Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0971

    2009/971/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Mejju 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qed tipproponi li tagħti għar-ristrutturar ta’ WestLB AG (C 43/08 (eks N 390/08)) (notifikata bid-dokument C(2009)3900) Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 345, 23.12.2009, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2013; Imħassar b' 32013D0245 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/971/oj

    23.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 345/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Mejju 2009

    dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qed tipproponi li tagħti għar-ristrutturar ta’ WestLB AG (C 43/08 (eks N 390/08))

    (notifikata bid-dokument C(2009)3900)

    (Il-Ġermaniż biss hu awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2009/971/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati qabel (1),

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Bid-Deċiżjoni tat-30 t’April tal-2008 (2) il-Kummissjoni ddeċidiet li l-protezzjoni provduta lil WestLB AG fit-8 ta’ Frar tal-2008 mis-sidien tiegħu, jiġifieri, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband, Rheinischer Sparkassen- und Giroverband, u — direttament u indirettament, permezz ta’ NRW. BANK — il-Land ta’ North Rhine-Westphalia, Landschaftsverband Westfalen Lippe, u Landschaftsverband Rheinland (“is-sidien”), tikkostitiwixxi għajnuna mill-Istat. Iżda l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-għajnuna kienet għajnuna ta’ salvataġġ kompatibbli mas-suq komuni, u awtorizzatha skont il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà (“il-linji gwida ta’ salvataġġ u tar-ristrutturar”) (3) għal sitt xhur, jew, f’każ li jkun ġie sottomess pjan ta’ ristrutturar, sa dak iż-żmien li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar il-pjan ta’ ristrutturar.

    (2)

    Fit-8 t’Awwissu tal-2008 il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni b’miżura tal-għajnuna tar-ristrutturar bi pjan tar-ristrutturar għal WestLB. In-notifika kienet tinkludi impenn li sal-31 ta’ Diċembru tal-2008, tissottometti “passi konkreti” għal bidla fl-istruttura tas-sjieda.

    (3)

    B’ittra datata l-1 ta’ Ottubru tal-2008, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura.

    (4)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali (“id-deċiżjoni tal-bidu”) ġiet pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lil kwalunkwe parti interessata biex tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-miżura. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment minn partijiet interessati oħra.

    (5)

    Fl-24 ta’ Novembru tal-2008 il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (6)

    Fis-16 ta’ Diċembru tal-2008 WestLB talab estensjoni tal-limitu taż-żmien għas-sottomissjoni ta’ passi konkreti għal bidla fl-istruttura tas-sjieda. Il-Kummissjoni approvat l-estensjoni għal-limitu taż-żmien sal-31 ta’ Marzu tal-2009.

    (7)

    Fis-27 ta’ Frar tal-2009 il-Ġermanja ssottomettiet rapport interim li jkopri l-progress sal-aħħar ta’ Frar tal-2009.

    (8)

    Mis-6 sat-8 t’April tal-2009, kien hemm diskussjonijiet dwar ir-ristrutturar bejn rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Ġermanja, is-sidien u l-WestLB.

    (9)

    Fis-17 t’April tal-2009 il-Ġermanja ssottomettiet iżjed informazzjoni dwar ir-ristrutturar. Fit-30 t’April tal-2009, il-Ġermanja ssottomettiet pjan ta’ ristrutturar emendat.

    (10)

    Fit-12 ta’ Mejju tal-2009 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni. Dik id-Deċiżjoni kien fiha xi żbalji żgħar, għalkemm dawn m’affetwawx is-sustanza jew ir-raġunar tagħha. Id-Deċiżjoni preżenti qed tiġi adottata għal finijiet ta’ korrettezza, u tibdel id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju tal-2009 (C(2009) 3900).

    2.   DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA GĦALL-GĦAJNUNA

    2.1.   Il-benefiċjarju

    (11)

    Il-benefiċjarju hu WestLB. WestLB hu bank kummerċjali Ewropew ibbażat f’North Rhine Westphalia. B’assi totali ta’ €286,5 biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2007, WestLB hu fornitur tas-servizzi finanzjarji ewlieni fil-Ġermanja. Hu l-istituzzjoni ċentrali għall-banek tat-tfaddil f’North Rhine-Westphalia u Brandenburg, u bħala bank kummerċjali li jopera internazzjonalment, jaġixxi bħala l-konnessjoni tagħhom fis-swieq finanzjarji globali. Peress li jaħdem fil-viċin mal-banek tat-tfaddil, WestLB joffri l-firxa sħiħa ta’ prodotti u servizzi ta’ bank universali, u jiffoka fuq self, finanzi strutturati, is-suq kapitali u prodotti ta’ ishma f’kumpaniji privati, ġestjoni tal-assi, servizzi ta’ transazzjoni u finanzi ta’ proprjetà immobbli. Fit-30 ta’ Diċembru 2007 WestLB kien iħaddem 6 147 persuna.

    (12)

    WestLB hu kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (AG) bil-kwartieri tiegħu f’Düsseldorf u Münster. WestLB ħareġ minn dak li kien qabel Westdeutsche Landesbank Girozentrale, fit-30 t’Awwissu tal-2002, wara li l-attivitajiet tas-servizzi pubbliċi ta’ dik l-organizzazzjoni kienu ġew integrati f’Landesbank Nordrhein-Westfalen, kumpanija rregolata bil-liġi pubblika, li kienet ġiet stabbilita fl-1 t’Awwissu tal-2002.

    (13)

    Is-sidien attwali ta’ WestLB huma l-assoċjazzjonijiet tal-banek tat-tfaddil u tal-ġiro Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband (25,03 %) u Rheinischer Sparkassen- und Giroverband (25,03 %) u — direttament u indirettament, permezz ta’ NRW. BANK (dak li qabel kien Landesbank Nordrhein-Westfalen) — il-Land ta’ North Rhine Westphalia (37,74 %) u l-assoċjazzjonijiet reġjonali tal-awtoritajiet lokali Landschaftsverband Westfalen Lippe (6,09 %) u Landschaftsverband Rheinland (6,09 %).

    (14)

    WestLB hu wieħed mill-banek pubbliċi Ġermaniżi li sat-18 ta’ Lulju tal-2005 kien għadu jgawdi l-garanziji mhux limitati tal-Istat magħrufa bħala Anstaltslast u Gewährträgerhaftung, li tneħħew skont serje ta’ ftehim bejn il-Ġermanja u l-Kummissjoni (5).

    (15)

    Fl-2002, wara t-tneħħija ta’ Anstaltslast u Gewährträgerhaftung, dak li qabel kien il-WestLB ġie maqsum f’NRW. BANK u WestLB. Bejn l-2003 u l-2005 WestLB ġie ristrutturat; irċieva diversi kontribuzzjonijiet kapitali bejn l-2002 u l-2005. F’Deċiżjoni adottata fit-18 ta’ Lulju tal-2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-kontribuzzjonijiet kapitali ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (6).

    2.2.   Id-diffikultajiet finanzjarji tal-WestLB

    (16)

    Minn nofs l-2007, it-taqlib kontinwu fis-swieq finanzjarji affetwaw l-investimenti tal-portafoll strutturat tal-WestLB, li kien jinkludi esponiment għal self subprime fuq proprjetà immobbli tal-Istati Uniti. L-istimi tar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet kurrenti tas-suq tat-titoli marru lura, u WestLB ma kienx kapaċi jirrifinanzja l-portafoll strutturat bil-bejgħ tan-noti fuq is-suq. B’konsegwenza ta’ dan, WestLB kellu jikkonsolida l-portafolli li ma bbilanċjawx fuq il-karta tal-bilanċ tiegħu.

    (17)

    Fit-8 ta’ Frar tal-2008, is-sidien ta’ WestLB laħqu ftehim fuq il-prinċipji bażiċi ta’ miżura addizzjonali, li ġew stabbiliti fl-hekk imsejjaħ “Eckpunktepapier” (“karta tal-punti ewlenin”) (7). Id-diskussjonijiet kienu jinkludu r-regolatur tas-servizzi finanzjarji (Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht – “BaFin”) u d-Deutsche Bundesbank. Is-sidien essenzjalment qablu fuq struttura li tiddelimita r-riskji sostanzjali fil-portafolli strutturati tal-bank, li kellhom jiġu assigurati bi “protezzjoni mir-riskju” ta’ €5 biljuni (8) (din il-figura kienet tinkludi l-kontribuzzjonijiet kapitali prevvisti qabel).

    (18)

    Permezz ta’ dan il-ftehim is-sidien kellhom l-intenzjoni li jipproteġu l-WestLB mill-volatilità tas-swieq. Taħt l-istandards internazzjonali tal-kontabilità tal-IFRS applikati minn WestLB, il-bank għandu juża l-metodu tar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet kurrenti tas-suq, li jfisser li parti sostanzjali mill-assi miżmuma mill-bank għandha sostanzjalment tiġi evalwata mill-ġdid. B’konsegwenza ta’ din il-kriżi subprime, id-domanda għall-portafolli tal-investiment strutturati ġiet fix-xejn. Lejn l-aħħar tal-2007, fuq portafoll ta’ madwar €23 biljun, il-karta tal-bilanċ kellha turi telf tar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet kurrenti tas-suq ta’ madwar €[1,5-2,5] biljun (*).

    (19)

    Il-protezzjoni mir-riskju tipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment tal-assi affetwati minn WestLB għal entità bi skop speċjali, Phoenix Light SF Ltd, sabiex WestLB ma jkollux jinkorpora l-impatt tal-volatilità tas-suq relatat ma’ dawn il-portafolli fil-kontijiet tiegħu. Ladarba l-assi jkunu ġew trasferiti u tkun inħarġet il-garanzija, l-effetti ta’ din il-volatilità tas-suq ikunu tneħħew għal kollox mill-kontijiet tal-WestLB. L-entità bi skop speċjali hi ekwivalenti għal “bank ħażin” li jitwaqqaf għal istituzzjoni waħda u jibbenefika minn garanzija mill-istat.

    (20)

    Fil-31 ta’ Marzu tal-2008 is-sidien ta’ WestLB approvaw il-miżuri, soġġetti għal approvazzjoni finali mill-Parlament reġjonali ta’ North Rhine-Westphalia. Il-bank u l-awdituri kienu sodisfatti li l-Parlament kien aktarx se jaqbel, u kkunsidraw id-deċiżjoni bħala suffiċjenti għat-trasferiment tar-riskju lis-sidien, li seħħ fil-31 ta’ Marzu tal-2008. Fil-fatt, sussegwentament, il-Parlament approva l-miżura.

    2.3.   Il-miżura

    (21)

    Il-pjan tar-ristrutturar jipprovdi li l-protezzjoni mir-riskju mogħtija lill-entità bi skop speċjali, Phoenix Light SF Ltd, tittawwal u tiġi maqluba minn struttura provviżorja għal struttura permanenti. Madankollu, l-istruttura tal-protezzjoni ma tbidlietx.

    (22)

    Il-protezzjoni mir-riskju tikkonsisti f’:

    garanzija maħruġa mis-sidien ta’ WestLB skont l-ishma rispettivi tagħhom li jkopru pretensjonijiet sa ammont massimu ta’ €2 biljuni miżmuma minn WestLB kontra Phoenix Light, li lilha WestLB għandu jitrasferixxi partafoll ta’ titoli strutturat b’valur nominali ta’ €23 biljun; u

    garanzija maħruġa mil-Land ta’ North Rhine-Westphalia li tkopri pretensjonijiet oħra miżmuma minn WestLB kontra Phoenix Light sa ammont addizzjonali ta’ €3 biljuni.

    (23)

    It-transazzjoni twettqet kif ġej:

    Sal-31 ta’ Marzu tal-2008, WestLB kellu portafoll ta’ €23 biljun li kien jikkonsisti essenzjalment minn titoli strutturati u karta kummerċjali, medium-term notes u noti tad-dħul u tal-kapital maħruġa minn tliet entitajiet tal-investiment bl-ismijiet ta’ Greyhawk, Harrier, u Kestrel (9).

    B’effett mill-31 ta’ Marzu tal-2008 WestLB biegħ il-portafoll lil Phoenix Light bil-valur nominali tiegħu ta’ €23 biljun. Sabiex jitħallas il-prezz tax-xiri ta’ €23 biljun, Phoenix Light ħarġet noti daqs il-valur nominali tal-portafoll. In-noti nħarġu f’żewġ porzjonijiet. Il-porzjon l-baxx jikkonsisti f’noti junior li għandhom prijorità f’każ li l-assi ma jrendux (i.e. iġorru r-riskji kollha); dawn għandhom valur nominali totali ta’ €5 biljuni. Il-porzjon l-għoli jikkonsisti f’noti senior għal ammont totali ta’ €18-il biljun.

    Il-Land ta’ North Rhine-Westphalia ħarġet garanzija għan-noti junior. Dan għandu l-effett li n-noti junior jitqiesu li huma siguri. Hekk kif kienu koperti mill-garanzija, in-noti nxtraw minn WestLB. Hemm żewġ raġunijiet għal dan. L-ewwelnett, ladarba n-noti kienu ġew koperti mill-garanzija, l-awdituri qablu li ma kellhomx għalfejn jikkoreġuhom ‘l isfel fil-kontijiet ta’ WestLB, kif kienu jkunu obbligati li jagħmlu lill-investimenti tal-portafoll oriġinali. It-tieni nett, WestLB seta’ juża n-noti bħala kapital ta’ garanzija sabiex jiġbor il-fondi meħtieġa sabiex jixtrihom.

    Phoenix Light għandha tħallas lill-garanti kummissjoni ta’ [0,2–0,1] % kull sena fuq il-garanzija ta’ €5 biljuni, u għandha tħallas qligħ lid-detentur jew detenturi tan-noti senior u junior (sakemm iddum l-istruttura interim, id-detentur ikun WestLB). Dawn l-ispejjeż u l-ispejjeż amministrattivi kollha għandhom jitħallsu mill-qligħ fuq il-karta trasferita lil Phoenix Light. Il-qligħ imħallas minn Phoenix Light fuq in-noti senior u junior ġie kkalkulat b’mod li WestLB kien kapaċi jkopri l-ispejjeż tar-rifinanzjament tiegħu.

    Matul il-perjodu ta’ salvataġġ WestLB kellu jżomm kemm in-noti junior u kif ukoll senior sabiex jiżgura r-riversibbiltà tagħhom. Wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-istruttura interim ġiet mibdula fi struttura permanenti. Fl-istruttura permanenti, WestLB għandu jkompli jżomm in-noti junior sal-maturità. Phoenix Light għandha tipprova tpoġġi n-noti senior fuq is-swieq kapitali hekk kif il-kundizzjonijiet tas-suq jagħmlu dawn it-transazzjonijiet possibbli mill-ġdid. WestLB għandu konsegwentament iżomm in-noti senior fl-istruttura permanenti wkoll, sa dak iż-żmien li jistgħu jitpoġġew fis-suq. In-noti senior issa miżmuma minn WestLB imbagħad jissarrfu minn Phoenix Light u jinbiegħu lil terzi partijiet.

    (24)

    Rigward terzi partijiet, il-Land ta’ North Rhine-Westphalia għandha responsabbiltà esklużiva għall-ammont totali tal-garanzija ta’ €5 biljuni. Fuq l-ewwel porzjon ta’ €2 biljuni, il-Land tista’ titlob kumpens mill-erba’ sidien l-oħra fi proporzjon mal-ishma tagħhom. Għall-kumplament tal-garanzija, li tammonta għal €3 biljuni, il-Land għandha tkun hi biss responsabbli, bla ħsara għall-ishma proporzjonali tagħha. Talli qed terfa’ din ir-responsabbiltà, il-Land kisbet mis-sidien l-oħra aġġustament tad-drittijiet tal-azzjonisti tagħha u intitolament għall-kumpens, li għandha l-għażla li tirċievi jew fi flus kontanti jew permezz ta’ assenjazzjoni tal-ishma f’WestLB.

    (25)

    Ġie maqbul li fi kwalunkwe każ kellhom isiru bidliet fil-ftehim ta’ konsorzju, li taħtu ċertu drittijiet miżmuma mill-banek tat-tfaddil u l-assoċjazzjonijiet ġiro jiġu mitmuma jew jiġu aġġustati (10). Il-bidliet dettaljati jiġu maqbula bejn is-sidien ta’ WestLB iżjed tard.

    (26)

    Għandu jitħallas kumpens lil-Land jekk il-komponent sproporzjonat ta’ €3 biljun tal-garanzija jiġi mitlub: f’dak il-każ il-Land tkun intitolata li titlob li ssirilha t-trasferiment ta’ numru korrispondenti ta’ ishma WestLB li huma preżentament miżmuma mill-assoċjazzjonijiet tal-banek tat-tfaddil u l-assoċjazzjonijiet reġjonali. Il-kumpens jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ prezz tal-ishma ta’ €220, b’nuqqas ta’ skont ta’ €20 għal kull sehem. Għall-assoċjazzjonijiet reġjonali, il-prezz tas-sehem ikun €220. Minflok trasferiment tal-ishma, il-partijiet jistgħu jaqblu wkoll fuq ħlas ta’ flus.

    (27)

    Fid-Deċiżjoni tat-30 t’April tal-2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-protezzjoni mir-riskju deskritta kienet tikkostitwixxi għajnuna ta’ salvataġġ temporanju, u ddikjarat li dan kien kompatibbli mas-suq komuni taħt il-linji gwidi dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar sat-8 t’Awwissu tal-2008. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni talbet li l-Ġermanja tissottometti pjan ta’ ristrutturar li għandu effetti konsiderevoli u koerenti. Il-Ġermanja bagħtet pjan ta’ ristrutturar fit-8 t’Awwissu tal-2008.

    2.4.   Il-pjan ta’ ristrutturar

    (28)

    In-notifika tikkonsisti fi “ftehim ta’ punti ewlenin” (“Eckpunktevereinbarung”) bejn is-sidien tal-bank, datat it-8 t’Awwissu tal-2008, u pjan ta’ ristruttar iżjed dettaljat ‘li jaħdem indipendentament’, li ġie emendat wara d-diskussjoni li ġejja mal-Kummissjoni. Il-pjan ta’ ristrutturar jista’ jitqassar kif ġej.

    (29)

    Element ċentrali fil-ftehim tal-punti ewlenin u l-pjan ta’ ristrutturar hu l-bidla maħsuba fis-sjieda, li l-Ġermanja u s-sidien qablu li jpoġġu f’termini definiti, pereżempju billi jipproduċu ittra ta’ intenzjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2008. Iżda dan il-pass ma tteħidx. Għandhom jittieħdu miżuri ta’ tiċkin, tnaqqis fl-ispejjeż, tnaqqis fir-riskji u ffukar mill-ġdid sabiex jiġi ffaċilitat bejgħ. Għaldaqstant għandu jiġi offrut għall-bejgħ WestLB mingħajr piżijiet, jew fit-totalità tiegħu jew fil-forma ta’ unitajiet tan-negozju indipendenti, fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja li għandha tiġi mniehdija qabel it-tmiem t’Awwissu tal-2010 u li għandha titlesta qabel it-tmiem ta’ [Ġunju–Ottubru] tal-2011, li għandha tippermetti li l-bejgħ isir effettiv fl-1 ta’ Jannar tal-2012.

    (30)

    Il-pjan ta’ ristrutturar jistipula li għandu jkun hemm proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja miftuħa għal kull xerrej, domestiku jew barrani. Il-bejgħ għandu jiġi pubbliċizzat b’mod adattat mill-inqas f’gazzetta jew pubblikazzjoni perjodika internazzjonali waħda disponibbli madwar il-Komunità fil-lingwa Ingliża. WestLB jaġixxi bħala istituzzjoni ċentrali għal banek tat-tfaddil fin-North Rhine-Westphalia. WestLB innifsu hu bank kummerċjali fil-forma legali ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata. Għaldaqstant la l-irwol preżenti ta’ WestLB bħala istituzzjoni ċentrali għal banek tat-tfaddil u lanqas l-isem ta’ WestLB ma jistgħu jintużaw sabiex jiġi evitat il-bejgħ tal-bank għal investitur privat.

    (31)

    L-għan primarju tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti hu bidla fis-sjieda ta’ WestLB, i.e. it-trasferiment sħiħ tad-drittijiet tal-voti. Id-divestiment sħiħ ta’ qasam tan-negozju wieħed jew iżjed jiġi preferut minn sempliċi trasferiment tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti (“50 % u sehem wieħed”). Trasferiment ta’ din ix-xorta tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti lil xerrej ġdid għandu jkun ammissibbli biss jekk fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti ma ssir l-ebda offerta għad-divestiment sħiħ ta’ qasam tan-negozju wieħed jew iżjed. Għalkemm il-prijorità hi trasferiment tat-totalità tad-drittijiet tal-voti, il-Kummissjoni qablet minħabba s-sitwazzjoni mhux previdibbli tas-swieq finanzjarji u l-falliment tal-isforzi sabiex titbiddel l-istruttura tas-sjieda tal-WestLB li jista’ jkun hemm bżonn għal xenarji alternattivi, bħal trasferiment tad-drittijiet tal-voti jew konsolidazzjoni tal-Landesbanken fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni ma topponix pjan ta’ ristrutturar tal-banek fuq livell aggregat, u taċċetta li l-pjan ta’ ristrutturar jista’ jkollu jiġi implimentat fl-isfond ta’ ristrutturar tal-Landesbanken fil-Ġermanja. Madankollu, sabiex tiġi sorveljata l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ ristrutturar anke jekk jintgħażel xenarju għall-bidla tas-sjieda, il-Kummissjoni tqis li hu neċessarju li jiġi maħtur trustee.

    (32)

    Sabiex jiġi ffaċilitat il-bejgħ ta’ WestLB, kemm jekk fit-totalità tiegħu jew f’partijiet separati, il-pjan ta’ ristrutturar jipprovdi għal miżuri ta’ tnaqqis ta’ spejjeż u tiċkin. Id-divestiment taż-żamma tal-ishma u l-għeluq tal-lokazzjonijiet huma elementi ewlenin. Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż u tat-tiċkin, iż-żamma tal-ishma ewlenin kollha għandhom jiġu divestiti sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ ristrutturar. Il-proċess tal-bejgħ għandu jiġi organizzat f’żewġ porzjonijiet: L-ewwel porzjon tal-ishma miżmuma, li jinkludi Weberbank, […] u […] għandu jinbiegħ sal-aħħar ta’ [Frar–Mejju] 2010 (11), u t-tieni porzjon, li jinkludi […] u […], għandu jinbiegħ sal-aħħar ta’ [Frar-Mejju] 2011 (12).

    (33)

    Mill-ħdax-il lokazzjoni fil-Ġermanja, WestLB għandu jagħlaq ħamsa minnhom sa mhux iżjed tard minn […] 2010 (Bielefeld, Münster, Dortmund, Cologne u Mainz) (13). Sa mhux iżjed tard mill- […] 2010 (14) WestLB għandu jnaqqas il-lokazzjonijiet tiegħu barra l-Ġermanja minn iżjed minn tletin għal sebgħa (15).

    (34)

    Finalment, il-pjan ta’ ristrutturar jistabbilixxi programm ta’ miżuri ta’ tiċkin, kif ġej:

    Bi tqabbil mar-rendikont finanzjarju fl-aħħar tas-sena għall-2007, il-karta tal-bilanċ totali għandha titnaqqas b’25 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2011 (16). F’figuri assoluti, it-total tal-karta tal-bilanċ għandu jitnaqqas minn €[200-280] biljun nett sa €[150–250] biljun nett sal-31 ta’ Marzu tal-2010 u €[80-180] biljun nett sal-31 ta’ Marzu tal-2011.

    Bi tqabbil mar-rendikont finanzjarju fl-aħħar tas-sena għall-2007, l-assi bil-kalkolu tar-riskju (RWA) għandhom jitnaqqsu b’25 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2011. F’figuri assoluti, l-assi bil-kalkolu tar-riskju għandhom jitnaqqsu minn €104 biljun sa €78 biljun sal-31 ta’ Marzu tal-2010 u b’€52 biljun sal-31 ta’ Marzu tal-2011.

    Dawn il-figuri mira għandhom preferibbilment jinkisbu bid-divestiment jew id-disponiment tal-assi li jkunu qabel ġew kategorizzati fil-‘portafoll tal-ħruġ.

    (35)

    Minbarra tnaqqis fl-ispejjeż u t-tiċkin, il-pjan jinvolvi ffukar mill-ġdid u tneħħija ta’ riskji komprensivi tan-negozju kollu. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

    In-negozju ewlieni għandu jiġi maqsum fi tliet oqsma separati, bi tneħħija tal-piż organizzativ tal-proċessi tan-negozju kollha.

    Għandu jkun hemm tneħħija gradwali tal-ġestjoni tal-investiment, li tispiċċa fi tneħħija sħiħa.

    Fil-qasam tal-finanzi strutturati, inkluż finanzi għal proġett internazzjonali (oriġini globali), il-volum tan-negozju għandu jitnaqqas b’mod konsiderevoli u jiffoka fuq setturi identifikati.

    In-negozju tas-suq kapitali internazzjonali għandu jkun limitat għal attivitajiet tal-kummerċ relatati mal-klijenti.

    (36)

    Qabel it-tmiem t’Ottubru tal-2009, bl-għan tal-formazzjoni ta’ tliet oqsma tan-negozju ewlieni separati, WestLB għandu jissepara l-proċessi tan-negozju kollha u jwaqqaf l-unitajiet li ġejjin, li għandhom jastjenu minn tkabbir estern permezz ta’ amalgamazzjonijiet jew akkwiżizzjonijiet:

    servizzi bankarji transazzjonali,

    kumpaniji ta’ daqs medju u sħubija ta’ banek tat-tfaddil (Verbund/Mittelstand),

    swieq kapitali, servizzi bankarji bl-ingrossa u finanzjar strutturat.

    (37)

    Waqt li l-bejgħ tan-negozju tal-ġestjoni tal-investiment jkun għadu pendenti, WestLB għandu jieqaf milli jidħol f’negozju bil-kontijiet f’ismu u m’għandux jibqa’ jagħmel transazzjonijiet bil-valur relattiv u arbitrarji (17). In-negozju għal kontijiet tal-klijenti hu ristrett għal-lokazzjonijiet f’Düsseldorf, New York, Londra u Hong Kong.

    (38)

    Sakemm issir il-bidla fis-sjieda ta’ WestLB, il-volum tan-negozju tal-attivitajiet tas-suq kapitali għandu jkun ristrett kif ġej: fl-2009, sal-31 ta’ Diċembru tal-2009, għal €[70–100] biljun; fl-2010, sal-31 ta’ Diċembru 2010, għal €[60–90] biljun; u fl-2011, sal-31 ta’ Diċembru 2011, għal €[50-80] biljun.

    (39)

    Sakemm issir il-bidla fis-sjieda ta’ WestLB, l-assi bir-riskju kkalkulat li għandhom jiġu allokati għal negozju ta’ swieq kapitali għandhom ikunu ristretti kif ġej: sal-31 ta’ Diċembru tal-2009, għal €[10–25] biljun; sal-31 ta’ Diċembru tal-2010, għal €[5–25] biljun; u sal-31 ta’ Diċembru tal-2011, għal [5–25] biljun.

    (40)

    Waqt li l-bejgħ ta’ WestLB ikun pendenti, il-volum tan-negozju fil-qasam tas-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat (li jifforma parti mill-qasam tas-swieq kapitali, is-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat) għandu jkun ristrett kif ġej: fl-2009, sal-31 ta’ Diċembru tal-2009, għal €[20-40] biljun; fl-2010, sal-31 ta’ Diċembru tal-2010, għal €[15-35] biljun; u fl-2011, sal-31 ta’ Diċembru tal-2011, għal €[10-30] biljun.

    (41)

    Barra minn hekk, waqt li l-bejgħ ta’ WestLB ikun pendenti, l-assi bir-riskju kkalkulat li jikkorrispondu mal-volum tan-negozju fil-qasam tas-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat (li jifforma parti mill-qasam tas-swieq kapitali, is-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat) għandhom ikunu ristretti kif ġej: sal-31 ta’ Diċembru tal-2009 għal €[30-60] biljun; sal-31 ta’ Diċembru tal-2010, għal €[20-50] biljun; u sal-31 ta’ Diċembru tal-2011, għal €[20-50] biljun.

    (42)

    L-attivitajiet, unitajiet u lokazzjonijiet kollha li jifdal fil-forma ta’ kumpaniji sussidjarji, fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi li ma jistgħux jinbiegħu qabel it-tmiem ta’ Diċembru tal-2011 għandhom jiġu likwidati mis-sidien. L-emendi kollha li saru fil-pjan ta’ ristrutturar tat-8 t’Awwissu tal-2008 ġew diskussi mal-Kummissjoni, aċċettati mill-Ġermanja, u sottomessi lill-Kummissjoni fit-30 t’April tal-2009. Iżda l-pjan ta’ ristrutturar emendat għadu xorta soġġett għall-konferma uffiċjali minn tlieta mill-ħames sidien ta’ WestL. Għalkemm ġie aċċettat mill-Ġermanja u mis-sidien tiegħu, għaldaqstant, li il-pjan ta’ ristrutturar ma jistax jitqies li jorbot. Matul il-proċeduri l-Kummissjoni osservat li s-sidien ma kinux kapaċi jikkonformaw mal-iskeda oriġinali għal pjan ta’ ristrutturar awtorizzat, u li t-teħid tad-deċiżjonijiet waqa’ lura fl-iskeda. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li hu meħtieġ li tehmeż xi kundizzjonijiet mad-Deċiżjoni tagħha.

    (43)

    Minħabba l-kumplessità tal-miżuri ta’ ristrutturar proposti, u l-limiti taż-żmien stretti għall-implimentazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristruttuar għandu jiġi sorveljat minn trustee, li għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-passi li jkunu ttieħdu. Il-ħatra ta’ trustee hi importanti b’mod speċjali għax il-Kummissjoni hi preparata li taċċetta xi flessibbiltà fl-iskeda tal-implimentazzjoni. Bħala prinċipju, id-divestiment tal-ishma miżmuma għandu jitlesta sa [Frar–Mejju] tal-2010. Iżda jista’ jiġi pospost jekk WestLB jista’ juri li kien possibbli biss bejgħ taħt il-valur fuq il-ktieb. Din id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll għall-possibbiltà ta’ bejgħ ristrett jew il-konsolidazzjoni tal-Landesbanken fil-Ġermanja, u għaldaqstant għal eżenzjoni mir-rekwiżit tat-tendering. It-trustee għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, jirraporta fuq id-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tal-flessibbiltà permessa matul il-perjodu tal-implimentazzjoni, u jiffaċilità l-komunikazzjoni mal-Kummissjoni.

    3.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-BIDU

    (44)

    B’risposta għad-deċiżjoni tal-bidu, il-Ġermanja ssottomettiet osservazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuna.

    (45)

    Fir-rigward tal-iskala tal-għajnuna involuta, il-Ġermanja targumenta li, kontra għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna l-uniku żmien rilevanti hu ż-żmien li fih tniehda u tħabbar il-protezzjoni mir-riskju lill-pubbliku, u mhux dak iżjed tard li fih l-istruttura provviżorja ġiet trasformata fi struttura permanenti.

    (46)

    Fir-rigward tan-natura tal-protezzjoni mir-riskju, il-Ġermanja hi tal-fehma li l-konverżjoni minn struttura provviżorja għal waħda permanenti mhijiex rilevanti. It-test applikat mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-eligibilità tal-miżura, i.e. ir-riversibbiltà tagħha, hu sodisfatt, minkejja l-fatt li l-protezzjoni mir-riskju mhijiex soġġetta għal limitu taż-żmien.

    (47)

    Il-Ġermanja hi tal-fehma li meta tingħata garanzija lil kumpanija f’diffikultà, il-komponent tal-għajnuna jkun ugwali għall-ammont effettivament kopert bil-garanzija biss jekk ikun hemm probabbiltà kbira ta’ telf totali. Il-kalkolu mwettaq minn WestLB li ġie preżentat lil BaFin u l-Bundesbank f’Diċembru tal-2007 u Jannar tal-2008 qiegħed it-telf mistenni tal-portafoll f’€[…] miljun nominali fit-tmiem ta’ Jannar tal-2008; il-kalkolu mwettaq minn Morgan Stanley fi Frar tal-2008 wasal għal valur konsiderevolment ogħla ta’ madwar €[…] biljun; it-tnejn li huma, huma sew taħt il-valur nominali ta’ €5 biljuni, u ma jissuġġerixxux li t-telf totali kien probabbli ħafna. Barra minn hekk, il-kalkolu mwettaq minn WestLB diġà jikkunsidra xenarju ta’ każ ħażin, għax hu bbażat fuq tnaqqis fil-valur fuq żewġ livelli addizzjonali tal-klassifikazzjonijiet riċenti tal-istrumenti kollha evalwati, filwaqt li r-rapport provdut minn Morgan Stanley kien pessimistiku żżejjed, peress li kien ibbażat, fost preżunzjonijiet oħra li jvarjaw, fuq tnaqqis fil-valur fuq erba’ livelli.

    (48)

    Fir-rigward tal-bażi legali, il-Ġermanja hi tal-fehma li l-għajnuna hi kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE, peress li fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna kien hemm taqlib serju fl-ekonomija, u l-protezzjoni mir-riskju għal WestLB, li skont il-Ġermanja hi ta’ importanza sistematika, kienet maħsuba wkoll biex tirrimedja dak it-taqlib. Il-miżura kienet xierqa, meħtieġa u proporzjonali.

    (49)

    Il-Ġermanja tikkontendi wkoll li l-għajnuna hi kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(c), għax il-pjan ta’ ristrutturar ma jikkonsistix biss f’titjib inkrimentali, iżda jipprovdi għal tnaqqis konsiderevoli fin-negozju mwettaq minn WestLB għall-kont tiegħu stess, titjib apprezzabbli fil-profil tar-riskju tiegħu, u stabilizzazzjoni tal-prospetti tal-qliegħ tiegħu.

    (50)

    Finalment, il-Ġermanja hi tal-fehma li l-miżuri pjanati mmirati lejn il-limitazzjoni tad-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni mhumiex neċessarjament sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà fuq perjodu ta’ żmien twil, u li l-ispiża ġenerali ta’ dawn il-miżuri kif imqabbla mal-ammont tal-għajnuna rċevuta hi konsiderevolment ogħla milli hi f’każijiet simili bħal Crédit Lyonnais II  (18), Banco di Napoli, Crédit Foncier de France, Societé Marseillaise de Crédit, BAWAG-PSK  (19), Bankgesellschaft Berlin  (20) jew IKB  (21).

    4.   EVALWAZZJONI

    4.1.   Eżistenza tal-għajnuna

    (51)

    Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tevalwa jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsir tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Dik id-dispożizzjoni tkopri kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stati Membri jew permezz tar-riżorsi tal-istat fi kwalunkwe forma li tħarbat il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċertu intrapriżi, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (52)

    Il-protezzjoni mir-riskju hi kontinwazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ mogħtija mis-sidien. Kif iddeċidiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-30 t’April tal-2008, il-protezzjoni mir-riskju tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja ma tinnegax dan.

    4.2.   L-ammont tal-għajnuna

    (53)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-Ġermanja li l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tat-telf mistenni.

    (54)

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-metodoloġija, il-Kummissjoni tikkonferma li l-protezzjoni mir-riskju ġiet approvata bħala għajnuna tas-salvataġġ minħabba r-riversibbiltà tagħha. Il-protezzjoni tar-riskju issa għandha tinqaleb f’arranġament permanenti, u l-ammont tal-għajnuna għaldaqstant jista’ jiġi evalwat mill-ġdid fl-istadju tar-ristrutturar. Intalbet valutazzjoni mill-ġdid tat-telf mistenni fid-deċiżjoni tal-bidu, iżda ma ġiet sottomessal-ebda evalwazzjoni ta’ din ix-xorta, għalkemm jeżistu figuri iżjed aġġornati u li setgħu ġew provduti mill-benefiċjarju. Ir-rapport ta’ Morgan Stanley, li jasal għall-valur konsidervolment ogħla ta’ madwar €[…] biljun, juri s-sensittività ta’ dawn il-kalkoli, skont il-preżunzjonijiet magħmula u l-metodoloġija adottata.

    (55)

    Il-Kummissjoni tindika li fid-Deċiżjoni tagħha f’Sachsen LB, iddeċidiet li fl-evalwazzjoni tat-telf mistenni fiċ-ċirkostanzi mhux previdibbli fil-preżent tas-swieq finanzjarji, investitur tal-ekonomija tas-suq kien mill-inqas jikkunsidra x-xenarju ta’ każ ħażin (22). Il-Kummissjoni ma taqbilx li l-preżunzjonijiet differenti fir-rapport Morgan Stanley huma pessimistiċi żżejjed, u lanqas li WestLB diġà kkunsidra xenarju ta’ każ ħażin, għax ikun hemm effett notevoli fuq it-telf mistenni biss jekk jintgħażlu gradi iżjed baxxi fuq l-iskala tal-klassifikazzjoni. Din il-konklużjoni tikkonforma mar-raġunar fid-Deċiżjoni Bankgesellschaft Berlin  (23).

    (56)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li fil-każ preżenti l-effett u n-natura tal-garanzija ta’ €5 biljuni, li tippermetti li l-bank li jeħles il-karta tal-bilanċ tiegħu minn portafoll ta’ € 23 biljun, huma simili għal dawk ta’ injezzjoni kapitali. L-ammont tal-għajnuna hu għaldaqstant komparabbli mal-kapital li kien ikun rikjest sabiex tinkiseb l-istess stabilizzazzjoni tal-portafoll (24).

    (57)

    Skont il-prassi stabbilita tal-Kummissjoni (25), is-sejbiet konsisteni tal-qrati, u n-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (26), il-komponent tal-għajnuna bħala garanzija lil kumpanija f’diffikultà jista’ jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert mill-garanzija (hawn €5 biljuni).

    (58)

    Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (27) (paragrafu 39), l-ammont ta’ għajnuna hu daqs id-differenza bejn il-valur tat-trasferiment tal-assi (ibbażat fuq il-valur ekonomiku reali tagħhom) u l-prezz tas-suq. Għal din ir-raġuni l-assi għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi tal-valur tas-suq preżenti tagħhom meta dan ikun possibbli. Skont l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, is-suq għall-assi fil-portafoll sfuma kważi għal kollox, biex b’hekk ma jibqax possibbli li jiġi stabbilit prezz tas-suq għall-iskopijiet tal-Komunikazzjoni fuq l-assi indeboliti, peress li m’hemmx suq li għalih tista’ ssir referenza. Għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, li l-ammont ta’ għajnuna hi daqs l-ammont tal-garanzija, i.e. €5 biljuni.

    (59)

    Barra minn hekk, il-kummissjoni li għandha titħallas, f’[0,2–1,0] %, hi b’mod konsiderevoli taħt il-prezz li investitur fis-suq jistenna skont il-Komunikazzjoni dwar l-assi indeboliti (28).

    (60)

    Il-valur ekonomiku tal-għajnuna hu għaldaqstant sostanzjalment ogħla kemm mill-evalwazzjoni tal-Ġermanja tat-telf mistenni u l-€[…] biljun ikkalkulat minn Morgan Stanley. F’kull probabbiltà, għaldaqstant, l-għajnuna hi daqs il-valur nominali ta’ €5 biljuni.

    4.3.   Bażi legali għall-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq komuni

    (61)

    Fid-deċiżjoni tal-bidu l-Kummissjoni qalet li l-bażi legali għall-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna kien l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk il-miżura għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(b). Dik id-dispożizzjoni tgħid li l-għajnuna tista’ titqies li hi kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun intiża bħala rimedju għal disturbanza serja fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Il-Kummissjoni indikat li fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna lil WestLB, il-kriżi fuq is-suq subprime kienet għadha ma wasslitx għal disturbanza serja fl-ekonomija Ġermaniża skont it-tifsir tal-Artikolu 87(3)(b). Il-Kummissjoni lanqas ma kienet irċeviet provi mill-awtoritajiet Ġermaniżi li juru li n-nuqqas tal-għajnuna lil WestLB kien se jwassal għal disturbanza serja ta’ din ix-xorta.

    (62)

    Sadanittant, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fi tliet Komunikazzjonijiet (29) u fl-approvazzjoni tagħha tal-pakkett tas-salvataġġ tal-banek Ġermaniżi (30) li hemm theddida ta’ disturbanza serja fl-ekonomija Ġermaniża, u li l-miżuri ta’ appoġġ għall-banek aktarx li jirrimedjaw dik id-disturbanza. Il-bażi legali għall-evalwazzjoni tal-miżura tal-għajnuna għandha għaldaqstant tkun l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE.

    (63)

    Fit-tliet Komunikazzjonijiet li adottat f’rabta mal-kriżi finanzjarja preżenti (31), il-Kummissjoni qalet li l-għajnuna mogħtija lill-banek fil-kuntest tal-kriżi għandha tiġi evalwata skont il-linji gwida tas-salvataġġ u tar-ristrutturar, wara li tikkunsidra l-aspetti partikolari ta’ kriżi sistematika fis-swieq finanzjarji (32). Taħt il-linji gwida tas-salvataġġ u tar-ristrutturar, l-għajnuna mill-istat tista’ tiġi awtorizzata biss jekk tkun akkompanjata minn ristrutturar estensiv sabiex tiġi restawrata l-vijabbiltà, b’kontribuzzjoni xierqa għall-ispiża tar-ristrutturar min-naħa tal-benefiċjarju, u b’miżuri li jirrimedjaw id-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. Il-linji gwida għaldaqstant joffru l-qafas xieraq ta’ kif jiġi trattat ir-ristruttar ta’ WestLB fil-kuntest tal-kriżi. Madankollu, meta wieħed iqis in-natura u l-iskala tal-kriżi preżenti, għandu jittieħed kont ta’ fatturi speċifiċi oħra relatati mal-kundizzjonijiet tas-suq preżenti. Meta jiġu applikati għar-ristrutturar ta’ WestLB fil-kriżi preżenti, għaldaqstant, il-prinċipji tas-salvataġġ u r-ristrutturar għandhom jiġu modulati. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-regoli stabbiliti fil-linji gwida tas-salvataġġ u tar-ristrutturar dwar il-kontribuzzjoni li għandha ssir lill-benefiċjarju. Peress li l-finanzjament estern għal WestLB […], il-mira ta’ 50 % stabbilita fil-linji gwida tas-salvataġġ u r-ristrutturar jidher li hija diffiċli ħafna li tinkiseb, u l-Kummissjoni aċċettat li waqt il-kriżi sistematika fis-swieq finanzjarji jista’ ma jkunx xieraq li tintalab kwantifikazzjoni preċiża tal-kontribuzzjoni mill-benefiċjarju stess. Barra minn hekk, id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid, safejn WestLB ikollu bżonn iżjed żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, skont iċ-ċirkostanzi tas-suq.

    (64)

    Kif indikat il-Kummissjoni fi tnejn mill-Komunikazzjonijiet adottati b’rabta mal-kriżi finanzjarja preżenti, l-ammont ta’ ristrutturar meħtieġ biex ikun hemm ritorn għall-vijabbiltà aktarx li jkun fi proporzjon dirett mal-ambitu u l-volum tal-għajnuna provduti lil WestLB min-naħa l-waħda u mas-solidità tal-mudell tan-negozju tiegħu min-naħa l-oħra (33).

    4.4.   Kompatibilità taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat KE

    (65)

    Sabiex tiġi evalwata l-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk tilħaqx il-kundizzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna tar-ristrutturar stabbilita fil-linji gwida tas-salvataġġ u r-ristrutturar: (i) l-għajnuna għandha tkun ibbażata fuq pjan ta’ ristrutturar, li għandu juri li l-kumpanija hi kapaċi terġa’ lura għall-vijabilità tagħha fuq perjodu taż-żmien twil; (ii) l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ bħala żmien u ammont, u l-benefiċjarju għandu jagħti kontribuzzjoni konsiderevoli għall-ispejjeż tar-ristrutturar; u (iii) l-għajnuna m’għandhiex tħarbat il-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni; u f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet fuq il-benefiċjarju.

    4.4.1.   Restawr ta’ vijabilità fuq perjodu ta’ żmien twil

    (66)

    Il-Paragrafu 34 tal-linji gwida tas-salvataġġ u r-ristrutturar jgħid li l-għoti tal-għajnuna għandu jkun dipendenti fuq l-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturar, li għandu jiġi endorsjat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna individwali. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-pjan ta’ ristrutturar jista’ jkun mistenni li jirrestawra l-vijabilità fuq perjodu taż-żmien twil tal-kumpanija fi żmien raġonevoli. Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jkollu żmien limitat u jkun ibbażat fuq preżunzjonijiet realistiċi. Għandu jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija, biex b’hekk jipprovdi bażi għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-miżuri proposti humiex adattati. Għandu jippermetti li l-kumpanija tgħaddi għal struttura ġdida li toffrielha prospetti għal vijabilità fuq perjodu taż-żmien twil u li jippermettilha li tqum fuq saqajha. Dan ifisser li għandu jippermetti li l-kumpanija tkopri l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi dawk ta’ depprezzament u finanzjarji, u li tikseb ritorn fuq il-kapital tagħha li jkun biżżejjed għaliha biex tikkompeti fis-suq bil-merti tagħha stess.

    (67)

    Il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq informazzjoni provduta mill-Ġermanja, u b’mod partikolari l-pjan ta’ ristrutturar flimkien ma’ modifiki konsiderevoli għall-pjan sottomess fl-istadju ta’ wara tal-proċedura tal-investigazzjoni wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni, li jinkludu l-iskedar dettaljat tal-bejgħ tal-assi speċifiċi.

    (68)

    Fid-deċiżjoni tal-bidu tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji li d-dokumenti li ġew sottomessi mill-Ġermanja fil-bidu jistgħu jitqiesu li huma pjan ta’ ristrutturar xieraq li jilħaq il-kundizzjonijiet fil-paragrafi 32–51 tal-linji gwida tas-salvataġġ u tar-ristrutturar. Fid-deċiżjoni tal-bidu tagħha, il-Kummissjoni esprimiet ukoll il-fehma li s-sitwazzjoni diffiċli ta’ WestLB ġiet parzjalment minħabba l-istruttura tas-sjieda tal-bank u l-interessi differenti tas-sidien rispettivi. Il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li l-bidla fis-sjieda, li għandha tinkiseb sal-aħħar tal-2011 permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offteri miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, hi pass importanti sabiex jissolvew id-diffikultajiet u għandha tiffaċilità l-iżvilupp ekonomiku pożittiv tal-bank.

    (69)

    WestLB jew is-sidien tiegħu aċċettaw dan il-punt, u obbligaw ruħhom li jwettqu l-bidla fis-sjieda f’termini definiti sal-31 ta’ Diċembru tal-2008, pereżempju billi jipproduċu ittra ta’ intenzjoni. Fuq rikjesta mill-Ġermanja, il-limitu taż-żmien ġie estiż sal-31 ta’ Marzu tal-2009. Rapport interim sottomess mill-Ġermanja fis-27 ta’ Frar tal-2009 analizza l-progress miksub sal-aħħar ta’ Frar tal-2009 (34). L-istrateġija preferuta kienet li jinħoloq grupp konsolidat supra-reġjonali (imsejjaħ “Landesbank Mitte”) permezz tal-amalgamazzjoni ta’ żewġ Landesbanken, WestLB u Landesbank Hessen-Thüringen (“Helaba”). L-integrazzjoni ta’ DeKaBank Deutsche Girozentrale ġiet proposta bħala miżura kumplimentari. L-ebda miż-żewġ possibiltajiet ma kellhom suċċess, għal ħafna raġunijiet. Raġuni waħda kienet il-kunflitt ta’ interessi fost is-sidien ta’ WestLB. L-interessi tal-banek tat-tfaddil u l-Land huma xi kultant direttament opposti, li tikkonferma li l-fehma espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-bidu kienet korretta, u li bidla fis-sjieda hi ta’ importanza kbira sabiex tkun tista’ tiġi restawrata l-vijabilità ta’ WestLB fuq perjodu taż-żmien twil.

    (70)

    Minħabba l-falliment tal-ewwel tentattiv ta’ privatizzazzjoni ta’ WestLB, il-Kummissjoni pruvat tistabbilixxi b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza li l-pjan ta’ ristrutturar sottomess hu kapaċi jirrestawra l-vijabilità tal-bank.

    (71)

    Il-pjan emendat mhux biss jipprovdi informazzjoni iżjed dettaljata dwar il-miżuri pjanati, iżda jinkludi wkoll firxa ta’ miżuri importanti, bħal tnaqqis fil-karta tal-bilanċ u l-assi bir-riskju kkalkulat bi kważi 50 %, il-bejgħ tal-bank fit-totalità tiegħu jew f’unitajiet separati permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, il-bejgħ ta’ kważi l-kumpaniji sussidjarji kollha inkluż il-Westdeutsche ImmobilienBank, u l-għeluq tal-maġġoranza tal-lokazzjonijiet tal-bank.

    (72)

    Il-bejgħ tal-bank għandu jitlesta sal-31 ta’ Diċembru tal-2011. Is-sidien ta’ WestLB għandhom jiftħu proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja sal-31 t’Awwissu tal-2010, u jiffirmaw kuntratt ma’ xerrej sa [Ġunju–Ottubru] tal-2011, sabiex il-bejgħ ikun jista’ jseħħ sal-1 ta’ Jannar tal-2012. L-għan ewlieni hu trasferiment sħiħ tad-drittijiet tal-voti. Iżda peress li s-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji mhijiex prevedibbli, u peress li t-tentattivi għal bidla fl-istruttura tas-sjieda ta’ WestLB ma kellhomx suċċess, il-Kummissjoni qablet li jista’ jkun hemm bżonn għal xenarji alternattivi, bħal trasferiment tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti. Għalkemm il-konsolidizzazzjoni ta’ Landesbanken fil-Ġermanja ma kellhiex suċċess s’issa, il-Kummissjoni ma topponix ir-ristrutturar aggregat tal-banek u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar fil-kuntest usa’ tas-settur tal-Landesbanken kollu fil-Ġermanja. L-implimentazzjoni tal-bidla fis-sjieda għandha tiġi sorveljata minn trustee approvat mill-Kummissjoni u maħtur minn WestLB.

    (73)

    Il-bejgħ tal-bank għandu jkun iffaċilitat bis-separazzjoni preċedenti tal-attivitajiet tan-negozju u l-iggruppar tagħhom fi tliet oqsma tan-negozju ewlenin, li jiġu offruti għall-bejgħ fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti, kemm b’mod separat u kif ukoll fit-totalità tagħhom, u bit-tiċkin preċedenti tal-karta tal-bilanċ u l-assi bir-riskju kkalkulat b’25 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2011, b’referenza għar-rendikont finanzjarju fl-aħħar tas-sena għall-2007.

    (74)

    Barra minn hekk, l-investigazzjoni kkonfermat li WestLB dawwar l-attivitajiet tiegħu. Abbanduna negozju li minnu kien qed jagħmel telf bħal ġestjoni tal-investiment u negozjar proprjetarju, li wasslu għall-kriżi, u qed jerġa’ jiffoka mill-ġdid fuq negozju bbażat fuq il-klijenti. Il-pjan ta’ ristrutturar emendat jipprovdi li l-bank għandu jikkonċentra għal darb’oħra l-attivitajiet tiegħu fuq in-North Rhine-Westphalia u l-Ġermanja, fil-waqt li joħroġ minn 20 lokazzjoni u kumpaniji sussidjarji, u fuq servizzi bankarji transazzjonali, is-sħubija bejn il-kumpaniji ta’ daqs medju u l-banek tat-tfaddil, u s-servizzi bankarji bl-ingrossa, swieq kapitali u finanzjament strutturat. L-attenzjoni mill-ġdid minn attivitajiet riskjużi għal negozju inqas volatili bħal servizzi bankarji transazzjonali u kooperazzjoni ma’ banek tat-tfaddil, klijenti bankarji privati, u korporazzjonijiet ta’ daqs medju għandha żżid il-parti sostenibbli tal-attivitajiet ta’ WestLB u għaldaqstant tikkontribwixxi għar-restawr tal-vijabilità tal-bank. Il-Kummissjoni tosserva li taħt il-pjan ta’ ristrutturar emendat, WestLB għandu javvanza sew mill-mudell ta’ negozju li kellu qabel. Il-pjan ta’ ristrutturar għaldaqstant jikkostitwixxi bidla konsiderevoli fl-approċċ tan-negozju li ma kienx sostenibbli fil-passat.

    (75)

    Il-Kummissjoni tosserva wkoll il-miżuri ta’ tnaqqis fl-ispejjeż li għandhom jiġu implimentati sal-aħħar tal-2010. Barra minn hekk, WestLB ħa miżuri sabiex itejjeb il-ġestjoni tar-riskju tiegħu, u diġà naqqas l-espożizzjoni tiegħu għar-riskju. Il-Kummissjoni analizzat il-preżunzjonijiet li jinsabu wara l-pjan tar-ristrutturar u m’għandha l-ebda raġuni għalxiex tiddubita li dawn huma realistiċi. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ ristrutturar emendat juri l-kapaċità ta’ WestLB li jirrestawra l-vijabilità tiegħu fuq perjodu ta’ żmien twil.

    4.4.2.   Għajnuna limitata għall-minimu neċessarju

    (76)

    Id-dubji tal-Kummissjoni li l-għajnuna tista’ ma tkunx limitata għall-minimu ġew imserrħa Il-Kummissjoni tista’ issa tikkonkludi li l-għajnuna hi fil-fatt limitata għall-minimu meħtieġ, u li għandu jkun hemm kontribuzzjoni konsiderevoli min-naħa tal-benefiċjarju. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-mira ta’ 50 % indikata fil-paragrafu 44 tal-linji gwida tas-salvataġġ u r-ristrutturar għandha tkun modulata meta applikata għar-ristrutturar ta’ WestLB fil-kriżi preżenti.

    (77)

    Il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż tar-ristrutturar għandhom jitħallsu mill-bank innifsu sal-ikbar limitu possibbli fiċ-ċirkostanżi, permezz tat-tneħħija tal-assi u l-kumpaniji sussidjarji. L-effett ta’ dawn id-divestimenti hu doppju. Min-naħa waħda, id-divestimenti jnaqqsu l-volum tal-assi bir-riskju kkalkulat, biex b’hekk jinħeles il-kapital u jiżdiedu l-proporzjonijiet tal-kapital. Min-naħa l-oħra, id-divestimenti jiġġeneraw likwidità li tista’ tintuża għall-finanzjament tar-ristrutturar jew għat-tisħiħ tal-bażi tal-likwidità (35). Parti minn dan il-fluss mistenni tal-fondi diġà twettqet, u parti oħra għandha titwettaq fil-futur qarib. Għalhekk, anke jekk wieħed iħalli barra l-flussi ta’ fondi mistennija li jistgħu jitwettqu biss fl-2011, u għall-finijiet tal-prekawzjoni jassumi li l-qliegħ prevvist jista’ jkun li ma jimmaterjalizzax b’mod sħiħ għal dawn id-divestimenti kollha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju stess tista’ titqies li hi konsiderevoli.

    (78)

    Minkejja l-modulazzjoni tal-mira ta’ 50 % għall-kontribuzzjoni mill-benefiċjarju stess, il-Kummissjoni għandha tkompli tirrikjedi li d-detenturi tal-ishma jagħmlu kontribuzzjoni sostanzjali kif ikun possibbli (i.e. huma għandhom jaqsmu l-piż). Dan ifisser li l-investituri fil-kapital ibridu għandhom jipparteċipaw fir-ristrutturar tal-bank. Il-Kummissjoni tqis li l-aġġustament tar-riservi tal-kapital sabiex ikun jista’ jitħallas ritorn fuq kapital ibridu u sabiex tiġi evitata l-parteċipazzjoni f’telf f’każijiet fejn tkun ingħatat l-għajnuna mill-Istat, hu problematiku, għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett, l-għajnuna mill-Istat tiġi tidher li mhijiex limitata għall-minimu neċessarju. Il-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju hu prinċipju ġenerali ta’ politika tal-għajnuna mill-istat. L-aġġustament ta’ fondi ta’ riserva sabiex jitħallsu interessi fuq il-kapital ibridu direttament ineħħi kapital regolatorju mill-bank, li jżid l-ammont meħtieġ għar-rikapitalizzazzjoni u għaldaqstant l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, dan imur kontra l-prinċipji tal-qsim tal-piż, u jżid il-periklu morali. Il-ħlas ta’ ritorn, avolja ma jkunx hemm obbligu legali, jipproteġi s-sidien tal-kapital ibridu mill-konsegwenzi tat-telf u minn espożizzjoni sħiħa għar-riskju li jkunu ddeċiedew li jieħdu meta jkunu nvestew f’tip ta’ strument li hu riskjuż fin-natura tiegħu u li għandu remunerazzjoni ogħla preċiżament minħabba dan ir-riskju. Barra minn hekk, l-istrumenti ibridi għandhom jipparteċipaw fit-telf. Il-Kummissjoni għaldaqstant titlob li l-ħlas tal-interessi fuq dawn l-istrumenti jkun projbit sakemm isir il-bejgħ ta’ WestLB, u li l-istrumenti jipparteċipaw fit-telf jekk fin-nuqqas ta’ aġġustament tar-riservi, il-bank juri telf fil-karta tal-bilanċ. Dan japplika b’mod speċjali għal WestLB, peress li WestLB se jinbiegħ, u l-kunfidenza tal-investitur fis-sidien attwali m’għandix rilevanza kbira (36).

    (79)

    B’konklużjoni, anke jekk il-mira ta’ 50 % aktarx li ma tinkisibx, il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-kontribuzzjoni li WestLB obbliga ruħu li jagħmel għar-ristrutturar hi kbira kemm jista’ jkun possibbli.

    4.4.3.   Evitar ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni mhux mistħoqqa

    (80)

    Il-Paragrafi 35 sa 39 tal-linji gwida tas-salvataġġ u tar-ristrutturar jgħidu li għandhom jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli kwalunkwe effetti negattivi li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetituri. Dan normalment jinvolvi l-limitazzjoni jew it-tnaqqis tal-preżenza tal-kumpanija fuq is-swieq tal-prodotti rilevanti permezz tal-bejgħ tal-kapaċità tal-produzzjoni jew il-kumpaniji sussidjarji jew it-tnaqqis tal-attivitajiet. Il-limitazzjoni jew it-tnaqqis għandhom isiru fi proporzjon mal-effetti distortivi tal-għajnuna.

    (81)

    Fi tmiem l-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni hija sodisfatta li fil-fatt ittieħdu miżuri suffiċjenti sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli kwalunkwe effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni.

    (82)

    WestLB qed joħroġ mill-ġestjoni tal-investiment u jnaqqas konsiderevolment il-volum tan-negozju tiegħu fil-qasam tal-finanzi strutturati u s-swieq kapitali, tnejn mill-oqsma tan-negozju li minnhom l-iżjed li kien jagħmel profitt.

    (83)

    Iżda l-Kummissjoni hi tal-fehma li l-ħruġ mill-ġestjoni tal-investiment u madwar nofs il-volum tat-tiċkin totali huma meħtieġa sabiex tiġi rrestawrata l-vijabilità. Skont il-paragrafu 40 tal-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar, dawn il-miżuri ma jikkwalifikawx bħala miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-waqt li l-ħruġ min-negozju tal-ġestjoni tal-investiment ma jistax jiġi aċċettat bħala miżura li tnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, xorta waħda għandu impatt fuq id-daqs tal-bank u l-attivitajiet tiegħu.

    (84)

    In ġenerali, it-total tal-karta tal-bilanċ ta’ WestLB għandu jitnaqqas b’25 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2011. Fl-istess żmien, il-volum tal-assi bir-riskju kkalkulat għandu jitnaqqas b’25 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-aħħar ta’ Marzu tal-2011.

    (85)

    Il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis fin-netwerk tal-fergħat għal ħames fergħat fil-Ġermanja u seba’ lokazzjonijiet barra l-Ġermanja, l-abbandun tal-kummerċ proprjetarju u r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ għal kontijiet tal-klijenti jirrapreżentaw miżuri xierqa għat-tnaqqis tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    (86)

    Il-pjan tar-ristrutturar jipprovdi wkoll għal miżuri ta’ tnaqqis ta’ spejjeż u tiċkin. Kważi ż-żammiet tal-ishma kollha f’kumpaniji sussidjarji għandhom jiġu divestiti. Il-proċess tal-bejgħ ta’ dawn iż-żammiet tal-ishma għandu jiġi organizzat f’żewġ porzjonijiet; l-ewwel porzjon ta’ ishma, li jinkludi 16-il kumpanija sussidjarja, għandu jinbiegħ sal-aħħar ta’ [Frar–Mejju] tal-2010 (37), u t-tieni porzjon, li jinkludi tliet kumpaniji sussidjarji, għandu jinbiegħ sal-aħħar ta’ [Frar–Mejju] tal-2011.

    (87)

    Barra minn hekk, l-iżvilupp tan-negozju fl-oqsma tan-negozju ewlenin ta’ WestLB — finanzi strutturati, servizzi bankarji bl-ingrossa, u swieq kapitali — għandu jiġi limitat f’termini ta’ negozju ġdid u volum tal-karta tal-bilanċ (assi bir-riskju kkalkulat).

    (88)

    B’konklużjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li jikkumpensaw huma proporzjonali għall-effetti distortivi tal-għajnuna mogħtija lil WestLB u jiżguraw li l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ huma minimizzati safejn hu possibbli.

    5.   KONKLUŻJONI

    (89)

    Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna għar-ristrutturar li tista’ titqies li hi kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE sakemm il-kundizzjonijiet imposti jiġu osservati,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna fil-forma ta’ garanzija ta’ €5 biljuni li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lil WestLB AG hi kompatibbli mas-suq komuni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Il-pjan ta’ ristrutturar għal WestLB sottomess mill-Ġermanja fit-8 t’Awwissu tal-2008, kif ġie emendat l-aħħar bil-komunikazzjoni tal-Ġermanja tat-30 t’April tal-2009, għandu jiġi implimentat, soġġett għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Anness u skont l-iskeda taż-żmien imħabbra.

    2.   Jekk ikun xieraq, pereżempju minħabba l-kontinwazzjoni tal-kriżi preżenti fis-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni tista’, b’risposta għal applikazzjoni rraġunata kif xieraq min-naħa tal-Ġermanja:

    (a)

    tippermetti estensjoni tal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Anness, jew

    (b)

    f’ċirkostanzi eċċezzjonali, teżenta, temenda jew tibdel waħda jew iżjed mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

    Jekk il-Ġermanja tixtieq titlob l-estensjoni ta’ limitu taż-żmien, għandha tissottometti applikazzjoni rraġunata kif xieraq lill-Kummissjoni mhux iżjed tard minn xahrejn qabel l-iskadenza ta’ dak il-limitu taż-żmien.

    Artikolu 3

    Il-Ġermanja għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex ikun hemm konformità magħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hi ndirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Il-Ġermanja hi mitluba li tagħti kopja ta’ din id-Deċiżjoni lill-benefiċjarju tal-għajnuna mingħajr dewmien.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 322, 17.12.2008, p. 16.

    (2)  ĠU C 189, 26.7.2008, p. 3.

    (3)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

    (5)  Anstaltslast tat id-drittijiet tagħha lill-istituzzjoni finanzjarja fir-rigward tas-sidien tagħha, filwaqt li Gewährträgerhaftung tat id-drittijiet tagħha lill-kredituri tal-istituzzjoni finanzjarja fir-rigward tas-sidien tagħha. Taħt l-ewwel minn dawn l-intrapriżi, datata is-17 ta’ Lulju tal-2001, għal perjodu transizzjonali bejn id-19 ta’ Lulju u t-18 ta’ Lulju tal-2005, djun ġodda setgħu xorta waħda jiġu koperti b’Gewährträgerhaftung sakemm l-maturità tagħhom ma kinitx tiġi wara l-31 ta’ Diċembru tal-2015; dan il-kunċett kien magħruf bħala “grandfathering”. Ara l-każ dwar l-għajnuna mill-Istat E 10/2000 (ĠU C 146, 19.6.2002, p. 6, u ĠU C 150, 22.6.2002, p. 7).

    (6)  ĠU C 4, 9.1.2008, p. 1. Ara wkoll http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/register/ii/doc/NN-19-2006-WLWL-en-18.7.2007.pdf

    (7)  Ara l-istqarrija għall-istampa tat-8 ta’ Frar tal-2008, f’:http://www.westlb.de/cms/sitecontent/westlb/westlb_de/en/wlb/ui/news/newscontainer/news_2008/S_P.standard.gid-N2FkNDZmMzU4OWFmYTIyMWM3N2Q2N2Q0YmU1NmI0OGU_.html

    (8)  Il-miżura tista’ titqies li tikkostitwixxi ħelsien tal-assi (skont it-tifsir tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità, ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1), iżda hi differenti minn miżura tal-ħelsien tal-assi primarjament għax meta portafoll tal-assi jiġi trasferit lil Phoenix Light is-sidien kollha tal-WestLB iħallsu l-ispejjeż tat-transazzjonijiet skont l-ishma rispettivi tagħhom. L-effett tal-miżura hu komparabbli ma’ dak ta’ injezzjoni kapitali mill-azzjonisti eżistenti. Filwaqt li hu minnu li WestLB hu proprjetà tal-Land ta’ North Rhine-Westphalia u ta’ entitajiet tal-istat, is-sidien minkejja kollox aġixxew fil-kapaċità tagħhom ta’ sidien tal-bank, u mhux bħala terzi partijiet indipendenti mis-sidien. Barra minn hekk, it-transazzjoni seħħet f’Marzu tal-2008. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-assi indeboliti ġiet approvata biss fi Frar tal-2009, u ma tapplikax hawn.

    (*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

    (9)  Tqassim tal-portafoll ta’ €23 biljun skont it-tip ta’ titolu: obbligi ta’ djun garantiti tal-Istati Uniti u Ewropej (CDOs), €[…] biljun; krediti ipotekarji kummerċjali, €[…] biljun; krediti ipotekarji residenzjali, €[…] biljun; u pożizzjonijiet oħra, €[…] biljun. Fil-31 ta’ Diċembru tal-2007 80 % tat-titoli kellhom klassifikazzjoni S&P AAA.

    (10)  Dawn huma drittijiet li ngħataw lill-assoċjazzjonijiet tal-banek tat-tfaddil meta akkwistaw ishma maġġuri f’nofs l-2004.

    (11)  Sakemm dan ikun jista’ jsir bi prezz ‘il fuq mill-valur tal-kotba; inkella sal-aħħar tal-2010.

    (12)  Jekk kwalunkwe mill-kumpaniji sussidjarji tkun identika għal waħda mis-seba’ lokazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jinżammu, għandha tinbiegħ bħala parti mill-bejgħ ta’ WestLB sal-aħħar tal-2011.

    (13)  Il-lokazzjonijiet li ġejjin jistgħu jinżammu: Düsseldorf, Berlin, Frankfurt, Hamburg, Munich u Stuttgart.

    (14)  Sabiex jingħata inċentiv ħalli jitħaffef il-bejgħ, sid ġdid jista’ jżomm tliet lokazzjonijiet tal-WestLB oħra sakemm il-bejgħ jitlesta sal-aħħar tal-2010.

    (15)  Il-lokazzjonijiet li ġejjin jistgħu jinżammu: Londra, New York, Hong Kong, Moska, Sydney, Istanbul u São Paulo.

    (16)  Minbarra l-valur tas-suq tad-derivattivi.

    (17)  Attivitajiet ta’ negozju għal kontijiet ta’ klijenti u attivitajiet ta’ negozju aċċettati b’mod ġenerali għall-ġestjoni tat-total tal-karta tal-bilanċ jibqgħu jkunu ammissibbli.

    (18)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju tal-1998 fil-każ 1454/98 (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28).

    (19)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju tal-2007 fil-każ C 50/06 (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 7).

    (20)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar tal-2004 fil-każ C 327/20 (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1).

    (21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 t’Ottubru tal-2008 fil-każ C 50/10 (li għadha ma ġietx ippubblikata).

    (22)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju tal-2008 fil-każ C 9/2008 Sachsen LB, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali: http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/register/ii/doc/C-9-2008-WLWL-en-4.6.2008.pdf.

    (23)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar tal-2004 fil-każ C 28/02 (ĠU L 116, 14.5.2005, p. 1, paragrafu 140).

    (24)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1).

    (25)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru tal-2008 fil-każ C 50/10 (li għadha ma ġietx ippubblikata).

    (26)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

    (27)  ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

    (28)  Ara l-Anness 4 punt II tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1). Jekk il-kummissjoni mħallsa ma tkunx konformi mal-Komunikazzjoni dwar l-assi indeboliti, għandu jkun hemm ristrutturar wiesa’ (paragrafu 41 tal-Komunikazzjoni); WestLB fil-fatt jinsab għaddej minn dan ir-ristrutturar. Għaldaqstant il-kummissjoni li għandha titħallas m’għandhiex għalfejn tiġi aġġustata.

    (29)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2); u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1).

    (30)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru tal-2008 fil-każ N 625/08 Rettungspaket für Finanzistitute in Deutschland.

    (31)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8, paragrafi 10, 32 u 42); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2, paragrafu 44); u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament tal-assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1, paragrafi 17, 58 u 59).

    (32)  B’mod espliċitu fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8, paragrafu 42).

    (33)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità, paragrafu 52, u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa, paragrafu 44.

    (34)  Ara l-Anness 2 (Mitteilung der Bundesrepublik Deutschland an die Europäische Kommission: Zwischenbericht über den Fortschritt der Konsolidierungsverhandlungen).

    (35)  Skont il-valur fuq il-ktieb tal-assi u l-maturità tad-dejn. Dan ir-raġunar ġie segwit fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, fosthom id-Deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru tal-2006 fil-każ C 44/05 Huta Stalowa Wola (ĠU L 112, 30.4.2007, p. 67, paragrafu 71); id-Deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 fil-każ C 20/06 Novoles Straža (ĠU L 29, 2.2.2008, p. 7); id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru tal-2007 fil-każ C 54/06 Bison Bial (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 41); id-Deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju tal-2008 fil-każ C 9/08 SachsenLB (li għadha ma ġietx ippubblikata); u d-Deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru tal-2008 fil-każ C 10/08 (li għadha ma ġietx ippubblikata).

    (36)  Dan jista’ jitqies differenti f’każijiet fejn il-kapital ibridu hu provdut mill-Istat fil-kuntest ta’ salvataġġ.

    (37)  Sakemm dan jista’ jsir bi prezz ‘il fuq mill-valur ta’ fuq il-ktieb; inkella sa […] 2010.


    ANNESS

    FIR-RIGWARD TAL-ARTIKOLU 2(1)

    1.1.   Il-miżuri kollha li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturar, u b’mod partikolari kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, għandhom jikkonformaw mal-avviżi maħruġa mill-Kummissjoni u mal-prassi stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet tagħha, b’attenzjoni speċjali għall-karatteristiċi speċjali tal-każ ta’ WestLB. Dawn ma jistgħux jevaduhom jew ineħħulhom l-effett tagħhom. Dan jgħodd b’mod partikolari f’każ li l-pjan ta’ ristrutturar jiġi implimentat bid-divestiment tal-oġġetti fuq il-karta tal-bilanċ għal entità li tappartjeni għas-sidien ta’ WestLB bl-għan tal-likwidazzjoni tagħhom, u għal miżuri meħuda mill-Fond tal-Istabilizzazzjoni tas-Suq Finanzjarju Speċjali (Sonderfonds Finanzmarktstabilisierung — “SoFFin”) u miżuri mmirati li jiżguraw ir-rifinanzjament ta’ WestLB. Il-Kummissjoni għandha tiġi notifikata bi kwalunkwe għajnuna mill-Istat lil WestLB qabel ma tidħol fis-seħħ.

    2.1.   Is-sidien ta’ WestLB — Westfälisch-Lippische Sparkassen- und Giroverband, Rheinische Sparkassen- und Giroverband, u — direttament u indirettament, permezz ta’ NRW. BANK – il-Land ta’ North Rhine-Westphalia, Landschaftsverband Westfalen Lippe, u Landschaftsverband Rheinland, għandhom ibiegħu l-WestLB, fit-totalità tiegħu jew f’unitajiet separati, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin, sal-31 ta’ Diċembru tal-2011.

    2.2.   Is-sidien ta’ WestLB għandhom jibdew proċedura ta’ sejħa għall-offerti skont il-paragrafi 6.1 sa 6.7 t’hawn taħt sal-31 t’Awwissu tal-2010, u jikkonkludu kuntratt ta’ bejgħ max-xerrej sal-31 t’Awwissu tal-2011, sabiex il-bejgħ ikun jista’ jibda jkollu effett sal-31 ta’ Diċembru tal-2011. Għal raġunijiet sostanzjati b’mod xieraq, il-Kummissjoni tista’ taqbel dwar bejgħ bi trattat privat jew dwar konsolidizzazzjoni ta’ Landesbanken qabel jew waqt proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

    3.1.   B’referenza għat-total tal-karta tal-bilanċ verifikata ta’ WestLB’s għal 31 ta’ Diċembru tal-2007 (€ 287 biljun), it-total tal-karta tal-bilanċ għandu jitnaqqas b’25 % sal-31 ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % sal-31 ta’ Marzu tal-2011, eskluż il-valur tas-suq tad-derivattivi (€ [20–60] biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2007). F’figuri assoluti, it-total tal-karta tal-bilanċ nett għaldaqstant għandu jitnaqqas minn € [200–280] biljun għal mhux iżjed minn € [150–250] biljun sal-31 ta’ Marzu tal-2010, eskluż il-valur tas-suq tad-derivattivi, u għal mhux iżjed minn € [80–180] biljun sal-31 ta’ Marzu tal-2011, eskluż il-valur tas-suq tad-derivattivi.

    3.2.   B’referenza għall-assi totali bir-riskju kkalkulat ta’ WestLB fil-31 ta’ Diċembru tal-2007 (€ 104 biljuni), l-assi totali bir-riskju kkalkulat għandhom jitnaqqsu b’25 % globalment sal-31 ta’ Marzu tal-2010 u b’50 % globalment sal-31 ta’ Marzu tal-2011. Għaldaqstant l-assi bir-riskju kkalkulat għandhom jitnaqqsu b’mhux iżjed minn € 78 biljun sal-31 ta’ Marzu tal-2010 u mhux iżjed minn € 52 biljun sal-31 ta’ Marzu tal-2011. Il-Kummissjoni u t-trustee għandhom hawnhekk jieħdu kont taċ-ċirkostanzi li fihom il-moviment tal-assi bir-riskju kkalkulat jiġi affetwat b’mod mhux mistenni minn fatturi esterni (fosthom stimi jew rati tal-kambju) li huma lil hinn mill-kontroll ta’ WestLB u s-sidien tiegħu.

    3.3.   It-tnaqqis fit-total tal-karta tal-bilanċ u l-assi bir-riskju kkalkulat imsemmija fil-punt 3.1 u 3.2 hu bbażat fuq il-preżunzjoni li l-portafoll tal-ħruġ hu totalment imneħħi minn fuq il-karta tal-bilanċ. Jekk dan ikun impossibbli li jinkiseb, assi (inklużi assi bir-riskju kkalkulat) minn intestaturi oħra fil-karta tal-bilanċ għandhom ikollhom il-kumpens imnaqqas sa livell komparabbli.

    4.1.   In-negozju ewlieni ta’ WestLB għandu jiġi sseparat, u kategorizzat fl-oqsma tan-negozju li ġejjin, maqsuma b’mod trasparenti f’termini operazzjonali u tan-negozju, sat-30 t’Ottubru tal-2009:

    (a)

    servizzi bankarji transazzjonali,

    (b)

    sħubija ma’ kumpaniji ta’ daqs medju u banek tat-tfaddil (Verbund/Mittelstand),

    (c)

    swieq kapitali, servizzi bankarji bl-ingrossa u finanzjament strutturat.

    4.2.   L-oqsma tan-negozju separati msemmija fil-paragrafu 4.1 għandhom jinbiegħu flimkien jew separatament sal-31 ta’ Diċembru tal-2011.

    4.3.   Waqt li l-bejgħ ikun pendenti, l-ebda mill-oqsma tan-negozju separati msemmija fil-paragrafu 4.1 ma jistgħu jitwessgħu b’amalgamazzjonijiet jew akkwiżizzjonijiet (l-ebda tkabbir estern).

    4.4.   Id-distribuzzjoni ta’ prodotti finanzjarji lil banek tat-tfaddil, li joffru servizzi bankarji transazzjonali u swieq kapitali, servizzi bankarji bl-ingrossa u servizzi ta’ finanzjament strutturat lill-membri tas-sħubija tal-banek tat-tfaddil, għandha tifforma parti mill-qasam tas-sħubija tal-kumpaniji ta’ daqs medju u tal-banek tat-tfaddil. […] m’għandhiex tifforma parti minn dan il-qasam, iżda għandha tinbiegħ separatament minn WestLB sal-31 [Frar–Mejju] tal-2010.

    4.5.   Fis-swieq kapitali, is-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-qasam tan-negozju tal-finanzi strutturati, għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin għal negozju tas-suq kapitali waqt li l-bejgħ ikun pendenti:

    (a)

    Il-volum tan-negozju tas-suq kapitali m’għandux jaqbeż € [70–100] biljun fil-karta tal-bilanċ tal-2009, sal-31 ta’ Diċembru tal-2009, € [60–90] biljun fl-2010, sal-31 ta’ Diċembru tal-2010, u € [50–80] biljun fl-2011, sal-31 ta’ Diċembru tal-2011.

    (b)

    L-assi bir-riskju kkalkulat attribwibbli għal negozju tas-suq kapitali ma jistgħux jaqbżu € [10–25] biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2009, € [5–25] biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2010, u € [5–25] biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2011.

    (c)

    WestLB għandu jieqaf jinnegozja fuq il-kont tiegħu. Dan jinkludi transazzjonijiet tal-valur relattiv u arbitrarji. L-attivitajiet tal-kummerċ għal kontijiet tal-klijenti u attivitajiet tal-kummerċ ġeneralment aċċettati għall-ġestjoni tat-totali tal-karta tal-bilanċ jibqgħu jkunu ammissibbli.

    (d)

    In-negozju fis-swieq kapitali operattivi hu ristrett għal-lokazzjonijiet f’Düsseldorf, New York, Hong Kong u Londra.

    4.6.   Fil-qasam tas-swieq kapitali, is-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat tan-negozju, ir-restrizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għal servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat tan-negozju waqt li l-bejgħ ikun pendenti:

    (a)

    Is-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat tan-negozju m’għandhomx jaqbżu € [20-40] biljun fil-karta tal-bilanċ tal-2009, sal-31 ta’ Diċembru tal-2009, € [15-35] biljun fl-2010, sal-31 ta’ Diċembru tal-2010, u € [10-30] biljun fl-2011, sal-31 ta’ Diċembru 2011.

    (b)

    L-assi bir-riskju kkalkulat attribwibbli għas-servizzi bankarji bl-ingrossa u l-finanzjament strutturat tan-negozju ma jistgħux jaqbżu € [30-60] biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2009, € [20-50] biljun fil-31 ta’ Diċembru fil-2010, u € [20-50] biljun fil-31 ta’ Diċembru tal-2011.

    (c)

    Il-lokazzjonijiet li ġejjin għandhom jingħalqu mill-aktar fis possibbli u mhux iżjed tard minn […] tal-2010:

    Münster,

    Bielefeld,

    Cologne,

    Dortmund,

    Mainz.

    (d)

    Il-kumpaniji sussidjarji, il-fergħat u l-uffiċċji tar-rappreżentazzjoni fil-lokazzjonijiet li ġejjin għandhom jingħalqu mill-aktar fis possibbli u mhux iżjed tard minn […] tal-2010:

    Toronto,

    Houston,

    Mexico City,

    Madrid,

    Milan,

    Pariġi,

    Kiev,

    Dubai,

    Johannesburg,

    Praga,

    Shanghai,

    Singapor,

    Tokyo,

    Mumbai,

    Seoul,

    Beijing.

    (e)

    Jekk WestLB jinbiegħ fit-totalità tiegħu jew f’unitajiet separati sal-31 ta’ Diċembru tal-2010, ix-xerrej jista’ jżomm tliet lokazzjonijiet oħra.

    (f)

    In-negozju eżistenti li ma jkunx naqas kompletament fiż-żmien tal-għeluq tal-lokazzjonijiet imsemmija fil-punti 4.6(c) u (d) għandu jiġi trasferit jew likwiditat b’xi mod adattat ieħor.

    (g)

    Il-lokazzjonijiet li ġejjin jistgħu jinżammu:

    Londra,

    New York,

    Hong Kong,

    Moska,

    Sydney,

    Istanbul,

    São Paulo,

    Düsseldorf,

    Berlin,

    Frankfurt am Main,

    Hamburg,

    Munich,

    Stuttgart.

    (h)

    Waqt li l-bejgħ ta’ WestLB jibqa’ pendenti, l-ebda kumpanija sussidjarju, fergħa jew uffiċċju tar-rappreżentazzjoni ma jistgħu jiġu stabbiliti fi kwalunkwe lokazzjoni ġdida.

    5.1.   Dawn l-ishma kollha ta’ WestLB għandhom jinbiegħu fit-totalità tagħhom mill-aktar fis possibbli u mhux iżjed tard minn [Frar–Mejju] tal-2010:

    Weberbank Actiengesellschaft, Berlin,

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […],

    […].

    5.2.   Jekk sa [Frar–Mejju] tal-2010 l-isforzi ta’ WestLB li jbiegħ l-ishma tiegħu f’ […] u […] jibqa’ ma jkollhomx suċċess, jistgħu jinbiegħu flimkien ma’ WestLB bil-proċedura msemmija fil-punt 6.1.

    5.3.   Bejgħ tal-ishma msemmija fil-punt 5.1 jista’ jiġi pospost, sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru tal-2010, jekk WestLB juri li l-prezz li kien jinkiseb mit-transazzjoni hu inqas mill-valur ta’ fuq il-ktieb tal-ishma fil-kontijiet individwali miżmuma minn WestLB AG skont il-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż, jew li kien se jipproduċi telf fil-kontijiet tal-grupp skont l-istandards tal-kontabilità tal-IFRS.

    5.4.   […] għandu jinbiegħ bi proċedura ta’ sejħa għall-offterti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja skont il-punti 6.1 sa 6.7, soġġett għal-limiti taż-żmien fil-punti 5.1 u 5.3.

    5.5.   L-ishma ta’ WestLB li ġejjin għandhom jinbiegħu kollha kemm huma mill-aktar fis possibbli u mhux iżjed tard minn [Frar–Mejju] 2011:

    […],

    […],

    […].

    5.6.   Il-qliegħ tal-bejgħ tal-ishma f’WestLB għandu jintuża kompletament għall-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpanija.

    5.7.   In-negozju eżistenti ta’ ishma li ma jkunux inbiegħu fil-limiti taż-żmien stabbiliti fil-punti 5.1 u 5.2 għandu jiġi trasferit jew jitħalla jiskadi wara l-limitu taż-żmien rilevanti mal-maturità tan-negozju sottostanti. L-ebda negozju ġdid m’għandu jiġi aċċettat.

    5.8.   Waqt li l-bejgħ ikun pendenti, fil-każ ta’ telf, WestLB m’għandux jagħmel ħlas fuq strumenti kapitali ibridi. Jekk il-karta tal-bilanċ ta’ WestLB, mingħajr aġġustament tar-riservi kapitali, turi telf, dawn l-istrumenti għandhom jipparteċipaw ukoll fit-telf.

    6.1.   WestLB għandu jinbiegħ, fit-totalità tiegħu jew f’unitajiet separati, fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, soġġetta għal-limiti taż-żmien fil-punti 2.1 u 2.2.

    6.2.   Il-proċedura għandha tkun miftuħa għal kwalunkwe xerrej potenzjali, domestiku jew barrani. Il-kundizzjonijiet tal-bejgħ ma jistax ikun fihom l-ebda klawżola li b’mod mhux mistħoqq tillimita n-numru ta’ offerenti potenzjali jew li hi mfassla għal offerenti potenzjali partikolari.

    6.3.   Il-bejgħ għandu jiġi pubbliċizzat b’mod xieraq. Dan għandu jsir billi jiġi reklamat mill-inqas f’gazzetta jew pubblikazzjoni perjodika internazzjonali waħda disponibbli madwar il-Komunità bil-linga Ingliża. Safejn hu legalment possibbli, l-offerenti għandhom jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa bil-proċeduri tad-diliġenza dovuta. Ix-xerrejja għandhom jintgħażlu fuq kriterji ekonomiċi.

    6.4.   Ix-xerrej

    (a)

    irid ikun terza parti mhux konnessa mas-sidien ta’ WestLB; parti “mhux konnessa” hawnhekk tfisser kwalunkwe parti li mhix konnessa ma’ kwalunkwe kumpanija li tappartjeni għall-grupp skont it-tifsir tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 (1);

    (b)

    għandu b’mod raġjonevoli jkun mistenni li jkun kapaċi jikseb l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa kollha mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rilevanti kollha u awtoritajiet oħra għall-kisba tal-ishma f’WestLB;

    (c)

    fuq il-bażi tar-riżorsi finanzjarji tiegħu u b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tiegħu, għandu jkun kapaċi li jiżgura s-solvenza tal-bank.

    6.5.   Id-divestiment sħiħ tal-oqsma tan-negozji segmentati għandu jiġi preferut għal trasferiment sempliċi tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti (“50 % u sehem ieħor”). Trasferiment ta’ din ix-xorta tal-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti hu ammissibbli biss jekk fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti ma ssir l-ebda offerta għad-divestiment sħiħ ta’ qasam tan-negozju segmentat wieħed jew iżjed. Il-Kummissjoni għandha tkun informata bl-għoti tat-tender, u tista’ tagħmel oġġezzjoni.

    6.6.   Dan hu mingħajr ħsara għall-possibbiltà msemmija fil-punt 2.2 ta’ bejgħ permezz ta’ trattat privat jew konsolidazzjoni ta’ Landesbanken bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Is-sidien preċedenti jistgħu għaldaqstant isiru l-azzjonisti tal-minoranza jekk tintilef il-maġġoranza li tikkontrolla.

    6.7.   L-oqsma u l-attivitajiet tan-negozju li ma jinbiegħx għandhom finalment ma jitkomplewx sal-31 ta’ Diċembru tal-2011, jew jitħallew li jiskadu wara dik id-data mal-maturità tan-negozju sottostanti.

    7.1.   L-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-kundizzjonijiet kollha għandha tiġi sorveljata b’mod kontinwu u komprensiv u tiġi vverifikata fid-dettall minn trustee kwalifikat b’mod xieraq, preferibbilment minn akkawntants kwalifikati (Wirtschaftsprüfer). Fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, WestLB għandu jinnomina trustee indipendenti adattat lill-Kummissjoni. It-trustee għandu jinħatar biss bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ ssaqsi lit-trustee biex jipprovdi spjegazzjonijiet u kjarifiki. L-ispejjeż tas-servizzi tat-trustee għandhom jitħallsu minn WestLB.

    7.2.   Waqt l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess mhux limitat għall-informazzjoni kollha meħtieġa għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista’ ssaqsi lil WestLB biex tipprovdi spjegazzjonijiet u kjarifiki. Il-Ġermanja u WestLB għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni, u bit-trustee li jaġixxi għall-Kummissjoni, b’risposta għal kwalunkwe rikjesta b’rabta mas-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    7.3.   Kull sena sal-2011 inklużiva, il-Ġermanja għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport ta’ progress imfassal bl-assistenza tat-trustee imsemmi fil-punt 7.1. Ir-rapport għandu jkun fih reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturar u dettalji tal-bejgħ u l-għeluq kollha tal-kumpaniji sussidjarji, dipartimenti u lokazzjonijiet skont din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu juri d-data tal-bejgħ jew l-għeluq, il-valur tal-ktieb fil-31 ta’ Diċembru tal-2007, il-prezz tal-bejgħ, il-profitti jew it-telf kollha b’rabta mal-bejgħ jew l-għeluq, u dettalji ta’ passi li għad iridu jittieħdu għall-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturar. Ir-rapport għandu jintbgħat kull sena fi żmien xahar mill-approvazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ WestLB mill-bord superviżorju ta’ WestLB, iżda mhux iżjed tard mill-31 ta’ Mejju.

    FIR-RIGWARD TAL-ARTIKOLU 2(2)

    Meta tiġi applikata l-klawżola ta’ reviżjoni fl-Artikolu 2(2), il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet tal-provvista u s-sitwazzjoni fis-swieq kapitali.


    (1)  ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.


    Top