin, il-valur stmat naqas iktar minħabba d-dejn nett sinifikanti flimkien mal-imgħax fuqu li akkumulat il-kumpanija tul l-istess perjodu. Il-parti l-kbira tal-bejjiegħa potenzjali madankollu, japprezzaw li kumpaniji bħal Combus li huma ferm dgħajfa mil-lat finanzjarju kif ukoll minn dak ekonomiku ma jinbigħux għal valuri wisq negattivi għaliex inkella jkun iktar xieraq li l-bejjiegħ jagħlaq il-kumpanija.

B’dan l-isfond, nirrakkomandaw li, fil-proċess tal-bejgħ u fil-materjal informattiv li qed jiġi ppreparat f’dak ir-rigward, għandha ssir ħidma sabiex, sa fejn ikun possibbli, il-prezz ta’ Combus jkun iffissat fuq il-bażi tal-kapital azzjonarju attwali tal-kumpanija, bit-tnaqqis ta’ skont. Fuq din il-bażi u flimkien ma’

il-potenzjal għal titjib operattiv

il-potezjal għal sinerġiji

il-valur strateġiku tal-kumpanija minħabba s-sehem mis-suq kbir tagħha fis-settur Daniż tal-karozzi tal-linja

preżumibbilment għadu konċepibbli li, minkejja li s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija baqgħet sejra lura, jista’ jinstab xerrej għal Combus sabiex l-Istat Daniż (‘l-Istat’) jista’ jbigħ il-kumpanija b’kopertura sħiħa għall-kredituri tagħha.

Għandu jkun mistenni wkoll li l-maġġoranza tax-xerrejja potenzjali se jikkunsidraw li, fid-dawl tal-istruttura kapitali ferm dgħajfa u l-profitabbiltà baxxa ta’ Combus, il-ħtieġa għal injezzjoni ta’ kapital fil-kumpanija hija tant kbira li ma jrenduxz qligħ għalihom li jakkwistaw il-kapital azzjonarju totali ta’ Combus għal ammont pożittiv.

Għaldaqstant, l-inċertezza kbira rigward it-termini li bihom l-Istat jista’ jbigħ lil Combus tista’ tiġi megħluba biss billi jitkompla l-proċess ta’ bejgħ li għaddej bħalissa.”

(35)

Alfred Berg elenka l-alternattivi li ġejjin bħala alternattivi għall-bejgħ malajr ta’ Combus A/S:

“—

li jitwettaq għeluq ikkontrollat tal-kumpanija li, fost l-oħrajn, ifisser li l-Istat/DSB jieħdu magħhom l-impjegati taċ-Ċivil kollha li llum huma ssekondati ma’ Combus minn DSB, u jieħdu f’idejhom l-obbligi finanzjarji relatati. Jidher dubjuż jekk Combus, minkejja l-valur kontabbli pożittiv tal-kapital u tar-riservi, tistax tiġi stralċjata filwaqt li jiġu koperti b’mod sħiħ il-kredituri tal-kumpanija, u konsegwentement hemm riskju li s-selliefa, l-istampa, eċċ. jagħtu rapportaġġ negattiv ta’ kif l-Istat mexxa l-każ.

Combus tibqa’ f’idejn il-proprjetarju attwali sabiex tiġi razzjonalizzata u riorganizzata sistematikament u b’hekk ikun żgurat li l-kumpanija trendi l-qligħ fi żmien sentejn jew tlieta u konsegwentement ikun hemm iktar possibbiltajiet li tinbiegħ. Minħabba l-istruttura kapitali ferm dgħajfa tal-kumpanija u minħabba l-ammont kbir ta’ djun li għandha bħalissa, dan probabbilment se jfisser li l-Istat ikollu jinjetta ammont b’disa’ figuri fil-kapital azzjonarju l-ġdid fuq perjodu qasir ta’ żmien. Hemm riskju kbir marbut ma’ investiment sabiex ‘tittejjeb il-prestazzjoni’ ta’ Combus, u m’hemm l-ebda garanzija ta’ qligħ pożittiv fuq l-investment tal-Istat.”

(36)

Il-konsulent finanzjarju, fuq il-bażi din il-valutazzjoni, għamel ir-rakkomandazzjoni li ġejja:

“L-ebda waħda mill-alternattivi msemmija iktar ‘il fuq ma tidher immedjatament attraenti, u dan jiddependi wkoll fuq l-attitudni tal-Istat rigward l-injezzjoni ta’ iktar kapital azzjonarju f’Combus u li jassumi wkoll ir-responsabbiltà biex iwettaq riorganizzazzjoni sistematika tal-kumpanija.

Għalhekk, Alfred Berg jirrakkomanda li l-Istat ikompli bil-proċess li għaddej bħalissa biex tinbiegħ Combus sabiex tinkiseb stampa iktar eżatta ta’ liema aspetti rilevanti (bħat-tendenzi fir-riżultati, l-istruttura kapitali, is-sehem mis-suq, il-ktieb tal-ordnijiet, il-kundizzjoni tal-flotta tal-karozzi tal-linja, ir-riżorsi ta’ ġestjoni, il-potenzjal għat-titjib operattiv u għas-sinerġiji, eċċ.) u ta’ kif se jingħataw piż mix-xerrejja potenzjali fil-valutazzjoni globali tagħhom tal-kumpanija.

Jekk dan il-proċess ma jwassalx biex jinstab xerrej potenzjali li jidher attraenti b’relazzjoni għat-termini fiż-żewġ alternattivi msemmija iktar ‘il fuq, l-Istat se jagħżel l-alternattiva li jikkunsidraha bħala l-aktar attraenti mil-lat finanzjarju u l-aktar politikament adattata f’dak iż-żmien.”

(37)

Wara dan il-parir, f’Diċembru 1998 il-Parlament Daniż adotta att li ppermetta li l-Istat ibigħ l-ishma kollha tiegħu (100 %) f’Combus (18).

(38)

Alfred Berg imbagħad għamel eżami bir-reqqa tas-suq ibbażat fuq ħames kriterji; ix-xerrej potenzjali għandu

ikun attiv fl-amministrazzjoni pubblika,

ikollu pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha,

ikun ta’ ċertu daqs (iddefinit bħala “li jħaddem iktar minn 1 000 karozza tal-linja”),

ikollu fatturat sinifikanti (iddefinit bħala “iktar minn DKK 1 biljun”),

ikun attiv fi swieq simili bħal Combus.

(39)

Ir-riżultat tal-eżami bir-reqqa tas-suq min-naħa ta’ Alfred Berg kien lista ta’ 12-il xerrej potenzjali.

(40)

Imbagħad, il-kumitat tat-tmexxija stabbilixxa l-iskeda li ġejja: Bejn id-9 u t-18 ta’ Frar 1999 kellhom isiru preżentazzjonijiet min-naħa tal-maniġment għal 12-il xerrej potenzjali magħżula minn qabel. L-iskadenza biex jitressqu “indikazzjonijiet ta’ interess” kien tmiem Frar 1999, u l-“indikazzjonijiet ta’ interess” kellhom jiġu vvalutati fil-bidu ta’ Marzu 1999. Ix-xerrejja magħżula kien se jkollhom aċċess għall-kamra tad-dejta bejn l-10 u l-24 ta’ Marzu 1999. Imbagħad kellhom jagħmlu l-offerti finali tagħhom fl-1 ta’ April biex fit-8 ta’ April il-kumitat ta’ tmexxija kellu jagħżel ix-xerrej finali.

(41)

Mit-12-il xerrej potenzjali, sebgħa (7) ipparteċipaw fil-preżentazzjoni tal-maniġment ta’ Combus. Waqt il-preżentazzjoni, ix-xerrejja potenzjali rċevew ittra li kienet tiddeskrivi l-proċess ta’ akkwist imminenti. Ix-xerrejja potenzjali, permezz ta’ din l-ittra, kienu informati li seta’ jkollhom aċċess għad-dejta ta’ Combus u seta’ anki jkollhom laqgħat addizzjonali mal-maniġment ta’ Combus, jekk xtaqu dan. Sabiex jiksbu vantaġġ minn dawn il-possibbiltajiet, ix-xerrejja potenzjali kellhom iressqu “Indikazzjoni ta’ interess” sa tmiem Frar 1999.

(42)

Fi Frar 1999, Alfred Berg irċieva indikazzjonijiet ta’ interess ta’ din ix-xorta mingħand sitt (6) xerrejja potenzjali magħżula minn qabel. F’Marzu 1999, tnejn (2) minnhom intgħażlu biex ikollhom aċċess għall-kamra tad-dejta. Wara l-eżami tal-kamra tad-dejta, iż-żewġ xerrejja potenzjali naqqsu l-indikazzjonijiet tal-prezzijiet tagħhom b’mod daqstant sinifikanti li saru jikkorrispondu għal valur negattiv tas-suq ta’ diversi mijiet ta’ miljuni ta’ DKK.

(43)

Fid-9 ta’ April 1999, Alfred Berg ressaq memorandum quddiem il-kumitat ta’ tmexxija, fejn ikkonkluda li Combus A/S qajla setgħet tinbiegħ b’valur pożittiv. B’dan l-isfond, Alfred Berg semma tliet alternattivi għall-bejgħ tal-kumpanija:

Għażla 1: Li l-Istat ikompli jkun il-proprjetarju sabiex Combus tiġi razzjonalizzata u riorganizzata sistematikament u biex b’hekk ikun żgurat li l-kumpanija trendi l-qligħ fi żmien sentejn jew tlieta u konsegwentment ikun hemm iktar possibbiltajiet li tinbiegħ. Minħabba l-istruttura kapitali ferm dgħajfa tal-kumpanija u minħabba l-ammont kbir ta’ djun li għandha bħalissa, dan probabbilment se jfisser li l-Istat ikollu jinjetta ammont b’disa’ figuri fil-kapital azzjonarju l-ġdid fuq perjodu qasir ta’ żmien. Hemm riskju kbir f’li wieħed jinvesti sabiex ‘il-prestazzjoni … (ta’ Combus) … terġa’ lura għan-normal’, u m’hemm l-ebda garanzija ta’ qligħ pożittiv fuq l-investment tal-Istat.

Għażla 2: Li jitwettaq għeluq ikkontrollat tal-kumpanija u/jew iċ-‘ċavetta’ tingħata lill-kredituri tal-kumpanija. Huwa dubjuż jekk Combus, minkejja l-valur kontabbli pożittiv tal-kapital u tar-riservi, tistax tiġi stralċjata filwaqt li jiġu koperti b’mod sħiħ il-kredituri tal-kumpanija, u konsegwentement hemm riskju li s-selliefa, l-istampa, eċċ. jagħtu rapportaġġ negattiv ta’ kif l-Istat mexxa l-każ.

Għażla 3: Li Combus tissepara l-ħidmiet ta’ kuljum tal-karozzi tal-linja f’kumpanija sussidjarja indipendenti. Fi kliem ieħor, l-assi (il-karozzi tal-linja, eċċ.) u l-obbligazzjonijiet (self, eċċ.) preżenti jinżammu f’Combus, kif inhuma bħalissa, filwaqt li d-dritt għall-kuntratti tal-karozzi tal-linja, eċċ. jitqiegħdu f’kumpanija sussidjarja [indipendenti] ġdida li mbagħad tikri l-assi rilevanti (karozzi tal-linja, eċċ.) mingħand Combus. Għandu jsir tentattiv biex il-kumpanija sussidjarja l-ġdida tinbiegħ u d-dħul mill-bejgħ jintuża biex jitnaqqas id-dejn f’Combus, li tkompli tkun proprjetà 100 % tal-Istat. Imbagħad jista’ jsir tentattiv sabiex jitnaqqas id-dejn li jibqa’ f’Combus billi jintużaw il-flus li jidħlu mill-kiri tal-assi kurrenti lill-kumpanija sussidjarja l-ġdida. Dan il-mudell ma jipprovdi l-ebda sigurtà diretta li l-kredituri tal-kumpanija se joħorġu mill-impenji tagħhom ma’ Combus mingħajr telf. Għaldaqstant, il-kredituri probabbilment se jitolbu xi forma ta’ garanzija min-naħa tal-Istat, eċċ.”

(44)

Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni ta’ Alfred Berg, il-Gvern Daniż iddeċieda li jibqa’ għaddej bil-proċess ta’ ristrutturar ta’ Combus bil-għan li din sussegwentement tinbiegħ (l-għażla nru 1 proposta minn Alfred Berg). Dan il-proċess ta’ ristrutturar qed jiġi deskritt fid-dettall fis-subtaqsima li jmiss.

(45)

Fit-23 ta’ April 1999, Alfred Berg informa lill-gvern li kienet waslet “indikazzjoni ta’ interess” ġdida mingħand Arriva b’offerta biex tieħu f’idejha 100 % tal-kapital azzjonarju ta’ Combus A/S għal DKK 35 miljun. Mal-offerta kienu marbuta xi kundizzjonijiet relatati mal-ammont ta’ kapital azzjonarju u mar-riżultati tal-kumpanija, bi klawżola ta’ tnaqqis “krone għal krone” fil-każ ta’ devjazzjonijiet. L-offerta kienet ibbażata fuq kapital azzjonarju li jammonta għal DKK 131 miljun, u Alfred Berg ikkalkula li l-kapital azzjonarju attwalment kien madwar DKK 10 miljun inqas mill-ammont meħtieġ. Alfred Berg irrakkomanda li l-proċess ta’ bejgħ ma’ dan ix-xerrej jitkompla fl-istess waqt li tkun qed tiġi żviluppata l-għażla tar-ristrutturar. Alfred Berg osserva li kien għad iridu jiġu diskussi kwistjonijiet partikolarment problematiċi, li setgħu jagħmluha diffiċli biex jintlaħaq ftehim sodisfaċenti għaż-żewġ partijiet.

(46)

Fis-27 ta’ April 1999, il-Ministeru tat-Trasport u Arriva ffirmaw ittra ta’ intenzjoni għat-teħid ta’ kontroll ta’ Combus għal DKK 45 miljun, sakemm il-kapital azzjonarju tal-kumpanija fi żmien it-trasferiment kien ta’ DKK 131 miljun.

(47)

Fil-bidu ta’ Ġunju, in-negozjati ma’ Arriva kienu tant avvanzati li l-konsulenti kienu tal-fehma li ftehim finali tal-bejgħ seta’ realistikament jiġi konkluż fl-ewwel nofs ta’ Lulju 1999. Matul il-bqija ta’ Ġunju 1999, madankollu, kien hemm għadd ta’ rapporti fl-istampa dwar Combus, partikolarment rigward id-dikjarazzjonijiet li għamlu diversi partiti politiċi dwar il-ħtieġa għal regolamentazzjoni legali għat-tħaddim tal-karozzi tal-linja fid-Danimarka rigward ishma mis-suq sinifikanti. Fid-dawl tal-ispekulazzjonijiet dwar il-limiti massimi tas-suq, Arriva ma baqgħetx interessata fl-akkwist ta’ Combus. Madankollu, Arriva enfasizzat li jiddependi mill-introduzzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni għas-suq, hi tkun interessata li takkwista lil Combus fuq perjodu twil ta’ żmien.

Ir-ristrutturar għat-tħejjija tal-bejgħ ta’ Combus: l-injezzjoni ta’ kapital ta’ Mejju 1999

(48)

Ir-ristrutturar ta’ Combus sar ferm urġenti f’April 1999 peress li, skont l-Att Daniż dwar il-Kontabbiltà Annwali, Combus kellha tagħmel il-Laqgħa Ġenerali Annwali (LĠA) tagħha qabel tmiem Mejju 1999 u kellha tressaq il-kontabbiltà vverifikata tagħha għall-1998. Il-kontabbiltà annwali kellha tkun disponibbli għall-istampa u għall-pubbliku mhux iktar tard minn 14-il jum qabel il-LĠA.

(49)

Il-finanzi tal-kumpanija kienu tant f’diffikultà li l-accountants kienu ddikjaraw li l-kontabbiltà annwali ma setgħetx tiġi ppreżentata mingħajr riservi rigward il-prinċipju ta’ negozju attiv. Fuq il-bażi tal-eżami li l-accountants għamlu tal-kuntratti tal-kumpanija, li wera li kienu meħtieġa madwar DKK 65 miljun sabiex ikunu koperti l-kuntratti li kienu qed jagħmlu telf, il-kumpanija kien se jkollha titqiegħed taħt amministrazzjoni kkontrollata jekk ma kienx se jiġi injettat iktar kapital. Barra minn hekk, kien hemm riskju imminenti ta’ ħlas lura obbligat ta’ ftehimiet ta’ self ma’ għadd ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, li lkoll kienu jinkludu klawżoli ta’ indennizz li kienu jeħtieġu bażi kapitali minima ta’ 10 % tat-total tal-karta tal-bilanċ, imma mhux ikun inqas minn DKK 125 miljun.

(50)

F’April 1999, il-Ministeru Daniż tat-Trasport ħatar konsulent legali, Kromann u Münter, biex jassisti ħalli tinstab soluzzjoni għall-problemi finanzjarji ta’ Combus. F’memorandum li nħareġ f’nofs Mejju 1999, il-konsulent legali ssuġġerixxa li jkun hemm injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun. Fuq il-bażi ta’ dan il-memorandum, fil-21 ta’ Mejju 1999, il-Ministeru tat-Trasport ippreżenta abbozz ta’ liġi kunfidenzjali lill-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż, fejn ippropona injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun. L-abbozz kien approvat minn maġġoranza tal-Kumitat tal-Finanzi fis-27 ta’ Mejju 1999 (19).

(51)

Rigward is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Combus, il-liġi ddikjarat li fl-1998, il-kumpanija diversi drabi kellha tagħmel aġġustamenti fl-aspettattivi tagħha rigward ir-riżultat għall-1998. Dan l-aħħar, f’Diċembru 1998, wara li ġie adottat tal-Att dwar il-bejgħ tal-ishma kollha f’Combus, kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-finanzi tal-kumpanija.

(52)

Barra minn hekk, l-abbozz tal-liġi jiddikjara wkoll li Combus kienet f’periklu imminenti li titqiegħed taħt amministrazzjoni kkontrollata jew li tfalli, imma li injezzjoni ta’ kapital kellha tiżgura li l-kumpanija setgħet tibqa’ għaddejja bil-għan li tinbiegħ sussegwentement. Kien stmat li kienet meħtieġa injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun, fl-isfond tar-rekwiżit ta’ solidità fil-ftehimiet ta’ self tal-kumpanija u tal-ħtieġa għal relazzjoni xierqa bejn id-dejn u l-kapital azzjonarju.

(53)

Il-liġi tipprevedi wkoll li l-għażla li tinbiegħ Combus għandha tkompli tiġi investigata. Tqies li ma kienx probabbli li l-Istat kien se jirkupra l-kapital injettat fuq perjodu qasir ta’ żmien. L-injezzjoni ta’ kapital saret sabiex tkun żgurata l-ħidma futura tal-kumpanija u sabiex ikun żgurat li kellha kapital suffiċjenti disponibbli.

(54)

L-abbozz tal-liġi kien approvat minn maġġoranza tal-Kumitat tal-Finanzi fis-27 ta’ Mejju 1999.

It-tieni tentattiv biex tinbiegħ Combus, tentattiv li rnexxa

It-tieni skrutinju tas-suq

(55)

Il-proċess tal-bejgħ reġa’ beda fir-rebbiegħa tal-2000, wara li l-kontabbiltà annwali ta’ Combus għall-1999 ġiet approvata waqt il-LĠA li saret f’Mejju 2000. Alfred Berg kellu jkompli jkun involut fin-negozjati tal-bejgħ bħala konsulent finanzjarju, filwaqt li Kromann u Münter kellhom ikomplu jagħmluha ta’ konsulent legali.

(56)

F’nofs Lulju 2000, Alfred Berg ippreżenta evalwazzjoni indikattiva ta’ Combus. Alfred Berg ikkunsidra li l-metodi tradizzjonali ta’ evalwazzjoni ma setgħux jintużaw fir-rigward ta’ Combus minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza. Il-konsulenti kienu għamlu evalwazzjoni ibbażata fuq projezzjoni tar-riżultati tal-kumpanija sal-2004 fuq il-bażi ta’ numru ta’ suppożizzjonijiet differenzjati dwar l-iżviluppi fil-fatturat u l-miżuri ta’ ristrutturar. Il-valur tal-kumpanija kien ikkalkulat fid-data futura. Kien ikkunsidrat kwalunke profitt/defiċit fil-perjodu intermedju u l-effett fuq il-bilanċ negattiv nett tal-kumpanija fid-data futura. Il-valur effettiv tal-bejgħ instab billi ġie skontat lura l-valur tal-bejgħ futur ikkalkulat. It-tabella li ġejja turi r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni.

Tabella 4

Sommarju tal-evalwazzjoni ta’ Combus min-naħa ta’ Alfred Berg

 

Xenarju

L-agħar każ

Newtrali/negattiv

Newtrali/pożittiv

L-aqwa każ

Suppożizzjoni:

Fatturat

Mhux mibdul

Mhux mibdul

Jiżdied

Jiżdied

Marġni gross

Mhux mibdul

Mhux mibdul

Mhux mibdul

Jiżdied

Miżuri ta’ titjib

Le

Iva

Iva

Iva

Valur f’miljuni ta’ DKK ta’ kapital azzjonarju, Lulju 2005

÷ 1 116,2

÷ 431,9

6,0

674,2

Valur f’miljuni ta’ DKK ta’ kapital azzjonarju attwali (skont ta’ 10 %)

÷ 693,1

÷ 268,2

3,7

418,6

Sors: Valutazzjoni indikattiva tal-konsulenti finanzjarji

(57)

L-osservazzjonijiet addizzjonali li ġejjin huma meħtieġa biex tinftiehem din l-evalwazzjoni: “Fatturat mhux mibdul” jassumi li l-kuntratti fir-reġjun ta’ Kopenħagen ma jiġux sostitwiti b’kuntratti ġodda meta jiskadu, filwaqt li l-kuntratti fir-reġjuni jibqgħu kif inhuma. “Fatturat li jiżdied” jassumi li l-fatturat fir-reġjuni l-oħra qed jiżdied hekk kif il-kuntratti eżistenti fir-reġjun ta’ Kopenħagen jiskadu. Huwa mifhum li r-riżultat tal-effetti tal-miżuri ta’ titjib adottati mill-maniġment il-ġdid kien ta’ DKK 48,7 miljun fis-sena mill-2002. It-tabella turi li l-valur ta’ Combus kellu jiġi vvalutat bħala negattiv ħafna, partikolarment minħabba li s-suppożizzjonijiet rigward iż-żieda fil-fatturat u l-qligħ gross kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ titjib f’perjodu daqstant qasir kellhom jitqiesu bħala diffiċli.

(58)

Kwistjoni importanti għall-proċess ta’ privatizzazzjoni kien id-dibattitu politiku dwar l-introduzzjoni ta’ limiti massimi għas-suq għall-operaturi tal-karozzi tal-linja. Il-Kumitat Parlamentari Daniż għat-Trasport kien talab rapport dwar il-konċentrazzjoni u l-kompetizzjoni fis-suq Daniż tal-karozzi tal-linja, li kien ġie abbozzat fil-ħarifa tal-1999 minn grupp ta’ ħidma li kien magħmul minn rappreżentanti mill-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni, mill-Ministeru tal-Finanzi, u mill-Ministeru tat-Trasport. Ir-rapport sab li l-maġġoranza tas-servizzi reġjonali u lokali bil-karozzi tal-linja kienu suġġetti għal sejħiet għall-offerti pubbliċi, li s-suq kien ikkaratterizzat minn kompetizzjoni sfiqa bejn il-kuntratturi, minkejja proċess ta’ konċentrazzjoni kontinwu, u li ma kien hemm l-ebda sinjal li kuntrattur wieħed jew individwali kien qed jiddomina s-suq b’detriment għall-kompetizzjoni. Il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li l-valutazzjoni tagħhom tas-suq Daniż tal-karozzi tal-linja ma żvelat l-ebda ħtieġa li jkunu introdotti limiti massimi għas-suq. B’reazzjoni għar-rapport, il-Kumitat tat-Trasport ħareġ dikjarazzjoni fil-ħarifa tal-1999, li fiha approva l-konklużjonijiet fir-rapport u saħaq li ma kienx xieraq li jiġu introdotti limiti massimi għas-suq.

(59)

Il-Gvern Daniż imbagħad reġa’ kkuntattja għadd ta’ xerrejja potenzjali. Wara preżentazzjoni dwar il-finanzi ta’ Combus, żewġ xerrejja potenzjali ħabbru li kienu interessati jakkwistaw 100 % tal-ishma f’Combus. Xerrej ieħor – it-tielet wieħed – għamel espressjoni ta’ interess iktar kawta.

(60)

Waħda mix-xerrejja interessati kienet Arriva, li l-offerta indikattiva tagħha kienet tikkorrispondi għal prezz negattiv tal-bejgħ ta’ DKK 200-250 miljun.

(61)

Ix-xerrejja interessata l-oħra kienet Metroline. L-offerta tagħha, mal-ewwel daqqa t’għajn, kienet iktar attraenti, peress li pproponiet li tixtri l-ishma għal prezz pożittiv li kien ivarja bejn DKK 10 miljun u DKK 24 miljun. Metroline żiedet tgħid, madankollu, li matul il-preżentazzjoni finanzjarja tal-kumpanija saret taf b’għadd ta’ kwistjonijiet li xtaqet teżamina f’iktar dettall.

(62)

Fit-18 ta’ Ottubru 2000, Alfred Berg informa lill-Gvern Daniż li kien irċieva offerta riveduta mingħand Metroline, li issa pproponiet li takkwista lil Combus għal prezz negattiv ta’ DKK 500 miljun. Barra minn hekk, Metroline talbet għadd ta’ garanziji.

(63)

Wara s-sottomissjoni ta’ din l-offerta, Alfred Berg irrakkomanda li jiġu kkanċellati d-diskussjonijiet ġenerali li kienu għaddejjin mat-tielet xerrej interessat, peress li Alfred Berg ma qiesx li x-xerrej kien suffiċjentement interessat. Il-grupp ta’ tmexxija talab lil Alfred Berg biex jikkuntattja lil Arriva, li issa deher biċ-ċar li l-offerta indikattiva tagħha kienet aħjar minn dik ta’ Metroline, sabiex ikunu investigati l-għażliet li tinbiegħ.

In-negozjati ma’ Arriva

(64)

Fit-3 ta’ Novembru 2000, Arriva, f’ittra lil Alfred Berg, ħabbret li l-kumpanija kienet wettqet il-proċess ta’ diliġenza xierqa, u li issa setgħu jissuġġerixxu kif għandhom jipproċedu. Fl-ittra, Arriva osservat li kienet ikkooperat ma’ Connex fil-valutazzjoni tagħhom. Preċedentement, Arriva kienet informat lill-konsulent finanzjarju bl-interess konġunt taż-żewġ kumpaniji tal-karozzi tal-linja.

(65)

Skont il-proposta, Arriva offriet li tħallas DKK 100 għall-ishma kollha f’Combus. L-offerta kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-kapital tas-self ta’ DKK 100 miljun injettat mill-Ministeru tat-Trasport fl-1999 jiġi kkonvertit f’kapital azzjonarju, u li ssir injezzjoni oħra ta’ kapital li jammonta għal DKK 290 miljun f’Combus. Barra minn hekk, l-offerta kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-aġġustamenti kollha meħtieġa għall-entrati tal-karta tal-bilanċ tal-kumpanija identifikati matul il-proċess ta’ diliġenza xierqa sussegwenti jkunu koperti mill-injezzjoni ta’ fondi. Arriva semmiet għadd ta’ eżempji għal tali aġġustamenti, li diġà kienu jammontaw għal madwar DKK 109 miljun. Arriva ffissat it-8 ta’ Novembru 2000 bħala data ta’ skadenza għall-Gvern Daniż sabiex jintlaħaq ftehim.

(66)

Eżami li għamlu l-konsulenti finanzjarji tal-proposta ta’ Arriva wera li l-offerta kienet tinvolvi injezzjoni ta’ fondi ġodda f’Combus li jammontaw għal DKK 399 miljun u li l-Ministeru tat-Trasport kellu wkoll jikkonverti s-self subordinat ta’ DKK 100 miljun f’kapital azzjonarju u għalhekk l-Istat kien se jġarrab telf totali ta’ DKK 499 miljun. Barra minn hekk, kien hemm it-telf tal-bqija tal-kapital azzjonarju f’Combus li, fit-30 ta’ Settembru 2000, kien stmat li jlaħħaq għal DKK 38 miljun.

(67)

Il-Ministeru tat-Trasport u l-Ministeru tal-Finanzi qiesu l-offerta ta’ Arriva bħala waħda baxxa. Min-naħa l-oħra, ma kienet saret ebda offerta serja oħra li kienet aħjar minn dik li għamlet Arriva. Metroline kienet talbet l-istess prezz negattiv bħal Arriva, jiġifieri madwar DKK 500 miljun, u t-tielet xerrej interessat kien għamel biss offerta vaga u mhux vinkolanti għal prezz ta’ madwar DKK 350 miljun.

(68)

Kien deċiż li, bħala l-ewwel pass, il-Ministeru tat-Trasport kellu jikkuntattja lil Arriva sabiex iżid il-prezz tal-kumpanija biex din tieħu l-kontroll ta’ Combus. Fl-istess ħin, il-Ministeru eżamina diversi xenarji għall-istralċ/iżvilupp ta’ Combus. Ix-xenarji ma kinux evalwazzjoni diretta tal-kumpanija imma kalkolu tal-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-kumpanija f’diversi kundizzjonijiet ipparagunat mal-offerta ta’ Arriva. Ir-riżultat tal-kalkolu, li kien approvat minn Combus, mill-awdituri u mill-avukati tal-kumpanija, qed jintwera fit-tabella li ġejja:

Tabella 5

Xenarji għall-istralċ/iżvilupp ta’ Combus

Xenarju

Likwidità fi tmiem il-perjodu f’miljuni ta’ DKK

Kumment

Stralċ gradwali fuq 5 snin

– 331

Xenarju inċert

Kontinwazzjoni b’kuntratti aħjar u iktar ġodda għal 6 snin

– 315

Xenarju iktar inċert

Kontinwazzjoni għal sena mingħajr finanzjament mill-ġdid tad-dejn dovut

71

Jinħtieġu, fost l-oħrajn, djun ġodda mal-banek ta’ DKK 107 miljun. Jintrebaħ ftit taż-żmien, imma s-sitwazzjoni sussegwenti tal-bejgħ preżumibbilment ma tinbidilx.

Falliment

– 649

Defiċit totali, dividend ta’ 35-40 %. Is-selliefa jitilfu DKK 280-300 miljun.

L-offerta ta’ Arriva

– 399

 

Sors: Il-Ministeru tat-Trasport

(69)

Skont memorandum intern, il-Ministeru kkunsidra li x-xenarji wrew li l-kredituri ma kellhom xejn x’jirbħu milli jħallu lill-kumpanija tkompli għaddejja, jew bil-għan li din tiġi gradwalment stralċjata jew biex tkompli tkun imħaddma, peress li l-ebda wieħed mix-xenarji ma kien wisq aħjar mill-offerta ta’ Arriva. L-inċertezza għall-ġejjieni probabbilment twassal lill-kredituri biex jippreferu bejgħ ta’ malajr.

(70)

Barra minn hekk, ix-xenarji wrew, fl-opinjoni tal-Ministeru, li l-offerta ta’ Arriva probabbilment kienet ibbażata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Combus fuq perjodu qasir ta’ żmien iktar milli fuq evalwazzjoni effettiva tal-kumpanija. Fi ftit kliem, b’dan l-isfond, probabbilment kien ikun diffiċli li Arriva tkun konvinta li l-Ministeru kellu alternattivi aħjar għal-lest fil-forma ta’ stralċ gradwali jew ta’ ħidma kontinwa.

(71)

Fil-memorandum kien enfasizzat li ma setax jiġi eskluż għal kollox li stralċ gradwali, flimkien mat-trasferiment gradwali tal-kuntratti tas-servizzi bil-karozzi tal-linja f’pakketti – ġeografikament – żgħar lil kumpaniji lokali tal-karozzi tal-linja, setgħu jkunu alternattiva rilevanti għax-xenarji deskritti fil-qosor iktar ‘il fuq. Dan ix-xenarju ma kienx investigat, imma kien ukoll ferm inċert minħabba li, skont Combus, probabbilment kien ikun hemm diversi kumpaniji lokali tal-karozzi tal-linja interessati imma, fl-aħjar eventwalità, kienu biss ftit li kien ikollhom saħħa finanzjarja suffiċjenti biex jieħdu l-kontroll anki tal-partijiet b’dimensjonijiet iżgħar.

(72)

Il-Ministeru kkonkluda li, jekk l-offerta ta’ Arriva setgħet titnaqqas għal prezz negattiv ta’ DKK 290 miljun, jidher ċar li l-aħjar alternattiva hi li din tiġi diskussa mal-kredituri.

(73)

Fil-21 ta’ Novembru 2000, dawn in-negozjati rriżultaw fil-ftehim ta’ Ittra ta’ Intenzjoni rigward il-bejgħ ta’ Combus lil Arriva, li kien iffirmat bejn il-Ministeru Daniż tat-Trasport – li kien qed jaġixxi bħala l-bejjiegħ ta’ Combus, Arriva – li kienet qed taġixxi bħala x-xerrejja ta’ Combus – u l-kredituri kummerċjali privati ta’ Combus.

(74)

L-ittra ta’ intenzjoni kienet tinkludi l-elementi prinċipali li ġejjin:

L-Istat kellu jirċievi DKK 100 għat-trasferiment tal-ishma kollha f’Combus (100 %).

L-Istat kellu jikkonverti bil-quddiem il-kapital ta’ self subordinat ta’ DKK 100 miljun f’kapital azzjonarju.

Il-bażi kapitali ta’ Combus kellha tissaħħaħ b’DKK 240 miljun oħra, jew fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital azzjonarju ġdid jew bħala tniżżil fil-valur kontabbli (write-down)/konverżjoni tad-dejn mal-bank.

L-Istat kellu jipprovdi wkoll garanziji limitati li jammontaw għal total ta’ DKK 57,5 miljun fil-forma ta’ (i) garanzija għal spejjeż ambjentali potenzjali ta’ DKK 22,5 miljun, li kellha tiġi rilaxxata jekk tali spejjeż jeċċedu l-ammont ta’ DKK 10 miljun diġà allokati fil-kumpanija għall-ispejjeż ambjentali u (ii) garanzija sa DKK 35 miljun għall-kwistjonijiet kollha inkluża r-regolamentazzjoni tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija b’relazzjoni għall-bilanċ ippreżentat mill-maniġment kif kien fi tmiem Settembru 2000 u iktar impenji.

L-Istat kellu jipprovdi garanziji mhux limitati lil Arriva b’konnessjoni ma’ kwalunkwe talba għal ħlas ta’ taxxa li tista’ tirriżulta mill-perjodu ta’ qabel it-trasferiment, għat-telf minħabba kwalunkwe pretensjoni min-naħa ta’ impjegati preċedenti, għal kwalunkwe telf li jista’ jirriżulta mill-bejgħ preċedenti min-naħa ta’ Combus ta’ Combus International, u għal kwalunkwe telf finanzjarju li Arriva setgħet tistabbilixxi li oriġina mir-rapport ta’ verifika li kellu jsir dalwaqt.

It-trasferiment kellu jsir b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001.

Il-ftehim kien ikkundizzjonat kemm mill-approvazzjoni tal-kumpaniji tat-trasport kif ukoll tal-Aġenzija tas-Sikurezza fit-Toroq u tat-Trasport tad-Danimarka sabiex il-kuntratti tas-servizzi bil-karozzi tal-linja ta’ Combus jaqgħu f’idejn il-proprjetarja l-ġdida u kemm mill-approvazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

(75)

Il-proċess l-ieħor, miftiehem fl-ittra ta’ intenzjoni, kien ifisser li l-Ministeru tat-Trasport u Arriva – b’approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż u l-bord ta’ Arriva – sussegwentement iffirmaw ftehim finali skont il-linji gwida li ssemmew iktar ‘il fuq. Il-ftehim kellu jiġi konkluż biss meta jinkisbu l-approvazzjonijiet esterni meħtieġa kollha, imma dan il-perjodu ma jistax ikun iktar tard mill-1 ta’ Frar 2001.

(76)

Bħala estensjoni tal-ittra ta’ intenzjoni, il-Ministeru tat-Trasport innegozja mal-kredituri dwar id-distribuzzjoni ta’ injezzjoni ta’ DKK 240 miljun. Intlaħaq ftehim li l-Gvern Daniż kellu jinjetta kapital azzjonarju ġdid ta’ DKK 140 miljun u li l-kredituri kellhom jew jikkonvertu djun f’kapital azzjonarju li jlaħħqu ammont ekwivalenti għal DKK 100 miljun jew jagħmlu tnaqqis (write-down) tad-dejn b’dan l-ammont.

(77)

Fil-memorandum, il-Gvern Daniż kien impenja ruħha li se jaġġusta l-prezz tal-bejgħ (limitat għal ammont masismu ta’ DKK 35 miljun), bil-patt u l-kundizzjoni li l-karta tal-bilanċ tal-kumpanija sal-31 ta’ Diċembru 2000 kienet tiżvela riserva ta’ kapital ta’ inqas minn DKK 31,8 miljun, li kienet l-aspettattiva tal-maniġment meta l-partijiet iffirmaw l-Ittra ta’ Intenzjoni. Jirriżulta li r-riservi ta’ kapital sal-31 ta’ Diċembru 2000 kienu ta’ DKK 10,3 miljun. B’hekk, il-Gvern Daniż kien obbligat jagħmel ħlas ta’ DKK 20,5 miljun sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont din il-garanzija.

(78)

Arriva ħadet f’idejha l-obbligazzjonijiet li kien baqa’ ta’ Combus, li dak iż-żmien kienu jlaħħqu għal DKK 208 miljun. Arriva ħallset dawn l-obbligazzjonijiet malli xtrat Combus, u ssostitwiethom b’self li jkun sar mingħand il-kumpanija prinċipali tagħha, Arriva plc.

(79)

B’paragun mal-offerta inizjali ta’ Arriva, il-Gvern Daniż kien innegozja l-bidliet sinifikanti li ġejjin:

Is-selliefa ta’ Combus kienu ftiehmu li jipparteċipaw fil-proċess ta’ ristrutturar, billi jniżżlu l-valur (write down) ta’ partijiet mid-dejn tagħhom (b’kollox DKK 100 miljun);

Ir-rekwiżit għal injezzjoni ta’ DKK 290 miljun tnaqqas għal DKK 240 miljun;

Il-ftehim kien jinkludi garanziji b’kopertura limitata għal total ta’ DKK 57,5 miljun u għadd ta’ garanziji mhux limitati;

Il-Gvern Daniż iggarantixxa l-valur nett tal-assi ta’ Combus kif kien sal-31 ta’ Diċembru 2000, wara aġġustamenti għal tħassir (write-offs) eċċ. skont il-ftehim, li kien jammonta għal DKK 31,8 miljun.

Arriva qablet li t-talbiet għal aġġustamenti li jlaħħqu għal total ta’ DKK 109 miljun (imsemmija fil-proposta tat-3 ta’ Novembru 2000) ma kinux iktar rilevanti.

(80)

Fl-aħħar nett, il-Ministeru tat-Trasport b’hekk kellu suċċess fin-negozjati dwar il-kontenut tal-ittra ta’ intenzjoni fejn naqqas b’mod sinifikanti t-talbiet għal prezz ta’ Arriva b’relazzjoni għall-proposta tat-3 ta’ Novembru 2000.

L-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż u l-bejgħ lil Arriva

(81)

F’abbozz ta’ ligi kunfidenzjali tat-13 ta’ Diċembru 2000, il-Ministeru tat-Trasport talab l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Finanzi biex l-Istat ibigħ l-ishma kollha li kellu f’Combus. Il-maġġoranza tal-membri tal-Kumitat tal-Finanzi approvaw l-abbozz ta’ liġi kunfidenzjali dakinhar stess.

(82)

Il-“Ftehim dwar il-Bejgħ tal-Ishma” kien iffirmat fil-15 ta’ Jannar 2001; Combus ġiet ittrasferita lil Arriva fit-2 ta’ April 2001, wara li d-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni kienet ġiet adottata b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2001. L-“għeluq” seħħ fit-2 ta’ April 2001 bejn il-Ministeru tat-Trasport u Arriva.

(83)

Abbozz preċedenti tal-ftehim dwar il-bejgħ tal-ishma, mibgħut mill-Gvern Daniż lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2000, kien jinkludi klawżola, li skont din il-Gvern Daniż kellu jiggarantixxi lil Arriva rigward pretensjonijiet possibbli min-naħa ta’ istituzzjonijiet pubbliċi (eż. l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni tal-UE). Il-Gvern Daniż informa lill-Kummissjoni, fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2001, li din il-klawżola ma kinitx ġiet inkluża fil-ftehim finali dwar il-bejgħ tal-ishma. Ir-raġuni għal din il-bidla kienet li “il-Gvern Daniż għażel li jitlob l-approvazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti qabel l-għeluq”.

Valutazzjoni tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka

(84)

Il-proċess ta’ bejgħ kien ukoll is-suġġett ta’ rapport speċjali min-naħa tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka (20).

(85)

Fil-konklużjoni (paġna 60) tar-rapport jiġi ddikjarat li:

“L-investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka wriet li l-offerta ta’ Arriva kienet waħda baxxa, imma li ma kien hemm l-ebda offerta serja li kienet aħjar minnha.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka stabbilixxa li l-investigazzjonijiet tal-Ministeru tat-Trasport urew li l-bejgħ totali tal-ishma f’Combus kien preferibbli sabiex il-kumpanija tiġi żarmata gradwalment jew li taqa’ taħt amministrazzjoni kkontrollata.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka stabbilixxa li l-kunsiderazzjonijiet tal-Ministeru tat-Trasport meta kien qed jitħejja u jsir il-bejgħ tal-ishma, kienu fondati. Il-Ministeru tat-Trasport irnexxielu, permezz ta’ negozjati, li jara kif inaqqas il-prezz ta’ Arriva biex tieħu f’idejha l-ishma u l-Ministeru rnexxielu wkoll, permezz tan-negozjati, li jinvolvi lis-selliefa tal-kumpanija fil-ftehim ta’ negozju dwar l-ishma. Fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet u tal-informazzjoni disponibbli, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka kkonkluda li l-ftehim għandu jitqies bħala wieħed sodisfaċenti. Għalhekk, kien meħtieġ li l-Istat jinjetta DKK 140 miljun f’Combus u jipprovdi garanziji ta’ madwar DKK 58 miljun għall-kumpanija b’konnessjoni mal-ftehim ta’ bejgħ.”

Il-bejgħ sussegwenti ta’ 50 % ta’ Combus lil Connex

(86)

Fil-premessa 66 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni qajmet xi dubji dwar jekk il-prezz tal-bejgħ ta’ Combus lil Arriva kienx il-prezz tas-suq. Dawn id-dubji kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq l-osservazzjoni li skont l-istampa Daniża, il-bejgħ ta’ 50 % ta’ Combus lil Connex, li seħħ fl-1 ta’ Mejju 2001, inqas minn xahar wara li ġie ffirmat il-ftehim ta’ bejgħ bejn il-Gvern Daniż u Arriva, seħħ għall-prezz ta’ DKK 223 miljun.

(87)

Il-Gvern Daniż u Arriva għaddew informazzjoni fattwali addizzjonali dwar dan il-punt lill-Kummissjoni.

(88)

Il-proċess tan-negozjati bejn Arriva u Connex beda fl-2000. Arriva u Connex ftiehmu dwar “Memorandum ta’ Fehim” fuq il-livell maniġerjali Ewropew fl-10 ta’ Ottubru 2000, fejn ġew stabbiliti l-prinċipji għall-kooperazzjoni bejn il-partijiet fil-perjodu ta’ tħejjija għat-teħid ta’ kontroll ta’ Combus. L-idea inizjali kienet li ż-żewġ kumpaniji kellhom iressqu offerta konġunta.

(89)

Qabel ma tfasslet din id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, Connex, kif ukoll Arriva, kienu ħadu sehem fil-proċess ta’ eżami bir-reqqa kkontrollat minn Alfred Berg, imma l-kumpanija kienet għażlet li ma tipproċedix waħidha. Skont il-“Memorandum ta’ Fehim”, iż-żewġ partijiet ingħataw aċċess għall-kamra tad-dejta sabiex jivvalutaw il-valur tal-kumpanija u r-riskji marbuta max-xiri.

(90)

Arriva u Connex skambjaw l-esperjenzi mill-kamra tad-dejta u deher ċar li kien hemm differenzi kbar fl-aspettattivi u fil-valuzzjoni ta’ Combus min-naħa taż-żewġ kumpaniji. B’hekk, Arriva vvalutat il-kumpanija bħala li kellha valur negattiv ta’ madwar DKK 300 miljun u Connex ivvalutat lil Combus bħala li kellha valur negattiv ta’ madwar DKK 700-1 000 miljun.

(91)

Għaldaqstant, peress li kien hemm nuqqas ta’ qbil fundamentali bejn il-partijiet rigward ir-riskji marbuta max-xiri, in-negozjati dwar id-diviżjoni tal-kumpanija waqfu u Arriva kompliet bin-negozjati mal-Istat Daniż waħidha. Kif ġie deskritt iktar ‘il fuq, dawn in-negozjati eventwalment wasslu biex, f’Mejju 2001, Arriva rnexxielha tixtri lil Combus.

(92)

Fi tmiem Diċembru 2000, in-negozjati bejn Arriva u Connex reġgħu bdew, din id-darba bil-għan li ċerti assi ta’ Combus (jiġifieri, il-kuntratti u l-karozzi tal-linja) jinbiegħu lil Connex. Connex ingħatat aċċess sħiħ għall-materjal tad-diliġenza xierqa li kien ġie kkompilat u Arriva informat lil Connex bid-dettalji ta’ każ ta’negozju imħejji minn Arriva. B’dan l-isfond, il-partijiet daħlu fi ftehim, “Ittra ta’ intenzjoni” (Head of terms), li kien iffirmat fil-21 ta’ Frar 2001, bi prezz miftiehem ta’ DKK 230 miljun. Dan il-valur kien jikkorrispondi għall-valur kontabbli tal-attivitajiet involuti (karozzi tal-linja, infrastruttura u kuntratti eżistenti tas-servizz pubbliku li kienu qed jagħmlu telf, b’mod partikolari fiż-żona ta’ Kopenħagen).

(93)

Wara iktar negozjati, li kienu jinvolvu, b’mod partikolari, analiżi dettaljata tal-likwidità, il-prezz finali fil-ftehim tal-bejgħ iffirmat fit-30 ta’ April 2001 kien ta’ DKK 113,9 miljun. L-aġġustament ‘l isfel tal-prezz tal-bejgħ kien minħabba li l-analiżi tal-likwidità wriet li t-telf mill-kuntratti tas-servizz pubbliku li kienu fis-seħħ kien ferm ogħla milli kien previst fil-bidu. Konsegwentement, Arriva kellha tagħmel użu sħiħ mill-flus li kienu pprovduti fil-kontabbiltà ta’ Combus għall-kuntratti tas-servizz pubbliku li kienu qed jagħmlu telf.

(94)

B’risposta għall-premessa 118 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, fejn il-Kummissjoni tistaqsi jekk Arriva setgħetx tbigħ il-kuntratti, meta kien hemm klawżoli legali sabiex jipprevjenu milli l-kuntratti jiġu tterminati, il-Gvern Daniż jispjega li l-bejgħ tal-kuntratti ifisser sempliċi bidla fil-fornitur, li teħtieġ il-kunsens tar-riċevent (il-muniċipalitajiet u l-kontej) u tipprevedi li l-ħidmiet bil-karozzi tal-linja jinżammu bil-prezz li kien iffissat qabel u skont it-termini li kienu miftiehma qabel. Fil-każ tat-trasferiment tal-kuntratti minn Arriva lil Connex, il-muniċipalitajiet u l-kontej involuti taw il-kunsens tagħhom.

2.1.3.   IL-MIŻURI TA’ RISTRUTTURAR TAL-1999 U TAL-2001

(95)

L-injezzjonijiet ta’ kapital tal-1999 u tal-2001 kienu akkumpanjati minn miżuri ta’ ristrutturar. Dawn qed jiġu deskritti fid-dettall fis-sezzjonijiet li ġejjin.

Il-Miżuri ta’ Ristrutturar tal-1999

(96)

F’April 2007, l-awtoritajiet Daniżi ressqu quddiem il-Kummissjoni erba’ noti separati. Tlieta min-noti, li kienu jġibu d-dati tas-26 ta’ April 1999, tal-15 ta’ Mejju 1999, u tat-18 ta’ Mejju 1999, inkitbu minn Kromann u Münter, filwaqt li l-oħra, tat-18 ta’ Mejju 1999, inkitbet minn KPMG. L-awtoritajiet Daniżi jqisu li n-nota ta’ KPMG tikkositwixxi l-pjan operattiv ta’ ristrutturar għall-injezzjoni ta’ kapital tal-1999 u li t-tliet noti ta’ Kromann u Münter jikkostitwixxu l-pjan finanzjarju ta’ ristrutturar.

In-nota ta’ KPMG

(97)

F’Mejju 1999, KPMG, waħda mid-ditti tal-kontabbiltà ta’ Combus, kienet għamlet eżami tal-profitabbiltà ta’ kuntratti magħżula tal-karozzi tal-linja. Hija għaddiet ir-riżultati li ħarġu minnu f’memorandum tat-18 ta’ Mejju 1999, bl-isem “Il-profitabbiltà ta’ kuntratti magħżula tas-servizzi ta’ trasport fil-perjodu 1999/2001”.

(98)

L-eżami kien ibbażat fuq il-baġits operattivi għal Combus għas-snin 1999-2001, kif kienu approvati mill-bord ta’ Combus f’Novembru 1998, u kkoreġuti bi stima tal-baġit imfassla mill-maniġment f’April 1999. L-accountants iddikjaraw fil-memorandum li x-xogħol imwettaq ma kienx eżami ta’ baġit. Skont il-memorandum, dan kien ifisser li l-accountants ma kinux ivvalutaw jekk il-baġits kollha kinux jinkludu l-informazzjoni kollha li kienet meħtieġa għal valutazzjoni indipendenti tal-iżvilupp antiċipat ta’ Combus, u lanqas ma kienu vvalutaw jekk il-baġits kinux jirriflettu l-iktar żvilupp probabbli.

(99)

Fil-memorandum tagħhom, l-accountants iddikjaraw li l-profitabbiltà ma setgħetx tkun ivvalutata skont il-kuntratt, imma aktarx skont iż-żona tal-karozzi tal-linja. B’hekk, valutazzjoni tal-profitabbiltà ta’ żona tal-karozzi tal-linja kienet fl-istess ħin valutazzjoni indiretta tal-kuntratti tas-servizzi bil-karozzi tal-linja assoċjati maż-żona tal-karozzi tal-linja. L-accountants kienu eżaminaw il-baġits operattivi għal ħames (5) żoni ta’ karozzi tal-linja.

(100)

Is-sommarju tal-eżami li sar mill-accountants qed jintwera fit-Tabella 6.

Tabella 6

Il-baġits akkumulati għall-perjodu 1999-2001

(f’miljuni ta’ DKK)

 

Fatturat nett

Riżultat qabel issir tpaċija tal-provvedimenti

Provvedimenti tal-1998

Riżultat qabel titnaqqas it-taxxa

Żona tal-Karozzi tal-Linja ta’ Kopenħagen

927,1

–90,0

60,0 (21)

–30,0

Żona tal-Karozzi tal-Linja ta’ Sjælland

230,4

4,8

 

4,8

Żona tal-Karozzi tal-Linja ta’ Århus

353,3

19,8.

 

19,8

Żona tal-Karozzi tal-Linja ta’ Vejle

351,0

0,5

 

0,5

Żona tal-Karozzi tal-Linja ta’ Fyn

371,6

4,7

 

4,7

Total taż-żoni tal-karozzi tal-linja magħżula

2 233,4

–60,2

 

–0,2

Total ta’ żoni tal-karozzi tal-linja oħrajn

725,2

34,4.

 

34,4

Spejjeż amministrattivi

 

–77,4

 

–77,4

Total taż-żoni tal-karozzi tal-linja + tal-ispejjeż amministrattivi

2 958,6

– 103,2

60

43,2

Rioraganizzazzjoni u razzjonalizzazzjoni

 

105,9

 

105,9

Riżultat sussegwenti antiċipat

2 958,6

2,7

60

62,7

Sors: Memorandum dwar il-profitabbiltà ta’ kuntratti magħżula ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja fil-perjodu 1999-2001

(101)

It-tabella turi li l-bord ta’ Combus kien qed jistenna li r-riżultat totali għall-perjodu 1999-2001 kellu jkun profitt ta’ DKK 62,7 miljun.

(102)

Kif intwera fit-tabella, il-baġits operattivi għaż-żoni tal-karozzi tal-linja u għall-ispejjeż amministrattivi żvelaw defiċit totali ta’ DKK 103,2 miljun. F’April 1999, fl-isfond tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni implimentati jew ippjanati, il-maniġment ikkalkula li bejn l-1999 u l-2001 setgħu jiġu ffrankati madwar DKK 105,9. Dawn il-miżuri biex jiġu ffrankati l-flus kienu dawn li ġejjin:

Flus iffrankati relatati ma’ impjegati taċ-Ċivil minħabba bidla fl-istatus minn impjegati taċ-Ċivil għal kuntratti normali

Tnaqqis fi ħlasijiet minħabba mard

Titjib fil-loġistika fost l-impjegati taċ-Ċivil

Titjib fl-ippjanar tax-xogħlijiet

Tnaqqis fil-persunal amministrattiv

Tnaqqis fl-ispejjeż tal-manutenzjoni

Tnaqqis fl-ispejjeż tax-xiri

Ristrutturar tal-uffiċċju prinċipali

(103)

L-ammont ta’ flus li kien ikkalkulat li ġew iffrankati ma kienx diviż f’żoni tal-karozzi tal-linja, imma, skont il-memorandum, il-bord ikkunsidra li parti ferm sinifikanti mill-flus setgħu jiġu ffrankati miż-żona tal-karozzi tal-linja ta’ Kopenħagen.

In-noti ta’ Kromann u Münter

(104)

Fit-tliet noti ta’ Kromann u Münter jiġi ddikjarat li d-ditta tal-avukati u tal-accountants kienu eżaminaw il-profitabbiltà ta’ għażla rappreżentattiva tal-kuntratti tal-kumpanija sabiex issir valutazzjoni tal-ħidmiet tal-kumpanija u li wara l-eżami, tqies li kien meħtieġ li jkun hemm provvedimet ieħor ta’ madwar DKK 65 miljun sabiex ikunu koperti kuntratti li jagħmlu telf għall-bqija tat-terminu tagħhom. Għaldaqstant, il-kapital azzjonarju tal-kumpanija kien jammonta għal DKK 47 miljun. Għalhekk, kien ovvju li l-kumpanija ma setgħetx tissodisfa t-termini fil-ftehimiet tas-self tagħha u li l-kontabbiltà annwali ma setgħetx tiġi ppreżentata mingħajr riservi min-naħa tal-accountants rigward il-prinċipju ta’ negozju attiv, sakemm is-sitwazzjoni ma tinbidilx b’mod sinifikanti.

(105)

Fl-opinjoni tal-konsulent, rikostruzzjoni tal-kumpanija teħtieġ injezzjoni ta’ kapital ta’ madwar DKK 300 miljun. Dan l-ammont kien iġġustifikat kif ġej:

Ir-rekwiżit tas-solidità fis-self differenti mal-banek jiżdied minn 10 % għal 20 % fil-31 ta’ Diċembru 1999, li jwassal għall-ħtieġa ta’ żieda fil-kapital (22);

Żieda fil-kapital ta’ dan l-ammont twassal għal proporzjoni xieraq ta’ dejn/ishma.

(106)

Injezzjoni ta’ kapital tal-ammont imsemmi, fl-opinjoni tal-konsulent, tagħmilha possibbli li tissolva s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

Il-Miżuri ta’ Ristrutturar tal-2001

(107)

B’mod parallel għat-tħejjija tal-bejgħ ta’ Combus lil Arriva, il-Gvern Daniż kien talab lil Arriva biex tfassal pjan ta’ negozju u ta’ ristrutturar għal Combus. F’Jannar 2001, il-Gvern Daniż kien ressaq dan il-pjan ta’ ristrutturar quddiem il-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret f’żewġ stadji, fit-8 u fit-23 ta’ Jannar 2001. Dawn is-sottomissjonijiet kienu parti mill-Każ nru NN 127/00 li għadu għaddej, u li eventwalment wassal għad-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni.

(108)

Dan il-pjan ta’ ristrutturar kien jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

Studju tas-suq,

Deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkustanzi kollha li wasslu għad-diffikultajiet finanzjarji serji ta’ Combus.

Deskrizzjoni dettaljata tal-bidliet kollha ppjanati sabiex ikun issalvagwardjat il-fatt li l-kumpanija, waħidha, se tkun tista’ tkopri l-ispejjeż kollha tagħha, fost l-oħrajn, l-ispejjeż tal-ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż finanzjarji, u sabiex tkun iffaċċjata l-kompetizzjoni wara li jkun ġie ffinalizzat il-proċess ta’ ristrutturar.

Deskrizzjoni dettaljata tal-finanzjament tar-ristrutturar

Studju tas-Suq

(109)

Fl-istudju tas-suq jiġi ddikjarat li s-suq Daniż tal-karozzi tal-linja stabilixxa ruħu wara d-deregolamentazzjoni li bdiet lura fl-1990.

(110)

Bejn l-1990 u l-1997, il-prezzijiet biex ikunu pprovduti s-servizzi tat-trasport bil-karozzi tal-linja niżlu b’mod kostanti. Dan l-iżvilupp bil-wisq probabbli seħħ minħabba l-ftuħ tas-suq li beda kmieni fis-snin 1990. L-iktar livell baxx tal-prezzijiet jidher li ntlaħaq fl-1997; minn dak iż-żmien lil hawn, il-prezzijiet irkupraw u qed juru żieda ċkejkna imma regolari.

(111)

Fl-1999, is-suq globali Daniż tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja kien iddominat minn erba’ operaturi kbar. Flimkien dawn l-erba’ operaturi kellhom f’idejhom madwar żewġ terzi mill-kuntratti li nħarġu b’sejħa għall-offerti (23).

(112)

Skont rapport tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni, mill-2000, is-sena li l-istudju tas-suq jirreferi għaliha, mhux probabbli li s-suq Daniż tal-karozzi tal-linja jkun ikkaratterizzat minn kapaċità żejda. Minħabba l-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jissussidjaw ir-rotot tal-karozzi tal-linja sa iktar minn 50 %, operatur tat-trasport bil-karozzi tal-linja se joffri servizz bil-karozzi tal-linja biss jekk jirbaħ sejħa għall-offerti. B’hekk, operatur jikkonkludi ftehim ta’ negozju biss rigward l-ammont ta’ karozzi tal-linja u ta’ xufiera li jkunu meħtieġa sabiex isir it-trasport bil-karozzi tal-linja, ladarba jkun rebaħ kuntratt tas-servizz pubbliku wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

(113)

Ir-rapport tal-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni jikkonkludi wkoll li l-ostakli għad-dħul huma baxxi; dan huwa minħabba żewġ fatturi:

L-ewwel nett, il-kuntratti kollha tas-servizz pubbliku jinħarġu b’sejħa għall-offerti kull ħames snin. Għaldaqstant, kull sena parteċipanti ġodda jidħlu f’kompetizzjoni ma’ xulxin għal madwar 20 % tas-suq.

It-tieni nett, kemm il-karozzi tal-linja kif ukoll l-impjegati mhumiex wisq għaljin, u jistgħu jinstabu faċilment fis-suq Daniż.

(114)

Konsegwentement, l-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni kkonkludiet li s-suq kien ikkaratterizzat mis-saħħa tax-xerrej, konklużjoni li ntweriet mill-iżvilupp fil-prezzijiet wara t-tneħħija tar-regolamentazzjoni tas-suq Daniż tal-karozzi tal-linja.

Deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkustanzi li wasslu għad-diffikultajiet finanzjarji

(115)

Id-deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkustanzi kollha li wasslu għad-diffikultajiet finanzjari serji ta’ Combus tindika li l-problemi finanzjarji tal-kumpanija kienu minħabba l-politika aggressiva ta’ espansjoni ta’ Combus fis-suq Daniż tal-karozzi tal-linja, partikolarment fiż-żona ta’ Kopenħagen. Combus rebħet kuntratti bi prezzijiet baxxi wisq, u dan ħoloq problemi finanzjarji. B’konsegwenza tal-politika ta’ espansjoni, Combus bdiet topera għadd kbir ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja li bdew jagħmlu t-telf (24).

Deskrizzjoni dettaljata tal-bidliet ippjanati

(116)

Is-sottomissjoni tat-8 ta’ Jannar 2001 issemmi, fost l-oħrajn, il-miżuri li kellha tieħu Arriva u l-kontribuzzjonijiet li kellha tagħmel b’konnessjoni max-xiri ta’ Combus.

(117)

Sa fejn għandha x’taqsam id-deskrizzjoni dettaljata tal-bidliet ippjanati, il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi fil-qosor sitt (6) miżuri ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li kellha tieħu Arriva, wara li din tixtri lil Combus. Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi anki żieda fl-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-fjuwil, kif ukoll xi spejjeż straordinarji relatati mar-ristrutturar ta’ Combus.

(118)

Rigward il-bidliet deskritti fil-qosor, l-ispejjeż ġew diviżi fi spejjeż operattivi, finanzjarji u eċċezzjonali b’relazzjoni għar-ristrutturar ta’ Combus.

Bidliet fl-ispejjeż operattivi

(119)

It-Tabella 7 tagħti deskrizzjoni qasira taż-żidiet u tat-tnaqqis rigward l-ispejjeż operattivi.

Tabella 7

Żidiet u tnaqqis rigward l-ispejjeż operattivi previsti (DKK fis-sena)

(f’miljuni ta’ DKK)

Żidiet fl-ispejjeż

Żieda fl-ispejjeż tal-manutenzjoni

–28,0

Żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil

–3,0

 

–31,0

Tnaqqis fl-ispejjeż

Tnaqqis fl-ispejjeż tal-mard

3,5

Tnaqqis fl-ispejjeż tat-tiswijiet

7,0

Tnaqqis fl-ispejjeż tal-assigurazzjoni

2,0

L-għeluq u l-bejgħ tal-bini tan-negozju

3,0

Amalgamazzjoni tal-kwartieri ġenerali

39,0

 

+54,5

Effett nett annwali

+23,5

Sors: Arriva

(120)

Kif ġie żvelat fit-Tabella 7, l-ispejjeż operattivi globali se jitnaqqsu permezz ta’ tnaqqis fil-jiem ta’ lif f’każ ta’ mard tal-persunal, fl-ispejjeż tat-tiswijiet tal-karozzi tal-linja, fl-ispejjeż tal-assigurazzjoni, fl-ispejjeż amministrattivi u bil-bejgħ tal-infrastrutturi żejda.

(121)

Rigward, il-jiem tal-lif f’każ ta’ mard tal-persunal, il-pjan ta’ ristrutturar jikkonferma li l-impjegati ta’ Combus jimirdu b’mod iktar frekwenti mill-impjegati ta’ Arriva. Arriva biħsiebha tintroduċi l-metodi tagħha sabiex tieħu azzjoni ta’ segwitu rigward dawk l-impjegati li ta’ spiss ikunu nieqsa minħabba mard. B’dan il-mod, Arriva qed tistenna li tnaqqas l-ispejjeż b’ammont li jlaħħaq DKK 3,5 miljun.

(122)

Rigward it-tnaqqis fl-ispejjeż tat-tiswijiet tal-karozzi tal-linja u tal-assigurazzjonijiet, Arriva biħsiebha tintroduċi l-metodi u l-kuntratti ta’ assigurazzjoni tagħha stess sabiex tnaqqas l-ispejjeż ta’ Combus f’dawk l-oqsma. B’hekk, Arriva qed tistenna li tnaqqas l-ispejjeż tal-assigurazzjoni tal-impjegati b’ammont li jlaħħaq DKK 2 miljun u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni tal-vetturi b’ammont li jlaħħaq DKK 7 miljun.

(123)

Sa fejn għandu x’jaqsam it-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi, mill-2002 Arriva qed tistenna li l-amalgamazzjoni tal-kwartieri ġenerali tal-kumpaniji se tirriżulta fi tnaqqis fl-ispejjeż li jammonta għal DKK 39 miljun.

(124)

Fl-aħħar nett, Arriva biħsiebha tbigħ erba’ mill-fergħat tagħha li se jkunu żejda wara l-amalgamazzjoni. B’hekk, Arriva qed tistenna li tnaqqas l-ispejjeż għal livell ta’ DKK 3 miljun fis-sena. B’kollox, it-tnaqqis fl-ispejjeż previst minn Arriva se jammonta għal DKK 54,5 miljun fis-sena.

(125)

Arriva, madankollu, qed tipprevedi żieda fl-ispejjeż tal-manutenzjoni. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Combus, din tal-aħħar fl-2000 ġarrbet spejjeż tal-manutenzjoni li kienu jlaħħqu DKK 70 000 għal kull karozza tal-linja. Arriva qed tantiċipa żieda sa DKK 120 000 għal kull karozza tal-linja li taħdem fl-ibliet u DKK 80 000 għal kull karozza tal-linja reġjonali, li tirriżulta f’żieda fl-ispejjeż tal-manutenzjoni sa DKK 28 miljun. Barra minn hekk, Arriva qed tipprevedi żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil sa DKK 3 miljun fis-sena.

Bidliet fl-ispejjeż finanzjarji

(126)

Rigward it-tnaqqis mistenni fl-ispejjeż finanzjarji, Arriva hija marbuta tirrimborsa d-dejn totali dovut ta’ Combus lis-selliefa privati tagħha.

(127)

F’dan ir-rigward, il-ftehim tal-bejgħ jipprevedi li l-Istat Daniż u d-debituri kummerċjali privati ta’ Combus għandhom iħassru parzjalment id-dejn ta’ Combus qabel din tinbiegħ lil Arriva, biex b’hekk l-impriża titħalla b’dejn ta’ DKK 208 miljun. Imbagħad Arriva, malli tixtri lil Combus, għandha tħallas immedjatament dan id-dejn dovut.

(128)

Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi li Arriva tissostitwixxi d-dejn mas-selliefa privati b’self fi ħdan il-grupp. Il-ħlasijiet annwali tal-imgħax għal dan is-self fi ħdan il-grupp jammontaw għal DKK 13,5 miljun.

Bidliet fl-ispejjeż eċċezzjonali

(129)

Rigward l-ispejjeż eċċezzjonali relatati mar-ristrutturar ta’ Combus, Arriva qed tikkalkula li dawn se jkunu ta’ DKK 35,6 miljun għall-perjodu 2001/02. Madwar DKK 15-il miljun huma marbutin mas-sensji meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ġenerali (25). L-ammont dovut huwa marbut mal-integrazzjoni tas-sistemi tal-IT tal-kumpaniji rispettivi (DKK 5 miljun), max-xiri ta’ uniformijiet ġodda għax-xufiera tal-karozzi tal-linja (DKK 7,2 miljun), mal-ispejjeż legali u ekonomiċi marbuta mal-amalgamazzjoni u mar-ristrutturar (DKK 7 miljun) u fl-aħħar nett ma’ spejjeż oħrajn żgħar (DKK 2,5 miljuni).

(130)

Arriva wkoll biħsiebha tnaqqas l-ispejjeż billi tittermina b’suċċess il-kuntratti kollha ta’ Combus li qed jagħmlu telf. Barra minn hekk, Arriva qed tipproponi li tagħmel riservi b’relazzjoni għall-iskadenza tal-kuntratti f’Kopenħagen u f’Aalborg, minħabba r-riskju li dawn il-karozzi tal-linja li jaħdmu fl-ibliet ma jistgħux jintużaw f’rotot oħra tat-traffiku, peress li jew għadda ż-żmien minn fuqhom (għal Kopenħagen, ir-riserva se tammonta għal DKK 45 miljun) jew huma wisq speċifiċi sabiex jintużaw f’belt oħra (għal Aalborg, ir-riserva se tammonta għal DKK 18-il miljun).

(131)

Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi li Combus se tirritorna għall-vijabbiltà ekonomika mill-2006, minħabba l-miżuri li se tieħu Arriva. It-Tabella 8 turi l-previżjonijiet għall-fatturat u għall-profitti/telf ta’ Combus għall-perjodu bejn l-2000 u l-2007.

Tabella 8

Previżjonijiet għall-fatturat u għall-profitti/telf għall-perjodu 2000-2007

(f’miljuni ta’ DKK)

Sena

2000

2001

2002

2003

2004

2005

2006

2007

Fatturat

1 089

1 055

934

824

696

440

206

60

Profitt/Telf

– 118

–66

–59

–53

–43

–21

+6

+2

Deskrizzjoni tal-finanzjament tar-ristrutturar

(132)

Il-finanzjament tal-ispejjeż tar-ristrutturar jinkiseb permezz ta’:

L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija mill-Gvern Daniż,

Ir-ristrutturar tad-dejn ta’ Combus, u

Il-kontribuzzjoni ta’ Combus u ta’ Arriva stess.

(133)

Id-dettalji tal-kontribuzzjoni tal-Gvern Daniż huma spjegati fid-deskrizzjoni tal-proċess ta’ privatizzazzjoni iktar ‘il fuq. It-tabella li tiġbor fil-qosor il-kontribuzzjonijiet tinstab fis-sezzjoni li jmiss.

(134)

Il-kontribuzzjoni tal-kredituri privati ta’ Combus tikkonsisti fit-tħassir tad-djun li jammontaw għal DKK 100 miljun.

(135)

Il-kontribuzzjoni ta’ Combus u ta’ Arriva stess kienet tikkonsisti fl-elementi li ġejjin:

Arriva

Il-ħlas tas-self li kien għad fadal immedjatament wara x-xiri;

Kontribuzzjoni diretta għall-ispejjeż tar-ristrutturar ta’ DKK 33,6 miljun;

Il-bejgħ, għall-prezz ta’ DKK 113,9 miljun, ta’ 50 % minn Combus lil Connex min-naħa ta’ Arriva;

Il-prezz tal-bejgħ ta’ DKK 100.

Combus

Ιl-flus iffrankati previsti fil-pjan ta’ ristrutturar kif spjegat iktar ‘il fuq.

2.1.4.   SOMMARJU TAL-APPOĠĠ FINANZJARJU LI L-ISTAT DANIŻ TA LIL COMBUS

(136)

Fit-Tabella 11 tad-deċiżjoni inizjali u fil-paragrafu 68 u fit-Tabella 8 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-miżura ta’ ristrutturar li l-Istat Daniż ħallas lil Combus. Hemm diskrepanza ċara bejn il-figuri, li hija spjegata mill-fatt li t-Tabella 7 fid-deċiżjoni inizjali turi l-ammonti fl-2001 bħala valur nett preżenti, filwaqt li t-Tabella 8 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura turi l-ammonti bħala termini reali.

(137)

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Daniż ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-ammont ta’ DKK 100 miljun kien qed jidher darbtejn fit-Tabella 8 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura u dan kien qed joħloq tfixkil minħabba li Combus kienet irċeviet dan l-ammont darba waħda biss (26). Il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ din l-osservazzjoni tal-Gvern Daniż, aġġustat it-tabella, kif jider fit-Tabella 9 t’hawn taħt.

Tabella 9

Sommarju korrett tal-appoġġ finanzjarju li l-Istat Daniż ta lil Combus, f’termini reali

Tip ta’ appoġġ

Sena

Ammont

(f'miljuni ta' DKK)

Provvediment fil-kontabbiltà tal-bidu għall-impjegati taċ-Ċivil (dan il-ħlas kien awtorizzat permezz tal-parti tad-deċiżjoni inizjali sostnuta mill-QPI)

1995

140

Ħlas ta’ darba lill-impjegati taċ-Ċivil għall-bidla fl-istatut (dan il-ħlas kien awtorizzat permezz tal-parti tad-deċiżjoni inizjali sostnuta mill-QPI)

1999

100

Żieda fil-kapital

1999

200

Self subordinat

(Dan is-self subordinat tħassar fl-2001)

1999

100

Żieda fil-kapital

2001

140

Garanziji (ara d-deskrizzjoni dettaljata taħt it-Tabella 9)

Is-sena 2001 u ta’ wara

37,1

Total

Mill-1995 sal-2001

717,1

(138)

Fit-Tabella 8 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni ddikjarat l-ammont massimu tal-garanziji pprovduti fl-2001 b’konnessjoni mal-konklużjoni tal-ftehim ta’ bejgħ ma’ Arriva.

(139)

Għal finijiet ta’ informazzjoni, fit-Tabella 10 t’hawn taħt, minbarra l-kopertura massima, il-Kummissjoni qed turi wkoll l-ammonti effettivi mħallsa fi tmiem Frar 2005 b’relazzjoni għall-garanziji.

Tabella 10

Sommarju tal-pretensjonijiet u tal-ħlasijiet mill-garanziji pprovduti.

Garanzija

Kopertura massima

Ammont imħallas

Spejjeż ambjentali.

DKK 22,5 miljun

L-ebda ħlas

Tnaqqis fil-kapital azzjonarju.

DKK 35,5 miljun

DKK 20,5 miljun

Iktar impenji b’relazzjoni għall-garanzija tal-kapital azzjonarju.

DKK 0,9 miljun

DKK 0,9 miljun

Talba għal ħlas ta’ taxxa mill-perjodu ta’ qabel it-trasferiment lil Combus.

Mhux limitati

Tressqu talbiet għal ħlas ta’ DKK 6,2 miljuni (bħalissa hemm kawża quddiem it-Tribunal Fiskali Nazzjonali).

Telf minħabba l-impjegati taċ-Ċivil li kienu impjegati qabel.

Mhux limitati

L-ebda talba jew ħlas

Telf b’konnessjoni mal-bejgħ ta’ Combus International (Comfort Bus Danmark A/S).

Mhux limitati.

DKK 9,5 miljuni (ħlas lura parzjali tal-ħlas tad-dividenti minn Comfort Bus Denmark A/S u/k.)

Kwalunkwe telf relatat mal-investigazzjoni tal-awdituri f’Combus A/S.

Mhux limitati.

L-ebda talba jew ħlas.

Total

 

DKK 37,1 miljun

(140)

Iż-żewġ tabelli preċedenti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

Tabella 11

Sommarju tal-appoġġ mill-Istat.

Miżura u sena

Ammont

(f'miljuni ta' DKK)

Kumment

Żieda fil-kapital, fl-1999

200

 

Self subordinat, fl-1999

100

Tħassir fl-2001

Żieda fil-kapital, fl-2001

140

 

Ammont totali mħallas skont il-garanziji, fl-2001

37,1

Il-limitu massimu tal-garanziji limitati kien ta’ DKK 58,9 miljun, li minnhom intużaw DKK 21,4 miljun; għall-garanziji mhux limitati, intużaw total ta’ DKK 15,7 miljun.

Total fl-1999

300

Espressi f’termini reali tal-1999

Total fl-2001

177,1

Espressi f’termini reali tal-2001

(141)

Il-figuri t’hawn fuq jiddevjaw ftit kemm mill-figuri stabbiliti fid-deċiżjoni inizjali, fit-Tabella 7, kif ukoll mill-figuri stabbiliti fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura. Dawn id-devjazzjonijiet huma spjegati mill-fatt li d-deċiżjoni inizjali kienet ikkonvertiet il-figuri f’valuri netti preżenti fl-2001, u li kemm id-deċiżjoni inizjali kif ukoll id-deċiżjoni biex jinbdew il-proċeduri ma kinux koerenti mal-kalkolu tal-valur monetarju tal-garanziji.

2.1.5.   L-IŻVILUPP TA’ ARRIVA/COMBUS WARA L-PRIVATIZZAZZJONI

(142)

Wara li fit-2 ta’ April 2001 daħal fis-seħħ il-ftehim dwar il-bejgħ tal-ishma (27), Arriva ipproċediet kif ġej:

Combus saret 100 % kumpanija sussidjarja ta’ Arriva.

Fi ftehim li sar fil-11 ta’ April 2001, Arriva Scandinavia a/s, kumpanija oħra 100 % sussidjarja ta’ Arriva, akkwistat mingħand Combus assi u obbligazzjonijiet finanzjarji għal sehem wieħed f’Arriva Scandinavia, li għandu valur nominali ta’ DKK 1 000. L-assi u l-obbligazzjonijiet inklużi f’dan il-ftehim huma elenkati u speċifikati fil-kuntratt tal-bejgħ. Dawn ikopru l-assi u l-obbligazzjonijet kollha li kien hemm fuq il-kotba ta’ Combus dakinhar.

Fl-1 ta’ Mejju 2001, 50 % tal-assi (jiġifieri, kuntratti, karozzi tal-linja u infrastruttura), li kienu proprjetà ta’ Combus fi żmien meta l-kumpanija kienet qed tinbiegħ lil Arriva, kienu ttrasferiti lil Connex minn Arriva Scandinavia A/S għal prezz fi flus kontanti ta’ DKK 113,9 miljun (ara l-ispjegazzjoni dettaljata iktar ‘il fuq).

3.   ID-DUBJI TAL-KUMMISSJONI

(143)

Fil-paragrafu 121 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni semmiet ħames dubji li kellha. L-ewwel wieħed jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri ta’ ristrutturar tal-1999 u tal-2001 jikkostitwux żewġ miżuri separati, jew jekk għandhomx jiġu vvalutati bħala miżura waħda. L-erba’ dubji sussegwenti jikkonċernaw it-test tal-investitur privat u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar skont il-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar tal-1994 u/jew tal-1999, f’każ li dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

4.   KUMMENTI MID-DANIMARKA U MILL-PARTIJIET INTERESSATI

4.1.   IT-TWEĠIBA TAL-GVERN DANIŻ

(144)

Il-kummenti tal-Gvern Daniż jikkonċernaw il-possibbiltà li jiġu tterminati l-kuntratti tas-servizz pubbliku ta’ Combus, il-prinċipju tal-investitur privat u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

4.1.1.   IT-TERMINAZZJONI TAL-KUNTRATTI TAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ COMBUS

(145)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li, bil-kontra ta’ dak li kienet iddikjarat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura, il-kuntratti tas-servizz pubbliku li ġew konklużi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 ma jistgħux jiġu tterminati qabel ma jiskadu.

(146)

F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż josserva li l-Kummissjoni ovvjament interpretat ħażin l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura. Huwa ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, kif ġie espliċitament iddikjarat fid-dispożizzjoni, servizz ta’ trasport jista’ jiġi tterminat skont l-Artikolu 14(4) biss jekk is-servizz tat-trasport ma jkunx kopert mis-sistema kuntrattwali jew mill-obbligu tas-servizz pubbliku. Il-kuntratti li Combus daħlet għalihom kienu koperti mis-sistema kuntrattwali, peress li kienu kuntratti ġenerali li ntrebħu waqt sensiela ta’ sejħiet għall-offerti. Dan kien ikkonfermat mill-QPI fil-paragrafi 78 et seq. tas-sentenza Combus. Għaldaqstant, il-kuntratti ma setgħux jiġu tterminati fuq il-bażi tal-Artikolu 14(4).

(147)

Madankollu, li kieku Combus interrompiet, ma komplietx jew b’xi mod ieħor ipprovat ittemm il-ftehimiet dwar it-trasport li daħlet għalihom bla ma kellha bażi legali fil-kuntratti biex tagħmel dan, il-kumpanija effettivament setgħet tinstab ħatja għal ksur ta’ kuntratt skont id-dritt ċivili Daniż.

4.1.2.   APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TAL-INVESTITUR F’EKONOMIJA TAS-SUQ

(148)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-miżuri li ttieħdu mill-Gvern Daniż f’dan il-każ għandhom jitqiesu bħala investimenti li saru skont il-Prinċipju tal-Investitur f’Ekonomija tas-Suq.

(149)

Bi tweġiba għall-premessa 89 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, fejn il-Kummissjoni kienet iddikjarat li investitur privat seta’ ġab ruħu bħall-Istat Daniż li kieku r-ristrutturar tal-kumpanija biex eventwalment tinbiegħ il-kumpanija kien se jiswa’ inqas flus milli titħalla tfalli, il-Gvern Daniż jikkonċedi li f’dan il-każ, it-telf dirett fil-każ ta’ falliment ma kienx se jeċċedi t-telf li jsir mill-bejgħ.

(150)

Madankollu, minkejja l-fatt li mal-ewwel daqqa t'għajn, il-bejgħ kien “iktar għali” milli falliment, il-Gvern Daniż xorta pprefera li Combus tinbiegħ. Tabilħaqq, il-Gvern Daniż, wara l-analiżi li għamlu l-konsulenti tiegħu, ikkunsidra li probabbilment, fuq perjodu twil ta’ żmien, kien se jonfoq iktar flus jekk iħalli li Combus tfalli milli kieku jbigħ il-kumpanija, minħabba t-telf indirett moħbi u d-danni għall-privatizzazzjonijiet futuri. Sabiex jenfasizza dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Gvern Daniż qed jippreżenta “valutazzjoni li saret minn grupp” tad-deċiżjoni li Combus tiġi pprivatizzata u qed jargumenta li, rigward il-prospett ta’ privatizzazzjonijiet futuri, kien importanti li tiġi ppreservata r-reputazzjoni tal-Istat.

Il-“valutazzjoni li saret minn grupp”

(151)

Fil-fehma tal-Gvern Daniż, l-investimenti tal-Istati Membri ma jistgħux jiġu pparagunati sempliċement ma’ dawk ta’ investituri privati ordinarji, peress li tal-aħħar normalment jeħtieġu jagħmlu qligħ fuq l-investiment f’perjodu ta’ żmien ferm iqsar. F’dan ir-rigward, jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja f’bosta każi aċċettat li l-Istat bħala investitur huwa iktar probabbli li jaġixxi bl-istess mod bħal kumpaniji possedenti jew bħal gruppi privati tan-negozju li għandhom politika ta’ investiment għal perjodu itwal ta’ żmien li tikkunsidra strateġija korporattiva globali jew settorjali (28). Il-Gvern Daniż jikkwota b’mod partikolari l-Każ nru C-305/89, L-Italja vs Il-Kummissjoni (29):

“Għalkemm l-imġiba ta’ investitur privat, li magħha għandu jiġi pparagunat l-intervent tal-investitur pubbliku li jkollu miri ta’ politika ekonomika m’hemmx għalfejn tkun l-imġiba ta’ investitur ordinarju li jinvesti kapital sabiex jikseb profitt f’perjodu relattivament qasir, għall-inqas għandha tkun l-imġiba ta’ kumpanija possedenti privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jkollha politika strutturali – irrispettivament jekk tkunx ġenerali jew settorjali – u ggwidata minn prospetti ta’ profitabbiltà fuq perjodu itwal ta’ żmien.”

(152)

Il-Gvern Daniż qed jargumenta li kien qed jadotta l-istess metodu meta kien qed jivvaluta jekk iħallix lil Combus tfalli.

Ir-reputazzjoni tal-Istat

(153)

Il-Gvern Daniż qed iżomm il-pożizzjoni tiegħu, stabbilita fil-premessi 86 u 87 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, rigward il-kunsiderazzjoni għar-reputazzjoni tal-Istat u r-referenzi għall-Każ nru C-303/88, L-Italja vs Il-Kummissjoni, li saru f’dak ir-rigward.

(154)

Il-Gvern Daniż ifakkar li l-Kummissjoni innotat preċedentement – pereżempju fl-intervent li għamlet quddiem il-QPI, imsemmi fl-aħħar punt tal-paragrafu 106 tas-sentenza Combus – li “irtirar minn involviment fis-settur pubbliku ġeneralment iservi biex jippromwovi l-kummerċ ħieles”.

(155)

Għall-Gvern Daniż, il-konnessjoni bejn l-immaġni tal-Istat bħala proprjetarju ta’ kumpanija u l-privatizzazzjoni ta’ kumpaniji pubbliċi għalhekk hija waħda ċara: huwa biss jekk l-Istat jitħalla jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu bħala proprjetarju ta’ kumpanija u bħala investitur serju u responsabbli li tista’ tkun żgurata privatizzazzjoni futura, li twassal għal żieda fil-kompetizzjoni u titjib fis-sitwazzjoni tas-suq għall-operaturi f’dak is-suq mal-UE kollha.

(156)

Il-miżuri ta’ għajnuna b’konnessjoni mar-ristrutturar u mal-privatizzazzjoni ta’ Combus, skont il-Gvern Daniż, kienu tabilħaqq ibbażati fuq kunsiderazzjoni għar-reputazzjoni tal-Istat bħala entità li timpjega, bħala investitur u bħala sid ta’ kumpanija. Li kieku l-Istat ħalla lil Combus tfalli, probabbilment dan kien ikollu impatt negattiv fuq ir-rati tal-imgħax u fuq it-termini ġenerali tas-self għall-kumpaniji li huma proprjetà tal-Istat rigward l-istituzzjonijiet finanzjarji kemm fid-Danimarka kif ukoll barra mill-pajjiż.

(157)

F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż jispjega li tul dawn l-aħħar ftit snin, id-Danimarka pprivatizzat għadd ta’ kumpaniji li huma proprjetà tal-Istat u qed tippjana iktar privatizzazzjonijiet. Waħda mill-kumpaniji li ġiet ikkonvertita f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata bil-għan li tiġi pprivatizzata wara li Combus ġiet ipprivatizzata hija Post Danmark A/S (30). L-Istat Daniż għadu kemm daħal fi ftehim marbut b’kundizzjonijiet sabiex ibigħ 25 % tal-ishma li għandu fil-kumpanija. Il-prezz tal-bejgħ għal 22 % tal-ishma (l-aħħar 3 % se jkunu offruti lill-impjegati) li nbiegħu lil Post Invest (parti mill-Grupp CVC) huwa ta’ DKK 1,27 biljun.

(158)

Qabel il-konverżjoni f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata u qabel il-privatizzazzjoni parzjali, fl-2001 l-impjegati taċ-Ċivil tal-kumpanija ngħataw il-possibbiltà li jbiddlu l-istatus tagħhom. Dak iż-żmien, Post Danmark kellha total ta’ madwar 30 000 impjegat, li minnhom madwar 11 800 kienu impjegati taċ-Ċivil. L-impjegati taċ-Ċivil ġew offruti l-possibbiltà li jaqilbu għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp, filwaqt li jżommu d-dritt għal pensjoni ta’ impjegati taċ-Ċivil. Maġġoranza kbira ta’ 96 % aċċettaw. Dan fisser li iktar minn 10 500 impjegat taċ-Ċivil għażlu impjeg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp skont mudell li fisser li dawn daħħlu somma f’daqqa ta’ DKK 50 000 qabel inqatgħet it-taxxa min-naħa ta’ Post Danmark. Fl-istess ħin, huma aċċettaw interpretazzjoni usa’ tax-xogħlijiet li setgħu jiġu ttrasferiti lilhom. Madwar 650 impjegat taċ-Ċivil li kien għad fadal riedu impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp skont mudell li prattikament kien jagħtihom l-istess termini bħall-istatus ta’ impjegat taċ-Ċivil. Dan il-mudell ma wassal għall-ebda somma f’daqqa. Perċentwali iżgħar ta’ impjegati taċ-Ċivil, madwar 480, xtaqu jżommu l-istatus ta’ impjegati taċ-Ċivil mal-Istat tagħhom. Għalhekk, meta kienet stabbilita Post Danmark A/S, dawn kienu ssekondati minn mal-Istat għal mal-kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata.

(159)

B’konnessjoni mal-istabbiliment ta’ Post Danmark A/S, twarrab bilanċ tal-ftuħ ta’ madwar DKK 1,7 biljun (DKK 1,190 biljun wara li tinqata’ t-taxxa) biex titħallas somma f’daqqa lill-Istat li ġiet ikkalkulata b’mod attwarju sabiex il-kontribuzzjonijiet annwali futuri għall-pensjonijiet jitnaqqsu minn 20 % għal 12 % tas-salarji għal dawk li qabel kienu impjegati taċ-Ċivil u għal dawk li baqgħu impjegati taċ-Ċivil li l-kumpanija kienet għad trid tħallsilhom il-kontibuzzjonijiet tal-pensjoni, eċċ. L-ammont tħallas fl-2002. Għalhekk, rigward il-pensjonijiet, wasslu għal ugwaljanza fit-trattament bejn dawk li qabel kienu impjegati taċ-Ċivil u dawk li ġew impjegati fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp.

(160)

Fil-fehma tal-Gvern Daniż, il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati mal-impjegati taċ-Ċivil f’Post Danmark kienet tkun ferm diffiċli, u r-riżultat tan-negozjati ferm iktar għali, li kieku l-Istat Daniż ħalla li Combus tfalli, għaliex dan kien iwassal għal livelli għolja ta’ qgħad fost dawk l-impjegati taċ-Ċivil li kienu ċedew l-istatus ta’ impjegati taċ-Ċivil tagħhom qabel il-privatizzazzjoni ta’ Combus.

(161)

F’dan il-kuntest, il-Gvern Daniż josserva li l-impjieg bħala impjegat taċ-Ċivil ifisser li l-impjegat taċ-Ċivil individwali bażikament ikollu garanzija ta’ impjieg sakemm jilħaq l-età tal-pensjoni u wara jkollu pensjoni għall-bqija ta’ ħajtu. Dawn id-drittijiet jiġu rrinunzjati meta impjegat jaqleb għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp. Meta l-kumpaniji tal-Istat jitqiegħdu taħt kontroll privat, l-impjegati taċ-Ċivil jistgħu jqisu dan bħala trasferiment inġustifikat u għalhekk jitolbu li jingħataw is-sensja. Dan jagħti lok għal ammont partikolarment kbir ta’ ħlasijiet f’kumpensi lill-impjegati taċ-Ċivil individwali.

(162)

Dan jagħmilha ferm importanti għad-Danimarka, mil-lat finanzjarju, li jkun jista’ jintlaħaq ftehim ma’ kwalunkwe impjegat taċ-Ċivil li jaqleb għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp għal ammont raġonevoli f’kumpens qabel issir il-privatizzazzjoni tal-kumpaniji li jkunu proprjetà tal-Istat.

(163)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-ammont ta’ kumpens mitlub mill-impjegati taċ-Ċivil fil-parti l-kbira jiddependi fuq jekk l-impjegati jaħsbux li għandhom sigurtà raġonevoli ta’ impjieg wara li jaqilbu għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp. L-effett ta’ Stat li jħalli lil dawk li qabel kienu impjegati maċ-Ċivil lampa stampa billi jħalli lill-kumpanija tfalli, ftit wara li jikkonkludi ftehimiet mal-impjegati taċ-Ċivil biex jaqilbu għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp, bil-wisq probabbli jkun li l-impjegati kollha taċ-Ċivil f’sitwazzjoni simili fil-ġejjieni jitolbu kumpens ferm ikbar qabel ma jirrinunzjaw l-istatus tagħhom.

(164)

F’dan il-kuntest, il-Gvern Daniż isemmi wkoll l-eżempju tal-bejgħ ta’ ċerti diviżjonijiet ta’ Banedanmark (31). Id-Diviżjoni tal-Konsulenza ta’ Banedanmark inbiegħet lil WS Atkins International Limited fl-1 ta’ Lulju 2001 (32). Il-prezz tal-bejgħ fi flus kontanti kien ta’ DKK 70 miljun. Minbarra l-prezz tal-bejgħ, l-Istat irċieva somma ta’ flus kontanti ta’ madwar DKK 35 miljun.

(165)

Id-Diviżjoni tal-Konsulenza ta’ Banedanmark kienet timpjega 326 impjegat, u 66 minnhom kienu impjegati taċ-Ċivil. Fit-trasferiment tad-Diviżjoni tal-Konsulenza, l-impjegati taċ-Ċivil bażikament baqgħu impjegati taċ-Ċivil f’Banedanmark peress li, skont l-istatus tagħhom bħala impjegati taċ-Ċivil, ma kellhom l-ebda obbligu li jaqilbu għal impjieg mal-entità l-ġdida li akkwistat id-diviżjoni. Madankollu, kien hemm l-għażla li impjegati taċ-Ċivil individwali setgħu volontarjament jiġu ssekondati għal max-xerrejja tal-kumpanija.

(166)

L-impjegati taċ-Ċivil li riedu jaqilbu għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp max-xerrejja tal-kumpanija ġew offruti 15-il xahar salarju minn Banedanmark meta ddeċidew li jbiddlu l-istatus tagħhom. L-offerta li jingħataw kumpens biex ibiddlu l-istatus tagħhom baqgħet tapplika għal sena wara d-data tat-trasferiment. L-ispiża tal-ħlasijiet għall-bidla fl-istatus lill-impjegati taċ-Ċivil, li kellha titħallas mid-dħul tal-bejgħ, setgħet tlaħħaq DKK 23 miljun li kieku l-impjegati taċ-Ċivil kollha qalbu għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp.

(167)

Bħalissa, id-Danimarka għandha l-għan li tbigħ id-Diviżjoni tal-Inġinerija Ċivili kollha ta’ Banedanmark (33). Fl-2004, id-Diviżjoni tal-Inġinerija Ċivili kellha fatturat ta’ madwar DKK 1,3 miljun u kienet timpjega madwar 1 470 ruħ fi tmiem is-sena, li minnhom 740 kienu impjegati taċ-Ċivil. F’każ li tinbiegħ id-Diviżjoni tal-Inġinerija Ċivili, l-impjegati taċ-Ċivil ma jkunux obbligati jaqilbu għal impjieg max-xerrej tal-kumpanija u għalhekk ikollha tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-impjegati taċ-Ċivil, l-istess kif ġara għal privatizzazzjonijiet oħrajn.

(168)

Għażla oħra għall-privatizzazzjoni li qed tiġi kkunsidrata hija l-bejgħ tal-kumpanija ferrovjarja Daniża DSB. DSB hija kumpanija pubblika indipendenti li topera trasport għall-passiġġieri bħala servizz pubbliku wara negozjati fuq il-bażi ta’ kuntratt tat-trasport li daħal għalih l-Istat Daniż. Madwar nofs it-8 500 impjegat tal-kumpanija huma impjegati taċ-Ċivil. Il-privatizzazzjoni ta’ DSB tfisser it-trasferiment għal kundizzjonijiet ta’ kuntratt ma’ grupp għal dawn l-impjegati kollha taċ-Ċivil.

(169)

Id-Danimarka tikkunsidra li, jekk l-Istat ħalla li Combus tfalli wara li ta kumpens lill-impjegati taċ-Ċivil talli qalbu għal kuntratti ma’ grupp, ma kienx ikun possibbli li l-impjegati taċ-Ċivil jiġu persważi li jaqilbu għal kuntratti ma’ grupp minflok ma jibqgħu f’impjieg mas-servizzi taċ-Ċivil fil-każ ta’ privatizzazzjonijiet futuri.

(170)

Għalhekk, l-Istat ma jitħalliex, jew ikun xi jkun il-każ ikollu possibbiltajiet ferm inqas biex jipprivatizza l-kumpaniji li jkunu proprjetà tal-Istat li jħaddmu impjegati taċ-Ċivil. Id-Danimarka tikkunsidra li fl-aħjar eventwalità, il-falliment ta’ Combus kien qed jagħmel dannu lill-kredibbiltà tal-Istat u għaldaqstant, l-impjegati taċ-Ċivil kienu jitolbu termini aħjar fil-forma ta’ ammonti ferm ogħla ta’ kumpens biex jaqilbu għal impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp u jirrinunzjaw id-drittijiet li għandhom bħala impjegati taċ-Ċivil. Jekk Post Danmark tittieħed bħala eżempju, l-irdoppjar tal-ammont ta’ kumpens lill-impjegati individwali taċ-Ċivil b’relazzjoni għal dik il-kumpanija biss kien ifisser li l-Istat Daniż kien ikollu joħroġ DKK 500 miljun oħra. F’dan il-kuntest, il-Gvern Daniż josserva wkoll li diġà kien ħalla kumpanija, ikkonvertita f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata ftit taż-żmien qabel, tfalli.

(171)

Huwa kien qed jirreferi għal Statens Konfektion, li fl-1992 kienet ikkonvertita f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata. Qabel il-konverżjoni, l-impjegati kollha taċ-Ċivil kienu offruti impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp fi skambju għal kumpens finanzjarju. Qabel ma seħħet il-konverżjoni, l-impjegati kollha taċ-Ċivil kienu offruti impjieg fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp fi skambju għal kumpens finanzjarju Meta l-Forzi Armati, li kienu l-ikbar klijent tal-kumpanija, sussegwentement iddeċidew li jagħmlu sejħiet għall-offerti sabiex joħorġu l-kuntratti ta’ forniment tagħhom, il-bażi tan-negozju tal-kumpanija għebet. B’hekk, il-kumpanija falliet fl-1992, u dan wassal għal kritika iebsa tal-Gvern Daniż, inkluż minn dawk li issa kienu ġew impjegati fuq bażi ta’ kuntratt ma’ grupp.

(172)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li fid-dawl tal-esperjenzi li kiseb minn Statens Konfektion, ma kellu l-ebda għażla rigward il-bejgħ ta’ Combus, peress li falliment ieħor kien ikun diżastruż għan-negozjati mal-impjegati taċ-Ċivil rigward il-preparamenti għal privatizzazzjonijiet futuri.

(173)

Barra minn hekk, il-Gvern Daniż jispjega li jekk ma jkunx possibli li l-impjegati taċ-Ċivil jaqilbu għal kuntratt ma’ grupp b’konessjoni mal-privatizzazzjoni, l-għoti tas-sensji lill-impjegati taċ-Ċivil ta’ spiss tkun l-unika alternattiva reali għaliex ma jkunx possibbli li jiġi offrut xogħol ieħor fl-oqsma tal-impjieg tagħhom li huma jkunu obbligati jaċċettaw. B’konnessjoni mal-bejgħ tal-ishma f’Post Danmark kien ikkalkulat li biex impjegat taċ-Ċivil jingħata s-sensja jridu jintefqu DKK 2 miljun. Nefqa bħal din għal kull impjegat taċ-Ċivil għal privatizzazzjonijiet futuri tkun diżastruża għall-pjanijiet ta’ privatizzazzjoni tal-Istat u n-nefqa f’dan ir-rigward, sa ċertu punt, iddgħajjef il-benefiċċji finanzjarji tal-privatizzazzjoni. Jidher ċar li nefqa ta’ din ix-xorta kieku teċċedi bil-kbir il-piż finanzjarju tal-Istat rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital f’Combus.

(174)

Lil hinn mill-kwistjoni tal-bidla fl-istatus tal-impjegati taċ-Ċivil sabiex il-kumpaniji jkunu ppreparati għall-privatizzazzjoni, id-Danimarka tikkunsidra li l-falliment ta’ Combus kien ta’ dannu għar-reputazzjoni tal-Istat bħala investitur responsabbli u kien ikollu influwenza negattiva fuq l-attivitajiet finanzjarji kollha u fuq il-possibbiltajiet ta’ investiment futuri tal-Istat. B’mod partikolari, il-Gvern Daniż jikkunsidra li falliment ikollu effett negattiv fuq ir-rati tal-imgħax u t-termini ġenerali tas-self għall-kumpaniji l-oħra li huma proprjetà tal-Istat.

(175)

Fl-aħħar nett, hija l-fehma tal-Gvern Daniż li l-Istat – partikolarment fid-dawl tal-problema speċjali li tfaċċat b’relazzjoni għall-impjegati taċ-Ċivil – ma kienx ikun qed jaġixxi bħala investitur responsabbli u leali li kieku għażel li jħalli lil Combus tfalli.

(176)

Rigward il-premessa 88 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li l-QEĠ taċċetta biss il-kunsiderazzjoni tar-reputazzjoni tal-Istat biss bħala raġuni għal injezzjoni ta’ kapital jekk ikun hemm prospett li l-kumpanija trendi biżżejjed qligħ sabiex investitur privat li jinsab fl-istess sitwazzjoni jkun konvint biex jassumi r-riskju f’dak il-waqt. Il-Gvern Daniż josserva li Arriva effettivament assumiet ir-riskju għall-impriża meta l-kumpanija xtrat lil Combus.

4.1.3.   IL-KOMPATIBBILTÀ MAL-LINJI GWIDA TAL-1999 DWAR IR-RISTRUTTURAR

(177)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-miżuri kkontestati jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar. Rigward il-punti li dwarhom il-Kummissjoni qajmet xi dubji fid-deċiżjoni tagħha biex jinbdew il-proċeduri formali, il-Gvern Daniż qed jippreżenta l-osservazzjonijiet li ġejjin:

Għajnuna ta’ darba u tal-aħħar

(178)

Rigward il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ għajnuna tal-1999 u tal-2001 rispettivament jikkostitwux miżura waħda jew żewġ miżuri separati, il-Gvern Daniż isostni li l-miżuri kienu tant konnessi mill-qrib f’termini ta’ kronoloġija u ta’ skop li għandhom jiġi kkunsidrati bħala miżura waħda ta’ għajnuna. Minħabba dan, għandhom japplikaw il-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar għal din il-miżura ta’ għajnuna. Id-Danimarka tiġġustifika din il-fehma b’bosta argumenti.

Is-sentenza tal-QPI ma tannullax il-punt 3.4.6 tad-deċiżjoni inizjali

(179)

Il-Gvern Daniż jinnota, b’konnessjoni ma’ dan, li l-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej fil-punt 3.4.6 tad-deċiżjoni inizjali rigward il-kwistjoni ta’ għajnuna ta’ “darba u tal-aħħar”:

“Fil-każ ta’ Combus, il-kronoloġija u l-għan tal-injezzjonijiet ta’ kapital li saru mill-Gvern Daniż, kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ Combus jissuġġerixxu wkoll li ż-żewġ miżuri għandhom jiġu ttrattati bħala parti minn proċess kontinwu ta’ ristrutturar. B’mod partikolari, l-ewwel injezzjoni ta’ kapital fl-1999 serviet biex tnaqqas id-djun tal-kumpanija li kienu rriżultaw minn telf kbir fis-snin preċedenti. Kien hemm ukoll sforzi sabiex jiġu mmodifikati il-kuntratti tax-xufiera. Il-ħsieb kien ċar li tiġi pprivatizzata l-kumpanija, li tifforma l-parti finali tal-istrateġija ta’ ristrutturar.”

(180)

Il-Kummissjoni sostniet din l-opinjoni fil-paragrafi 50 u 54 tad-difiża li ressqet quddiem il-QPI. F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż josserva li l-valutazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-miżuri li kienu ta’ “darba u tal-aħħar” ma jidhirx li tat lok għal kritika fis-sentenza Combus (34).

L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ta’ BP Chemicals turi li ż-żewġ miżuri għandhom jiġu ttrattati bħala miżura waħda ta’ għajnuna

(181)

Il-Gvern Daniż ifakkar li fil-Każ nru T-11/95, BP Chemicals (35), il-QPI sabet li l-valutazzjoni dwar jekk hux raġonevoli li ħlas jiġi sseparat minn ieħor għandha ssir billi jiġu kkunsidrati l-kronoloġija tal-injezzjonijiet ta’ kapital, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-kumpanija meta ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-injezzjonijiet individwali.

(182)

Iż-żewġ miżuri kellhom l-istess għan. Fis-26 ta’ Novembru 1998 sar ftehim politiku dwar ir-riorganizzazzjoni u l-bejgħ tal-ishma f’Combus meta l-gvern ta’ dak iż-żmien laħaq ftehim mal-oppożizzjoni dwar il-Baġit għall-1999. Kif ġie ddikjarat espliċitament fl-abbozz tal-liġi tal-Kumitat tal-Finanzi tas-27 ta’ Mejju 1999, l-għan tal-injezzjoni ta’ kapital li saret fl-1999 kien li Combus tiġi riorganizzata qabel ma jinbiegħu l-ishma, jiġifieri il-privatizzazzjoni sħiħa tal-kumpanija.

(183)

Ir-raġuni għaliex kien hemm ħtieġa għal riorganizzazzjoni bil-għan li tiġi pprivatizzata l-kumpanija kienet minħabba li kien hemm deterjorament sinifikanti fl-ekonomija tal-kumpanija. Dan kien kif ġie stabbilit li l-kapital azzjonarju ta’ Combus sal-31 ta’ Diċembru 1999 kien se jkun ta’ madwar DKK 47 miljun, li għandu jitqies b’relazzjoni għar-rekwiżit għal kapital azzjonarju ta’ mill-inqas DKK 125 miljun min-naħa tas-selliefa tal-kumpanija.

(184)

Il-ftehim politiku dwar il-privatizzazzjoni, għalhekk, seta’ jintlaħaq biss jekk il-Gvern Daniż jiżgura li Combus kellha bażi kapitali suffiċjenti sabiex tkompli topera sakemm jinstab xerrej.

(185)

L-għajnuna tal-2001 kellha eżattament l-istess għan bħall-injezzjoni ta’ kapital li saret fl-1999. Fl-2000, instab xerrej potenzjali u t-tħassir (write-off) tas-self subordinat mill-1999 u tal-garanziji pprovduti kienu maħsuba bħala l-aħħar biċċa fit-taħbila ekonomika li kienet se tippermetti l-bejgħ tal-ishma kollha f’Combus. Għalhekk, il-miżura tal-2001 kienet l-istadju finali fil-proċess biex ikun hemm iktar possibbiltajiet li l-kumpanija tinbiegħ.

(186)

Għaldaqstant, l-għan taż-żewġ miżuri kien eżattament l-istess: biex ikun hemm iktar possibbiltajiet li Combus tinbiegħ bil-għan li tiġi pprivatizzata. B’hekk kien hemm konnessjoni diretta u ovvja – legalment, finanzjarjament u loġikament – bejn il-miżuri tal-1999 u tal-2001.

(187)

Iż-żewġ miżuri għandhom konnessjoni kronoloġika mill-qrib. Minħabba l-ftehim politiku dwar il-privatizzazzjoni ta’ Combus, l-abbozz tal-liġi tal-Kumitat tal-Finanzi tas-27 ta’ Mejju 1999 għadda mill-Parlament. Il-Gvern Daniż b’hekk injetta kapital li kien jammonta għal total ta’ DKK 300 miljun, li minnhom DKK 100 miljun kien kapital minn self subordinat. Il-kapital mis-self subordinat kien stabbilit permezz ta’ ftehim dwar is-self fit-30 ta’ Mejju 1999.

(188)

L-abbozz tal-liġi tal-Kumitat tal-Finanzi tat-13 ta’ Diċembru 2000 awtorizza lill-Ministeru tat-Trasport sabiex ibigħ l-ishma kollha fil-kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata, Combus, li kienet għal kollox proprjetà tal-Istat Daniż.

(189)

Il-Ministeru tat-Trasport kien awtorizzat ukoll biex jipprovdi għadd ta’ garanziji lix-xerrejja b’konnessjoni mal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ bejgħ. Il-garanziji, imsemmijin fl-abbozz tal-liġi, kienu parti mill-bażi tal-ftehim ta’ bejgħ tal-15 ta’ Jannar 2001. Il-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż kien informat b’dawn il-garanziji fl-abbozz ta’ liġi Nru 190 tal-25 ta’ Ġunju 2002.

(190)

Għaddew ftit iktar minn 18-il xahar bejn id-data tad-deċiżjoni biex tingħata l-ewwel injezzjoni ta’ kapital u l-bejgħ ta’ Combus. Meta jiġu kkunsidrati d-daqs u l-importanza tal-kumpanija għall-Istat Daniż u l-proċeduri kkumplikati meħtieġa sabiex jinkisbu offerti mingħand ix-xerrejja interessati, eċċ, il-Gvern Daniż huwa tal-fehma li ż-żewġ injezzjonijiet ta’ kapital kellhom konnessjoni kronoloġika tant mill-qrib li ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li din kienet miżura finanzjara waħda u waħda biss.

(191)

Fil-fehma tal-Gvern Daniż, huwa sinifikanti li d-data tad-deċiżjoni biex tkun implimentata l-miżura tal-2001 kienet tiddependi biss fuq meta l-Gvern Daniż kellu bażi suffiċjenti biex jivvaluta l-ħtieġa għal injezzjoni ta’ kapital u garanziji, eċċ, b’konnessjoni mal-bejgħ. Id-data tal-miżuri tal-2001, għalhekk, kienet għal kollox dipendenti fuq it-tul u r-riżultat tal-proċess tal-bejgħ.

(192)

F’dan il-kuntest, il-Gvern Daniż ifakkar ukoll il-fatti tal-kawża BP Chemicals, jiġifieri li l-ewwel injezzjoni saret fl-1 ta’ Ottubru 1992, it-tieni injezzjoni kienet approvata mill-Bord fit-2 ta’ Diċembru 1993 u t-tielet injezzjoni kienet approvata mill-Bord fid-29 ta’ Ġunju 1994.

(193)

Fil-paragrafu 178 tas-sentenza, il-Qorti rreferiet għall-fatt li d-deċiżjonijiet dwar it-tliet injezzjonijiet ta’ kapital saru fuq perjodu relattivament qasir ta’ żmien, jiġifieri minn Ottubru tal-1992 sa Lulju tal-1994. Rigward ir-relazzjoni kronoloġika bejn it-tieni u t-tielet injezzjonijiet ta’ kapital, il-Qorti kkummentat li dawn kienu kronoloġikament ferm qrib ta’ xulxin.

(194)

F’dan il-kuntest, il-Gvern Daniż josserva li l-injezzjoni ta’ kapital tal-2001 ma setgħetx issir qabel peress li n-negozjati max-xerrejja kellhom jiġu konklużi qabel ma seta’ jiġi ddeterminat kemm kienet meħtieġa l-kapitalizzazzjoni b’konnessjoni mal-bejgħ.

(195)

Is-sitwazzjoni ta’ Combus fid-dati meta saru l-injezzjonijiet ta’ kapital. Il-Gvern Daniż isostni d-deskrizzjoni tal-Kummissjoni fil-paragrafu 75 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, fejn jingħad li fl-1999 u fl-2001 Combus kienet f’diffikultajiet finanzjarji serji, prinċipalment minħabba li fis-snin preċedenti l-kumpanija kienet daħlet għal kuntratti li ma jrendux qligħ minn trasport bil-karozzi tal-linja. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sitwazzjoni finanzjarja f’Combus fid-dati msemmija baqgħet l-istess.

(196)

Barra minn hekk, il-Gvern Daniż jispjega kif fl-1998-2000 Combus kellha defiċit kontabbli sinifikanti li jista’ jiġi attribwit kważi esklussivament għall-kuntratti li kienu qed jagħmlu telf fiż-żona ta’ Kopenħagen. Barra minn hekk, fl-1998 u fl-1999, ammonti sinifikanti ta’ DKK 65 000 000 u ta’ DKK 53 637 000 rispettivament kienu allokati lill-kontijiet sabiex ikun kopert telf futur mill-kuntratti li kienu qed jagħmlu telf. Ir-rekwiżit għall-għotjiet għall-kuntratti li kienu qed jagħmlu telf kien minħabba li l-kumpanija kienet marbuta mill-kuntratti ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja sal-iskadenza tagħhom.

(197)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li, meta l-Qorti f’BP Chemicals tiddikjara li d-deċiżjoni dwar jekk hijiex l-istess miżura ta’ għajnuna għandha tikkunsidra s-“sitwazzjoni fid-data meta ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-injezzjonijiet individwali”, dan għandu jkun minħabba li għandu jiġi investigat jekk, fil-perjodu bejn l-injezzjonijiet individwali, sarux xi bidliet fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija li juru li l-injezzjonijiet – minkejja xi konnessjoni kronoloġika u relattiva – effettivament ikopru ħtiġijiet differenti. Fil-fehma tal-Gvern Daniż, dan mhux il-każ hawnhekk, għar-raġunijiet li ġejjin:

(198)

L-injezzjonijiet ta’ kapital, kemm tal-1999 kif ukoll tal-2001, kellhom l-għan li jkopru l-ħtieġa għal kapital li nqalgħet għaliex il-kumpanija kienet daħlet għal kuntratti li kienu qed jagħmlu telf fil-perjodu qabel l-1999. Il-fatt li dan sar f’żewġ stadji huwa biss minħabba li ma kienx ħlief meta ġew konklużi n-negozjati max-xerrejja Arriva li deher ċar x’kienet tabilħaqq il-ħtieġa reali għall-kapital għalkemm, meta titqies oġġettivament, din il-ħtieġa diġà kienet teżisti fi żmien l-ewwel injezzjoni ta’ kapital tal-1999.

(199)

Konklużjoni: Għalhekk hija l-fehma tal-Gvern Daniż li l-kriterji kollha li tqiesu bħala importanti f’BP Chemicals, rigward il-valutazzjoni dwar jekk diversi injezzjonijiet ta’ kapital kronoloġikament separati jikkostitwux l-istess miżura finanzjara, ġew sodisfatti. Għalhekk ir-rekwiżit għal għajnuna ta’ “darba u tal-aħħar” stabbilit fil-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar ġie sodisfatt b’relazzjoni għall-injezzjonijiet ta’ kapital totali fl-1999 u fl-2001.

Il-vijabbiltà ekonomika ta’ Combus

(200)

Hija l-fehma tal-Gvern li, wara l-injezzjonijiet ta’ kapital tal-1999 u tal-2001, Combus kienet ekonomikament vijabbli. Il-fatt li ma kienx possibbli li jinkiseb profitt qabel l-2006 kien dovut biss għall-kuntratti li kienu qed jagħmlu telf li Combus kienet daħlet għalihom b’konnessjoni mas-sensiela ta’ għoti ta’ liċenzji.

(201)

Il-bejgħ tal-ishma kollha f’Combus lil Arriva, fl-opinjoni tal-Gvern Daniż, hija prova li Combus kienet għalkollox vijabbli wara l-għotja tal-għajnuna għar-ristrutturar. Investitur privat bħal Arriva ma kienx se jieħu riskju finanzjarju sinifikanti biex jixtri lil Combus ħlief jekk Arriva, wara proċess estensiv ta’ diliġenza xierqa, tkun sabet li Combus kienet kumpanija vijabbli b’potenzjal sodisfaċenti għal qligħ futur b’relazzjoni għat-termini standard ta’ ekonomija tas-suq.

(202)

Il-Gvern jinnota li, fil-premessi 107 u 108 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjonijiet, l-ewwel nett, tat-terminazzjoni tal-kuntratti u, it-tieni nett, tad-differenza bejn id-defiċit akkumulat u l-għajnuna mħallsa.

(203)

Il-kummenti tal-Gvern Daniż rigward il-possibbiltà li jiġu tterminati l-kuntratti tas-servizz pubbliku diġà ġew deskritti fil-qosor iktar ‘il fuq.

(204)

Rigward il-kwistjoni tad-differenza bejn id-defiċit akkumulat ta’ DKK 360 miljun fil-perjodu 2000-2005 u l-għajnuna totali ta’ DKK 291 miljun imħallsa fl-2001, il-Gvern josserva li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni wisq probabbli saret minħabba nuqqas ta’ ftehim.

(205)

L-ammont iddikjarat għad-defiċit akkumulat fil-perjodu 2000-2005 huwa korrett imma fl-2001 Combus ingħatat fondi li kienu jeċċedu dan id-defiċit akkumulat. Rigward il-fondi pprovduti mill-Gvern, dawn kienu jammontaw għal DKK 291 miljun. (Ara l-kummenti dwar kif, meta ġie kkalkulat l-ammont tal-għajnuna mħallas deher ċar li l-ammont effettiv imħallas skont il-garanziji kellu jiġi inkluż.)

(206)

Kunsiderazzjoni iktar importanti, madankollu, hija li l-ammont imħallas mill-Gvern għandu jiġi miżjud mal-kanċellazzjoni tad-dejn tal-kredituri ta’ DKK 100 miljun. Għaldaqstant, il-kapital ipprovdut fl-2001 kien jeċċedi d-defiċit akkumulat li kien ikkalkulat għall-perjodu 2000-2005.

Il-miżuri sabiex jittaffa, kemm jista’ jkun, l-effett avvers tal-għajnuna fuq il-kompetituri

(207)

Il-Gvern Daniż l-ewwel jikkunsidra li l-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar iridu jiġu interpretati bħala li jfissru li l-użu tal-miżuri sabiex jittaffa l-effett ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni li l-għajnuna jkollha fuq il-kompetituri huwa fakultattiv u għandu jinħtieġ biss fejn it-tali miżuri jkunu meħtieġa. Dan huwa enfasizzat mill-użu tal-kelma “għandhom” fil-punt 35 tal-Linji Gwida u l-punt 39 ii) kollu. Barra minn hekk, il-Gvern Daniż josserva li l-Kummissjoni la talbet u lanqas kienet teħtieġ li Arriva tagħmel kontrokonċessjonijiet jew timplimenta miżuri li jistgħu jtaffu t-tagħwiġ potenzjali tal-kompetizzjoni b’konnessjoni mal-bejgħ meta adottat id-deċiżjoni inizjali tagħha.

(208)

It-tieni nett, il-Gvern Daniż josserva li m’hemm l-ebda kapaċità żejda strutturali fis-settur tat-trasport bil-karozzi tal-linja. Barra minn hekk, ifakkar li l-awtoritajiet Daniżi tal-kompetizzjoni ddikjaraw li hemm kompetizzjoni partikolarment attiva u effettiva fis-suq u li s-suq huwa ferm aċċessibbli minħabba ostakli baxxi għall-aċċess iggarantiti mir-regoli Ewropej dwar is-sejħiet għall-offerti. Għaldaqstant, il-Gvern Daniż jikkunsidra li m’hemm l-ebda ħtieġa li jittaffew l-effetti potenzjalment avversi tal-għajnuna peress li m’hemm l-ebda evidenza ta’ tali effetti avversi.

(209)

It-tielet nett, il-Gvern Daniż josserva li l-injezzjoni ta’ kapital f’Combus kienet tikkorrispondi għall-prezz tas-suq negattiv tal-kumpanija, li ġie stabbilit f’sensiela ta’ sejħiet għall-offerti għal kollox miftuħa, fejn ix-xerrejja interessati kollha setgħu jagħmlu l-offerti tagħhom, u li l-miżura tal-għajnuna għalhekk ma ħolqotx tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq.

(210)

Ir-raba’ nett, il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-bejgħ sussegwenti ta’ għadd ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet lil Connex kien jikkostitwixxi miżura li tista’ ttaffi l-effetti avversi potenzjali fuq il-kundizzjonijiet tas-suq. Bil-bejgħ ta’ mill-inqas 50 % tal-assi f’Combus lil Connex, Arriva żgur li paċiet kwalunkwe vantaġġ kompetittiv potenzjali li l-kumpanija kisbet permezz tax-xiri ta’ Combus. Permezz tal-bejgħ lil Connex, Arriva anki rrestrinġiet b’mod sinifikanti s-sehem mis-suq tagħha fiż-żona ta’ Kopenħagen.

(211)

Fl-aħħar nett, il-Gvern Daniż qed jargumenta li l-kuntratti li qed jagħmlu telf se jiskadu mhux iktar tard mill-2006 u sussegwentement se jkunu suġġetti għal sejħiet għall-offerti pubbliċi li jkunu miftuħa għall-parteċipanti kollha fis-suq. Anki jekk ikun hemm effett negattiv fuq il-kompetizzjoni – li, fl-opinjoni tal-Gvern Daniż, ikun xi jkun il-każ, ikun wieħed minimu – dan ikollu tul limitat.

Għajnuna limitata għall-minimu strettament meħtieġ

(212)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-miżuri ta’ għajnuna kienu limitati għall-minmu assolut u b’hekk kienu konsistenti mal-kundizzjonijiet rilevanti fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

(213)

L-ammont tal-injezzjoni ta’ kapital tal-1999 kien issuġġerit mid-ditta tal-avukati, Kromann Münter, wara li KPMG wettaq stħarriġ b’konnessjoni mar-ristrutturar ta’ Combus u l-konsulent finanzjarju tal-Gvern Daniż, Alfred Berg, qabel ma’ din il-valutazzjoni.

(214)

Rigward l-injezzjonijiet ta’ kapital tal-2001, il-Gvern Daniż jiċċara li l-ammonti kienu ddeterminati kemm mill-kundizzjoni finanzjarja tal-kumpanija kif ukoll min-negozjati li l-Gvern Daniż kellu ma’ Arriva u ma’ xerrejja potenzjali oħrajn. Peress li l-ammont tal-injezzjoni ta’ kapital kien stabbilit wara n-negozjati max-xerrejja interessati – li kienu rreġistraw bħala parti minn proċedura ta’ bejgħ miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja – il-miżuri ta’ għajnuna kienu konformi mal-prezz tas-suq għall-kumpanija u għalhekk kienu naturalment limitati għal dak li kien strettament meħtieġ.

Kontribuzzjoni għall-pjan ta’ ristrutturar

(215)

Fil-premessa 119 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni ddikjarat li l-benefiċjarju stess irid jagħti kontribuzzjoni għall-pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni ddikjarat li t-teħid ta’ kontroll min-naħa ta’ Arriva ta’ parti mid-dejn ta’ Combus kien jikkostitwixxi tali kontribuzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet oħrajn li taw Combus u/jew Arriva.

(216)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-flus iffrankati u r-razzjonalizzazzjonijiet previsti fil-pjanijiet ta’ ristrutturar jikkostitwixxu kontribuzzjoni mingħand il-benefiċjarju skont il-punt 40 tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar. Kontribuzzjonijiet oħrajn, fil-fehma tal-Gvern Daniż, huma l-prezz tal-bejgħ ta’ DKK 100, id-dħul li għamel Connex mill-bejgħ ta’ 50 % ta’ Combus (DKK 113,9 miljun), u l-kontribuzzjoni diretta ta’ Arriva għall-ispejjeż tar-ristrutturar ta’ DKK 33,6 miljun.

4.2.   IL-KUMMENTI TA’ DANSKE BUSVOGNMAEND

4.2.1.   RE IR-RISPETT TAL-PRINĊIPJU TAL-INVESTITUR F’EKONOMIJA TAS-SUQ

(217)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-prospett li Combus issir vijabbli u profitabbli ma ġiex ipprovat. Anzi, bil-kontra, Danske Busvognmaend, filwaqt li rreferiet għall-paragrafu 19 tas-sentenza Combus, jidhrilha li huwa ċar li investitur privat ma kienx jaġixxi bil-mod li aġixxa l-Gvern Daniż meta ta l-għajnuna.

(218)

Minbarra ċ-ċirkustanzi fattwali pprovduti mill-Kummissjoni, Danske Busvognmaend tirreferi għal tliet rapporti li ġew ippreżentati fid-Danimarka wara li ngħatat is-sentenza Combus (36). Skont Danske Busvognmaend, dawn ir-rapporti jsostnu li f’sitwazzjoni simili investitur privat ma kienx jaġixxi kif għamel il-Gvern Daniż.

(219)

Danske Busvognmaend tfakkar li, meta, f’Mejju 1999, il-Gvern Daniż ta lil Combus għajnuna ekonomika li kienet tammonta għal DKK 300 miljun, huwa kien ibbaża l-azzjoni tiegħu fuq il-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq (ara n-nota 36 ta’ qiegħ il-paġna 22 tal-applikazzjoni). Il-Ministeru tat-Trasport ta’ dak iż-żmien kien iddikjara dan li ġej:

“Fi ftit kliem, inqis li l-injezzjoni ta’ kapital mill-Ministeru tat-Trasport f’Combus A/S ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat u li b’hekk din l-operazzjoni ma għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, minħabba li l-Ministeru wettaq valutazzjoni li minnha ħareġ li din l-injezzjoni ta’ kapital kienet meħtieġa u suffiċjenti, li l-impriża setgħet tiġi rristrutturata bil-għan li tibda tagħmel qligħ u li wieħed jista’ jistenna li l-kapital addizzjonali investit se jrendi qligħ fil-forma ta’ profitt jew imgħax u rimbors. Din hija r-raġuni għaliex nemmen li dan l-investiment huwa konformi mal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq”.

(220)

Danske Busvognmaend tfakkar li sussegwentement, il-Qorti Daniża tal-Awdituri ttrattat il-kwistjoni (ara l-Anness A 22), u rreferiet għall-konklużjonijiet tagħha (il-Kapitolu V, il-paġni 37 u 39, u, speċjalment, il-paġni 41 u 43), li fihom hija spjegat, b’mod partikulari, li:

“L-istħarriġ li wettqet il-Qorti tal-Awdituri wera li meta tfassal ir-rapport dwar l-injezzjoni tal-kapital f'Combus, il-Ministeru tat-Trasport bilfors li kien jaf bil-mod ħażin ta’ kif kienet qed titmexxa l-impriża u bin-nuqqas ta’ bażi solida li bihom kienu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet ekonomiċi, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ tal-profitabbiltà tal-kuntratti tat-trasport bil-karozzi tal-linja u mal-kontroll tat-tendenzi ġenerali tal-iżvilupp tal-ispejjeż.”

(221)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li tant ma kienx hemm ċertezza rigward il-profitabbiltà tal-investiment li ma jistax jiġi applikat il-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq. Hija tqis li l-injezzjoni ta’ DKK 300 miljun saret f’Mejju 1999 biex ikun evitat li l-impriża tfalli, li kienet xi ħaġa imminenti (ara l-punt 38 tat-tweġiba u l-kwotazzjonijiet inklużi fih).

(222)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-mod kif l-affarijiet żvolġew wara ma kienx hekk kif stqarr b’mod uffiċjali l-Ministeru tat-Trasport. Mir-rebbiegħa tal-2001 ‘il quddiem, kien meħtieġ li jiġi injettat kapital ġdid u li jinqatgħu djun li jammontaw għal DKK 240 miljun. Barra minn hekk, il-kredituri privati kellhom isibu arranġament ieħor fejn kellhom x’jaqsmu d-djun tagħhom li kienu ta’ DKK 100 miljun.

(223)

Danske Busvognmaend kkonkludiet li l-ebda investitur f’ekonomija tas-suq ma kien jaġixxi kif għamel l-Istat Daniż, peress li wieħed ma setax jistenna li l-kapital kien se jitħallas lura. Investitur privat normali, skont Danske Busvognmaend, kien jagħmel kull sforz sabiex jittermina l-kuntratti li kienu qed jagħmlu telf u kien iħalli lil impriżi oħra jeħduhom, sabiex jiżgura ruħu mill-profitabbiltà ta’ Combus.

(224)

Fuq il-bażi ta’ dan l-argument, Danske Busvognmaend tfakkar li fil-Każ Nru T-157/01, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 94, tqis li s-suq Daniż tat-trasport bil-karozzi tal-linja jista’ jadatta ruħu malajr għat-talbiet tal-awtoritajiet tat-trasport u li, f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ impriża kontraenti, wieħed jista’ faċilment jirrikorri għal impriżi oħrajn sakemm titnieda sejħa għall-offerti ġdida. Konsegwentement, f’każ li Combus tiġi llikwidata, operaturi oħrajn setgħu jieħdu l-kuntratti li kellha f’idejhom.

(225)

Għalhekk, skont Danske Busvognmaend, jidher ċar li investitur privat kien ikun analizza bl-ikbar attenzjoni possibbli jekk iċedix il-kuntratti eżistenti jew jekk tiġix iddikjarata l-impriża falluta. Imma ma saret l-ebda evalwazzjoni ta’ din ix-xorta. Zgur li kien hemm għadd ta’ parteċipanti oħrajn fis-suq tat-trasport bil-karozzi tal-linja li kienu se jkunu interessati li jieħdu f’idejhom ir-rotot tal-karozzi tal-linja. Speċjalment fir-reġjun tal-belt kapitali, Combus kienet ippenalizzata minħabba li l-offerta tagħha kienet partikolarment baxxa, u għaliex hija kellha tibni faċilitajiet li ma kellhiex (garaxxijiet, eċċ.). Wieħed jista’ jimmaġina li Arriva kienet tkun interessata li tieħu f’idejha l-kuntratti li Combus ma ħallithiex tikseb, għaliex Arriva kellha l-faċilitajiet meħtieġa (garaxxijiet, infrastrutturi, eċċ.), u għalhekk setgħet topera s-servizzi tat-trasport b’inqas spejjeż.

(226)

Danske Busvognmaend tqis li ċerti dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jindikaw li l-għotja ta’ għajnuna lil impriża li tkun trid tinbiegħ tista’ tkun konformi mal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq, minħabba li l-falliment tal-impriża jkun se jwassal għal iktar spejjeż. Madankollu, biex it-tali miżura tkun iġġustifikata mill-perspettiva tal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm dokumentazzjoni, fil-forma ta’ ċifri ekonomiċi affidabbli, li turi li t-tali miżura se tagħti riżultati aħjar għall-awtoritajiet pubbliċi milli kieku l-kumpanija tiġi stralċjata jew tfalli. Skont Danske Busvognmaend, l-awtoritajiet Daniżi ma ppreżentaw l-ebda dokument li jistabbilixxi li l-Istat kienet se tiswieh iktar li kieku pproċeda bl-istralċ ta’ Combus jew li kieku ddikjaraha falluta milli kieku żammha attiva u biegħha kif tabilħaqq għamel. Bil-kontra, hija tikkunsidra li kien ikun iktar vantaġġuż għall-Istat li jipproċedi bl-istralċ ta’ Combus jew li jiddikjaraha falluta. It-trasferiment al-kuntratti lil impriżi oħrajn tat-trasport kienet se twassal biex ikunu evitati t-telf kbir u d-djun sostanzjali li segwew. Barra minn hekk, it-tagħmir u l-faċilitajiet setgħu jinbiegħu lill-parti l-oħra bi prezzijiet realistiċi.

4.2.2.   IR-RISPETT TAL-LINJI GWIDA TAL-1999 DWAR IR-RISTRUTTURAR

(227)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar ma ġewx sodisfatti.

Ta’ darba u tal-aħħar

(228)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-miżuri ta’ għajnuna jikkostitwixxu żewġ miżuri ta’ għajnuna separati. Skont Danske Busvognmaend, la l-Gvern Daniż u lanqas Arriva ma pprovaw li l-miżuri ta’ għajnuna għandhom jifformaw żewġ partijiet mill-istess għajnuna. Anzi, dan il-każ jindika b’mod ċar li Combus kienet kumpanija li ma tantx kienet immexxija tajjeb, kif kien jaf sew il-Gvern Daniż, u li l-appoġġ finanzjarju tal-1999 ingħata lil Combus bla ebda evalwazzjoni u azzjoni ta’ segwitu xierqa; b’hekk inħasset il-ħtieġa li tingħata iktar appoġġ finanzjarju fl-2001.

Il-pjan ta’ ristrutturar

(229)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-Gvern Daniż ma pprovda l-ebda pjan ta’ ristrutturar qabel l-ewwel injezzjoni ta’ kapital tal-1999. Fil-fehma tagħha, mhux possibbli li tressaq pjan ta’ ristrutturar tard (37). F’dan ir-rigward, Danske Busvognmaend topponi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif ġiet deskritta fil-qosor fil-premessi 36, 48 u 49 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

Il-vijabbiltà ekonomika

(230)

Danske Busvognmaend qed tikkontesta li Combus xi darba qatt setgħet trendi l-qligħ u, b’hekk, ekonomikament vijabbli, bħala impriża pubblika. Hija tikkunsidra li l-vijabbiltà ekonomika setgħet tinkiseb billi din tinbiegħ lil Arriva. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jinbdew il-proċeduri u għall-pożizzjoni tal-QPI fis-sentenza Combus, paragrafi 115 sa 116.

Miżuri biex jittaffa tagħwiġ mhux xieraq tal-kompetizzjoni

(231)

Il-pożizzjoni ta’ Danske Busvognmaend hija li l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija de facto lil Combus wasslu għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq, peress li ħolqu l-opportunità biex Arriva takkwista sa madwar 70 % tal-ishma tas-suq billi xtrat lil Combus. Konsegwentement, Arriva waslet biex ikollha pożizzjoni dominanti fis-suq Daniż. Sadanittant, bosta kumpaniji tal-karozzi tal-linja sabu rwieħhom għoddhom falluti. Skont Danske Busvognmaend, il-Gvern Daniż m’għamel xejn biex jevita t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni; Combus ma rrinunzjat għall-ebda kuntratt li kellha meta ngħatat l-għajnuna fl-1999, filwaqt li l-miżuri ta’ għajnuna tal-2001 saħansitra rriżultaw fi profitt għal Arriva. Konsegwentement, Arriva għamlet profitt meta biegħet parti minn Combus lil Connex, u qiegħdet fi żvantaġġ lill-kompetituri tagħha.

(232)

Fid-dawl tal-linji gwida u tal-kundizzjoni li tittaffa, kemm jista’ jkun, kwalunkwe tagħwiġ mhux xieraq tal-kompetizzjoni, Combus mill-inqas missha rrinunzjat għall-kuntratti tagħha. F’dan ir-rigward, Danske Busvognmaend tikkondividi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif ġie deskritt fil-qosor fil-premessa 112 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

Għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ

(233)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-Gvern Daniż bl-ebda mod ma kkunsidra dan il-punt b’relazzjoni għall-bejgħ ta’ Combus u li m’hemm l-ebda ċertezza li l-bejgħ sar bil-prezz tas-suq, li kien ikun l-aħjar mod biex ikun żgurat li l-għajnuna tkun limitata għal ammont minimu.

(234)

Danske Busvognmaend tikkunsidra li l-Gvern Daniż irrikonoxxa b’mod ċar li ma kienx hemm kontroll tal-miżura li permezz tiegħu l-għajnuna li tingħata kellha tkun limitata għall-minimu meħtieġ. F’dan ir-rigward, il-kumpanija tikkwota mill-paġna nru 6 tal-Anness K tal-każ Combus li fih il-gvern Daniż jistqarr: “L-injezzjoni nnegozjata tal-kapital, li Arriva kienet teħtieġ sabiex tieħu l-ishma, hija bbażata fuq każ ta’ negozju li, naturalment, il-bejjiegħ ma jafx bih.” Fil-paġna 6 tal-Anness I, jistqarr ukoll: “Il-Gvern sab li l-injezzjoni meħtieġa tal-kapital minn Arriva tirrifletti l-valur attwali tas-suq tal-kumpanija, eċċ.”.

(235)

Danske Busvognmaend tqis li hija għandha raġunijiet tajbin biex tiddubita b’mod serju li l-għajnuna mogħtija lil Combus b’rabta mal-fatt li din inxtrat minn Arriva kienet limitata għall-ammont minimu. Għall-kuntrarju, hija temmen li Arriva għamlet biċċa negozju tajba, u f’dan ir-rigward tirreferi għall-Kapitolu 8 tan-nota tagħha tal-24 ta’ Frar 2003. Hija tikkummenta li l-Gvern Daniż kellu jqabbad esperti indipendenti fil-kuntest tal-bejgħ, kif ta’ spiss tipprevedi l-Kummissjoni f’każ ta’ ċessjoni ta’ assi, u tgħid li l-bejgħ ma sarx f’kundizzjonijiet trasparenti u li l-proċeduri ma kinux miftuħin għall-kompetituri kollha f’qasam partikolari.

4.3.   IL-KUMMENTI MRESSQA MINN ARRIVA

(236)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand Arriva Denmark A/S. Dawn kienu jikkonċernaw biss punt fattwali, jiġifieri l-prezz tal-bejgħ miftiehem bejn Arriva u Connex, u b’hekk huma deskritti fil-qosor fil-parti II ta’ din id-deċiżjoni.

5.   IT-TWEĠIBA TAL-GVERN DANIŻ GĦALL-KUMMENTI MRESSQA MINN DANSKE BUSVOGNMAEND U MINN ARRIVA

5.1.   IL-PRINĊIPJU TAL-INVESTITUR F’EKONOMIJA TAS-SUQ

(237)

L-ewwel nett, il-Gvern Daniż jikkunsidra li peress li Danske Busvognmaend kkwotat is-silta mir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka barra mill-kuntest tagħha, hija qed tagħti impressjoni distorta. Skont il-Gvern Daniż, is-silta ġiet ikkwotata mill-paġna 47 tar-rapport, taħt l-intestatura “Rimarki mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka”, u għandha x’taqsam mal-informazzjoni fattwali li fformat il-bażi għall-abbozz tal-liġi ppreżentat mill-Ministeru tat-Trasport quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Finanzi, li kien il-bażi legali għall-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun li saret f’Combus.

(238)

Fil-paġna 47, dwar il-bażi għall-abbozz tal-liġi l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jgħid li:

“Mill-informazzjoni fl-abbozz tal-liġi, għandu jiġi mifhum, li wara li ġiet ikkunsidrata għotja ta’ DKK 65 miljun fil-kontabbiltà annwali tal-kumpanija għall-1998, l-impressjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Combus fi tmiem l-1998 kienet raġonevolment eżatta u b’hekk kienet anki sservi bħala punt ta’ tluq raġonevoli sabiex ikun stabbilit li l-kumpanija teħtieġ il-kapital. Imma l-Ministeru tat-Trasport ma ddikjarax li l-informazzjoni finanzjarja li fuq il-bażi tagħha kienet iffissata l-għotja ta’ DKK 65 miljun kienet sempliċiment ġejja mill-baġits, mill-estimi u mit-tfaddil ippjanat skont il-bord tal-kumpanija.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka huwa tal-fehma li l-Ministeru tat-Trasport kien responsabbli tal-valutazzjoni tal-materjal ippreżentat sabiex jipprovdi lill-Ministeru u lill-Kumitat tal-Finanzi bl-informazzjoni kollha rilevanti b’konnessjoni mal-abbozz tal-liġi. Il-Ministeru tat-Trasport ma missux introduċa abbozz ta’ liġi fuq il-bażi eżistenti. Alternattivament, il-Ministeru missu enfasizza, filwaqt li kkunsidra l-ħtieġa għal injezzjoni mgħaġġla ta’ kapital f'Combus, li l-abbozz tal-liġi kien ibbażat biss fuq fuq il-baġits u l-estimi ġenerali ppreparati mill-kumpanija.”

(239)

Skont il-Gvern Daniż, għalhekk l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma kienx qed jikkritika l-fatt li l-Ministeru kien irrakkomanda l-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun, imma aktarx il-fatt li ma enfasizzax quddiem il-Kumitat tal-Finanzi li l-abbozz tal-liġi kien ibbażat fuq baġits u estimi ppreparati mill-bord ta’ Combus. Peress li kienet meħtieġa injezzjoni ta’ kapital b’mod urġenti, il-Ministeru tat-Trasport ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jirrakkomanda l-injezzjoni ta’ kapital li kienet ikkunsidrata meħtieġa biex ikun evitat il-falliment u għalhekk kienet tkun meħtieġa wkoll kieku Combus kienet se tinbiegħ.

(240)

It-tieni nett, il-Gvern Daniż josserva li l-kummenti ta’ Danske Busvognmaend jiffokaw esklussivament fuq il-kwistjoni tal-limitu safejn investitur privat, fl-1999, kien jagħmel injezzjoni ta’ kapital simili fuq il-bażi tal-aspettattiva li l-profitt futur li għad jagħmel Combus stess kien se jħalli qligħ xieraq fuq l-investiment.

(241)

Madankollu, il-fehma tal-Gvern Daniż dwar il-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq mhix sempliċement ibbażata fuq il-qligħ dirett li seta’ raġonevolment ikun mistenni fuq l-investiment tal-Istat. Bil-kontra, iridu jiġu kkunsidrati t-telf indirett moħbi u l-effetti ta’ dannu fuq, fost l-oħrajn, privatizzazzjonijiet futuri, li jikkawżaw falliment.

(242)

It-tielet nett, il-Gvern Daniż jiċħad l-affermazzjoni li kien hemm xerrejja interessati li jakkwistaw kuntratti li jagħmlu telf. Anki li kieku kien hemm xi xerrej ta’ din ix-xorta, trasferiment kien sempliċiment ifisser konferma immedjata tat-telf fuq il-kuntratti u għalhekk Combus kien ikollha tiffaċċja konsegwenzi finanzjarji immedjati u inkalkulabbli.

(243)

Il-Gvern Daniż lanqas ma jaqbel li kwalunkwe operatur tal-karozzi tal-linja seta’ jieħu f’idejh il-kuntratti li jagħmlu t-telf bi prezz ogħla mill-valur negattiv tal-kuntratti. Il-bejgħ tal-kuntratti għalhekk kien ikun possibbli biss għal prezz ta’ xiri negattiv. Ikun xi jkun il-każ, il-bejgħ ta’ kuntratti individwali u/jew ta’ assi fissi jew ta’ assi operattivi individwali ma jkunux soluzzjoni li jrendu iktar qligħ minn bejgħ totali. L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tad-Danimarka jsostni din il-fehma (38).

(244)

B’referenza għall-paragrafu 94 tas-sentenza Combus, Danske Busvognmaend qed tiddikjara li kieku l-kumpanija falliet, operaturi oħrajn setgħu jieħdu f’idejhom il-kuntratti tat-trasport ta’ Combus fi ftit żmien. Il-Gvern Daniż jikkunsidra li għalkemm dan jista’ jkun minnu, dan mhux rilevanti għall-valutazzjoni legali dwar jekk l-Istat aġixxiex skont il-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq. L-informazzjoni, madankollu, tista’ tkun utli rigward il-kwistjoni tal-punt sa fejn il-falliment ta’ Combus kieku kien jaffetwa t-tmexxija tat-trasport pubbliku u kwalunke tfixkil fis-servizzi tat-trasport.

5.2.   L-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

Għajnuna ta’ darba u tal-aħħar

(245)

Rigward l-argumenti ppreżentati minn Danske Busvognmaend, il-Gvern Daniż jiddikjara li kwalunkwe riserva rigward il-ħlas ta’ għajnuna f’okkażjonijiet sussegwenti ma taffetwax jekk iktar minn ammont wieħed ta’ għajnuna jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura waħda ta’ għajnuna mħallsa bin-nifs. Bil-kontra, il-fattur deċiżiv f’dan ir-rigward huwa valutazzjoni globali ta’ jekk l-ammonti individwali tal-għajnuna humiex konnessi biż-żmien u bil-għan b’tali mod li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżura waħda ta’ għajnuna.

Il-pjan ta’ ristrutturar

(246)

Il-Gvern Daniż jikkonċedi li ma tressaq l-ebda pjan ta’ ristrutturar quddiem il-Kummissjoni meta saret l-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun jew meta ntlaħaq l-ftehim ma’ Arriva f’Novembru 2000 dwar il-prinċipji tal-bejgħ.

(247)

Madankollu, il-Gvern Daniż ma jikkondividix l-interpretazzjoni li Danske Busvognmaend tat tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-17/99, Franza vs Il-Kummissjoni, jiġifieri li l-pjan ta’ ristrutturar ma jistax jitressaq iktar quddiem il-Kummissjoni, ladarba l-Istat Membru jkun ta l-għajnuna.

(248)

Il-Gvern Daniż l-ewwel nett josserva li l-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar ma jinkludu l-ebda regola jew struzzjoni dwar il-kwistjoni ta’ meta pjan ta’ ristrutturar irid jitressaq quddiem il-Kummissjoni. L-unika kundizzjoni ċara hija li l-Kummissjoni ma tistax tapprova għajnuna għar-ristrutturar jekk qabel ma tkunx irċeviet pjan ta’ ristrutturar.

(249)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li anki f’każijiet fejn miżura ta’ għajnuna tiġi implimentata mingħajr mal-ewwel tiġi nnotifikata l-Kummissjoni, il-Kummissjoni trid tkun żgura li l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni. Dan huwa pprovdut, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (minn issa ‘l quddiem, “ir-Regolament Proċedurali”). Għalhekk, huwa jikkunsidra li huwa għal kollox sodisfaċenti li l-Kummissjoni tirċievi pjan ta’ ristrutturar li jkun approvat qabel ma l-Kummissjoni tiddeċiedi jekk l-għajnuna mill-Istat tkunx kompatibbli mas-suq komuni.

(250)

Rigward il-paragrafu 43 fil-Kawża C-17/99, Franza vs Il-Kummissjoni (39), il-Gvern Daniż qed josserva li skont il-paragrafu 41, il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-kawża, li “il-Gvern Franċiż ma ressaqx pjan ta’ ristrutturar kredibbli quddiem il-Kummissjoni” u “[m]inn meta nbdew il-proċeduri l-awtoritajiet Franċiżi lanqas ma ressqu xi pjan ta’ din ix-xorta quddiem il-Kummissjoni.”

(251)

Għall-Gvern Daniż, jidher ċar mill-kliem li użat il-Kummissjoni li kien ikun suffiċjenti li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar għal pjan ta’ ristrutturar, jiġifieri li l-pjan ta’ ristrutturar jitressaq wara li jinbdew il-proċeduri formali. Il-fattur deċiżiv għalhekk ma kienx il-waqt meta tressaq il-pjan ta’ ristrutturar, imma l-fatt li tressaq qabel mal-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni finali tagħha.

(252)

Għalhekk, il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-pjanijiet ta’ ristrutturar tat-8 u tat-23 ta’ Jannar 2001 tressqu f’waqthom, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

(253)

Fis-sottomissjonijiet tiegħu ta’ Frar u ta’ April 2007, il-Gvern Daniż jindika li, meta l-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż kien approva l-injezzjoni ta’ kapital tal-1999, kien hemm pjan finanzjarju u operattiv ta’ ristrutturar disponibbli.

It-taffija tal-effetti avversi tal-għajnuna

(254)

Il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-bejgħ ta’ Connex lil Arriva ma rriżultax fi profitt li kien jeċċedi l-aspettattivi u l-kalkoli tal-Gvern Daniż u ta’ Arriva meta Combus nbiegħet lil Arriva.

Għajnuna limitata għall-ammont minimu

(255)

B’risposta għal dak li sostniet Danske Busvognmaend, jiġifieri li l-bejgħ ma kienx suġġett għal sejħa pubblika għall-offerti, il-Gvern Daniż qed jargumenta li l-proċess ta’ bejgħ kien partikolarment imtawwal, kompetittiv, mhux diskriminatorju u trasparenti, u l-prezz finali ma kienx ivarja b’mod sinifikanti mill-offerta oriġinali.

(256)

B’risposta għall-affermazzjoni li ma kien hemm l-ebda kontroll indipendenti tal-prezz tas-suq, il-Gvern Daniż josserva li l-bejgħ kellu jiġi approvat mill-Kumitat Parlamentari tal-Finanzi fuq il-bażi tal-analiżi finanzjarja mwettqa mill-konsulent finanzjarju tal-Istat, Alfred Berg. Il-Gvern Daniż jikkunsidra li dan jikkostitwixxi kontroll suffiċjenti. Fil-fehma tal-Gvern Daniż, is-siltiet mill-Anness għall-kawża quddiem il-QPI, imsemmija minn Danske Busvognmaend, ma jinkludu l-ebda rikonoxximent ta’ xi difett li b’hekk ma jkunx żgurat li l-għajnuna tkun inżammet f’livell minimu.

(257)

Barra minn hekk, il-Gvern Daniż jispjega li wara l-bejgħ saru tliet investigazzjonijiet indipendenti dwar il-prezz tal-bejgħ, jiġifieri ir-“Rapport dwar l-investigazzjoni ta’ Combus A/S”, l-“Investigazzjoni tal-avukat dwar kif titmexxa l-proprjetà ta’ Combus A/S mill-Istat” u r-“Rapport tal-Awditur Ġenerali”.

(258)

B’dan l-isfond, il-Gvern Daniż ma jaqbilx li ma sar l-ebda kontroll dwar jekk l-għajnuna kinitx limitata għal ammont minimu. Ir-referenza għall-Annessi K u I għall-kawża minn Danske Busvognmaend bl-ebda mod mhi rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna kinitx limitata għal ammont minimu. Madankollu, il-kwotazzjonijiet juru b’mod ċar li l-bejgħ lil Arriva kien ippreparat fuq il-bażi ta’ każ ta’ negozju, u li l-prezz tal-bejgħ kien jirrifletti l-prezz tas-suq.

(259)

Fl-aħħar nett, il-Gvern Daniż ma jikkunsidrax li l-użu ta’ awdituri indipendenti seta’ jwassal għal valutazzjoni differenti jew għal prezz tal-bejgħ differenti tal-ishma ta’ Combus. Għall-Gvern Daniż, it-test deċiżiv kien it-test tas-suq.

6.   IL-VALUTAZZJONI LEGALI TAL-KUMMISSJONI

6.1.   VALUTAZZJONI TAL-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA FIT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 87(1) TAT-TRATTAT KE

(260)

L-Artikolu 87(1) KE jipprevedi li, “[b]la ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi itffavorixxiċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

6.1.1.   MISTOQSIJA PRELIMINARI: IL-MIŻURI TAL-1999 U TAL-2001 JIKKOSTITWIXXU MIŻURA WAĦDA JEW ŻEWĠ MIŻURI SEPARATI LI GĦANDHOM JIĠU VVALUTATI SKONT L-ARTIKOLU 87(1) TAT-TRATTAT KE?

(261)

Kif ġie deskritt iktar ‘il fuq, Combus irċeviet appoġġ finanzjarju mingħand il-Gvern Daniż fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital (fl-1999 u fl-2001), ta’ self subordinat (fl-1999), ta’ konverżjoni sussegwenti tas-self subordinat f’kapital azzjonarju u ta’ garanziji mogħtija lix-xerrejja (fl-2001). Għalhekk huwa importanti li japplika l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE sabiex jiġi stabbilit jekk l-appoġġ finanzjarju mogħti waqt il-proċess ta’ privatizzazzjoni fl-1999 u fl-2001 rispettivament jikkostitwixxix żewġ partijiet minn miżura waħda jew żewġ miżuri separati.

(262)

Il-QPI, f’BP Chemicals, qieset il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin bħala rilevanti hi u taqta’ s-sentenza tagħha:

Il-kronoloġija tal-injezzjonijiet ta’ kapital inkwistjoni;

L-għan tagħhom;

Is-sitwazzjoni tal-kumpanija fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni biex issir injezzjoni (40).

(263)

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż u ta’ partijiet terzi, minn issa ‘l quddiem il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-kriterji stabbiliti mill-QPI f’BP Chemicals ġewx sodisfatti f’dan il-każ.

Il-kronoloġija tal-miżuri

(264)

Il-miżuri ttieħdu fis-27 ta’ Mejju 1999 u fil-15 ta’ Jannar 2001 rispettivament. Għalhekk għaddew madwar 18-il xahar bejn iż-żewġ deċiżjonijiet.

(265)

Il-Gvern Daniż qed jargumenta li, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċess ta’ privatizzazzjoni, 18-il xahar jikkostitwixxu perjodu ta’ żmien raġonevolment qasir. F’dan il-kuntest huwa jirreferi wkoll għall-kawża BP Chemicals, fejn iż-żmien bejn l-ewwel u l-aħħar parti tal-għajnuna kien ta’ 22 xahar.

(266)

Il-Kummissjoni mhix konvinta mill-argumenti mressqa mill-Gvern Daniż. L-ewwel nett, hemm differenza fattwali importanti bejn il-proċess ta’ BP Chemicals u dan il-każ. Fil-każ, BP Chemicals, l-impriża pubblika ENI għamlet tliet injezzjonijiet ta’ kapital f’ENIChem, li saru fl-1992, fl-1993 u fl-1994. Il-QPI kellha tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx ikkwalifikat tajjeb it-tielet injezzjoni ta’ kapital bħala li tissodisfa t-test tal-investitur privat, filwaqt li l-ewwel tnejn kienu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Rigward il-kronoloġija tal-miżuri, il-QPI kkonkludiet li t-tielet injezzjoni ta’ kapital diġà kienet prevista minn pjan ta’ ristrutturar, li kien adottat mill-bord ta’ ENI dakinhar stess li kienet saret it-tieni injezzjoni ta’ kapital, f’Diċembru 1993. Id-deċiżjoni effettiva li tawtorizza t-tielet injezzjoni ta’ kapital ittieħdet inqas minn xahar wara, f’Jannar 1994.

(267)

F’dan il-każ, bil-kontra, xejn ma jindika li l-awtoritajiet Daniżi fl-1999, meta ddeċidew l-ewwel injezzjoni ta’ kapital, kienu qed jippjanaw biex jipproċedi bit-tieni injezzjoni ta’ kapital fi stadju sussegwenti tar-ristrutturar. Anzi: l-ewwel injezzjoni ta’ kapital kienet ikkalkulata b’tali mod li kellha tkun suffiċjenti biex minnha nfisha terġa’ ġġib lil Combus impriża vijabbli ekonomikament. It-tieni injezzjoni ta’ kapital kienet ġiet deċiża iktar minn sena u sitt xhur wara l-ewwel injezzjoni ta’ kapital f’Diċembru 2000, meta deher ċar li l-ewwel injezzjoni ta’ kapital ma kinitx suffiċjenti.

(268)

Fl-aħħar nett, hemm żewġ argumenti importanti minn perspettiva kronoloġika biex jiġi kkunsidrat li ż-żewġ injezzjonijiet ta’ kapital jikkostitwixxu żewġ miżuri separati:

It-tieni injezzjoni ta’ kapital ma kinitx prevista mill-awtoritajiet Daniżi fil-mument meta ddeċidew li jagħmlu l-ewwel injezzjoni ta’ kapital, filwaqt li dan kien il-każ f’BP Chemicals;

It-tieni injezzjoni ta’ kapital kienet deċiża sena u sitt xhur wara l-ewwel injezzjoni ta’ kapital filwaqt li fil-każ BP Chemicals, bejn iż-żewġ miżuri għadda xahar wieħed biss.

L-għan tal-miżuri

(269)

Il-Gvern Daniż huwa tal-fehma li l-miżuri tal-1999 u tal-2001 kellhom l-istess għan, jiġifieri li jirristrutturaw u jirrikapitalizzaw lil Combus sabiex tiġi pprivatizzata b’suċċess.

(270)

Il-Kummissjoni mhijiex tal-istess fehma. Id-deskrizzjoni dettaljata tal-fatti li ngħatat iktar ‘il fuq turi li l-injezzjoni ta’ kapital tal-1999 kienet deċiża sabiex ikun evitat il-falliment imminenti ta’ Combus. Hija ma kelliex ħsieb li tipprivatizza lil Combus, imma aktarx li dan kien meħtieġ għaliex l-ewwel tentattiv biex tkun ipprivatizzata Combus kien falla.

(271)

It-tieni injezzjoni ta’ kapital laħqet l-iskop li tkabbar il-kapital ta’ Combus sa livell fejn ix-xerrejja, Arriva, kienet lesta tħallas prezz simboliku għall-impriża.

(272)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ż-żewġ injezzjonijiet ta’ kapital kienu akkumpanjati minn miżuri ta’ ristrutturar, u li ż-żewġ injezzjonijiet ta’ kapital kienu marbuta mal-assorbiment tat-telf iġġenerat mill-kuntratti li għalihom Combus kienet għamlet offerti li kienu baxxi wisq.

(273)

Madankollu, hija tal-fehma li l-għan primarju taż-żewġ injezzjonijiet ta’ kapital kien differenti, jiġifieri l-prevenzjoni tal-falliment fl-ewwel każ u l-preparazzjoni għall-privatizzazzjoni fit-tieni każ.

Is-sitwazzjoni tal-kumpanija fi żmien il-miżuri

(274)

Is-sitwazzjoni ta’ Combus fi żmien il-miżuri ma nbidlitx b’mod sinifikanti peress li kienet qed tesperjenza telf, prinċipalment minħabba l-kuntratti tas-servizz pubbliku li kienu konklużi bi prezz li bih ma setgħetx tagħti s-servizzi.

Konklużjoni: Il-miżuri tal-1999 u tal-2001 jikkostitwixxu żewġ miżuri separati

(275)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u wara li applikat ir-raġunament tal-QPI fil-każ BP Chemicals, tikkonkludi li ż-żewġ partijiet tal-miżuri ta’ ristrutturar li ttieħdu fl-1999 u fl-2001 rispettivament jikkostitwixxu żewġ miżuri separati għall-valuazzjoni skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Tliet raġunijiet prinċipali jimmotivaw din il-valutazzjoni:

L-injezzjoni ta’ kapital tal-2001 ma kinitx prevista fiż-żmien li kienet deċiża l-injezzjoni tal-kapital li saret fl-1999. Anzi: Anzi, l-awtoritajiet Daniżi assumew li l-injezzjoni ta’ kapital tal-1999 kienet suffiċjenti.

Kien hemm perjodu ta’ sena u sitt xhur bejn id-deċiżjoni biex tingħata l-ewwel injezzjoni ta’ kapital u d-deċiżjoni biex tingħata t-tieni injezzjoni ta’ kapital.

L-iskop tal-ewwel injezzjoni ta’ kapital kien li tevita l-falliment imminenti ta’ Combus, filwaqt li l-iskop tat-tieni injezzjoni ta’ kapital kien li tagħmel possibbli l-privatizzazzjoni għal valur simboliku pożittiv.

(276)

Għaldaqstant, se jkunu analizzati bħala żewġ miżuri differenti fil-bqija tal-valutazzjoni legali.

6.1.2.   IR-RIŻORSI TAL-ISTAT U L-ISPEĊIFIĊITÀ

(277)

Id-Danimarka ffinanzjat iż-żewġ miżuri mill-baġit tagħha. Il-miżuri b’hekk kienu ffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat.

(278)

Il-miżuri jikkonċernaw impriża waħda, Combus, u b’hekk huma speċifiċi.

6.1.3.   L-EŻISTENZA TA’ VANTAĠĠ GĦALL-IMPRIŻA BENEFIĊJARJA

(279)

Sabiex ikunu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, il-miżuri jridu jagħtu vantaġġ lid-ditta. F’dan ir-rigward, iqumu żewġ kwistjonijiet:

i.

Il-miżuri ma jagħtux vantaġġ lil Combus jekk il-Gvern Daniż aġixxa bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

ii.

Il-miżuri ma jagħtux vantaġġ lil Combus, jekk iservu biss biex jikkumpensaw lill-kumpanija għall-obbligi ta’ servizz pubbliku u jirrispettaw l-erba’ kriterji ta’ Altmark.

L-applikabbiltà tal-Prinċipju tal-Investitur f’Ekonomija tas-Suq

(280)

Il-qofol tal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq kien stabbilit mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat UE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 80/723/KEE dwar kumpaniji pubbliċi fis-settur tal-manifattura, (minn issa ‘l quddiem, “il-Komunikazzjoni”) (41). Barra minn hekk, is-sentenzi tal-QEĠ u tal-QPI ippreċiżaw iktar il-kunċett (42).

(281)

Skont dawn it-testi u dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltajiet ġenwini biex impriża benefiċjarja tikseb riżorsi finanzjarji ekwivalenti billi tirrikorri għas-suq normali tal-kapitali. Ma tkunx involuta għajnuna mill-Istat fejn ikun hemm kwistjoni ta’ kapital ġdid li jkun ikkontribwit f’kundizzjonijiet li jkunu aċċettabbli biex investitur privat jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq (43).

(282)

Il-paragrafu 35 tal-Komunikazzjoni japplika għal injezzjonijiet ta’ kapital. Fih jiġi ddikjarat li l-għajnuna tkun preżenti fejn il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija, u partikolarment l-istruttura u l-volum tad-dejn tagħha, tkun tali li qligħ normali fuq l-investiment (f’dividendi jew fi qligħ kapitali) ma jistax ikun mistenni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli minn meta jkun ġie investit il-kapital.

(283)

Il-paragrafu 39 tal-Komunikazzjoni jistabbilixxi kriterji simili għas-self fejn jiġi ddikjarat li fejn jingħata self bla garanziji lil kumpanija li f’ċirkustanzi normali ma tkunx tista’ tikseb finanzjament (pereżempju, għaliex il-prospetti tagħha li tħallas lura s-self ikunu ftit) mela s-self effettivament jitqies daqslikieku kien ħlas ta’ għotja u l-Kummissjoni għandha tevalwah bħala tali.

(284)

L-imġiba tal-investitur pubbliku, għalhekk, għandha tkun ipparagunata mal-imġiba ipotetika ta’ investitur privat, bħal kumpanija possedenti privata jew grupp privat ta’ impriżi li jkollhom politika strutturali, globali jew settorjali u li jkunu attirati minn prospetti ta’ profitabbiltà fuq perjodu itwal ta’ żmien (44). Kontribuzzjoni kapitali li tkun meħtieġa sabiex tkun żgurata s-sopravvivenza ta’ impriża li qed tesperjenza diffikultajiet temporanji imma li, fejn ikun xieraq, wara l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa din l-impriża tkun f’pożizzjoni li tirritorna għall-profitabbiltà mhux bilfors tikkostitwixxi għajnuna jekk investitur privat kieku kien jagħmel l-istess analiżi.

(285)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni jeħtieġ li tivvaluta jekk investitur privat u proprjetarju ta’ kumpanija simili għal Combus kienx jaġixxi kif għamel il-Gvern Daniż meta ta l-miżuri vvalutati. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Gvern Daniż ma aġixxiex skont il-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq għal miżura waħda jew għaż-żewġ miżuri, il-miżura jew il-miżuri rispettivament, ma tikkostitwix/jikkostitwux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE.

(286)

Fil-premessi 82 sa 89 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk investitur privat, f’sitwazzjoni simili, kienx jaġixxi kif għamel il-Gvern Daniż.

Valutazzjoni tal-miżura tal-1999 meta mqabbla mal-Prinċipju tal-Investitur f’Ekonomija tas-Suq

(287)

Il-Gvern Daniż qed jargumenta li l-miżura tal-1999 tirrispetta l-prinċipju tal-investitur privat. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex din ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni qabel ma ġiet adottata.

(288)

Il-Kummissjoni tinnota li d-Danimarka fl-ebda waqt ma ppreżentat analiżi ekonomika li kienet turi li rigward din il-miżura setgħet raġonevolment tistenna qligħ fuq l-investiment paragunabbli għall-qligħ fuq l-investiment li jistenna li jagħmel investitur privat fis-settur tal-karozzi tal-linja.

(289)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-konsulent finanzjarju tal-Gvern Daniż, Alfred Berg, fiż-żewġ memoranda tiegħu ta’ Novembru 1998 u ta’ April 1999, wera t-tħassib tiegħu li “ma kien hemm l-ebda garanzija għal qligħ pożittiv fuq l-investiment” jekk id-Danimarka tiddeċiedi li tkompli tkun il-proprjetarja ta’ Combus sabiex tirristrutturaha wara injezzjoni ta’ kapital. Barra minn hekk, l-abozz tal-liġi adottat mill-Parlament Daniż f’Mejju 1999, li kien jawtorizza żieda fil-kapital, jistabbilixxi li kien improbabbli li l-Istat ikun jista’ jirkupra l-kapital li kien se jinvesti f’Combus.

(290)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-Danimarka ma pprovdietx evidenza konvinċenti li l-Istat seta’ raġonevolment jistenna qligħ fuq l-investiment tiegħu paragunabbli għall-qligħ li kieku kien jitlob investitur privat.

(291)

Rigward ir-raġunament ta’ “valutazzjoni minn grupp”, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ‘il fuq (il-Każ nru 303/88), il-Kummissjoni ma teskludix li l-Istat jew il-kumpaniji pubbliċi jistgħu jġarrbu telf f’waħda mill-kumpaniji sussidjarji tagħhom sabiex tkun tista’ ttemm l-operazzjonijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, jekk ikunu jistgħu jipprovaw li l-ispiża assoċjata li jkollhom iġarrbu tkun iktar baxxa mid-dannu ekonomiku li kieku kienu jbatu f’xenarji oħrajn. Pereżempju, il-Kummissjoni applikat dan ir-raġunament fil-punti 196 sa 216 tal-Każ nru C 53/2003, ABX (45), fejn il-Kummissjoni kkunsidrat l-ispejjeż sostnuti mill-attivitajiet tal-bqija tal-grupp li kienu f’rabta diretta ma’ negozju mal-kumpanija sussidjarja li kienet f’diffikultajiet u fejn ir-relazzjoni bejn l-għeluq tal-kumpanija sussidjarja u l-effett fuq il-bqija tal-grupp kienet ipprovata tassew. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan mhux il-każ f’din is-sitwazzjoni, peress li l-awtoritajiet Daniżi ma pprovawx li r-rabta bejn l-attività ekonomika ta’ Combus u l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra tal-Istat (speċjalment bħala proprjetarju ta’ kumpaniji oħrajn li m’għandhom l-ebda konnessjoni partikolari pprovata ma’ Combus) hija b’saħħitha biżżejjed sabiex tinġibed tali konklużjoni. B’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ argumenti oħrajn, il-Kummissjoni mhix konvinta li l-klassifikazzjonijiet ta’ kumpaniji pubbliċi oħrajn, li normalment ikunu bbażati fuq il-merti ta’ kull kumpanija individwali, kienu jkunu affettwati b’mod sinifikanti mid-destin ta’ Combus.

(292)

Il-Kummissjoni lanqas mhi konvinta mill-argument li l-falliment ta’ Combus kien se jagħmel dannu lir-reputazzjoni tal-Istat bħala investitur, jew kien se jqiegħed f’periklu inġustifikat il-programm ta’ privatizzazzjoni tiegħu billi jixħet dubju fuq is-sigurtà tal-impjiegi ta’ dawk li qabel kienu impjegati taċ-Ċivil. Tabilħaqq, rigward l-ewwel punt, investituri raġonevoli xi drabi jaslu għall-konklużjoni li jkollhom itemmu attivitajiet li ma jrendux qligħ; rigward it-tieni punt, jidher aktarx kontradittorju li wieħed jargumenta li l-Istat kellu jħallas lill-impjegati taċ-Ċivil biex jaċċettaw kuntratti privati u, barra minn hekk, kellu jibqa’ jġarrab l-ispejjeż sabiex jiżgura l-permanenza tal-impjiegi tagħhom.

Valutazzjoni tal-miżura tal-2001 meta mqabbla mal-Prinċipju tal-Investitur f’Ekonomija tas-Suq

(293)

Rigward il-miżura tal-2001, il-Kummissjoni tinnota li l-Gvern Daniż, wara li rċieva l-offerta inizjali ta’ Arriva fil-ħarifa tal-2000, għamel evalwazzjoni tal-għażliet differenti disponibbli għad-Danimarka rigward Combus, jiġifieri stralċ gradwali fuq ħames (5) snin, kontinwazzjoni b’kuntratti aħjar għal sitt (6) snin, kontinwazzjoni għal sena mingħajr rifinanzjament tad-djun, falliment immedjat, u l-offerta li għamlet Arriva sabiex tixtriha. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju, stabbiliti fit-Tabella 5 ta’ din id-deċiżjoni, juru li l-għażla “kontinwazzjoni għal sena” (valur pożittiv ta’ DKK 71 miljun) kienet, bil-bosta, l-iktar waħda attraenti, segwita mill-istralċ gradwali fuq ħames (5) snin (DKK – 331 miljun) u l-kontinwazzjoni b’kuntratti aħjar li jkunu ġodda għal sitt (6) snin (DKK – 315 miljun). Il-bejgħ skont l-offerta inizjali ta’ Arriva kien ivvalutat li jlaħħaq id-DKK – 390 miljun.

(294)

M’hemm l-ebda indikazzjoni li l-Gvern Daniż reġa’ għamel din l-evalwazzjoni wara li l-offerta ta’ Arriva tjiebet. Meta jiġi kkunsidrat li l-ammont investit ta’ flus mill-Gvern Daniż permezz tal-miżura tal-2001, jiġifieri DKK 140 miljun, flimkien ma’ garanziji mhux limitati u garanziji li jilħqu massimu ta’ DKK 58,9 miljun, huwa sostanzjalment ikbar mill-ewwel għażla vvalutata fl-istudju, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Daniżi, meta ddeċidew il-miżuri tal-2001, ma setgħux raġonevolment jistennew li investitur privat kien se jaġixxi bl-istess mod.

(295)

Rigward il-valutazzjoni minn grupp u l-protezzjoni tal-immaġni tal-Gvern Daniż, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti għall-istess raġuni kif għamlet għall-miżuri tal-1999.

(296)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li investitur privat ma kienx jaġixxi bħalma għamel il-Gvern Daniż rigward il-miżura tal-2001.

Applikazzjoni tal-ġurisprudenza Altmark

(297)

Skont is-sentenza Altmark “is-sussidji pubbliċi maħsuba biex ikun jista’ jkun hemm servizzi ta’ trasport skedati f’żoni urbani, suburbani jew reġjonali mhumiex suġġetti għal dik id-dispożizzjoni fejn tali sussidji għandhom jiġu kkunsidrati bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi riċeventi sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku” (46). B’relazzjoni għal dan, il-QEĠ ddefiniet erba’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex sussidju pubbliku jkun jista’ jikkostitwixxi “kumpens għal obbligu ta’ servizz pubbliku”.

(298)

Madankollu, il-QPI, fis-sentenza Combus tagħha, iddikjarat li f’dan il-każ kien hemm mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ma kinitx sodisfatta, peress li l-fatturi li fuq il-bażi tagħhom ġiet ikkalkulata l-miżura ta’ ristrutturar ma kinux ġew stabbiliti b’mod oġġettiv u trasparenti qabel ma ġew konklużi l-kuntratti tas-servizz pubbliku (47).

(299)

Għaldaqstant, il-ġurisprudenza Altmark ma tistax tiġi applikata b’relazzjoni għall-miżura ta’ ristrutturar li l-Gvern Daniż ta lil Combus (48).

Konklużjoni: il-preżenza ta’ vantaġġ

(300)

B’hekk, kemm il-miżura tal-1999 kif ukoll dik tal-2001 ma tawx vantaġġ ekonomiku lil Combus.

6.1.4.   L-EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ U L-KOMPETIZZJONI INTRA-KOMUNITARJI

(301)

Barra minn hekk, biex tikkwalifika bħala għajnuna, il-miżura trid twassal għat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(302)

F’dan ir-rigward, irid jiġi osservat, l-ewwel nett, li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizz ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat tal-oriġini tagħha xorta jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(303)

Fis-sentenza Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “[f]ejn Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, l-għotja ta’ servizzi ta’ trasport minn dik l-impriża għal dik ir-raġuni tista’ tinżamm jew tiżdied bir-riżultat li l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ikollhom inqas ċans li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport tagħhom fis-suq f’dak l-Istat Membru (ara, f’dak ir-rigward, il-Kawża 102/87 Franza vs Il-Kummissjoni [1988] Il-Ġabra p. 4067, paragrafu 19; Il-Kawża C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] Ġabra p. I-1603, paragrafu 26; u Spanja vs Il-Kummissjoni, paragrafu 40)” (49).

(304)

Tabilħaqq, mill-1995, bosta Stati Membri bdew jiftħu b’mod unilaterali ċerti swieq tat-trasport għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, tant li għadd ta’ impriżi diġà qed joffru s-servizzi ta’ trasport f’żoni urbani, suburbani jew reġjonali tagħhom fi Stati Membri oħrajn barra l-Istat tal-oriġini tagħhom (50).

(305)

Fid-Danimarka, id-deregolamentazzjoni tas-suq tal-karozzi tal-linja mill-1990 biddlet in-natura tal-għotja ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja minn suq riservat għal wieħed fejn il-kompetizzjoni bejn l-impriżi hija possibbli. Kemm il-kumpaniji Daniżi kif ukoll kumpaniji oħrajn tal-UE jistgħu jikkompetu biex jipprovdu servizzi li tkun saret sejħa għall-offerti għalihom minn awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali. Fi Stati Membri oħrajn japplikaw kundizzjonijiet simili; pereżempju Arriva topera anki fl-Iżvezja u fl-Olanda.

(306)

Il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-karozzi tal-linja fid-Danimarka u fi Stati Membri oħrajn kienet akkumpanjata, fuq il-livell Komunitarju, mid-Direttiva 92/50/KEE li tobbliga lill-Istati Membri biex jagħmlu sejħiet għall-offerti fuq il-kuntratti tas-servizz pubbliku bil-karozzi tal-linja. Fid-dawl tad-Direttiva 92/50/KEE, il-QEĠ, fil-kawża Concordia, iddeċidiet li l-għan tal-koordinazzjoni fuq il-livell Komunitarju tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa biex ikunu eliminati l-barrieri għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-merkanzija (51).

(307)

Peress li fil-Komunità s-suq tal-karozzi tal-linja huwa parzjalment liberalizzat minħabba d-deċiżjoni unilaterali ta’ bosta Stati Membri li jiftħu s-swieq tal-karozzi tal-linja tagħhom, deċiżjoni li kienet akkumpanjata mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/50/KEE, teżisti kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-suq tal-karozzi tal-linja.

(308)

Konsegwentement, il-miżura ta’ ristrutturar tista’ ttejjeb il-pożizzjoni ta’ Combus u tax-xerrejja tagħha b’relazzjoni għall-kompetituri tagħha fl-UE, biex b’hekk ikunu affettwati kemm il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kif ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.5.   KONKLUŻJONI: IL-PREŻENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(309)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ ristrutturar tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87 (1) tat-Trattat KE.

6.2.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ KOMUNI

6.2.1.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ KOMUNI

(310)

Skont l-Artikolu 87(1) KE, fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni. L-għajnuna mill-Istat f’dan il-każ però tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni skont ir-Regolament Nru (KEE) 1191/69 jew l-Artikolu 87(3)(c) KE, kif ġie speċifikat fil-Linji gwida Komunitarji tal-1999 dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà. F’dan il-każ, mhi applikabbli l-ebda dispożizzjoni oħra dwar il-kompatibbiltà.

6.2.2.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURI TAL-1999 U/JEW TAL-2001 SKONT IR-REGOLAMENT (KEE) NRU 1191/69

(311)

Id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura toffri (il-premessa 90 sa 96) deskrizzjoni qasira għaliex il-miżura ta’ ristrutturar li l-Istat Daniż ta lil Combus ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 73 KE u r-Regolament Nru 1169/91. La l-Gvern Daniż u lanqas partijiet terzi ma kkontestaw ir-raġunament tal-Kummissjoni rigward dan il-punt.

(312)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, għar-raġunijiet stabbiliti fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-miżura ta’ ristrutturar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 73 tal-KE u r-Regolament (KEE) Nru 1169/91.

6.2.3.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURA TAL-1999 SKONT L-ARTIKOLU 87(3)(C) KE

(313)

L-Artikolu 87(3)(c) KE jipprevedi li “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

(314)

Fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà. Il-Kummissjoni adottat il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà oriġinali tagħha fl-1994 (52). Fl-1999 (4) kienet adottata verżjoni ġdida tal-linja gwida segwita mill-verżjoni aħħarija tal-linji gwida fl-2004 (53).

(315)

Rigward l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn il-linji gwida, fil-punti 103 u 104 tal-linji gwida tal-2004 jiġi ddikjarat li: Rigward għajnuna mhux innotifikata:

“Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ kwalunke għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida jekk parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

(316)

Il-punti 100 u 101 tal-linji gwida tal-1999 għandhom l-istess kontenut bħal-linji gwida tal-2004.

(317)

Il-miżura tal-1999 mogħtija lil Combus tikkostitwixxi għajnuna mhux innotifikata. Din ingħatat qabel ma daħlu fis-seħħ il-linji gwida tal-1999. Konsegwentement, għall-miżura tal-1994 japplikaw il-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

(318)

Is-sezzjoni 3.2.2 tal-Linji Gwida tal-1994 dwar ir-Ristrutturar tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin biex tkun awtorizzata għajnuna għar-ristrutturar:

Pjan ta’ ristrutturar: L-għajnuna għar-ristrutturar trid tkun marbuta ma’ programm vijabbli ta’ ristrutturar/irkupru ppreżentat bid-dettalji kollha rilevanti lill-Kummissjoni.

Vijabbiltà ekonomika. Il-vijabbiltà tal-kumpanija trid terġa’ tiġi stabbilita.

It-taffija tal-effetti avversi fuq il-kompetituri. Iridu jittieħdu miżuri sabiex jittaffa kemm jista’ jkun kwalunkwe effett avvers tal-għajnuna fuq il-kompetituri.

Proporzjonalità. L-għajnuna trid tkun proporzjonata għall-ispejjeż u għall-benefiċċji tar-ristrutturar.

Rapport annwali u monitoraġġ. L-Istati Membri jridu jipprovdu rapport annwali dwar l-għajnuna biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja li l-pjan ta’ ristrutturar qed jiġi implimentat kif suppost.

Ta’ darba u tal-aħħar. L-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata darba waħda biss.

Il-pjan ta’ ristrutturar u l-vijabbiltà ekonomika

(319)

Rigward il-pjan ta’ ristrutturar, il-punt 3.2.2.A tal-Linji Gwida tal-1994 dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxi r-rekwiżiti li ġejjin:

“Is-sine qua non tal-pjanijiet kollha ta’ ristrutturar huwa li dawn għandhom jistabbilixxu mill-ġdid il-vijabbiltà u s-saħħa tad-ditta fuq perjodu twil ta’ żmien f’perjodu raġonevoli ta’ żmien u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi rigward il-kundizzjonijiet operattivi futuri tagħha. Konsegwentement, l-għajnuna għar-ristrutturar trid tkun marbuta ma’ programm vijabbli ta’ ristrutturar/irkupru li jitressaq bid-dettalji kollha rilevanti quddiem il-Kummissjoni. Il-pjan għandu jistabbilixi mill-ġdid lid-ditta għall-kompetittività f’perjodu raġonevoli ta’ żmien. It-titjib fil-vijabbiltà jrid ikun prinċipalment ir-riżultat ta’ miżuri interni inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar u jista’ jkun ibbażat biss fuq fatturi esterni bħal żidiet fil-prezzijiet u fid-domanda li fuqhom il-kumpanija ma jkolliex wisq influwenza, jekk is-suppożizzjonijiet tas-suq li jsiru jkunu ġeneralment rikonoxxuti. Ir-ristrutturar b’suċċess għandu jinvolvi l-abbandun tal-attivitajiet li strutturalment qed jagħmlu t-telf.

Sabiex ikun sodisfatt il-kriterju tal-vijabbiltà, il-pjan ta’ ristrutturar irid ikun ikkunsidrat daqslikieku kapaċi jqiegħed lill-kumpanija f’pożizzjoni li tkopri l-ispejjeż kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji u li tiġġenera qligħ minimu fuq il-kapital b’tali mod, li wara li tlesti r-ristrutturar tagħha, id-ditta mhux se teħtieġ iktar injezzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat u se tkun tista’ tikkompeti fis-suq bil-merti tagħha stess.”

(320)

In 1999, prior to the capital injection, Kromann and Münter had presented to the Danish government a plan for achieving the financial turn-around of Combus, and the management of Combus had prepared an operational restructuring plan, formalized in a memo from KPMG. As Denmark considered at the time that the decision respected the private investor principle, it did not submit these documents to the Commission.

(321)

Rigward il-pjan ta’ ristrutturar u l-vijabbiltà ekonomika ta’ Combus, matul il-proċedura tqajmu żewġ kwistjonijiet:

Danske Busvognmaend tikkunsidra li meta saret l-injezzjoni ta’ kapital fl-1999 ma kien disponibbli l-ebda pjan ta’ ristrutturar. Barra minn hekk, Danske Busvognmaend qed issostni li pjan ta’ ristrutturar ma jistax jitfassal tard;

Il-kundizzjonijiet stabbiliti għal pjan ta’ ristrutturar fil-linji gwida tal-1994 ġew sodisfatti?

Il-perjodu ta’ żmien li matulu kien disponibbli l-pjan ta’ ristrutturar

(322)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, rigward il-perjodu ta’ żmien li matulu kien disponibbli l-pjan ta’ ristrutturar, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-eżistenza materjali tal-pjan u s-sottomissjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

(323)

L-eżistenza materjali tal-pjan ta’ ristrutturar. Fi Franza vs Il-Kummissjoni, il-QEĠ iddeċidiet li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li qed jagħti l-għajnuna ta’ ristrutturar ried ikollhom, “meta ngħatat l-għajnuna kkontestata, pjan ta’ ristrutturar li jissodisfa r-rekwiżiti [tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar]” (54). Għal dan il-każ, dan ifisser li kien jeħtieġ li d-Danimarka jkollha pjan ta’ ristrutturar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-1994 dwar ir-Ristrutturar mhux iktar tard minn meta saret l-ewwel injezzjoni ta’ kapital fl-1999.

(324)

Kif ġie deskritt iktar ‘il fuq, l-injezzjoni ta’ kapital fl-1999 kienet ibbażata fuq kalkolu tal-ħtiġijiet kapitali ta’ Combus u fuq pjan ta’ ristrutturar, li tfassal mid-ditta tal-avukati Kromann u Münter u mill-maniġment ta’ Combus. Il-pjan ta’ ristrutturar kien jipprevedi li Combus kellha tirritorna għall-vijabbiltà ekonomika fl-2001, jekk tingħata injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun u jekk il-maniġment tal-kumpanija jimplimenta l-miżuri ta’ ristrutturar previsti. Il-pjan ta’ ristrutturar ifforma l-bażi li fuqha l-Ministeru Daniż tat-Trasport ħejja l-abbozz tal-liġi kunfidenzjali tas-27 ta’ Mejju 1999, li approva l-injezzjoni tal-kapital.

(325)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għar-ristrutturar lil Combus ingħatat biss wara li kien hemm pjan ta’ ristrutturar disponibbli għall-Gvern Daniż. Dan iħalli l-kwistjoni dwar jekk dan il-pjan ta’ ristrutturar jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-1994 dwar ir-Ristrutturar miftuħa.

(326)

Is-sottomissjoni tal-pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni. Kif ġustament osserva l-Gvern Daniż, il-Kummissjoni fis-sottomissjoni tagħha lill-QEĠ fi Franza vs Il-Kummissjoni, iddikjarat li “il-Gvern Franċiż ma ressaqx pjan ta’ ristrutturar kredibbli quddiem il-Kummissjoni” u “[b]arra minn hekk, minn meta nbdew il-proċeduri, l-awtoritajiet Franċiż lanqas ma ressqu xi pjan ta’ din ix-xorta quddiem il-Kummissjoni” (55). Minn din id-dikjarazzjoni, li ma ġietx kontestata mill-Qorti, jirriżulta li l-pjan ta’ ristrutturar jeħtieġ li jkun disponibbli għall-Kummissjoni mhux aktar tard mid-data meta l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha.

(327)

F’dan il-każ, f’April 2007, l-awtoritajiet Daniżi ressqu quddiem il-Kummissjoni total ta’ erba’ noti li kienu jġibu d-dati tas-26 ta’ April 1999, tal-15 ta’ Mejju 1999, u darbtejn tat-18 ta’ Mejju 1999. Tlieta min-noti nkitbu minn Kromann u Münter, u waħda minn KPMG. L-awtoritajiet Daniżi jikkunsidraw li t-tliet noti ta’ Kromann u Münter jikkostitwixxu l-pjan finanzjarju ta’ ristrutturar filwaqt li n-nota ta’ KPMG tikkostitwixxi l-pjan operattiv ta’ ristrutturar.

Il-pjan ta’ ristrutturar jissodisfa r-rekwiżiti tal-linji gwida tal-1994

(328)

Il-Gvern Daniż sostna quddiem il-Kummissjoni li l-erba’ memoranda ta’ Kromann u Münter u ta’ KPMG jikkostitwixxu pjan ta’ ristrutturar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-linji gwida tal-1994.

(329)

Il-Kummissjoni tinnota li l-memorandum ta’ KPMG sempliċiment jerġa’ jsemmi l-ħsibijiet tal-bord u tal-maniġment ta’ Combus, kif ġew deċiżi f’Novembru 1998 u f’April 1999. KPMG tosserva li ma għamlitx eżami tal-baġit, imma mxiet fuq is-suppożizzjonjiet li għamlet Combus. Fi kliem ieħor, KPMG ma vverifikatx jekk is-suppożizzjonijiet li fuqhom kien ibbażat xogħolha kinux realistiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pjan ta’ ristrutturar ma jissodisfax il-kriterju “ibbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi”, għaliex il-Gvern Daniż qatt ma vverifika jekk is-suppożizzjonijiet kinux realistiċi.

(330)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-memorandum ta’ KPMG janalizza biss uħud mill-oqsma ta’ attività ta’ Combus, u jagħmel dan mhux fuq il-bażi tal-kuntratti individwali tal-karozzi tal-linja imma fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet sommarji dwar iż-żoni tal-karozzi tal-linja. B’hekk, il-pjan ta’ ristrutturar mhuwiex komplut għaliex ikopri biss parti mill-attivitajiet ta’ Combus, u mhux biżżejjed dettaljat għaliex mhux ibbażat fuq il-kuntratti individwali li jifformaw il-bażi tan-negozju ta’ Combus.

(331)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta’ ristrutturar proposti la ġew analizzati skont iż-żona tal-karozzi tal-linja u lanqas ma ġew allokati miri individwali biex jiġu ffrankati l-flus lill-miżura ta’ ristrutturar individwali. Barra minn hekk, l-accountants ma vverifikawx jekk l-ammont ta’ spejjeż li l-maniġment kien qed jistenna li se jiffranka kienx realistiku.

(332)

It-tliet dokumenti li jikkonċernaw ir-ristrutturar finanzjarju bl-ebda mod ma jindirizzaw ir-ristrutturar operattiv. B’hekk, ma jistgħux jirrimedjaw għall-partijiet nieqsa fil-memorandum ta’ KPMG.

(333)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-erba’ dokumenti ppreżentati mid-Danimarka bħala pjan ta’ ristrutturar ma jissodisfawx il-kundizzjonjiet stabbiliti fil-linji gwida tal-1994 għal pjan ta’ ristrutturar.

Konklużjoni dwar il-miżura tal-1999

(334)

L-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturar li jissodisfa r-rekwiżiti tal-linji gwida hija kundizzjoni sine qua non għall-approvazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturar. B’hekk, u mingħajr ma teżamina l-kriterji l-oħra, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tal-1999 ma tistax tiġi awtorizzata fuq il-bażi tal-Linji Gwida tal-1994 dwar ir-Ristrutturar.

6.2.4.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURA TAL-2001 SKONT L-ARTIKOLU 87(3)(C) KE

(335)

L-Artikolu 87(3)(c) KE jipprevedi li “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

(336)

Fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà. Il-Kummissjoni adottat il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà oriġinali tagħha fl-1994 (56). Fl-1999 (57) kienet adottata verżjoni ġdida tal-linja gwida segwita mill-verżjoni aħħarija tal-linji gwida fl-2004 (58).

(337)

Rigward l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dawn il-linji gwida, fil-punti 103 u 104 tal-linji gwida tal-2004 jiġi ddikjarat li: Rigward l-għajnuna nnotifikata:

“In-notifiki rreġistrati mill-Kummissjoni qabel l-10 ta’ Ottubru 2004 se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ fi żmien in-notifika.”

(338)

Il-punti 100 u 101 tal-linji gwida tal-1999 għandhom l-istess kontenut bħal-linji gwida tal-2004.

(339)

Il-miżura tal-2001 mogħtija lil Combus tikkostitwixxi għajnuna nnotifikata. Din kienet innotifikata qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida tal-2004 u wara d-dħul fis-seħħ tal-linji gwida tal-1999. Konsegwentement, għall-miżura tal-1999 japplikaw il-Linji Gwida tal-2001 dwar ir-Ristrutturar.

(340)

Is-sezzjoni 3.2 tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin biex tkun awtorizzata l-għajnuna għar-ristrutturar:

Il-kumpanija trid tikkwalifika bħala kumpanija f’diffikultà fit-tifsira tal-Linji Gwida.

Il-vijabbiltà tal-kumpanija trid terġa’ tiġi stabbilita. Għalhekk, l-għoti tal-għajnuna jiddependi fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni. Il-kumpanija trid timplimenta b’mod sħiħ il-pjan ta’ ristrutturar.

Iridu jittieħdu miżuri sabiex jittaffa kemm jista’ jkun kwalunkwe effett avvers tal-għajnuna fuq il-kompetituri.

L-għajnuna trid tkun limitata għal ammont minimu u jkun mistenni li l-benefiċjarju jagħti kontribuzzjoni sinifikanti.

L-Istati Membri jridu jipprovdu rapport annwali dwar l-għajnuna biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja li l-pjan ta’ ristrutturar qed jiġi implimentat kif suppost.

L-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata darba waħda biss.

Combus bħala ditta f’diffikultà

(341)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni stabbiliet li Combus kienet ditta f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar. La l-Gvern Daniż u lanqas Danske Busvognmaend ma kkontestaw din il-konklużjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li Combus kienet ditta f’diffikultà.

Il-pjan ta’ ristrutturar u l-istabbiliment mill-ġdid ta’ vijabbiltà fuq perjodu twil ta’ żmien

(342)

L-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar jiddependi mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni fil-każ tal-miżuri kollha ta’ għajnuna individwali. Għalhekk, l-għajnuna għar-ristrutturar trid tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturar vijabbli li l-Istat Membru jrid jimpenja ruħu li jwettaq (59).

(343)

B’mod partikolari, il-pjan ta’ ristrutturar jrid jinkludi:

Stħarriġ tas-suq.

Deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li wasslu lill-kumpanija biex tesperjenza diffikultajiet, biex b’hekk tkun ipprovduta bażi biex ikun ivvalutat jekk il-miżuri proposti humiex xierqa. Din trid tagħti possibbiltà lid-ditta biex tevolvi lejn struttura ġdida li toffrilha prospetti għal vijabbiltà fuq perjodu twil ta’ żmien u tagħtiha l-possibbiltà biex terġa’ tieqaf fuq saqajha.

Deskrizzjoni tat-tibdil li se jagħti possibbiltà lill-kumpanija, wara li tlesti r-ristrutturar tagħha, li tkopri l-ispejjeż kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji. Il-qligħ mistenni fuq il-kapital jrid ikun biżżejjed biex id-ditta ristrutturata tkun tista’ tikkompeti fis-suq bil-merti tagħha stess.

(344)

Il-Gvern Daniż għadda l-pjan ta’ ristrutturar għal Combus lill-Kummissjoni fit-8 u fit-23 ta’ Jannar 2001 (ara d-deskrizzjoni dettaljata fil-parti II).

(345)

Rigward il-pjan ta’ ristrutturar tal-2001 u l-vijabbiltà ekonomika ta’ Combus, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura, qajmet dubji rigward il-vijabbiltà ekonomika ta’ Combus.

(346)

Il-punti 31 sa 34 tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar f’dan ir-rigward jistabbilixxu li l-pjan ta’ ristrutturar “għandu jistabbilixxi mill-ġdid il-vjabbiltà tad-ditta fuq perjodu ta’ żmein raġonevoli u fuq il-bażi ta’ assunzjonjiet realistiċi dwar il-kondizzjonijiet futuri li fihom se topera d-dittau wkoll“[i]t-titjib fil-vijabbiltà jrid jirriżulta prinċipalment minn miżuri interni inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar u jista’ jkun ibbażat fuq fatturi esterni bħal varjazzjonijiet fil-prezz u domanda li fuqha l-kumpanija ma jkollha l-ebda influwenza jekk is-suppożizzjonijiet tas-suq li jsiru jiġu ġeneralment irrikonoxxuti”. Ir-ristrutturar irid jinvolvi “l-abbandun ta’ attivitajiet li kieku jibqgħu jwasslu għal telf strutturali anke wara r-ristrutturar”.

(347)

Fis-sottomissjoni tagħha, Danske Busvognmaend tikkunsidra li Combus ma kinitx ekonomikament vijabbli bħala kumpanija pubblika, imma biss wara li nbiegħet lil Arriva.

(348)

Fis-sentenza Combus tagħha, il-QPI kkonkludiet li “ir-raġunament tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala li jesprimi dubju serju dwar il-vijabbiltà ta’ Combus għall-finijiet ta’ dak l-Artikolu [jiġifieri l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE] u l-Linji Gwida, dubju li però l-Kummissjoni, ma ħassitx li kellha tiċċara peress li l-Artikolu 73 donnu kien bażi legali suffiċjenti għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni. Peress li d-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax tiġi invokata b’dan il-mod […], il-ħlas ta’ DKK 300 miljun m’għadux iktar validament awtorizzat fid-deċiżjoni kkontestata. (…) Konsegwentement, il-vijabbiltà ta’ Combus bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala stabbilita (60)”.

(349)

Dawn id-dubji, li l-Kummissjoni spjegathom fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura (il-premessi 106 sa 109), kienu marbutin mal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet il-vijabbiltà ekonomika ta’ Combus mingħajr il-parti tal-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni kienet awtorizzat, fid-deċiżjoni inizjali tagħha, bħala kumpens għal servizz pubbliku. Peress li l-QPI ddeċidiet li din l-għajnuna ma setgħetx tkun awtorizzata bħala kumpens għal servizz pubbliku, hija kkonkludiet li l-vijabbiltà ekonomika ta’ Combus ma baqgħetx iktar stabbilita fid-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni.

(350)

Kif ġustament josserva l-Gvern Daniż, il-QPI ma għamlitx analiżi ekonomika tal-pjan ta’ ristrutturar sabiex tannulla d-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni. Anzi, ir-raġunament huwa wieħed formali u loġiku: peress li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali tagħha kienet ikkonkludiet dwar il-kwistjoni tal-vijabbiltà ekonomika fuq il-bażi tal-parti tal-għajnuna li kienet awtorizzat fuq il-bażi tal-Artikolu 73 tat-Trattat tal-KE (DKK 328 miljun) bħala kumpens għal kuntratti tas-servizz pubbliku, u peress li l-QPI kienet sabet li din l-għajnuna ma setgħetx tkun awtorizzata fuq din il-bażi legali, hija kkonkludiet li l-ħlas ta’ din il-parti tal-għajnuna ma kienx iktar awtorizzat b’mod validu u b’hekk ir-raġunament li wassal għall-konklużjoni tal-vijabbiltà ekonomika loġikament spiċċa mingħajr bażi.

(351)

Tabilħaqq, fid-deċiżjoni inizjali tagħha, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li DKK 328 miljun minn DKK 490 miljun kienu jikkostitwixxu kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku, u kienu biss DKK 162 miljun li marru għall-għajnuna għar-ristrutturar (61). Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li:

“Meta jiġu kkunsidrati l-miżuri ta’ ristrutturar u l-għajnuna mill-Istat li diġà ġew diskussi taħt ir-Regolament 1191/69, jista’ jitqies li Combus reġgħet lura għall-vijabbiltà. Madankollu, din il-vijabbiltà, mhix konformi – fis-sens strett tat-terminu – mal-linji gwida għaliex tiddependi fuq għajnuna oħra mill-Istat.”

(352)

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-miżuri tal-1999 u tal-2001 bħala żewġ miżuri separati. Fis-sezzjoni preċedenti ġie konkluż li l-miżura tal-1999, ta’ żieda fil-kapital ta’ DKK 200 miljun u ta’ self subordinat ta’ DKK 100 miljun, kienet għajnuna illegali u li mhix kompatibbli mal-għajnuna mill-Istat li kellha tiġi rkuprata mingħand Combus. B’hekk, Combus ma setgħetx tistrieħ fuq dawn il-flus biex tipprova li reġgħet saret ekonomikament vijabbli.

(353)

Anki jekk l-għajnuna totali (62), prevista mill-miżuri tal-1999 u tal-2001 flimkien, setgħet tagħti l-possibbiltà lil Combus li mill-2006 terġa’ ssir vijabbli (ara l-previżjoni tal-fatturat u tal-profitti fit-Tabella 7 iktar ‘il fuq), il-fatt li terġa’ ssir vijabblli mhuwiex realistiku jekk Combus ikollha tħallas lura DKK 300 miljun lill-Gvern Daniż għaliex dawn il-flus jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat.

(354)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li anki li kieku seta’ jkun mistenni li Combus terġa’ ssir ekonomikament vijabbli sal-2006, fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat fl-2001, dan ma kienx iktar realistiku ladarba l-miżuri tal-1999 kienu jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat.

(355)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta’ ristrutturar ma jiżgurax li Combus terġa’ ssir vijabbli għaliex huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni inkorretta li Combus ma tridx tħallas lura lill-Gvern Daniż l-għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat li rċeviet fl-1999.

L-evitar ta’ kwalunkwe tagħwiġ mhux xieraq tal-kompetizzjoni

(356)

Il-punti 35 sa 39 tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

“(ċ)   L-evitar ta’ tagħwiġ mhux neċessarju fil-kompetizzjoni

(35)

Għandhom jittieħdu miżuri biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi li l-għajnuna tista’ tħalli fuq il-kompetituri. Jekk ma jsirx hekk, l-għajnuna għandha titqies ‘kontra l-interess komuni’ u għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni.

(36)

Din il-kondizzjoni ġeneralment tieħu l-forma ta’ limitazzjoni dwar il-preżenza li l-kumpanija jista’ jkollha fis-suq jew swieq tagħha wara t-tmiem tal-perjodu tar-ristrutturar.

[…]

(37)

Il-limitazzjoni obbligatorja jew it-tnaqqis tal-preżenza tal-kumpannija fis-suq/swieq rilevanti tirrappreżenta fattur li jagħmel tajjeb għal dak li setgħu tilfu l-kompetituri. Għandha tkun fi proporzjon mal-effetti ta’ tagħwiġ ikkawżati mill-għajnuna u, b’mod partikolari, għall-importanza relattiva tad-ditta fis-suq jew swieq tagħha. Il-Kummissjoni tiddetermina l-kobor tal-limitazzjoni jew tnaqqis fuq il-bażi ta’ stħarriġ tas-suq li jkun mehmuż mal-pjan strutturali u, fejn il-proċedura tkun inbdiet, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija minn partijiet interessati. It-tnaqqis fil-preżenza tad-ditta għandu jidħol fis-seħħ permezz tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-kondizzjonijiet li jista’ jkun hemm fih.

(…)

(39)

Miżuri obbligatorji jistgħu jieħdu forom differenti skont jekk id-ditta hiex topera f’suq fejn hemm eċċess fil-kapaċità. […] fejn, min-naħa l-oħra, m’hemmx eċċess strutturali fuq livell Komunitarju jew taż-ŻEE fil-kapaċità produttiva f’suq servut mir-reċipjent, il-Kummissjoni xorta teżamina jekk ikunx hemm bżonn miżuri kompensatorji. Fejn miżuri kompensatorji bħal dawn jinvolvu tnaqqis fil-kapaċità tad-ditta involuta, ir-riduzzjoni neċessarja tista’ tintlaħaq billi jiġu trasferiti għal sezzjoni jew ditta oħra attiv (‘assets’) jew sussidjarji. Il-Kummissjoni trid teżamina l-miżuri obbligatorji proposti mill-Istat Membru konċernat, jieħdu liema forma jieħdu, u tiddetermina jekk humiex suffiċjenti fl-iskop tagħhom biex jagħmlu tajjeb għall-effetti distortivi potenzali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni. Fl-eżami tal-miżuri kompensatorji neċessarji, l-Kummissjoni tikkunsidra l-Istat tas-suq, u b’mod partikolari l-livell tat-tkabbir u sakemm u kif id-domanda qiegħda tintlaħaq.”

(357)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura (il-paragrafi 110 sa 115), il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ jiġġustifikaw il-fatt li ma tittieħed l-ebda miżura biex jittaffa kwalunkwe effett avvers tal-għajnuna fuq il-kompetituri.

(358)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni pprevediet il-possibbiltà li Combus tqiegħed parti mill-kuntratti tas-servizz pubbliku tagħha fuq is-suq. Il-kuntratti tas-servizz pubbliku ta’ Combus skadew b’mod gradwali. Tabilħaqq, sa tmiem l-2003, madwar 50 % tal-kuntratti, imkejla f’termini ta’ valur kuntrattwali, kienu skedati li jiskadu. L-aħħar kuntratt skada fl-2006.

(359)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tinbeda l-proċedura (il-premessa 113), il-Kummissjoni enfasizzat li huwa importanti li jiġu vvalutati l-effetti possibbli mhux xierqa fuq il-kompetizzjoni ex tunc, jiġifieri fil-waqt meta tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar.

(360)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni argumentat li Combus setgħet itterminat il-kuntratti tas-servizz pubbliku tagħha skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, u li dan seta’ jikkostitwixxi miżura kumpensatorja xierqa.

(361)

Fit-tweġiba għall-ewwel ittra, id-Danimarka tiċħad li kien hemm din il-possibbiltà. Tabilħaqq, l-Artikolu 14(4) jistabbilixxi:

“Kull intrapriża li beħsiebha li ma tibqax jew li tagħmel modifiki sostanzjali lil kull servizz ta’ trasport li tipprovdi lill-pubbliku fuq bażi kontinwa u regolari u li ma tkunx koperta bis-sistema tal-kuntratt jew l-obbligazzjoni ta’ servizz pubbliku għandha tavża lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b’dan mill-inqas tliet xhur bil-quddiem. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux din in-notifika. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax proċeduri oħra nazzjonali applikabbli dwar intitolament biex jiġu tterminati jew immodifikati servizzi tat-trasport”  (63).

(362)

B’hekk, skont l-Artikolu 14(4), servizz tat-trasport jista’ jiġi tterminat biss jekk is-servizz tat-trasport ma jkunx kopert mis-sistema kuntrattwali jew mis-sistema ta’ obbligi imposti ta’ servizz pubbliku. Jidher ċar mill-fatti ta’ dan il-każ li l-kuntratti ta’ Combus kienu koperti mis-sistema kuntrattwali (64). Li kieku Combus itterminat il-kuntratti tas-servizz pubbliku tagħha b’mod unilaterali, kienet tiffaċċja kawżi ta’ responsabbiltà ċivili min-naħa tal-awtoritajiet muniċipali u reġjonali, li magħhom kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti.

(363)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-argument tal-Gvern Daniż, jiġifieri li Combus ma setgħetx tittermina l-kuntratti tagħha skont l-Artikolu 14(4), huwa validu.

(364)

Minkejja dan, il-Kummissjoni tosserva li ovvjament kien possibbli li Combus tbigħ il-kuntratti tas-servizz pubbliku, peress li Arriva biegħet madwar 50 % tal-kuntratti lil Connex ftit xhur biss wara li akkwistat lil Combus.

(365)

Meta ngħatat l-għajnuna għar-ristrutturar, Combus ma kinitx obbligata mill-Gvern Daniż li ċċedi mqar kuntratt wieħed tas-servizz pubbliku, imma setgħet iżżomm il-kuntratti kollha tagħha. Mill-memoranda ppreparati mill-konsulent finanzjarju tal-Gvern Daniż, Alfred Berg, jirriżulta li dan sar apposta, peress li kien mistenni li l-bejgħ en bloc kien se jagħti lok għal prezz ogħla tal-bejgħ.

(366)

Għall-valutazzjoni tal-fajl, huwa għal kollox irrilevanti li Combus ġiet effettivament maqsuma fi tnejn minħabba li nbiegħu 50 % tal-assi tagħha lil Connex f’Mejju 2001. Għar-raġunijiet li diġà ġew spjegati fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura investigattiva, din il-qasma ma tistax titqies per se bħala miżura kumpensatorja suffiċjenti (65), peress li Arriva ma kinitx legalment obbligata, skont it-termini tal-kuntratti tal-bejgħ, li tbigħ parti mill-assi tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ ma seħħx permezz ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u ġusta imma permezz ta’ negozjati esklussivi bejn Arriva u Connex.

(367)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-Danimarka ma ħadet l-ebda miżura kumpensatorja biex tevita kull tgħawwiġ mhux xieraq tal-kompetizzjoni, u dan minkejja l-fatt li kienet teżisti mill-inqas possibbiltà waħda għal tali miżuri, jiġifieri l-bejgħ ta’ ċertu sehem mill-kuntratti tas-servizz pubbliku ta’ Combus lil kompetituri permezz ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u ġusta.

(368)

Fid-dawl tas-sehem importanti li kemm Combus kif ukoll Arriva kellhom fis-suq Daniż tal-karozzi tal-linja fiż-żmien meta nbiegħet Combus, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas għal kollox ta’ miżuri kumpensatorji ħoloq tgħawwiġ mhux xieraq tal-kompetizzjoni fis-suq Daniż tal-karozzi tal-linja. B’hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura tal-2001 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 35 sa 39 tal-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar.

Konklużjoni: L-inkompatibbiltà tal-miżuri tal-2001

(369)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri tal-2001 naqsu milli jissodisfaw mill-inqas tnejn mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida tal-1999 dwar ir-Ristrutturar, jiġifieri l-kundizzjoni tal-“vijabbiltà ekonomika” u l-kundizzjoni tal-“evitar ta’ tagħwiġ mhux neċessarju fil-kompetizzjoni”.

(370)

B’hekk, m’hemmx għalfejn jiġu analizzati l-kundizzjonijiet li baqa’ biex ikun konkluż li l-miżuri tal-2001 mhumiex kompatibbli mas-suq komuni.

6.3.   KONKLUŻJONI: IL-MIŻURI TAL-1999 U TAL-2001 JIKKOSTITWIXXU GĦAJNUNA MILL-ISTAT INKOMPATIBBLI

(371)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri tal-1999 u tal-2001 li ġew implimentati mid-Danimarka favur Combus huma inkompatibbli mas-suq komuni taħt l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat.

7.   L-IRKUPRU

(372)

L-Artikolu 14 tar-Regolament 659/1999/KE jistipula:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”

(373)

B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-irkupru f’dan il-każ imurx kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. F’dan il-każ, tinqala’ l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni, li awtorizzat il-miżuri tal-1999 u tal-2001, setgħetx ħolqot aspettattivi leġittimi għal Combus.

(374)

Fid-Deċiżjoni tagħha Nru 2005/786/KE tat-2 ta’ Marzu 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja implimentat għal Chemische Werke Piesteritz (66), il-Kummissjoni ddeċidiet li fejn deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni tiġi impunjata fil-limiti ta’ żmien preskritti u tiġi annullata mill-QPI, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ma jeskludix l-irkupru.

(375)

Konklużjoni differenti minn din trendi ineffettiv l-istħarriġ li għamlu l-qrati Komunitarji skont l-Artikolu 220, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 u l-Artikolu 233 tat-Trattat KE dwar il-legalità tal-miżuri adotatti mill-istituzzjonijiet Komunitarji.

(376)

L-għajnuna illegali u inkompatibbli trid tiġi rkuprata mingħand l-impriżi li tabilħaqq ibbenefikaw minnha (67). L-għajnuna illegali u inkompatibbli trid tiġi rkuprata mingħand l-impriżi li tabilħaqq ibbenefikaw minnha.

(377)

F’dan il-każ, jidher ċar li wieħed mill-benefiċjarji tal-għajnuna kien Combus, li tkompli teżisti. Imbagħad tinqala’ l-kwistjoni jekk l-irkupru jeħtieġx li jiġi estiż għal impriżi oħrajn. F’dan il-każ, l-ishma ta’ Combus inbiegħu lil Arriva Denmark a/s, u Combus saret 100 % kumpanija sussidjarja ta’ Arriva Denmark a/s.

(378)

Wara dik it-tranżazzjoni, Combus biegħet l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha fuq il-kotba tagħha lil kumpanija oħra li hija 100 % sussidjarja ta’ Arriva Denmark a/s, jiġifieri Arriva Scandinavia a/s, għal sehem wieħed f’Arriva Scandinavia b’valur nominali ta’ DKK 1 000. Wara din it-tranżazzjoni, Arriva Scandinavia a/s biegħet madwar 50 % tal-assi ta’ Combus lil Connex.

(379)

L-għoti ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli b’hekk kienet segwita minn ftehim ta’ negozju dwar ishma u mbagħad minn żewġ ftehimiet ta’ negozju sussegwenti dwar l-assi. Il-paragrafi li ġejjin jistabbilixxu l-impatt tal-ftehimiet ta’ negozju fuq l-irkupru tal-għajnuna.

7.1.   IL-FTEHIM TA’ NEGOZJU DWAR L-ISHMA BEJN ARRIVA DENMARK A/S U L-ISTAT DANIŻ

(380)

Il-Qrati Ewropej taw xi gwida dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-obbligu tal-irkupru jrid jiġi estiż għal kumpaniji oħrajn barra l-benefiċjarju oriġinali tal-għajnuna illegali u inkompatibbli. Rigward it-trasferiment tal-ishma ta’ kumpanija li kellha tirrimborsa għajnuna illegali u inkompatibbli (ftehimiet ta’ negozju dwar l-ishma), il-QEĠ iddeċidiet li l-bejgħ tal-ishma f’tali kumpanija lil parti terza ma jaffetwax l-obbligu tal-benefiċjarju li jirrimborsa tali għajnuna (68). Meta jista’ jiġi stabbilit li x-xerrej tal-ishma ħallas il-prezz tas-suq li kien jeżisti għall-ishma ta’ dik il-kumpanija, ma jistax jitqies li hu bbenefika minn vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (69).

(381)

F’dan il-każ, il-bejgħ ta’ Combus lil Arriva Denmark a/s kien jikkostitwixxi ftehim ta’ negozju dwar ishma ta’ din ix-xorta. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk Arriva Denmark a/s ħallsitx il-prezz tas-suq għal Combus.

(382)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li qabel il-bejgħ kien hemm sejħa għall-offerti pubblika li kienet trasparenti, miftuħa u mhux diskriminatorja, u Arriva Denmark a/s kienet tefgħet l-aħjar offerta. Dan jikkostitwixxi l-ewwel indikazzjoni qawwija li Arriva Denmark a/s tabilħaqq ħallset il-prezz tas-suq għal Combus.

(383)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lil espert finanzjarju indipendenti, Ecorys Netherlands BV (minn issa ‘l quddiem: “Ecorys”) biex jivvaluta l-valur finanzjarju ta’ Combus fi żmien il-bejgħ lil Arriva Denmark a/s. Fuq din il-biċċa xogħol, Ecorys Netherlands BV ikkoopera ma’ Cowi a/s, konsulent Daniż indipendenti fil-qasam tat-trasport.

(384)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni għal Combus, li tħejja minn Ecorys, huwa bbażat fuq il-metodu tal-likwidità skontata, prattika standard biex ikunu vvalutati l-kumpaniji. Il-valur ta’ Combus kien ivvalutat sal-1 ta’ Jannar 2001, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien għax-xerrejja, jiġifieri Arriva Denmark a/s. L-informazzjoni tinkludi b’mod partikolari r-rapporti ta’ diliġenza xierqa stabbiliti għal Arriva Denmark a/s u l-materjal li kien disponibbli fil-kamra tad-dejta matul id-diliġenza xierqa.

(385)

Ecorys stabbilixxa tliet ipoteżi: inferjuri, ta’ bażi u superjuri. Dawn ix-xenarji ġew iddefiniti kif ġej:

“Fl-ipoteżi ta’ Bażi, wieħed jassumi li l-livell tal-fatturat ta’ Combus se jibqa’ stabbli, l-effiċjenza operattiva se titjieb bi ftit b’1 % fis-sena u se jsiru investimenti għas-sostituzzjoni tal-karozzi tal-linja l-qodma (tmien (8) snin għall-karozzi tal-linja li jintużaw f’żoni urbani, 12-il sena għall-oħrajn). Il-banek ikunu lesti jiffinanzjaw 50 % tal-ħtiġijiet finanzjarji.

Fl-ipoteżi Inferjuri, id-daqs tas-suq jibqa’ stabbli, imma Combus mhux se jirnexxielha tirbaħ sejħiet għall-offerti ġodda u l-fatturat se jonqos. B’hekk, ma jkun meħtieġ l-ebda investiment ġdid peress li l-karozzi tal-linja żejda se jissostitwixxu lill-qodma. Barra minn hekk, wieħed jassumi li l-banek ikunu lesti li jiffinanzjaw biss 25 % mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament.

Fl-ipoteżi Superjuri, wieħed jassumi li l-fornituri tad-djun ikunu lesti jħassru għal DKK 340 miljun fid-data tat-tranżazzjoni. Id-daqs tas-suq se jiżdied b’mod temporanju minħabba l-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti rigward il-kuntratt fir-reġjun ta’ Aarhus u Odense u peress li s-sehem mis-suq ta’ Combus se jibqa’ stabbli, il-fattur se jiżdied bi ftit, jiġfieri b’1 % fis-sena. Combus se tkun tista’ ttejjeb l-indikaturi tar-rendiment operattiv sa standards industrijali, u dan jirriżulta f’żieda fl-effiċjenza operattiva u tnaqqis fl-ispejjeż. Ikunu meħtieġa investimenti sabiex jiġu sostitwiti l-karozzi tal-linja l-qodma u biex jiżdied l-għadd ta’ karozzi tal-linja. Il-banek ikunu lesti jiffinanzjaw 50 % mill-ħtiġijiet finanzjarji.”

(386)

Fir-rapport ta’ valutazzjoni tiegħu, Ecorys jagħmel distinzjoni bejn il-valur tad-ditta u l-valur tal-ishma ta’ Combus. Il-valur tad-ditta huwa ddefinit bħala l-valur ta’ Combus bħala kumpanija jekk wieħed jassumi finanzjament effiċjenti (konformi ma’ kumpaniji simili). Il-valur tal-ishma jikkorrispondi għall-valur tal-ishma ta’ Combus, meta jiġi kkunsidrat il-finanzjament effettiv. Rigward il-valur tad-ditta, Ecorys jikkonkludi:

“L-analiżi turi li, sa Jannar 2001, il-valur ta’ Combus bħala kumpanija huwa ta’ bejn DKK 567 miljun fin-negattiv [każ baxx] u DKK 1 297 miljun fil-pożittiv [każ għoli], bl-aktar valur probabbli jkun ta’ DKK 426 miljun [każ bażi].

Dan jindika li Combus bħala kumpanija hija minnha nfisha vijabbli jekk wieħed jassumi finanzjament effiċjenti (konformi ma’ kumpanija paragunabbli), għalkemm biex jinkiseb il-qligħ mistenni għandhom jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet huma:

1.

Combus trid iżżomm għall-inqas livell ta’ fatturat paragunabbli – mhux kundizzjoni irrealistika meta jiġi kkunsidrat l-istatus tagħha dak iż-żmien bħala l-kumpanija fuq quddiem nett f’dak is-suq. Preferibbilment, il-kuntratti individwali tagħha għandhom irendu l-qligħ, għalkemm dan mhux prerekwiżit peress li l-prinċipju ewlieni għall-ottimizzazzjoni tal-profitti huwa jekk id-dħul marġinali jeċċedix l-ispejjeż marġinali. Il-profitabbiltà ta’ kuntratt jeħtieġ li tiġi vvalutata minn dan il-prinċipju ekonomiku. Din l-analiżi tmur lil hinn mill-ambitu tal-istudju sottostanti.

2.

Kundizzjoni oħra li għandha tiġi sodisfatta hija li Combus jeħtieġ li ttejjeb l-effiċjenza operattiva tagħha u ġġibha iktar konformi mal-istandards industrijali. Għal darb'oħra, din mhix kundizzjoni irrealistika meta jiġi kkunsidrat li l-bidla reċenti fl-istatus tal-impjegati tagħha tejbet il-flessibbiltà operattiva u tat il-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż.”

(387)

Rigward il-valur tal-ishma, Ecorys jikkonkludi:

“Il-valur tal-ishma ta’ Combus dak iż-żmien [jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2001] kien bejn DKK 845 fin-negattiv [każ baxx] u DKK 140 miljun fil-pożittiv [każ għoli], bl-iktar valur probabbli ikun ta’ DKK 543 miljun fin-negattiv [każ bażi].

Ir-raġuni prinċipali għaliex il-valur tal-ishma huwa ferm inqas mill-valur tad-ditta huwa li l-valur tad-ditta jassumi finanzjament effiċjenti. Madankollu, it-tkabbir mgħaġġel fin-negozju ta’ Combus kien iffinanzjat b’mod ferm ineffiċjenti, prinċipalment permezz ta’ dejn, li wassal għal aġġustament li żgur li mhux paragunabbli mal-istandards industrijali.”

(388)

Arriva Denmark a/s akkwistat lil Combus bi prezz negattiv tax-xiri ta’ DKK 340 miljun. B’hekk, hija aċċettat li tħallas prezz li kien DKK 203 miljun ogħla mill-iktar valur probabbli. Ecorys jispekula dwar il-motivazzjoni ta’ Arriva u josserva li:

“Mid-dehra, Arriva kienet konvinta li kien se jirnexxielha tikseb it-titjib fir-rendiment operattiv u żżomm il-livell tal-fatturat, saħansitra lil hinn mill-iktar valur probabbli ta’ DKK 534 miljun fin-negattiv kif ġie vvalutat f’dan l-istudju. Wisq probabbli, Arriva stenniet qligħ possibbli mis-sinerġija li ma kienx ivvalutat f’dan l-istudju.”

(389)

Meta jiġi kkunsidrat dak li ngħad iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li x-xerrejja tal-ishma ta’ Combus, Arriva Denmark a/s, ħallset mill-inqas il-prezz tas-suq li kien jeżisti għall-ishma. Għaldaqstant, hija ma tistax titqies bħala li bbenefikat minn vantaġġ li jista’ jikkwostitwixxi għajnuna mill-Istat.

7.2.   IL-FTEHIM TA’ NEGOZJU DWAR L-ASSI BEJN COMBUS U ARRIVA SCANDINAVIA A/S

(390)

Il-QEĠ tikkunsidra li l-ordni ta’ rkupru tista’ tiġi estiża għal impriża terza, jekk din l-impriża tkun ġiet stabbilita sabiex tevita l-ordni ta’ rkupru (70). Każijiet tipiċi ta’ dan l-evitar huma l-każijiet fejn it-trasferiment ma jirrifletti l-ebda loġika ekonomika għajr f’każijiet fejn l-ordni ta’ rkupru ma tibqax valida (71). Kif tosserva l-QEĠ, “dan huwa l-każ meta, wara investigazzjoni jew deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-assi u l-passivi tad-ditta bħala negozju avvjat jiġu ttrasferiti għand ditta oħra li tkun ikkontrollata mill-istess persuni bi prezzijiet taħt il-prezz tas-suq jew permezz ta’ proċeduri li jkunu nieqsa mit-trasparenza. L-għan ta’ tranżazzjoni ta’ din ix-xorta jista’ jkun li l-assi jitqiegħdu f’sitwazzjoni ‘il bogħod mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u biex l-attività ekonomika inkwistjoni tkompli b’mod indefinit” (72).

(391)

Jekk il-Kummissjoni ssib li ftehim ta’ negozju dwar assi għandu l-għan li jevita l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, il-ftehim għandu jesiġi li l-irkupru ma jkunx ristrett għad-ditta oriġinali imma jkun estiż għad-ditta li tkompli l-attività tad-ditta oriġinali, billi jintużaw il-mezzi tal-produzzjoni ttrasferiti f’każijiet fejn ċerti elementi tat-trasferiment jidentifikaw kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ ditti. L-analiżi tal-fatt li jeżisti evitar tal-obbligu li tali għajnuna tiġi rkuprata hija bbażata fuq sett ta’ kriterji oġġettivi, inklużi l-iskop tat-trasferiment (assi u obbligazzjonijiet, kontinwità tal-forza tax-xogħol, assi f’daqqa, eċċ), il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tal-proprjetarji tad-ditta li qed tagħmel l-akkwist u tad-ditta oriġinali, il-waqt li fih twettaq it-trasferiment (wara li bdiet l-investigazzjoni, il-bidu tal-proċedura jew id-deċiżjoni finali), u fl-aħħar nett, il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (73).

(392)

Dan ġie kkonfermat mill-QPI f’sentenza li ngħatat fl-1 ta’ Lulju 2009 fil-Każ nru T-291/06 Operator ARP vs Il-Kummissjoni (74) fejn ġie ddikjarat li l-estensjoni tal-grupp ta’ entitajiet li huma meħtieġa jħallsu lura l-għajnuna tista’ tkun iġġustifikata biss jekk it-trasferiment tal-assi jwassal għar-riskju li jkunu evitati l-effetti tal-ordni ta’ rkupru u, b’mod partikolari jekk, minħabba t-teħid ta’ kontroll tal-assi, il-benefiċjarju oriġinali tal-għajnuna jitħalla bħal “qoxra vojta” minn fejn ma jkunx possibbli li jinkiseb il-ħlas lura tal-għajnuna illegali.

(393)

Fl-avviż tagħha “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (75), il-Kummissjoni ddikjarat li sakemm l-għajnuna ma tkunx ġiet irkuprata kollha, l-Istat Membru kkonċernat għandu jopponi kwalunkwe trasferment ta’ assi li ma jitwettaqx skont it-termini tas-suq u/jew li jkun organizzat b’tali mod li jevita d-deċiżjoni tal-irkupru.

(394)

Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat, permezz tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, jekk il-ftehim ta’ negozju dwar l-assi bejn Combus u Arriva Scandinavia a/s kellux l-għan li jevita l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat.

(395)

Il-Kummissjoni tinnota li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha kienu ttrasferiti bħala negozju avvjat u li t-trasferiment sar bejn żewġ kumpaniji kkontrollati mill-istess kumpanija ewlenija, Arriva Denmark. Barra minn hekk, it-trasferiment sar disat (9) ijiem wara l-ftehim ta’ negozju dwar l-ishma bejn l-Istat Daniż u Arriva Denmark a/s.

(396)

Għalkemm dawn l-indikazzjonijiet huma rilevanti f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li fiż-żmien meta saret it-tranżazzjoni, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni biex ma tqajjimx oġġezzjonijiet rigward il-miżuri nnotifikati.

(397)

Għalhekk, dak iż-żmien, kwalunkwe deċiżjoni ta’ rkupru mill-Kummissjoni kienet tkun purament ipotetika.

(398)

Barra minn hekk, Arriva ma kellha l-ebda għotja fuq il-kotba tagħha rigward talbiet possibbli għal irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, u li la l-ftehim dwar l-ishma bejn il-Gvern Daniż u Arriva Denmark u lanqas il-kuntratt tal-bejgħ għall-ftehim ta’ negozju dwar l-assi bejn Combus u Arriva Scandinavia ma jsemmu talbiet possibbli għal irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, filwaqt li jelenkaw b’mod eżawrjenti r-riskji kollha l-oħra relatati ma’ kawża f’qorti.

(399)

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li filwaqt meta ngħataw l-injezzjonijiet ta’ kapital lil Combus, diġà kien ikkunsidrat li l-integrazzjoni ta’ Combus f’impriża oħra preżenti fis-suq kienet l-aħjar mod kif jiġu introdotti miżuri ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u ta’ promozzjoni tal-effiċjenza li ma setgħux jiġu implimentati minn Combus waħidha. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat lill-Kummissjoni fi żmien in-notifika tat-tieni parti tal-injezzjoni ta’ kapital, fuq il-bażi fost l-oħrajn ta’ żieda fl-effiċjenza u ta’ tnaqqis fl-ispejjeż, kienet possibbli prinċipalment għaliex l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ Combus fin-negozju ta’ Arriva, li meta tiġi kkunsidrata wkoll in-natura tan-negozju inkwistjoni (industriji f’netwerk) u l-ekonomiji ta’ skala possibbli kienet razzjonali mill-perspettiva ta’ Arriva. Dan jispjega għaliex il-ftehim ta’ negozju dwar l-assi seħħ ftit wara l-ftehim ta’ negozju dwar l-ishma.

(400)

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ‘il fuq, u filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi ferm speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li m’hemmx indikazzjoni suffiċjenti biex jitqies li l-iskop tal-ftehim ta’ negozju dwar l-assi kien li jevita l-ordni ta’ rkupru.

(401)

Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li fiż-żmien meta ġew konklużi l-ftehimiet ta’ bejgħ, il-Kummissjoni kienet ikkonsultata mill-awtoritajiet Daniżi dwar il-ħsieb tagħhom li jintroduċu klawżola ta’ responsabbiltà, fejn il-Gvern Daniż kellu jagħti garanziji lil Arriva għal pretensjonijiet possibbli min-naħa tal-istituzzjonijiet pubbliċi rigward Combus (eż. l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni tal-UE). Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi ngħataw il-parir li jistennew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali qabel ma jipproċedu bil-proċeduri ta’ bejgħ inkwistjoni (76).

(402)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li m’hemm l-ebda raġuni biex l-ordni ta’ rkupru jiġi estiż għal Arriva Scandinavia.

7.3.   D IL-FTEHIM TA’ NEGOZJU DWAR L-ASSI BEJN ARRIVA SCANDINAVIA A/S U CONNEX

(403)

Il-Kummissjoni lanqas m’għandha xi indikazzjoni li l-prezz li Connex ħallset lil Arriva Scandinavia għall-assi kien taħt il-prezz tas-suq. Wieħed jista’ jippreżumi li dan il-prezz, li kien miftiehem bejn żewġ impriżi fis-suq li għandhom sjieda privati, jikkorrispondi għall-prezz tas-suq. B’hekk, m’hemm l-ebda raġuni għalxiex l-obbligu tal-irkupru għandu jkun estiż għal Connex.

(404)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna illegali u inkompatibbli trid tiġi rkuprata mingħand Combus.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, li r-Renju tad-Danimarka implimenta fl-1999 u fl-2001 fil-forma ta’ żieda fil-kapital, self subordinat u garanziji, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Ir-Renju tad-Danimarka għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġħa sabiex jirkupra mingħand Combus l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li tqiegħdet illegalment għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar.

2.   Mas-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jiżdied l-imgħax mid-data meta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sakemm ġew effettivament irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (77) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (78) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Renju tad-Danimarka għandu jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Renju tad-Danimarka għandu jressaq l-informazzjoni li ġejja quddiem il-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (l-ammont prinċipali u l-imgħaxijiet tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġiet ordnata tħallas lura l-għajnuna.

2.   Ir-Renju tad-Danimarka għandu jżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Huwa għandu jissottometti immedjatament, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà jkunu ttieħdu u li huma ppjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-deċiżjoni. Huwa għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u tal-imgħax tal-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarja.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)   ĠU C 233, 22.9.2005, p. 28.

(2)  Din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta iktar minn 90 % (f’termini ta’ numru ta’ kumpaniji) tal-impriżi reġjonali tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja fid-Danimarka.

(3)  Ara t-Tabella 7 tad-deċiżjoni inizjali; din is-somma hija espressa bħala l-valur nett preżenti fl-2001.

(4)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 3.

(6)   ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1.

(7)   ĠU C 133, 5.5.2001, p. 21.

(8)  Ara l-każ nru T-157/01 Danske Busvognmaend vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra p. II-917, (minn issa ’l quddiem, is-“sentenza Combus”).

(9)  Is-sentenza Combus, il-paragrafi 83 u 99.

(*1)  Il-każ nru C-280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg [2003] Ġabra p. I-7747, paragrafi 107 u 108 (minn issa ‘l quddiem, is-‘sentenza Altmark’)”. (10)

(10)  Is-sentenza Combus, il-paragrafi 100 u 101.

(11)  Is-sentenza Combus, mill-paragrafu 114 ‘il quddiem.

(12)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1.

(13)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(14)   ĠU L 209, 24.7.1992, p. 1.

(15)  Ara Trafikredegorelse 2004, ippubblikat mill-Ministeru Daniż tat-Trasport, p. 121, u l-ġurisprudenza tal-Qorti dwar l-akkwisti interni.

(16)  Ara d-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, il-paragrafu 16 u t-Tabella 1.

(17)  Arriva akkwistat lil Unibus Rutetrafik a/s u lil Bus Danmark a/s, Connex akkwistat lil Liniebus a/s.

(18)  L-Att Nru 1046 tat-23 ta’ Diċembru 1998.

(19)  Liġi tal-21 ta’ Mejju 1999 dwar l-injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun. Bi qbil tal-Kumitat tal-Finanzi tas-27 ta’ Mejju 1999.

(20)  Ir-Rapport Nru 10/01 dwar Combus A/S 1995-2001. Il-paġni 49 sa 60 tar-rapport jagħtu deskrizzjoni dettaljata tal-proċess ta’ bejgħ, tal-offerta ta’ Arriva u tal-garanziji pprovduti b’konnessjoni magħha.

(21)  Għall-2002 għandhom jiġu pprovduti EUR 5 miljuni oħrajn.

(22)  Dawn ir-rekwiżiti kienu jipprevedu li, sal-1998, il-kapital azzjonarju tal-kumpaniji kellu jkun mill-inqas 10 % tal-karta tal-bilanċ tagħha u mill-1999 mill-inqas 20 % tal-karta tal-bilanċ tagħha. Fi tmiem l-1998, il-karta tal-bilanċ tal-kumpanija kienet ta’ DKK 1,24 biljun u f’dik is-sena (1999) kien mistenni li l-karta tal-bilanċ tiżdied. Bid-defiċit mistenni ta’ madwar DKK 25 miljun fl-1999, il-kapital azzjonarju kellu jitnaqqas għal DKK 20 miljun fi tmiem l-1999. Jekk il-karta tal-bilanċ fi tmiem l-1999 kienet iffissata, pereżempju, għal DKK 1,3 biljun, rekwiżit għal solidità ta’ 20 % jfisser kapital azzjonarju ta’ mill-inqas DKK 260 miljun. Skont il-konsulent, injezzjoni ta’ kapital ta’ DKK 300 miljun tfisser li kien hemm riserva ta’ DKK 60 miljun, li, bl-inċertezzi inerenti, qajla tista’ tiġi kkunsidrata bħala għolja wisq.

(23)  Combus 28 %, Arriva 25 %, City-Trafik 7 %, Linjebus 10 %.

(24)  Ara anki l-paragrafu 87 tas-sentenza Combus.

(25)  Dawn l-ispejjeż jinqasmu kif ġej: Ġestjoni tal-ispejjeż tas-sensji DKK 5,2 miljun, spejjeż tas-sensji ta’ kwartieri ġenerali oħrajn DKK 6,7 miljuni, spejjeż oħrajn tas-sensji DKK 2 miljuni.

(26)  Ara r-ringiela 5, il-kolonna 3 u r-ringiela 6, il-kolonna 3 fit-Tabella 8 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

(27)  Ara l-premessa 83.

(28)  Il-każ Nru C-278/92 Spanja v Il-Kummissjoni [1994], ECR p. I-4103, il-paragrafi 13 u 14, u l-każijiet konġunti nri T-126/96 u T- 127/96 Breda Fucine Meridionali [1998] Ġabra p. II-3437, il-paragrafu 79.

(29)  Il-każ nru C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] Ġabra p. I-1603, il-paragrafu 20.

(30)  Post Danmark hija waħda mill-kumpaniji li tħaddem l-iktar ħaddiema fid-Danimarka u tagħmel qligħ ta’ DKK 11 227 miljun (EUR 1 509 miljun) fl-2004, bi profitt ta’ DKK 836 miljun (EUR 112-il miljun) qabel ma tinqata’ t-taxxa u bi dħul qabel ma jinqatgħu l-imgħax, it-taxxi, ir-rati ta’ deprezzament u l-amortizzazzjoni (l-EBITDA) li jammonta għal DKK 1 115 miljun (DKK 244 miljun).

(31)  Qabel l-1 ta’ Marzu 2004, Banedanmark kien jisimha Banestyrelsen. Banedanmark għandha l-infrastruttura tal-ferrovija tal-Istat f’idejha u twettaq ukoll xogħlijiet bħala maniġer tal-infrastruttura f’partijiet oħrajn tan-netwerk ferrovjarju.

(32)  Abbozz tal-Liġi Nru 273 tas-27 ta’ Ġunju 2001.

(33)  L-unità, li ġġib l-isem ta’ “Enterprise” (impriża), illum hija unità indipendenti tal-organizzazzjoni ta’ Banedanmark. L-unità tbiegħ is-servizzi tal-inġinerija relatati mal-ferroviji permezz ta’ kuntratti sħaħ, kuntratti kbar, kuntratti speċjalizzati u sotto-kuntratti.

(34)  Il-paragrafu 109 tas-sentenza Combus.

(35)  Il-każ nru T-11/95 BP Chemicals Ltd vs Il-Kummissjoni, [1998] ERC p. II- 3235, il-paragrafu 171.

(36)   “Beretning om Granskning af Combus A/S”, April 2001; “Advokatundersogelse om Statens Varetagelse af Ejerskabet til Combus A/S”, Awwissu 2001; “Beretning fra Rigsrevisionen, April 2002”.

(37)  Ara l-każ nru C-17/99 Franza vs Il-Kummissjoni [2001] Ġabra p. I-2481, il-paragrafu 43.

(38)  Paġna 60.

(39)  Ara l-każ nru C-17/99, ikkwotat iktar ‘il fuq.

(40)  Il-każ nru T-11/95, ikkwotat iktar ‘il fuq, il-paragrafu 171.

(41)   ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3. Ara wkoll il-Komunikazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni lill-Istati Membri fis-17 ta’ Settembru 1984 dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital tal-kumpaniji, ippubblikata fil-Bulettin f’Settembru tal-1984 (titlu mhux uffiċjali).

(42)  Il-każ nru C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust) [2002] Ġabra p. I-4397, il-paragrafu 56. Ara wkoll l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentata fil-Kawżi Konġunti nri C-328/99 u C-399/00 Ir-Repubblika Taljana u Sim 2 Multimedia vs Il-Kummisjoni [2003] Ġabra p. I-4035.

(43)  Il-Kawżi Konġunti nri 296/82 u 318/82 L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek Bv vs Il-Kummissjoni [1985] Il-Ġabra 809, il-paragrafu 17.

(44)  Il-każ nru C-305/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”) [1991] Il-Ġabra I-1603, il-paragrafu 20.

(45)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/947/KE tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Belġju lil ABX Logistics (ĠU L 383, 28.12.2006, p. 21) [verżjoni mhix uffiċjali].

(46)  Is-sentenza Altmark, il-paragrafu 95.

(47)  Is-sentenza Combus, il-paragrafu 98

(48)  Is-sentenza Combus, il-paragrafu 99.

(49)  Is-sentenza Altmark, il-paragrafu 78.

(50)  Is-sentenza Altmark, il-paragrafu 79.

(51)  Ara fost l-oħrajn il-każ nru C-513/99 Concordia Bus Finland vs Helsingin kaupunki u HKL-Bussiliikenne, il-paragrafu 56.

(52)   ĠU C 368, 23.12.1994, p. 12.

(53)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(54)  Ara l-każ nru C-17/99 Franza vs Il-Kummissjoni [2001] Ġabra I-2481, il-paragrafu 46.

(55)  Il-każ nru C-17/99 Franza vs Il-Kummissjoni [2001], Ġabra p. I-02481, il-paragrafu 41.

(56)  Ara nota 51.

(57)  Ara nota 52.

(58)  Ara nota 53.

(59)  Il-punti 31 u 32 tal-Linji Gwida.

(60)  Is-sentenza Combus, il-paragrafi 114 u 115.

(61)  Ara t-Tabella 7 fid-deċiżjoni inizjali; kif ġie spjegat iktar ‘il fuq, dawn iċ-ċifri ġew espressi fil-valur nett preżenti fl-2001 iktar milli f’termini reali.

(62)  Ara t-Tabella 7 fid-deċiżjoni inizjali; kif ġie spjegat iktar ‘il fuq, dawn iċ-ċifri ġew espressi fil-valur nett preżenti fl-2001 iktar milli f’termini reali.

(63)  Sottolinjati mill-Kummissjoni.

(64)  Is-sentenza Combus, il-paragrafu 78 u dawk ta’ warajh, partikolarment il-paragrafu 88.

(65)  Ara l-punt 110 tad-deċiżjoni tal-bidu.

(66)   ĠU L 296, 12.11.2005, p. 19.

(67)  Il-każ nru C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1991] Ġabra p. I-1433, il-paragrafu 57 u l-każ nru C-277/00, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra p. I-3925, il-paragrafu 75.

(68)  Il-Każijiet nri C-328/99 u C-399/00, ikkwotati iktar ‘il fuq, il-paragrafu 83.

(69)  Il-każ nru C-277/00, ikkwotat iktar ‘il fuq, il-paragrafu 80.

(70)  Il-każ nru C-277/00, ikkwotat iktar ‘il fuq, il-punt 86.

(71)  Il-każ nru C-415/03 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (“Olympic Airways”) [2005] Ġabra p. I-3875 u l-każijiet konġunti nri C-328/99 u C-399/00, ikkwotati iktar ‘il fuq, il-paragrafu 69.

(72)  Il-każijiet konġunti nri C-328/99 u C-399/00, ikkwotati iktar ‘il fuq, il-punt 69.

(73)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/536/KE tat-2 ta’ Ġunju 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Seleco SpA (ĠU L 227, 7.9.2000, p. 24), il-punti 116 u 117. F’dak is-sens, rigward il-kontroll mill-QPI tal-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji mill-Kummissjoni, ara l-każ nru T-318/00 Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni [2005] Ġabra p. II-4179.

(74)  Għadha ma ġietx irrappurtata

(75)   ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

(76)  Minn meta daħal fis-seħħ l-avviż tal-irkupru tal-Kummissjoni tal-2007 (iċċitat iktar ‘il fuq), każ bħal dan ma jistax iseħħ iktar. Tabilħaqq, f’dan tal-aħħar jingħad li “[f]il-każ ta’ privatizzazzjoni ta’ kumpanija li rċeviet l-għajnuna mill-Istat ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jintroduċi klawżola ta’ responsabbiltà fil-ftehim ta’ privatizzazzjoni biex tipproteġi x-xerrej tal-kumpanija mir-riskju li d-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna tinbidel mill-Qrati tal-Komunità u tiġi sostitwita b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ dik l-għajnuna mill-benefiċjarju. Klawżola bħal din tista’ tagħti lok għall-aġġustament tal-prezz imħallas mix-xerrej għall-kumpanija privatizzata biex titqies b’mod xieraq ir-responsabbiltà ġdida ta’ rkupru.”

(77)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(78)   ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.


Top