EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0371

Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2017; Revokat u sostitwit bi 32016R0794

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/371/oj

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ April 2009

li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

(2009/371/ĠAI)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1)(b), l-Artikolu 30(2)u l-Artikolu 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) ġie miftiehem fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 1992, u rregolat fil-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta’ L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (“Konvenzjoni Europol”) (2).

(2)

Il-Konvenzjoni Europol kienet is-suġġett ta’ numru ta’ emendi stabbiliti fi tliet protokolli li daħħlu fis-seħħ wara proċess twil ta’ ratifika. Konsegwentement, is-sostituzzjoni tal-Konvenzjoni b’Deċiżjoni tiffaċilita iżjed emendi kif meħtieġ.

(3)

Is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-qafas legali tal-Europol jistgħu jinkisbu parzjalment permezz tal-istabbiliment tal-Europol bħala entità tal-Unjoni, iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-applikazzjoni sussegwenti tar-regoli u l-proċeduri ġenerali.

(4)

L-istrumenti legali reċenti li jistabbilixxu entitajiet simili tal-Unjoni fl-oqsma koperti mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-ħsieb li tiġi rinforzata l-ġlieda kontra reati serji (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 li tistabbilixxi Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) (4) ħadu l-forma ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill, billi dawn id-Deċiżjonijiet huma adattabbli iżjed faċilment għal ċirkostanzi li jinbidlu u prijoritajiet politiċi emerġenti.

(5)

L-istabbiliment tal-Europol bħala entità tal-Unjoni, iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ser itejjeb ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-kontroll fuq l-Europol, permezz tal-involviment tal-Parlament Ewropew fl-adozzjoni ta’ dak il-baġit, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment, u l-proċedura ta’ kwittanza.

(6)

L-assuġġettament tal-Europol għar-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għal entitajiet simili tal-Unjoni ser jiżgura simplifikazzjoni amministrattiva li ser jippermetti lill-Europol jiddedika iżjed mir-riżorsi tiegħu għall-kompiti ewlenin tiegħu.

(7)

Is-simplifikazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-funzjonament tal-Europol jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri mmirati biex iwessgħu l-possibbiltajiet għall-Europol biex jassisti u jappoġġa l-awtoritajiet kompetenti ta’ nfurzar tal-liġi tal-Istati Membri, mingħajr provvediment għal setgħat eżekuttivi għall-persunal tal-Europol.

(8)

Titjib partikolari ikun li jiġi żgurat li l-Europol ikun jista’ jassisti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-ripressjoni ta’ forom speċifiċi ta’ reati serji, mingħajr il-limitazzjoni attwali li li għandu jkun hemm indikazzjonijiet fattwali li tkun involuta struttura kriminali organizzata.

(9)

L-istabbiliment ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti għandu jiġi nkoraġġit u huwa importanti li l-persunal tal-Europol ikun kapaċi jipparteċipa fihom. Biex jiġi żgurat li tali parteċipazzjoni hija possibbli f’kull Stat Membru, jeħtieġ li jiġi garantit li l-persunal tal-Europol ma jibbenefikax mill-applikazzjoni ta’ immunitajiet waqt li jkun qed jipparteċipa f’kapaċità ta’ appoġġ fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti. Dak ikun possibbli wara l-adozzjoni ta’ Regolament għal dak il-għan abbażi tal-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej.

(10)

L-unitajiet nazzjonali tal-Europol għandhom ikollhom aċċess dirett għad-data kollha tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol biex jevitaw proċeduri mhux meħtieġa.

(11)

Bil-għan li jilħaq l-objettivi tiegħu, l-Europol jipproċessa data personali b’mezzi awtomatiċi jew f’fajls manwali strutturali. Għalhekk, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi garantit livell ta’ protezzjoni tad-data li jikkorrispondi almenu għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali iffirmata fi Strasburgu fit-28 ta’ Jannar 1981, flimkien mal-emendi sussegwenti tagħha, ladarba emendi bħal dawn ikunu fis-seħħ bejn l-Istati Membri.

(12)

Se ssir applikabbli, għat-trasferiment ta’ data personali minn Stati Membri lill-Europol, Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Is-sett rilevanti ta’ dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tad-data tad-Deċiżjoni mhux ser jintlaqat minn dik id-Deċiżjoni Kwadru u din id-Deċiżjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet iżjed fid-dettall minħabba n-natura, il-funzjonijiet u l-kompetenzi partikolari tal-Europol.

(13)

Jeħtieġ Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data li għandu jkun responsabbli biex jiżgura, b’mod indipendenti, il-legalità tal-ipproċessar tad-data u l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali, inkuż l-ipproċessar ta’ data personali dwar il-persunal tal-Europol li huma protetti bl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ tali data  (5).

(14)

Il-possibbiltajiet eżistenti tal-Europol għall-ħolqien u l-ġestjoni ta’ sistemi ta’ pproċessar ta’ informazzjoni bħala appoġġ għall-kompiti tiegħu għandhom isiru aktar ampji. Sistemi addizzjonali bħal dawn ta’ pproċessar ta’ informazzjoni għandhom jiġu stabbiliti u ġestiti skont il-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tad-data li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali tat-28 Jannar 1981 u fir-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ Settembru 1987, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni approvata mill-Kunsill.

(15)

Din id-Deċiżjoni tippermetti li jittieħed kont tal-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali.

(16)

Sabiex jissodisfa l-missjoni tiegħu, l-Europol għandu jikkopera mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, inkluż l-Eurojust, waqt li jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data.

(17)

L-Europol għandu jkun kapaċi jikkonkludi strumenti ta’ ftehim u arranġamenti ta’ ħidma ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Komunità jew tal-Unjoni sabiex iżid l-effikaċja reċiproka fir-ripressjoni ta’ forom serji ta’ kriminalità li jaqgħu fil-kompetenza rispettiva taż-żewġ partijiet u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol.

(18)

Il-possibbiltajiet tal-Europol għall-koperazzjoni ma’ Stati terzi u organizzazzjonijiet għandha tiġi razzjonalizzata sabiex tiżgura konsistenza mal-politika ġenerali tal-Unjoni f’dak ir-rigward u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ġodda dwar kif tali koperazzjoni għandha ssir fil-futur.

(19)

It-tmexxija tal-Europol għandha tittejjeb permezz ta’ proċeduri simplifikati u deskrizzjonijiet iżjed ġenerali tal-kompiti tal-Bord ta’ Amministrazzjoni u l-istabbiliment ta’ regola komuni li d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.

(20)

Huwa wkoll kunsiljabbli li jsir provvediment għat-tisħiħ tal-kontroll fuq l-Europol mill-Parlament Ewropew biex jiġi żgurat li l-Europol jibqa’ organizzazzjoni responsabbli u trasparenti, b’kont debitu meħud tan-neċessità li tiġi salvagwardjata l-konfidenzjalità ta’ informazzjoni operattiva.

(21)

Il-kontroll ġudizzjarju fuq l-Europol ser jiġi eżerċitat skont l-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(22)

Sabiex l-Europol ikun jista’ jkompli jwettaq il-kompiti tiegħu skont l-aħjar abbiltajiet tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti miżuri transizzjonali mħejjija akkuratament.

(23)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ entità responsabbli għall-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fil-livell tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membru u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(24)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

STABBILIMENT U KOMPITI

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni dwar l-Europol).

L-Europol għandu jkollu s-sede tiegħu fl-Aja, l-Olanda.

2.   L-Europol, kif imsemmi f’din id-Deċiżjoni, għandu jitqies bħala s-suċċessur legali tal-Europol, kif stabbilit mill-Konvenzjoni dwar l-Europol.

3.   L-Europol għandu jżomm kuntatt ma’ unità nazzjonali waħda f’kull Stat Membru, li għandha tiġi stabbilita jew maħtura skont l-Artikolu 8.

Artikolu 2

Kapaċità ġuridika

1.   L-Europol għandu jkollu personalità ġuridika.

2.   F’kull Stat Membru l-Europol għandu jgawdi mill-kapaċitá ġuridika u kuntrattwali l-aktar estiża mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. L-Europol jista’, b’mod partikolari, jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista’ jkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-Europol għandu jkollu s-setgħa li jikkonkludi Ftehim ta’ Kwartieri Ġenerali mar-Renju tal-Olanda.

Artikolu 3

Objettiv

L-objettiv tal-Europol għandu jkun li jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-koperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar.

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “awtoritajiet kompetenti” tfisser il-korpi pubbliċi kollha eżistenti fl-Istati Membri, li huma responsabbli taħt il-liġi nazzjonali għall-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ reati kriminali.

Artikolu 4

Kompetenza

1.   Il-kompetenza tal-Europol għandha tkopri l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja kif elenkati fl-Anness I, li jolqtu żewġ Stati Membri jew aktar b’tali mod li jkun jenħtieġ approċċ komuni mill-Istati Membri minħabba l-iskala, l-importanza u l-konsegwenzi tar-reati.

2.   Fuq rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet tiegħu għall-Europol, b’mod partikolari b’kont meħud tal-analiżi strateġiċi u l-istimi ta’ theddid imħejjijin mill-Europol.

3.   Il-kompetenza tal-Europol għandha tkopri wkoll reati kriminali relatati. Ir-reati li ġejjin għandhom jitqiesu bħala reati kriminali relatati:

(a)

reati kriminali kommessi biex jinkisbu l-mezzi sabiex isiru atti li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol;

(b)

reati kriminali kommessi biex jiġu ffaċilitati jew imwettqa atti li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol;

(c)

reati kriminali kommessi biex tiġi żgurata l-impunità ta’ atti li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol.

Artikolu 5

Kompiti

1.   L-Europol għandu jkollu l-kompiti prinċipali li ġejjin:

(a)

jiġbor, jikkonserva, jipproċessa, janalizza u jiskambja informazzjoni u intelligence;

(b)

jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mingħajr dewmien permezz tal-unità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 b’informazzjoni li jikkonċernawhom u bi kwalunkwe konnessjonijiet identifikati bejn reati kriminali;

(c)

jgħin investigazzjonijiet fl-Istati Membri, b’mod partikolari billi jgħaddi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-unitajiet nazzjonali;

(d)

jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati jniedu, iwettqu jew jikkoordinaw investigazzjonijiet u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti f’każijiet speċifiċi;

(e)

jipprovdi intelligence u appoġġ analitiku lill-Istati Membri f’konnessjoni ma’ avvenimenti internazzjonali maġġuri;

(f)

jħejji stimi ta’ theddid, analiżi strateġiċi u rapporti ġenerali ta’ sitwazzjoni relatati mal-objettiv tiegħu, inklużi stimi ta’ theddid ta’ kriminalità organizzata.

2.   Il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-kompiti tagħhom ta’ ġbir u analiżi ta’ informazzjoni mill-Internet biex tingħata assistenza fl-identifikazzjoni ta’ attivitajiet kriminali li jiġu ffaċilitati jew imwettqa permezz tal-Internet.

3.   L-Europol għandu jkollu l-kompiti addizzjonali li ġejjin:

(a)

li jiżviluppa konoxxenza speċjalizzata tal-proċeduri investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jipprovdi parir dwar l-investigazzjonijiet;

(b)

li jipprovdi intelligence strateġika li tassisti u tippromwovi l-użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għal attivitajiet operattivi u appoġġ għal tali attivitajiet.

4.   Addizzjonalment, fil-kuntest tal-objettivi tiegħu taħt l-Artikolu 3, l-Europol jista’, skont ir-riżorsi ta’ persunal u r-riżorsi baġitarji li jkunu disponibbli lilu u fil-limiti stabbiliti mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, jassisti lill-Istati Membri permezz ta’ appoġġ, pariri u riċerka fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-taħriġ ta’ membri tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, fejn xieraq f’koperazzjoni ma’ Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija;

(b)

l-organizzazzjoni u t-tagħmir ta’ dawk l-awtoritajiet billi jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ appoġġ tekniku bejn l-Istati Membri;

(c)

metodi ta’ prevenzjoni tal-kriminalità;

(d)

metodi u analiżi tekniċi u forensiċi, u proċeduri investigattivi.

5.   L-Europol għandu jservi wkoll bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-Euro skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI tat- 12 ta’ Lulju 2005 dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni (6), permezz tan-nomina tal-Europol bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro. L-Europol jista’ jħeġġeġ ukoll il-koordinazzjoni ta’ miżuri, mwettqa fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew fil-kuntest ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti, fejn ikun il-każ b’kollegament ma’ entitajiet tal-Unjoni u ma’ korpi ta’ Stati terzi. Fuq talba, l-Europol jista’ jappoġġa finanzjarjament investigazzjonijiet kontra l-falsifikazzjoni tal-euro.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti

1.   Il-persunal tal-Europol jista’ jipparteċipa f’kapaċità ta’ appoġġ fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti, inklużi dawk l-iskwadri stabbiliti skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti (7), skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar assistenza reċiproka f’materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (8), jew skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997 dwar assistenza reċiproka u koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali (9), sa fejn dawk l-iskwadri jkunu qed jinvestigaw reati kriminali li fir-rigward tagħhom huwa kompetenti l-Europol skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni.

Il-persunal tal-Europol jista’, fil-limiti previsti mil-liġi tal-Istat Membru fejn topera l-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta u skont l-arranġament imsemmi fil-paragrafu 2, jassisti fl-attivitajiet kollha u jiskambja informazzjoni mal-membri kollha tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta, skont il-paragrafu 4. Madankollu, huwa m’għandux jieħu sehem fit-teħid ta’ kwalunkwe miżura koerċitiva.

2.   L-implimentazzjoni amministrattiva tal-parteċipazzjoni ta’ persunal tal-Europol fi skwadra ta’ investigazzjoni konġunta għandha tiġi stabbilita f’arranġament bejn id-Direttur u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta, bl-involviment tal-unitajiet nazzjonali. Ir-regoli li jirregolaw tali arranġamenti għandhom jiġu ddeterminati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

3.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li taħthom il-persunal tal-Europol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta.

4.   Skont l-arranġament imsemmi fil-paragrafu 2, il-persunal tal-Europol jista’ jagħmel kollegament dirett mal-membri tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta u jipprovdi lill-membri u lill-membri sekondati tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta, skont id-Deċiżjoni preżenti, b’informazzjoni minn kwalunkwe mill-komponenti tas-sistemi ta’ pproċessar ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10. F’każ ta’ tali kollegament dirett, il-Europol għandu fl-istess ħin jinforma lill-unitajiet nazzjonali tal-Istati Membri rrappreżentati fl-iskwadra kif ukoll dawk tal-Istati Membri li pprovdew l-informazzjoni dwar dan.

5.   L-informazzjoni miksuba minn membru tal-persunal tal-Europol waqt li jkun parti minn skwadra ta’ investigazzjoni konġunta tista’, bil-kunsens u taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni, tiġi inkluża fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tas-sistemi kompjuterizzati tal-informazzjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

6.   Waqt l-operazzjonijiet ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta, il-persunal tal-Europol għandu, fir-rigward ta’ reati kommessi kontrih jew minnu, ikun suġġett għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-operazzjoni applikabbli għal persuni b’funzjonijiet komparabbli.

Artikolu 7

Talbiet mill-Europol għall-inizjazzjoni ta’ investigazzjonijiet kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jittrattaw kwalunkwe talba mill-Europol biex jiġu inizjati, immexxija jew ikkoordinati investigazzjonijiet f’każijiet speċifiċi u għandhom jikkunsidraw tali talbiet kif dovut. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Europol jekk l-investigazzjoni mitluba tkunx ser tiġi inizjata.

2.   Qabel ma jitlob l-inizjazzjoni ta’ investigazzjonijiet kriminali, l-Europol għandu jinforma lill-Eurojust dwar u skont il-każ.

3.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiddeċiedu li ma jikkonformawx ma’ talba mill-Europol, huma għandhom jinformaw lill-Europol bid-deċiżjoni tagħhom u bir-raġunijiet għal dan sakemm ma jkunx possibbli li jagħtu r-raġunijiet tagħhom għaliex:

(a)

jekk jagħmlu dan, ikunu qed jagħmlu ħsara lil interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali; jew

(b)

jekk jagħmlu dan, ikunu qed jipperikolaw is-suċċess ta’ investigazzjonijiet li jkunu qed isiru jew is-sigurtà ta’ individwi.

4.   It-tweġibiet għal talbiet mill-Europol biex jiġu inizjati, immexxija jew ikkoordinati investigazzjonijiet f’każijiet speċifiċi u l-informazzjoni għall-Europol dwar ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet għandhom jiġu mgħoddija permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont ir-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u l-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti.

Artikolu 8

Unitajiet nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar unità nazzjonali responsabbli biex twettaq il-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. F’kull Stat Membru għandu jinħatar uffiċjal bħala kap tal-unità nazzjonali.

2.   L-unità nazzjonali għandha tkun l-uniku korp ta’ kollegament bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti maħturin u l-Europol suġġett għall-kondizzjonijiet determinati mill-Istat Membru konċernat, li jistgħu jinkludu l-involviment preċedenti tal-unità nazzjonali.

L-unità nazzjonali għandha simultanjament tirċievi mill-Europol kwalunkwe informazzjoni skambjata matul il-kuntatti diretti bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti maħturin. Ir-relazzjonijiet bejn l-unità nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu regolati mil-liġi nazzjonali, u b’mod partikolari, mir-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali rilevanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-unitajiet nazzjonali jkunu kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom u, b’mod partikolari, ikollhom aċċess għal data nazzjonali rilevanti.

4.   L-unitajiet nazzjonali għandhom:

(a)

jipprovdu lill-Europol fuq l-inizjattiva tagħhom stess bl-informazzjoni u l-intelligence meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu;

(b)

jirrispondu għat-talbiet tal-Europol għal informazzjoni, intelligence u parir;

(c)

iżommu aġġornati l-informazzjoni u l-intelligence;

(d)

jivvalutaw informazzjoni u intelligence skont il-liġi nazzjonali għall-awtoritajiet kompetenti u jittrasmettulhom dak il-materjal;

(e)

jitolbu pariri, informazzjoni, intelligence u analiżi mingħand l-Europol;

(f)

jipprovdu lill-Europol b’informazzjoni għall-konservazzjoni fid-databases tiegħu;

(g)

jiżguraw konformità mal-liġi f’kull skambju ta’ informazzjoni bejniethom u l-Europol.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-ordni skont il-liġi u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, unità nazzjonali m’għandhiex tkun obbligata f’każ partikolari li tipprovdi informazzjoni u intelligence jekk dan ifisser:

(a)

li ssir ħsara lill-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali; jew

(b)

li jiġi pperikolat is-suċċess ta’ investigazzjoni kurrenti jew is-sigurtà ta’ individwi; jew

(c)

li tiġi żvelata informazzjoni relattiva għal organizzazzjonijiet jew għal attivitajiet speċifiċi ta’ intelligence fil-qasam tas-sigurtà Statali.

6.   L-ispejjeż magħmula mill-unitajiet nazzjonali fil-komunikazzjonijiet mal-Europol għandhom jitħallsu mill-Istati Membri u, minbarra l-ispejjeż ta’ konnessjoni, m’għandhomx jiġu addebitati lill-Europol.

7.   Il-kapijiet tal-unitajiet nazzjonali għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari biex jassistu lill-Europol fi kwistjonijiet operattivi, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-Bord ta’ Amministrazzjoni jew tad-Direttur, b’mod partikolari sabiex:

(a)

jikkunsidraw u jiżviluppaw proposti li jtejbu l-effikaċja operattiva tal-Europol u jinkoraġġixxu impenn mill-Istati Membri;

(b)

jivvalutaw ir-rapporti u l-analiżi abbozzati mill-Europol skont l-Artikolu 5(1)(f) u jiżviluppaw miżuri sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tagħhom;

(c)

jipprovdu appoġġ fl-istabbiliment ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti li jinvolvu l-Europol skont l-Artikolu 5(1)(d) u l-Artikolu 6.

Artikolu 9

Uffiċjali ta’ kollegament

1.   Kull unità nazzjonali għandha tissekonda mill-inqas uffiċjal ta’ kollegament wieħed għall-Europol. Ħlief jekk jiġi stipulat mod ieħor f’dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Deċiżjoni, l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom ikunu suġġetti għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru sekondant.

2.   L-uffiċjali ta’ kollegament għandhom jikkostitwixxu l-uffiċċji nazzjonali ta’ kollegament tal-Europol u għandhom jingħataw istruzzjonijiet mill-unitajiet nazzjonali tagħhom biex jirrappreżentaw l-interessi ta’ dawn tal-aħħar fl-Europol skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru sekondant u konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-amministrazzjoni tal-Europol.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(4) u (5), l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom:

(a)

jipprovdu lill-Europol b’informazzjoni mill-unità nazzjonali sekondanti;

(b)

jgħaddu informazzjoni mill-Europol lill-unità nazzjonali sekondanti;

(c)

jikkoperaw mal-persunal tal-Europol billi jipprovdu informazzjoni u jagħtu parir; u

(d)

jassistu fl-iskambju ta’ informazzjoni mill-unitajiet nazzjonali tagħhom mal-uffiċjali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħra taħt ir-responsabbiltà tagħhom skont il-liġi nazzjonali. Dawn l-iskambji bilaterali jistgħu wkoll ikopru reati kriminali barra l-kompetenza tal-Europol, sa fejn ikun permess mill-liġi nazzjonali.

4.   L-Artikolu 35 għandu japplika mutatis mutandis għall-attivitajiet tal-uffiċjali ta’ kollegament.

5.   Id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali ta’ kollegament fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu ddeterminati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

6.   L-uffiċjali ta’ kollegament għandhom igawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet meħtieġa għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom skont l-Artikolu 51(2).

7.   L-Europol għandu jiżgura li l-uffiċjali ta’ kollegament ikunu kompletament informati dwar u assoċjati mal-attivitajiet tiegħu kollha, sa fejn dak ikun kompatibbli mal-pożizzjoni tagħhom.

8.   L-Europol għandu jipprovdi lill-Istati Membri mingħajr ħlas il-postijiet meħtieġa fil-bini tal-Europol u appoġġ adegwat għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom mal-uffiċjali ta’ kollegament tagħhom. L-ispejjeż l-oħra kollha li jinħolqu mill-konnessjoni mas-sekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament għandhom jitħallsu mill-Istat Membru sekondant, inklużi l-ispejjeż ta’ tagħmir għall-uffiċjali ta’ kollegament, sakemm il-Bord ta’ Amministrazzjoni ma jirrakkomandax mod ieħor f’każijiet speċifiċi meta jfassal il-baġit tal-Europol.

KAPITOLU II

SISTEMI TA’ PPROĊESSAR TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 10

L-ipproċessar tal-informazzjoni

1.   Sa fejn ikun meħtieġ sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu, l-Europol għandu jipproċessal-informazzjoni u l-intelligence, inkluża d-data personali, konformement ma’ din id-Deċiżjoni. L-Europol għandu jistabbilixxi u jżomm is-Sistema ta’ Informazzjoni Europol imsemmija fl-Artikolu 11, u r-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi imsemmijin fl-Artikolu 14. L-Europol jista’ wkoll jistabbilixxi u jżomm sistemi oħrajn li jipproċessaw data personali stabbiliti skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur, b’kont meħud tal-possibbiltajiet offruti mis-sistemi eżistenti tal-Europol ta’ pproċessar ta’ informazzjoni, u wara konsultazzjoni mal-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll, għandu jiddeċiedi dwar l-istabbiliment ta’ sistema ġdida għall-ipproċessar ta’ data personali. Dik id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-approvazzjoni.

3.   Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li taħthom l-Europol jista’ jistabbilixxi s-sistema ġdida ta’ pproċessar ta’ data personali. Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tista’ tippermetti l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 14(1), iżda mhux l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali. Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandha tiżgura li l-miżuri u l-prinċipji msemmija fl-Artikoli 18 sa 20, 26, 28 u 34 jiġu implimentati korrettament. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandha tiddefinixxi l-għan tas-sistema l-ġdida, l-aċċess għad-data u l-użu tagħha, kif ukoll il-limiti ta’ żmien għall-konservazzjoni u t-tħassir tad-data.

4.   L-Europol jista’ jipproċessa data għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk tali data tkunx rilevanti għall-kompiti tiegħu, u jekk tistax tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Europol kif imsemmija fl-Artikolu 11, fir-reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi imsemmijin fl-Artikolu 14 u f’sistemi oħrajn li jipproċessaw data personali stabbiliti skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur u wara konsultazzjoni mal-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll, għandu jiddetermina l-kondizzjonijiet relatati mal-ipproċessar tat-tali data, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-użu tagħha, kif ukoll il-limiti ta’ żmien għall-konservazzjoni u t-tħassir tad-data li ma jistgħux jaqbżu s-sitt xhur, wara li jittieħed kont dovut tal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 27. Dik id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-approvazzjoni.

Artikolu 11

Sistema ta’ Informazzjoni Europol

1.   L-Europol għandu jżomm is-Sistema ta’ Informazzjoni Europol.

2.   L-Europol għandu jiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni li jirregolaw il-funzjonament tas-Sistema ta’ Informazzjoni Europol. Huwa għandu jkun responsabbli għall-funzjonament korrett tas-Sistema ta’ Informazzjoni Europol fl-aspetti tekniċi u operattivi u għandu, partikolarment, jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li l-miżuri msemmijin fl-Artikoli 20, 29, 31 u 35 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni jiġu implimentati b’mod korrett.

3.   L-unità nazzjonali f’kull Stat Membru għandha tkun responsabbli għall-komunikazzjoni mas-Sistema ta’ Informazzjoni Europol. Hija għandha, partikolarment, tkun responsabbli għall-miżuri ta’ sigurtà msemmijin fl-Artikolu 35 fir-rigward tat-tagħmir tal-ipproċessar tad-data użat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 20 u, sa fejn ikun meħtieġ mil-liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi u proċeduri ta’ dak l-Istat Membru, għall-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ aspetti oħrajn.

Artikolu 12

Kontenut tas-Sistema ta’ Informazzjoni Europol

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni Europol tista’ tintuża biex tipproċessa tali data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol. Id-data mdaħħla għandha tkun dwar:

(a)

persuni li, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, ikunu suspettati li wettqu jew ħadu sehem f’reat kriminali li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Europol jew li ġew ikkundannati għal tali reat;

(b)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet suffiċjenti taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat biex wieħed jemmen li ser iwettqu reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol.

2.   Id-data relatata mal-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi biss id-dettalji li ġejjin:

(a)

kunjom, kunjom ta’ xebba, ismijiet attribwiti u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;

(b)

data u post tat-twelid;

(c)

nazzjonalità;

(d)

sess;

(e)

post ta’ residenza, professjoni u l-inħawi fejn tinsab il-persuna kkonċernata;

(f)

data dwar numri tas-sigurtà soċjali, liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta’ identifikazzjoni u passaport; u

(g)

fejn meħtieġ, karatteristiċi oħrajn li x’aktarx jgħinu fl-identifikazzjoni, inkluża kwalunkwe karatteristika fiżika, oġġettiva u speċifika, li ma tistax tinbidel bħad-data dattiloskopika u l-profil tad-DNA (stabbilit mill-parti non-kodifikanti tad-DNA).

3.   Minbarra d-data msemmija fil-paragrafu 2, is-Sistema ta’ Informazzjoni Europol tista’ tintuża wkoll biex jiġu pproċessati l-partikolaritajiet li ġejjin dwar il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

reati kriminali, reati kriminali allegati u meta, fejn u kif (allegatament) twettqu;

(b)

mezzi li ntużaw jew jistgħu jintużaw biex jitwettqu r-reati kriminali inkluż informazzjoni dwar persuni ġuridiċi;

(c)

dipartimenti li jittrattaw il-każ u r-referenzi reġistrati tagħhom;

(d)

sħubija suspettata f’organizzazzjoni kriminali;

(e)

kundanni, fejn jirrelataw ma’ reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol;

(f)

il-parti li qed iddaħħal id-data.

Din id-data tista’ tiddaħħal ukoll meta ma jkun għad fiha l-ebda referenza għal xi persuna. Meta l-Europol idaħħal id-data huwa stess, kif ukoll meta jagħti r-referenza tar-reġistru, huwa għandu jindika wkoll is-sors tad-data.

4.   Informazzjoni addizzjonali miżmuma mill-Europol jew l-unitajiet nazzjonali dwar il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 tista’ tiġi kkomunikata lil kwalunkwe unità nazzjonali jew l-Europol jekk dawn jitolbuha. L-unitajiet nazzjonali għandhom jagħmlu dan konformement mal-liġi nazzjonali tagħhom.

Meta l-informazzjoni addizzjonali tkun dwar xi reat kriminali relatat jew aktar kif definit fl-Artikolu 4 (3), dan għandu jkun immarkat fid-data konservata fis-Sistema ta’ Informazzjoni Europol biex l-unitajiet nazzjonali u l-Europol ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar ir-reati kriminali relatati.

5.   Jekk il-proċedimenti kontra l-persuna kkonċernata jiġu rtirati definittivament jew jekk dik il-persuna tinħeles definittivament mill-akkuża, id-data marbuta mal-każ li dwaru tkun ittieħdet waħda minn dawn id-deċiżjonijiet għandha titħassar.

Artikolu 13

Użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Europol

1.   L-unitajiet nazzjonali, l-uffiċjali ta’ kollegament u d-Direttur, il-Viċi Diretturi u l-membri tal-persunal tal-Europol, debitament awtorizzati, għandhom ikollhom id-dritt idaħħlu u jiksbu d-data direttament mis-Sistema ta’ Informazzjoni Europol. Id-data tista’ tinkiseb mill-Europol meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol f’każ partikolari. It-teħid mill-unitajiet nazzjonali u mill-uffiċjali ta’ kollegament għandu jsir konformement mal-liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi u proċeduri tal-parti li taċċessa d-data, suġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

2.   Il-parti li daħħlet id-data biss tista’ timmodifikaha, tikkoreġiha jew tħassarha. Meta xi parti oħra jkollha raġuni biex temmen li d-data kif imsemmija fl-Artikolu 12(2) m’hijiex korretta jew tixtieq tissupplimentaha, hija għandha minnufih tgħarraf lill-parti li daħħlitha. Il-parti li ddaħħal id-data għandha teżamina tali informazzjoni mingħajr dewmien u jekk meħtieġ timmodifika, tissupplimenta, tikkoreġi jew tħassar id-data minnufih.

3.   Meta s-sistema jkollha fiha data kif imsemmija fl-Artikolu 12(3) dwar persuna, kwalunkwe parti tista’ ddaħħal data addizzjonali kif imsemmija f’dik id-dispożizzjoni. Meta jkun hemm kontraddizzjoni ovvja bejn id-data mdaħħla, il-partijiet konċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jilħqu ftehim.

4.   Meta parti jkollha l-intenzjoni li tħassar għal kollox data kif imsemmija fl-Artikolu 12(2) li tkun daħħlet dwar persuna u tkun iddaħħlet data kif imsemmija fl-Artikolu 12(3) dwar l-istess persuna minn partijiet oħrajn, ir-responsabbiltà f’termini ta’ leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 29(1) u d-dritt li timmodifika, tissupplimenta, tikkoreġi u tħassar tali data skont l-Artikolu 12(2) għandhom jiġu ttrasferiti lill-parti sussegwenti li tkun daħħlet id-data kif imsemmija fl-Artikolu 12(3) dwar dik il-persuna. Il-parti li jkollha l-intenzjoni li tħassar għandha tgħarraf bl-intenzjoni tagħha lill-parti li lilha tiġi ttrasferita r-responsabbiltà f’termini ta’ protezzjoni tad-data.

5.   Ir-responsabbiltà għall-permissibbiltà tal-ksib minn, id-dħul fi u l-modifiki fis-Sistema ta’ Informazzjoni Europol għandha tkun tal-parti li twettaq il-ksib, id-dħul jew il-modifiki. Għandu jkun possibbli li dik il-parti tiġi identifikata. Il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn l-unitajiet nazzjonali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandha tkun regolata mil-liġi nazzjonali.

6.   Minbarra l-unitajiet nazzjonali u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti maħturin għal dak il-għan mill-Istati Membri jistgħu wkoll jikkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni Europol. Madankollu, ir-riżultat tal-konsultazzjoni għandu jindika biss jekk id-data mitluba hijiex disponibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni Europol. Aktar informazzjoni tista’ mbagħad tinkiseb permezz tal-unità nazzjonali.

7.   L-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti maħturin skont il-paragrafu 6, inklużi modifiki sussegwenti, għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li għandu jippubblika l-informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewopea.

Artikolu 14

Reġistri ta’ ħidma ta’ analiżi

1.   Meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ jikkonserva, jimmodifika, u juża data dwar reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, inkluża data dwar ir-reati kriminali relatati msemmija fl-Artikolu 4(3), fir-registri ta’ ħidma ta’ analiżi. Tali registri ta’ ħidma ta’ analiżi jistgħu jinkludu data dwar il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

(a)

persuni kif imsemmijin fl-Artikolu 12(1);

(b)

persuni li jistgħu jintalbu jixhdu f’investigazzjonijiet marbutin mar-reati kkonċernati jew fi proċedimenti kriminali sussegwenti;

(c)

persuni li kienu l-vittmi ta’ wieħed mir-reati kkonċernati jew li ċerti fatti dwarhom jagħtu lok biex wieħed jemmen li setgħu kienu l-vittmi ta’ tali reat;

(d)

kuntatti u assoċjati; u

(e)

persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar ir-reati kriminali kkonċernati.

L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali għandu jkun ipprojbit sakemm ma jkunx strettament meħtieġ għall-finijiet tal-file kkonċernat u sakemm tali data tissupplimenta data personali oħra diġà inkluża f’dak il-file. L-għażla ta’ grupp partikolari ta’ persuni abbażi biss tad-data sensittiva msemmija hawn fuq, bi ksur tar-regoli msemmija qabel dwar l-għan, għandha tkun ipprojbita.

Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta regoli implimentattivi għar-registri ta’ ħidma ta’ analiżi mfasslin mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu qabel ikun kiseb l-opinjoni tal-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll, li jkun fihom dettalji addizzjonali, partikolarment dwar il-kategoriji tad-data personali msemmijin f’dan l-Artikolu, dwar is-sigurtà tad-data kkonċernata u dwar is-superviżjoni interna tal-użu tagħha.

2.   Għandhom jinfetħu registri ta’ ħidma ta’ analiżi għall-finijiet ta’ analiżi ddefinita bħala l-ġbir, l-ipproċessar jew l-użu ta’ data bl-għan li jgħinu f’investigazzjonijiet kriminali. Kull proġett ta’ analiżi għandu jinkludi l-istabbiliment ta’ grupp ta’ analiżi li jassoċja mill-qrib il-parteċipanti li ġejjin:

(a)

analisti u persunal ieħor tal-Europol maħturin mid-Direttur;

(b)

l-uffiċjali ta’ kollegament u/jew esperti mill-Istati Membri li jipprovdu l-informazzjoni jew li huma kkonċernati bl-analiżi skont is-sens tal-paragrafu 4.

Huma biss l-analisti li għandhom ikunu awtorizzati jinkludu data fir-reġistru kkonċernat u jimmodifikaw tali data. Il-parteċipanti kollha fil-grupp ta’ analiżi jistgħu jiksbu data mir-reġistru.

3.   Fuq talba tal-Europol jew fuq inizjattiva tagħhom, l-unitajiet nazzjonali għandhom, suġġett għall-Artikolu 8(5), jikkomunikaw lill-Europol l-informazzjoni kollha li din tista’ teħtieġ għall-finijiet ta’ registru partikolari ta’ ħidma ta’ analiżi. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw tali data biss meta l-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ prevenzjoni, analiżi jew ripressjoni ta’ reati tkun awtorizzata wkoll mil-liġi nazzjonali tagħhom. Skond kemm hemm urġenza, id-data mill-awtoritajiet kompetenti maħturin tista’ tiġi diretta minnufih lejn ir-registri ta’ ħidma ta’ analiżi konformement mal-Artikolu 8(2).

4.   Jekk analiżi tkun ta’ natura ġenerali u ta’ tip strateġiku, l-Istati Membri kollha, permezz ta’ uffiċjali ta’ kollegament u/jew esperti, għandhom ikunu kompletament assoċjati mal-konklużjonijiet tagħha, partikolarment permezz tal-komunikazzjoni ta’ rapporti mfasslin mill-Europol.

Jekk l-analiżi tolqot każijiet speċifiċi li ma jikkonċernawx lill-Istati Membri kollha u għandha għan operattiv dirett, għandhom jipparteċipaw fiha rappreżentanti tal-Istati Membri li ġejjin:

(a)

Stati Membri li kienu s-sors tal-informazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li jinfetaħ ir-registru ta’ ħidma ta’ analiżi, jew dawk li jkunu direttament konċernati b’dik l-informazzjoni u Stati Membri li sussegwentement jiġu mistiedna mill-grupp ta’ analiżi biex jieħdu sehem fl-analiżi minħabba li jkunu qed isiru kkonċernati wkoll;

(b)

Stati Membri li wara konsultazzjoni tal-funzjoni tal-indiċi msemmija fl-Artikolu 15 isibu li jeħtieġu jkunu mgħarrfin u jiddikjaraw dik il-ħtieġa li jkunu jafu skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Il-ħtieġa li jkunu mgħarrfin tista’ tiġi dikjarata mill-uffiċjali ta’ kollegament awtorizzati. Kull Stat Membru għandu jinnomina u jawtorizza għadd limitat ta’ dawn l-uffiċjali ta’ kollegament.

Uffiċjal ta’ kollegament għandu jiddikjara l-ħtieġa li jiġi mgħarraf prevista fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 permezz ta’ dikjarazzjoni motivata bil-miktub approvata mill-awtorità li tagħha huwa jkun subordinat fl-Istat Membru tiegħu u mgħoddija lill-parteċipanti kollha fl-analiżi. Huwa għandu mbagħad jiġi awtomatikament assoċjat fl-analiżi li tkun qed issir.

Jekk titqajjem oġġezzjoni fil-grupp ta’ analiżi, l-assoċjazzjoni awtomatika għandha tiġi ddifferita sa meta tintemm proċedura ta’ konċiljazzjoni, li għandha tikkonsisti minn tliet stadji kif ġej:

(a)

il-parteċipanti fl-analiżi għandhom jippruvaw jilħqu ftehim mal-uffiċjal ta’ kollegament li qed jiddikjara l-ħtieġa li jiġi mgħarraf. Huma għandhom ikollhom mhux aktar minn tmint ijiem għal dak l-għan;

(b)

jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-Kapijiet tal-unitajiet nazzjonali kkonċernati u d-Direttur għandhom jiltaqgħu fi żmien tlett ijiem u jippruvaw jilħqu ftehim;

(c)

jekk in-nuqqas ta’ ftehim jippersisti, ir-rappreżentanti tal-partijiet konċernati fil-Bord ta’ Amministrazzjoni għandhom jiltaqgħu fi żmien tmint ijiem. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jirrinunzjax għall-ħtieġa li jiġi mgħarraf, l-assoċjazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandha tiġi deċiża b’kunsens.

6.   L-Istat Membru li jikkomunika xi data lill-Europol għandu jkun hu biss li jiġġudika l-grad ta’ sensittività tagħha u l-varjazzjonijiet ta’ dan u għandu jkollu d-dritt jiddetermina l-kondizzjonijiet tal-immaniġġar tad-data. Kull disseminazzjoni jew użu operattiv tad-data kkomunikata għandhom jiġu deċiżi mill-Istat Membru li kkomunika d-data lill-Europol. Jekk ma jistax jiġi ddeterminat liema Stat Membru kkomunika d-data lill-Europol, id-deċiżjoni dwar id-disseminazzjoni jew l-użu operattiv tad-data għandha tittieħed mill-parteċipanti fl-analiżi. Stat Membru jew espert assoċjat li jingħaqad f’analiżi li tkun għaddejja ma jistax, partikolarment, jiddissemina jew juża d-data mingħajr il-ftehim minn qabel tal-Istati Membri kkonċernati fil-bidu.

7.   B’deroga mill-paragrafu 6, f’dawk il-każijiet fejn l-Europol isib, wara li tkun iddaħħlet data f’registru ta’ ħidma ta’ analiżi, li din id-data tkun dwar persuna jew oġġett li dwarha diġà tkun ġiet inkluża fir-reġistru data mressqa minn Stat Membru ieħor jew minn parti terza, l-Istat Membru kkonċernat jew il-parti terza kkonċernata għandhom minnufih jiġu mgħarrfin bil-konnessjoni identifikata, konformement mal-Artikolu 17.

8.   L-Europol jista’ jistieden esperti mill-entitajiet imsemmija fl-Artikoli 22(1) jew 23(1) biex ikunu assoċjati mal-attivitajiet ta’ grupp ta’ analiżi, fejn:

(a)

ikun hemm fis-seħħ, bejn l-Europol u l-entità konċernata, ftehim jew arranġamenti ta’ ħidma kif msemmija fl-Artikoli 22(2) u 23(2), li jinkludu dispożizzjonijiet adatti dwar l-iskambju tal-informazzjoni, inkluża t-trasmissjoni ta’ data personali, u dwar il-konfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata;

(b)

l-assoċjazzjoni tal-esperti mill-entità tkun fl-interess tal-Istati Membri;

(c)

l-entità tkun direttament konċernata bil-ħidma ta’ analiżi; u

(d)

il-parteċipanti kollha jaqblu dwar l-assoċjazzjoni tal-esperti mill-entità mal-attivitajiet tal-grupp ta’ analiżi.

Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, l-Europol għandu jistieden esperti tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi biex jiġu assoċjati mal-attivitajiet tal-grupp ta’ analiżi, jekk il-proġett ta’ analiżi jikkonċerna frodi jew xi attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

L-assoċjazzjoni ta’ esperti minn entità mal-attivitajiet ta’ grupp ta’ analiżi għandha tkun suġġetta għal arranġament bejn l-Europol u l-entità. Ir-regoli li jirregolaw tali arranġamenti għandhom jiġu ddeterminati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Id-dettalji tal-arranġamenti bejn l-Europol u l-entitajiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll li tista’ tindirizza kwalunkwe kumment li jidhrilha meħtieġ lill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Artikolu 15

Il-funzjoni tal-indiċi

1.   L-Europol għandu joħloq funzjoni tal-indiċi għad-data konservata fir-registri ta’ ħidma ta’ analiżi.

2.   Id-Direttur, il-Viċi Diretturi, il-persunal debitament awtorizzat tal-Europol, l-uffiċjali ta’ kollegament u l-membri debitament awtorizzati tal-unitajiet nazzjonali għandhom ikollhom id-dritt ta’ aċċess għall-funzjoni tal-indiċi. Il-funzjoni tal-indiċi għandha tkun turi biċ-ċar lill-persuna li tużaha, mid-data li qed tiġi kkonsultata, jekk registru ta’ ħidma ta’ analiżi jkunx fih data li tkun ta’ interess għat-twettiq tal-kompiti tal-persuna li qed tuża l-funzjoni tal-indiċi.

3.   L-aċċess għall-funzjoni tal-indiċi għandu jkun definit b’mod li jagħmilha possibbli tiddetermina jekk punt ta’ informazzjoni tkunx konservata f’registru ta’ ħidma ta’ analiżi jew le, iżda li ma jistgħux jiġu stabbiliti konnessjonijiet jew konklużjonijiet ulterjuri dwar il-kontenut tar-reġistru.

4.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddefinixxi l-proċeduri dettaljati għat-tfassil tal-funzjoni tal-indiċi, inkluż il-kondizzjonijiet tal-aċċess għall-funzjoni tal-indiċi, wara li jinkiseb il-parir tal-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll.

Artikolu 16

Ordni biex jinfetaħ registru ta’ ħidma ta’ analiżi

1.   Għal kull registru ta’ ħidma ta’ analiżi, id-Direttur għandu jispeċifika f’ordni biex jinfetaħ ir-reġistru:

(a)

l-isem tar-reġistru;

(b)

l-għan tar-reġistru;

(c)

il-gruppi tal-persuni li dwarhom hemm konservata data;

(d)

in-natura tad-data li trid tiġi konservata u d-data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, il-fehmiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija trade-unjonistika u data personali li tikkonċerna s-saħħa jew il-ħajja sesswali li jkunu strettament meħtieġa;

(e)

il-kuntest ġenerali li wassal għad-deċiżjoni biex jinfetaħ ir-reġistru;

(f)

il-parteċipanti fil-grupp ta’ analiżi fil-mument li jinfetaħ ir-reġistru;

(g)

il-kondizzjonijiet li bihom tista’ tiġi kkomunikata d-data personali konservata fir-reġistru, lil min u taħt liema proċedura;

(h)

il-limiti ta’ żmien għall-eżami tad-data u t-tul ta’ żmien tal-konservazzjoni;

(i)

il-metodu tal-istabbiliment tal-verifika tal-użu (“audit log”).

2.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni u l-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll għandhom minnufih jiġu mgħarrfin mid-Direttur bl-ordni li jinfetaħ ir-reġistru jew b’xi bidla sussegwenti fil-partikolaritajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u għandhom jirċievu d-dossier. L-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll tista’ tindirizza xi kummenti li jidhrilha meħtieġa lill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Id-Direttur jista’ jitlob lill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll biex tagħmel dan fi żmien perijodu li jiġi speċifikat.

3.   Ir-registru ta’ ħidma ta’ analiżi għandu jinżamm għal mhux aktar minn tliet snin. Qabel l-iskadenza tat-tliet snin l-Europol għandu jirrivedi l-ħtieġa għat-tkomplija tar-reġistru. Meta jkun strettament meħtieġ għall-fini tar-reġistru, id-Direttur jista’ jordna t-tkomplija tar-reġistru għal perijodu ulterjuri ta’ tliet snin. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni u l-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll għandhom minnufih jiġu mgħarrfin mid-Direttur bl-elementi fir-reġistru li jiġġustifikaw il-ħtieġa stretta tat-tkomplija. L-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll għandha tindirizza xi kummenti li jidhrilha meħtieġa lill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Id-Direttur jista’ jitlob lill-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll biex tagħmel dan fi żmien perijodu li jiġi speċifikat.

4.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ f’kull ħin jagħti istruzzjonijiet lid-Direttur biex jemenda ordni ta’ ftuħ jew tal-għeluq tar-registru ta’ ħidma ta’ analiżi. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi f’liema data għandha jkollha effett tali emenda jew għeluq.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI DWAR L-IPPROĊESSAR TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 17

Dmir ta’ notifika

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14(6) u (7), l-Europol għandu minnufih jinnotifika lill-unitajiet nazzjonali u, jekk l-unitajiet nazzjonali jitolbu dan, lill-uffiċjali ta’ kollegament tagħhom b’kull informazzjoni li tikkonċerna l-Istat Membru tagħhom u bil-konnessjonijiet identifikati bejn reati kriminali li skont l-Artikolu 4 jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Europol. Jistgħu jiġu kkomunikati wkoll informazzjoni u intelligence li jikkonċernaw kriminalità serja oħra li l-Europol isir jaf biha matul it-twettiq ta’ dmirijietu.

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet dwar il-kontroll ta’ ksib ta’ data

L-Europol għandu jistabbilixxi, f’koperazzjoni mal-Istati Membri, mekkaniżmi ta’ kontroll adatti li jippermettu l-verifika tal-legalità tal-ksib ta’ data minn kwalunkwe fajl ta’ data awtomatizzat użat għall-ipproċessar ta’ data personali u li jippermettu, fuq talba tal-Istati Membri, aċċess għar-reġistri tal-użu. Id-data hekk miġbura għandha tintuża biss għall-għan ta’ tali verifika mill-Europol u mill-awtoritajiet ta’ kontroll imsemmijin fl-Artikoli 33 u 34 u għandha titħassar wara tmintax-il xahar, sakemm id-data ma tkunx meħtieġa aktar għal kontoll kurrenti. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi dwar id-dettalji ta’ tali mekkaniżmi ta’ kontroll wara konsultazzjoni mal-Awtorità Konġunta ta’ Kontroll.

Artikolu 19

Regoli dwar l-użu tad-data

1.   Id-data personali miksuba minn fajl tal-Europol għall-ipproċessar tad-data jew komunikata b’xi mezz adatt ieħor għandha tintbagħat jew tintuża biss mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jimpedixxu u jikkumbattu l-kriminalità li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Europol, u biex jimpedixxu u jikkumbattu forom serji oħrajn ta’ kriminalità. L-Europol għandu juża d-data biss għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.   Jekk, fil-każ ta’ xi data, l-Istat Membru komunikanti jew l-Istat jew il-korp terz komunikanti jistipulaw restrizzjonijiet partikolari fuq l-użu li tali data tkun suġġetta għalihom f’dak l-Istat Membru, Stat jew korp terz, tali restrizzjonijiet għandhom jiġu osservati wkoll mill-utent tad-data ħlief fil-każ speċifiku fejn il-liġi nazzjonali tistabbilixxi li r-restrizzjonijiet fuq l-użu jiġu rtirati għall-awtoritajiet ġudizzjarji, korpi leġislattivi jew kull korp indipendenti ieħor stabbilit bil-liġi u mogħti r-responsabbiltà biex jissorvelja lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, id-data għandha tintuża biss wara konsultazzjoni minn qabel mal-Istat Membru komunikanti, li l-interessi u l-veduti tiegħu għandhom jitqiesu sa fejn dan ikun possibbli.

3.   L-użu tad-data għal għanijiet oħrajn jew minn awtoritajiet li m’humiex l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkun possibbli biss wara konsultazzjoni mal-Istat Membru li bagħat id-data sa fejn tippermetti l-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 20

Limiti ta’ żmien għall-konservazzjoni u t-tħassir ta’ fajls ta’ data

1.   L-Europol għandu jżomm data fil-fajls tad-data għal dak iż-żmien biss li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-ħtieġa tat-tkomplija tal-konservazzjoni għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn tliet snin wara li tiddaħħal id-data. Ir-reviżjoni tad-data konservata fis-Sistema ta’ Informazzjoni Europol u t-tħassir tagħha għandhom isiru mill-unità li ddaħħal id-data. Ir-reviżjoni tad-data konservata f’fajls ta’ data oħrajn tal-Europol u t-tħassir tagħha għandhom isiru mill-Europol. L-Europol għandu awtomatikament jgħarraf lill-Istati Membri tliet xhur minn qabel bl-iskadenza tal-limiti ta’ żmien għar-reviżjoni tal-konservazzjoni tad-data.

2.   Matul ir-reviżjoni, l-unitajiet imsemmijin fit-tielet u r-raba’ sentenzi tal-paragrafu 1 jistgħu jiddeċiedu dwar it-tkomplija tal-konservazzjoni tad-data sar-reviżjoni sussegwenti li għandha ssir wara perijodu ieħor ta’ tliet snin jekk dan ikun għadu meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-konservazzjoni tad-data, dik id-data għandha titħassar awtomatikament.

3.   Meta Stat Membru jħassar mill-fajls ta’ data nazzjonali tiegħu data kkomunikata lill-Europol li tkun konservata f’fajls ta’ data oħrajn tal-Europol, huwa għandu jgħarraf lill-Europol b’dan. F’dawn il-każijiet, l-Europol għandu jħassar id-data sakemm ma jkollux aktar interess fiha, abbażi ta’ intelligence li jkun aktar estensiv minn dak li jkollu l-Istat Membru komunikanti. L-Europol għandu jgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat bit-tkomplija tal-konservazzjoni ta’ dik id-data.

4.   Tali data ma għandhiex titħassar jekk dan ikun ta’ dannu għall-interessi tas-suġġett tad-data li jeħtieġ protezzjoni. F’dawn il-każijiet, id-data għandha tintuża biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data.

Artikolu 21

Aċċess għad-data minn sistemi ta’ informazzjoni oħrajn

Sa fejn l-Europol ikollu d-dritt skont strumenti legali tal-Unjoni, internazzjonali jew nazzjonali li jikseb aċċess kompjuterizzat għad-data minn sistemi ta’ informazzjoni oħrajn, ta’ natura nazzjonali jew internazzjonali, l-Europol jista’ jikseb data personali b’dawn il-mezzi jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. Id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dawn l-istrumenti legali tal-Unjoni, internazzjonali jew nazzjonali għandhom jirregolaw l-aċċess għal din id-data u l-użu tagħha mill-Europol, sakemm dawn jipprevedu regoli, dwar l-aċċess u l-użu, li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Deċiżjoni.

KAPITOLU IV

RELAZZJONIJIET MAL-IMSIEĦBA

Artikolu 22

Relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni jew tal-Komunità

1.   Sa fejn dan ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet koperattivi mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji stabbiliti permezz jew abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattatti li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropew, b’mod partikolari:

(a)

Il-Eurojust;

(b)

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (10);

(c)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) (11);

(d)

Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL);

(e)

Il-Bank Ċentrali Ewropew;

(f)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi (ĊEMDDD) (12).

2.   L-Europol għandu jikkonkludi strumenti ta’ ftehim jew arranġamenti ta’ ħidma mal-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1. Tali ftehim jew arranġament ta’ ħidma jista’ jikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva, strateġika jew teknika, inklużi data personali u informazzjoni klassifikata. Tali ftehim jew arranġament ta’ ħidma jista’ jiġi konkluż biss wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Amministrazzjoni li għandu preċedentement ikun kiseb, sa fejn ikun konċernat l-iskambju ta’ data personali, l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni.

3.   Qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim jew tal-arranġament ta’ ħidma kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-Europol jista’ direttament jirċievi u juża’ l-informazzjoni, inkluża data personali, mill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tiegħu, u jista’, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(1), direttament jittrasmetti l-informazzjoni, inkluża data personali, lit-tali entitajiet, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tar-riċevitur.

4.   It-trasmissjoni mill-Europol ta’ informazzjoni klassifikata lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandha tkun permissibbli biss sa fejn ikun jeżisti ftehim dwar il-kunfidenzjalità bejn l-Europol u r-riċevitur.

Artikolu 23

Relazzjonijiet ma’ Stati terzi u organizzazzjonijiet

1.   Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ wkoll jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet koperattivi ma’

(a)

Stati terzi;

(b)

organizzazzjonijiet bħal:

(i)

organizzazzjonijiet internazzjonali u l-korpi subordinati tagħhom regolati bil-liġi pubblika;

(ii)

korpi oħrajn regolati bil-liġi pubblika li huma bbażati fuq ftehim bejn żewġ Stati jew aktar; u

(iii)

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol).

2.   L-Europol għandu jikkonkludi strumenti ta’ ftehim mal-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 li ġew inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 26(1)(a). Dawn l-istrumenti ta’ ftehim jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva, strateġika jew teknika, inkluża data personali u informazzjoni klassifikata jekk mgħoddija permezz ta’ punt ta’ kuntatt li jinsab fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 6(b) ta’ dan l-Artikolu. Tali ftehim jista’ jiġi konkluż biss wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, li għandu preċedentement ikun ikkonsulta l-Bord ta’ Amministrazzjoni u, sa fejn ikun relatat mal-iskambju ta’ data personali, l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni permezz tal-Bord ta’ Amministrazzjoni.

3.   Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kull ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, l-Europol jista’ jirċievi u juża informazzjoni direttament, inkluża data personali u informazzjoni klassifikata, sa fejn din tkun meħtieġa għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tiegħu.

4.   Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kull ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, l-Europol jista’ skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(1) jgħaddi direttament informazzjoni diversa minn data personali u informazzjoni klassifikata lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tar-riċevitur.

5.   L-Europol jista’ skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(1), jgħaddi direttament informazzjoni diversa minn data personali u informazzjoni klassifikata lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jkunux fil-lista msemmija fl-Artikolu 26(1)(a), sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni jew ripressjoni ta’ reati kriminali li fir-rigward tagħhom ikun kompetenti l-Europol.

6.   L-Europol jista’ skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(1), jittrasmetti lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

data personali u informazzjoni klassifikata, fejn dan ikun meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni jew ripressjoni ta’ reati kriminali li fir-rigward tagħhom ikun kompetenti l-Europol u; u

(b)

data personali, fejn l-Europol ikun ikkonkluda, mal-entità konċernata, ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jippermetti t-trasmissjoni tat-tali data fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-eżistenza ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data żgurat minn dik l-entità.

7.   It-trasmissjoni mill-Europol ta’ informazzjoni klassifikata lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandha tkun permissibbli biss sa fejn ikun jeżisti ftehim dwar il-kunfidenzjalità bejn l-Europol u r-riċevitur.

8.   B’deroga mill-paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24(1), l-Europol jista’ jgħaddi data personali u informazzjoni klassifikata li jkollu lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fejn id-Direttur tal-Europol jikkunsidra li t-trasmissjoni tad-data tkun assolutament meħtieġa għas-salvagwardja tal-interessi essenzjali tal-Istati Membri kkonċernati fl-ambitu tal-objettivi tal-Europol jew fl-interessi tal-prevenzjoni ta’ periklu imminenti assoċjat ma’ kriminalità jew ma’ reati terroristiċi. Id-Direttur tal-Europol għandu, f’kull ċirkostanza, jikkunsidra l-livell ta’ protezzjoni tad-data applikabbli għall-korp in kwistjoni bil-ħsieb li jibbilanċja dak il-livell ta’ protezzjoni tad-data ma’ dawk l-interessi. Id-Direttur tal-Europol għandu jinforma kemm jista’ jkun malajr lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni bid-deċiżjoni tiegħu u bil-bażi tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni tad-data mogħti mill-entitajiet konċernati.

9.   Qabel it-trasmissjoni ta’ data personali skont il-paragrafu 8, id-Direttur għandu jivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni tad-data mogħti mill-entitajiet konċernati, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha li jkunu rilevanti għat-trasmissjoni ta’ data personali, b’mod partikolari:

(a)

in-natura tad-data;

(b)

l-għan li għalih hija maħsuba d-data;

(c)

it-tul tal-ipproċessar ippjanat;

(d)

id-dispożizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi ta’ protezzjoni tad-data li japplikaw għall-entità;

(e)

jekk l-entità qablitx jew le ma’ kondizzjonijiet speċifiċi rikjesti mill-Europol fir-rigward tad-data.

Artikolu 24

Trasmissjoni ta’ data

1.   Jekk id-data kkonċernata ntbagħtet lill-Europol minn Stat Membru, l-Europol għandu jibgħatha lill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 23(1) bil-kunsens tal-Istat Membru biss. L-Istat Membru konċernat jista’ jagħti l-kunsens tiegħu minn qabel, f’termini ġenerali jew suġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi, għal tali trasmissjoni. Tali kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe waqt.

Jekk id-data ma ntbagħtetx minn Stat Membru, l-Europol għandu jkun sodisfatt li ma jkunx hemm il-probabbiltà li t-trasmissjoni ta’ dik id-data:

(a)

tfixkel it-twettiq korrett tal-kompiti li fir-rigward tagħhom ikun kompetenti Stat Membru;

(b)

tqiegħed f’periklu s-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru jew b’xi mod ieħor tippreġudika l-benesseri ġenerali tiegħu.

2.   L-Europol għandu jkun responsabbli għal-legalità tat-trasmissjoni tad-data. L-Europol għandu jżomm rekord tat-trasmissjonijiet kollha ta’ data skont dan l-Artikolu u tar-raġunijiet għal tali trasmissjonijiet. Id-data għandha tintbagħat data biss jekk min jirċeviha jintrabat li d-data ser tintuża biss għall-fini li għalih tkun intbagħtet.

Artikolu 25

Informazzjoni minn entitajiet privati u persuni privati

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni,

(a)

“entitajiet privati” għandha tfisser entitajiet u korpi stabbiliti skont il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, speċjalment kumpanniji u ditti, assoċjazzjonijiet kummerċjali, organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ u persuni ġuridiċi oħrajn regolati bid-dritt privat, li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 23 (1);

(b)

“persuni privati” għandha tfisser kull persuna fiżika.

2.   Sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ jipproċessa informazzjoni, inkluża data personali, minn entitajiet privati skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

3.   Id-data personali mibgħuta minn entitajiet privati tista’ tiġi pproċessata mill-Europol taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Id-data personali minn entitajiet privati stabbiliti skont il-liġi ta’ Stat Membru tista’ tiġi pproċessata biss mill-Europol jekk tintbagħat permezz tal-unità nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġi nazzjonali tiegħu. L-Europol ma jistax jagħmel kuntatt mal-entitajiet privati fl-Istati Membri direttament sabiex jikseb l-informazzjoni.

(b)

Id-data personali minn entitajiet privati stabbiliti skont il-liġi ta’ Stat terz li miegħu l-Europol ikkonkluda, skont l-Artikolu 23, ftehim ta’ koperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta’ data personali, tista’ tintbagħat biss lill-Europol permezz tal-punt ta’ kuntatt ta’ dak l-Istat kif identifikat minn, u skont, il-ftehim ta’ koperazzjoni fis-seħħ.

(c)

Id-data personali minn entitajiet privati stabbiliti skont il-liġi ta’ Stat terz li miegħu l-Europol ma għandu l-ebda ftehim ta’ koperazzjoni li jippermetti l-iskambju ta’ data personali, tista’ biss tiġi pproċessata mill-Europol jekk:

(i)

L-entità privata tkun inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 26(2), u

(ii)

l-Europol u l-entità privata jkunu kkonkludew Memorandum ta’ Ftehim dwar it-trasmissjoni tal-informazzjoni, inkluża data personali, li jikkonferma l-legalità tal-ġbir u t-trasmissjoni tad-data personali mill-entità privata u li jispeċifika li d-data personali mibgħuta tista’ tintuża biss għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tal-Europol. Tali Memorandum ta’ Ftehim jista’ jiġi konkluż biss wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Amministrazzjoni li għandu preċedentement ikun kiseb l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni.

Jekk id-data mibgħuta taffettwa l-interessi ta’ Stat Membru, l-Europol għandu minnufih jinforma lill-unità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Addizzjonalment għall-ipproċessar ta’ data minn entitajiet privati skont il-paragrafu 3, l-Europol jista’ direttament jikseb u jipproċessa data, inkluża data personali, minn sorsi disponibbli b’mod pubbliku, bħall-mezzi tax-xandir u fornituri ta’ data pubblika u intelligence kummerċjali skont id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data ta’ din id-Deċiżjoni. Skond l-Artikolu 17, l-Europol għandu jibgħat l-informazzjoni rilevanti kollha lill-unitajiet nazzjonali.

5.   L-informazzjoni, inkluża data personali, minn persuni privati tista’ tiġi pproċessata mill-Europol jekk dan jirċeviha permezz tal-unità nazzjonali skont il-liġi nazzjonali jew permezz tal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat terz li miegħu l-Europol ikun ikkonkluda ftehim ta’ koperazzjoni skont l-Artikolu 23. Jekk l-Europol jirċievi informazzjoni, inkluża data personali, minn persuna privata li tirrisjedi fi Stat terz li miegħu l-Europol ma jkollu l-ebda ftehim ta’ koperazzjoni, l-Europol jista’ jgħaddiha biss lill-Istat Membru jew l-Istat terz konċernat li miegħu l-Europol ikun ikkonkluda ftehim ta’ koperazzjoni skont l-Artikolu 23. L-Europol ma jistax jagħmel kuntatt direttament ma’ persuni privati sabiex jikseb informazzjoni.

6.   Id-data personali mibgħuta jew miksuba mill-Europol skont il-paragrafu 3(c) ta’ dan l-Artikolu tista’ tiġi pproċessata biss bil-għan tal-inklużjoni tagħha fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol kif imsemmi fl-Artikolu 11 u r-registri ta’ ħidma ta’ analiżi kif imsemmijin fl-Artikolu 14 jew sistemi oħrajn li jipproċessaw id-data personali stabbiliti skont l-Artikolu 10(2) u (3) jekk dik id-data tkun relatata ma’ data oħra diġà mdaħħla f’waħda mis-sistemi msemmijin qabel jew jekk tali data tkun relatata ma’ domanda preċedenti minn unità nazzjonali f’waħda mis-sistemi msemmijin qabel.

Ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tad-data mill-Europol, li tkun intbagħtet skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3(b) u (c) u l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u għall-informazzjoni mibgħuta permezz tal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat terz li miegħu l-Europol ikun ikkonkluda ftehim ta’ koperazzjoni skont l-Artikolu 23, għandha tkun f’idejn l-Europol skont l-Artikolu 29(1)(b).

7.   Id-Direttur għandu jippreżenta rapport komprensiv lill-Bord ta’ Amministrazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fuq il-parir tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jieħu kwalunkwe miżura meqjusa adatta skont l-Artikolu 37(9)(b).

Artikolu 26

Regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu:

(a)

jfassal lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 23(1) li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi strumenti ta’ ftehim. Din il-lista għandha titħejja mill-Bord ta’ Amministrazzjoni u tiġi riveduta meta jkun meħtieġ; u

(b)

jadotta regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-entitajiet imsemmijin fl-Artikoli 22(1) u 23(1), inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni klassifikata. Ir-regoli implimentattivi għandhom jitħejjew mill-Bord ta’ Amministrazzjoni li għandu preċedentement ikun kiseb l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni.

2.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jfassal u jirrivedi, meta jkun meħtieġ, lista li tiddetermina l-entitajiet privati li magħhom l-Europol jista’ jikkonkludi memoranda ta’ ftehim skont l-Artikolu 25(3)(c)(ii) u jadotta r-regoli rigward il-kontenut ta’, u l-proċedura għall-konklużjoni ta’ tali memoranda ta’ ftehim wara li jkun kiseb l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni.

KAPITOLU V

PROTEZZJONI TA’ DATA U SIGURTÀ TA’ DATA

Artikolu 27

Standard ta’ protezzjoni tad-data

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Deċiżjoni, l-Europol għandu jqis il-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tat-28 Jannar 1981 u tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ Settembru 1987. L-Europol għandu josserva dawn il-prinċipji fl-ipproċessar tad-data personali, inter alia fir-rigward ta’ data awtomatizzata u dik mhux awtomatizzati miżmuma f’forma ta’ fajls ta’ data, speċjalment kull sett strutturat ta’ data personali aċċessibli skont kriterji speċifiċi.

Artikolu 28

Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jaħtar, fuq proposta tad-Direttur, Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data li għandu jkun membru tal-persunal. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, huwa għandu jaġixxi indipendentement.

2.   L-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu b’mod partikolari l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiżgura, b’mod indipendenti, il-legalità u l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni rigward l-ipproċessar ta’ data personali, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-persunal tal-Europol;

(b)

jiżgura li t-trasmissjoni u r-riċevuta ta’ data personali jinżamm rekord bil-miktub tagħhom konformement ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

jiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu mgħarrfin bid-drittijiet tagħhom skont din id-Deċiżjoni fuq talba tagħhom;

(d)

jikkopera mal-persunal tal-Europol responsabbli għal proċeduri, taħriġ u pariri dwar l-ipproċessar tad-data;

(e)

jikkopera mal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni;

(f)

iħejji rapport annwali u jikkomunika dan ir-rapport lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni.

3.   Fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għad-data kollha pproċessata mill-Europol u għall-kwartieri kollha tal-Europol.

4.   Jekk l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data jqis li ma kienx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni rigward l-ipproċessar ta’ data personali, huwa għandu jinforma lid-Direttur u jitolbu jirriżolvi n-nuqqas ta’ konformità fi żmien speċifikat.

Jekk id-Direttur ma jirriżolvix in-nuqqas ta’ konformità tal-ipproċessar fiż-żmien speċifikat, l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandu jgħarraf lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u għandu jaqbel mal-Bord ta’ Amministrazzjoni dwar żmien speċifiku biex tingħata tweġiba.

Jekk il-Bord ta’ Amministrazzjoni ma jirriżolvix in-nuqqas ta’ konformità tal-ipproċessar fiż-żmien speċifikat, l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandu jirriferi l-kwistjoni lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni.

5.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta regoli implimentattivi ulterjuri fir-rigward tal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data. Dawk ir-regoli implimentattivi għandhom b’mod partikolari jirrigwardaw l-għażla u t-tkeċċija, il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat u s-salvagwardji għall-indipendenza tal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 29

Responsabbiltà fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data

1.   Ir-responsabbiltà għad-data pproċessata fl-Europol, b’mod partikolari dwar il-legalità tal-ġbir, it-trasmissjoni lill-Europol u d-dħul tad-data, kif ukoll il-preċiżjoni tagħhom, in-natura aġġornata tagħhom u l-verifika tal-iskadenzi tal-konservazzjoni, għandha tkun ta’:

(a)

l-Istat Membru li daħħal jew b’xi mod ieħor ikkomunika d-data;

(b)

L-Europol fir-rigward ta’ data kkomunikata lill-Europol minn partijiet terzi, inkluż data kkomunikata minn entitajiet privati skont l-Artikolu 25(3)(b) u (c) u l-Artikolu 25(4) kif ukoll data kkomunikata permezz tal-punt ta’ kuntatt ta’ Stat terz li miegħu l-Europol ikkonkluda ftehim ta’ koperazzjoni skont l-Artikolu 23 jew li jirriżultaw minn analiżijiet li jsiru mill-Europol.

2.   Id-data li ntbagħtet lill-Europol iżda li għadha ma ddaħħlitx f’wieħed mill-fajls tad-data tal-Europol għandha tibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-protezzjoni tad-data tal-parti li tkun qed tibgħat id-data. Madankollu, l-Europol għandu jkun responsabbli biex jiżgura s-sigurtà tad-data skont l-Artikolu 35(2) ta’ din id-Deċiżjoni b’mod li sakemm tali data tiddaħħal f’fajl tad-data, jista’ jkun hemm aċċess għaliha biss minn persunal awtorizzat tal-Europol għall-fini li jiġi ddeterminat jekk tistax tiġi pproċessata fl-Europol, jew minn uffiċjali awtorizzati tal-parti li pprovdiet id-data. Jekk l-Europol, wara li ssir valutazzjoni tagħha, ikollu raġuni biex jassumi li data pprovduta ma tkunx preċiża jew aġġornata, huwa għandu jgħarraf lill-parti li pprovdiet id-data.

3.   Barra minn hekk, suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra f’din id-Deċiżjoni, l-Europol għandu jkun responsabbli għad-data kollha pproċessata minnu.

4.   Jekk l-Europol ikollu provi li d-data mdaħħla f’waħda mis-sistemi tiegħu msemmija fil-Kapitolu II tkun fattwalment skorretta jew ġiet konservata illegalment, huwa għandu jgħarraf, skont il-każ, b’dan lill-Istat Membru jew lill-parti l-oħra involuta.

5.   L-Europol għandu jikkonserva d-data b’tali mod li jkun jista’ jiġi stabbilit minn liema Stat Membru jew parti terza kienet intbagħtet id-data jew jekk tkunx ir-riżultat ta’ analiżi mill-Europol.

Artikolu 30

Id-dritt ta’ aċċess tal-individwu

1.   Kull persuna għandha jkollha d-dritt, f’intervalli raġonevoli, li tikseb informazzjoni dwar jekk ġietx proċessata data personali li tikkonċerna lilha mill-Europol u li tiġi komunikata lilha tali data f’forma li tinftiehem, jew li tali data tiġi verifikata, fil-każijiet kollha skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Kull persuna li tixtieq teżerċita d-drittijiet tagħha skont dan l-Artikolu tista’ tagħmel talba għal dak l-effett mingħajr spejjeż eċċessivi fl-Istat Membru tal-għażla tagħha, lill-awtorità maħtura għal dak l-għan f’dak l-Istat Membru. Dik l-awtorità għandi tirriferi t-talba lill-Europol mingħajr dewmien, u f’kull każ fi żmien xahar minn meta tirċeviha.

3.   Ir-risposta għat-talba għandha tingħata mill-Europol mingħajr dewmien żejjed u f’kull każ fi żmien tliet xhur minn meta tirċeviha mill-Europol konformement ma’ dan l-Artikolu.

4.   L-Europol għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati qabel ma jiddeċiedi dwar it-tweġiba tiegħu għal talba skont il-paragrafu 1. Deċiżjoni dwar l-aċċess għad-data għandha tkun tiddependi minn koperazzjoni mill-qrib bejn l-Europol u l-Istati Membri kkonċernati direttament bil-komunikazzjoni tat-tali data. F’kull każ fejn Stat Membru joġġezzjona għat-tweġiba proposta tal-Europol, huwa għandu jgħarraf lill-Europol bir-raġunijiet għall-oġġezzjoni tiegħu.

5.   L-għoti ta’ informazzjoni bi tweġiba għal talba skont il-paragrafu 1 għandu jiġi miċħud sakemm tali ċaħda tkun meħtieġa biex:

(a)

tippermetti lill-Europol iwettaq korrettament il-kompiti tiegħu;

(b)

tipproteġi s-sigurtà u l-ordni pubbliku fl-Istati Membri jew timpedixxi l-kriminalità;

(c)

tiggarantixxi li investigazzjoni nazzjonali ma tiġix preġudikata;

(d)

tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi.

Meta ssir valutazzjoni tal-applikabbiltà ta’ eżenzjoni, għandu jittieħed kont tal-interessi tal-persuna kkonċernata.

6.   Jekk jiġi miċhud l-għoti ta’ informazzjoni bi tweġiba għal talba skont il-paragrafu 1, l-Europol għandu jgħarraf lill-persuna kkonċernata li huwa għamel il-verifiki tiegħu, mingħajr ma jagħti ebda informazzjoni li tista’ tindikalha jekk id-data personali li tikkonċernaha hix qed tiġi pproċessata mill-Europol jew le.

7.   Kull persuna għandha jkollha d-dritt titlob lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni, f’intervalli raġonevoli, biex tivverifika jekk il-mod li bih id-data personali tagħha tkun inġabret, ġiet konservata, ġiet ipproċessata u użata mill-Europol ikunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali. L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tgħarraf lill-persuna kkonċernata li hija wettqet verifiki, mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni li tista’ tindikalha jekk id-data personali li tikkonċernaha hix qed tiġi pproċessata mill-Europol jew le.

Artikolu 31

Id-dritt tas-suġġett tad-data għal korrezzjoni u tħassir ta’ data

1.   Kull persuna għandha jkollha d-dritt titlob lill-Europol biex jikkoreġi jew iħassar data mhux korretta li tikkonċernaha. Jekk jirriżulta, kemm abbażi tal-eżerċizju ta’ dan id-dritt jew b’mod ieħor, li data miżmuma mill-Europol li ġiet komunikata lilu minn partijiet terzi jew li hija r-riżultat tal-analiżijiet tiegħu tkun skorretta jew li d-dħul jew il-konservazzjoni tagħha jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Europol għandu jikkoreġi jew iħassar din id-data.

2.   Jekk data li ma tkunx korretta jew li tkun ġiet proċessata bi ksur ta’ din id-Deċiżjoni tkun intbagħtet direttament lill-Europol mill-Istati Membri, l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu obbligati li jikkoreġu jew iħassru tali data b’kolloborazzjoni mal-Europol.

3.   Jekk data skorretta tkun intbagħtet b’mezzi adatti oħra jew jekk l-iżbalji fid-data mogħtija mill-Istati Membri tkun minħabba trasmissjoni difettuża jew tkun intbagħtet bi ksur tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni jew jekk tirriżulta mid-dħul, it-teħid jew il-konservazzjoni b’mod skorrett jew bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni mill-Europol, l-Europol għandu jikkoreġi jew iħassar id-data b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri konċernati.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jew il-partijiet terzi li jkunu rċevew id-data għandhom ikunu notifikati minnufih. L-Istati Membri riċeventi u l-partijiet terzi għandhom jikkoreġu wkoll jew iħassru din id-data. Fejn it-tħassir ma jkunx possibbli d-data għandha tiġi mblukkata biex ma jkun jista’ jsir l-ebda proċessar fil-futur.

5.   Is-suġġett tad-data li jagħmel it-talba għandu jiġi informat mill-Europol bil-miktub mingħajr dewmien żejjed u f’kull każ fi żmien tliet xhur li d-data li tikkonċernah tkun ġiet korretta jew tħassret.

Artikolu 32

Appelli

1.   Fir-risposta tiegħu għal talba ta’ verifika, għal aċċess għad-data, jew għal korrezzjoni jew tħassir ta’ data, l-Europol għandu jinforma lill-persuna li tagħmel it-talba li, jekk hija ma tkunx sodisfatta bid-deċiżjoni, tista’ tappella lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni. Tali persuna tista’ wkoll tirriferi l-kwistjoni lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni jekk ma tingħatax risposta għat-talba tagħha fit-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikoli 30 jew 31.

2.   Jekk il-persuna li tagħmel it-talba tippreżenta appell lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni, l-appell għandu jiġi eżaminat minn dik l-entità.

3.   Meta l-appell ikun dwar deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikoli 30 jew 31, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tikkonsulta l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali jew l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat Membru li kien is-sors tad-data jew l-Istat Membru kkonċernat direttament. Id-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni, li tista’ twassal sa ċaħda ta’ kull informazzjoni, għandha tittieħed f’koperazzjoni mill-qrib mal-awtorità ta’ kontroll nazzjonali jew l-awtorità ġudizzjarja kompetenti.

4.   Meta l-appell ikun dwar aċċess għad-data mdaħħla mill-Europol fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol jew id-data konservata fir-registri ta’ ħidma ta’ analiżi jew kwalunkwe sistema oħra stabbilita mill-Europol għall-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikolu 10, u fil-każ li jippersistu l-oġġezzjonijiet mill-Europol, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tkun tista’ tegħleb dawn l-oġġezzjonijiet biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha wara li tkun semgħet lill-Europol u l-Istat Membru jew l-Istati Membri kif hemm imsemmi fl-Artikolu 30(4). Fin-nuqqas ta’ tali maġġoranza, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tavża lill-persuna li tagħmel it-talba biċ-ċaħda, mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni li tista’ tindika l-eżistenza ta’ xi data personali li tikkonċerna dik il-persuna.

5.   Meta l-appell ikun dwar il-verifika ta’ data mdaħħla minn Stat Membru fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol jew ta’ data konservata fir-registri ta’ ħidma ta’ analiżi jew kwalunkwe sistema oħra stabbilita mill-Europol għall-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikolu 10, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tiżgura li l-verifiki meħtieġa jkunu saru sewwa f’koperazzjoni mill-qrib mal-awtorità ta’ kontroll nazzjonali tal-Istat Membru li daħħal id-data. L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tgħarraf lill-persuna li tagħmel it-talba li hija wettqet il-verifiki, mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni li tista’ tindika l-eżistenza ta’ xi data personali li tikkonċerna dik il-persuna.

6.   Meta l-appell ikun dwar il-verifika ta’ data mdaħħla mill-Europol fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol jew ta’ data konservata fir-registri ta’ ħidma ta’ analiżi jew kwalunkwe sistema oħra stabbilita mill-Europol għall-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikolu 10, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tiżgura li l-verifiki meħtieġa mill-Europol ikunu twettqu. L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tgħarraf lill-persuna li tagħmel it-talba li hija wettqet il-verifiki, mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni li tista’ tindika l-eżistenza ta’ xi data personali li tikkonċerna dik il-persuna.

Artikolu 33

Awtorità ta’ kontroll nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità ta’ kontroll nazzjonali bil-kompitu li tissorvelja b’mod indipendenti, skont il-liġi nazzjonali tagħha, il-permissibbiltà tad-dħul, il-ksib u kull komunikazzjoni lill-Europol ta’ data personali mill-Istat Membru kkonċernat u teżamina jekk tali dħul, ksib jew komunikazzjoni jiksrux id-drittijiet tas-suġġett tad-data. Għal dak il-għan, l-awtorità ta’ kontroll nazzjonali għandha jkollha aċċess fl-unità nazzjonali jew fil-kwartieri tal-uffiċjali ta’ kollegament għad-data mdaħħla mill-Istat Membru fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol jew fi kwalunkwe sistema oħra stabbilita mill-Europol għall-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikolu 10 konformement mal-proċeduri nazzjonali relevanti.

Għall-fini tal-eżerċizju tal-funzjoni tagħhom ta’ kontroll, l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali għandhom ikollhom aċċess għall-uffiċċji u d-dokumenti tal-uffiċjali ta’ kollegament rispettivi tagħhom fl-Europol.

Addizzjonalment, skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti, l-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali għandhom jikkontrollow l-attivitajiet tal-unitajiet nazzjonali u l-attivitajiet tal-uffiċjali ta’ kollegament, sa fejn dawn l-attivitajiet ikunu rilevanti għall-protezzjoni tad-data personali. Huma għandhom ukoll jgħarrfu lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni b’kull azzjoni li jieħdu rigward l-Europol.

2.   Kull persuna għandha jkollha d-dritt titlob lill-awtorità ta’ kontroll nazzjonali biex tiżgura li d-dħul jew il-komunikazzjoni lill-Europol ta’ data li tikkonċernaha f’kull forma u l-konsultazzjoni tad-data mill-Istat Membru konċernat ikunu legali.

Dan id-dritt għandu jkun eżerċitat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn issir it-talba.

Artikolu 34

Awtorità ta’ Kontroll Komuni

1.   Għandha tinħoloq Awtorità ta’ Kontroll Komuni indipendenti biex teżamina, konformement ma’ din id-Deċiżjoni, l-attivitajiet tal-Europol biex tiżgura li ma jinkisrux id-drittijiet tal-individwu bil-konservazzjoni, l-ipproċessar u l-użu tad-data miżmuma mill-Europol. Addizzjonalment, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tissorvelja l-permissibbiltà tat-trasmissjoni tad-data li toriġina mill-Europol. L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tkun magħmula minn massimu ta’ żewġ membri jew rappreżentanti, skont il-ħtieġa megħjuna minn supplenti, ta’ kull wieħed mill-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali indipendenti li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa, u maħtura għal ħames snin minn kull Stat Membru. Kull delegazzjoni għandha jkollha dritt għal vot wieħed.

L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tagħżel president minn fost il-membri tagħha.

Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, il-membri tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni ma għandhom jirċievu istruzzjonijiet minn ebda korp ieħor.

2.   L-Europol għandu jassisti lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni fit-twettiq tal-ħidmiet ta’ din tal-aħħar. Meta jagħmel dan, huwa għandu b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi l-informazzjoni li titlob l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni, u jagħtiha aċċess għad-dokumenti kollha u l-fajls fuq il-karta kif ukoll aċċess għad-data konservata fil-fajls tad-data tiegħu;

(b)

jippermetti lill-Awtorità ta’ Kontroll Komuni aċċess liberu f’kull ħin fil-kwartieri kollha tiegħu;

(c)

jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni dwar l-appelli.

3.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tkun kompetenti sabiex teżamina kwistjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni marbuta mal-attivitajiet tal-Europol rigward l-ipproċessar u l-użu ta’ data personali, sabiex teżamina kwistjonijiet dwar il-verifiki li jitwettqu b’mod indipendenti mill-korpi ta’ kontroll nazzjonali tal-Istati Membri jew dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, u sabiex tfassal proposti armonizzati għal soluzzjonijiet komuni għal problemi eżistenti.

4.   Jekk l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni tidentifika ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni fil-konservazzjoni, l-ipproċessar jew l-użu ta’ data personali, huwa għandu jagħmel kull ilment li jqis meħtieġ lid-Direttur u għandu jitolbu biex iwieġbu f’limitu ta’ żmien speċifikat. Id-Direttur għandu jżomm lill-Bord ta’ Amministrazzjoni infurmat bil-proċedura kollha. Jekk ma tkunx sodisfatta bit-tweġiba mogħtija mid-Direttur għat-talba tagħha, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tgħaddi l-kwistjoni lill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

5.   Għat-twettiq tal-kompiti tagħha u biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri għall-ipproċessar tad-data, l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tikkopera kif meħtieġ ma’ awtoritajiet ta’ kontroll oħra.

6.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tfassal rapporti tal-attività tagħha f’intervalli regolari. Dawk ir-rapport għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jkollu l-opportunità li jagħmel kummenti, li għandhom ikunu mehmuża mar-rapporti.

L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tiddeċiedi jekk tippubblikax jew le r-rapport tal-attività tagħha u, jekk tiddeċiedi li tagħmel hekk, għandha tiddetermina kif għandu jiġi pubblikat.

7.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha, u għandha tippreżentahom lill-Kunsill għall-approvazzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġranza kwalifikata.

8.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha toħloq kumitat intern li jkun fih rappreżentant kwalifikat wieħed minn kull Stat Membru li jkollu d-dritt tal-vot. Il-kumitat għandu ikollu l-kompitu li jeżamina l-appelli previsti fl-Artikolu 32 bil-mezzi adatti kollha. Jekk jitolbu hekk, il-partijiet, mgħejuna mill-konsulenti tagħhom jekk jixtiequ hekk, għandhom jinstemgħu mill-kumitat. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan il-kuntest għandhom ikunu finali fir-rigward tal-partijiet kollha konċernati.

9.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni tista’ toħloq kumitat jew kumitati oħra addizzjonalment għal dak imsemmi fil-paragrafu 8.

10.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tiġi kkonsultata fuq dik il-parti tal-baġit tal-Europol li tikkonċernaha. L-opinjoni tagħha għandha tkun annessa mal-abbozz tal-baġit konċernat.

11.   L-Awtorità ta’ Kontroll Komuni għandha tkun assistita minn segretarjat, li l-kompiti tiegħu għandhom ikunu definiti fir-regoli ta’ proċedura.

Artikolu 35

Sigurtà tad-data

1.   L-Europol għandu jieħu l-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni meħtieġa biex jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-miżuri għandhom jitqiesu meħtieġa meta l-isforz li jinvolvu jkun proporzjonat għall-objettiv li jkunu mfassla biex jiksbu f’termini ta’ protezzjoni.

2.   Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data awtomatizzat fl-Europol kull Stat Membru u l-Europol għandhom jimplimentaw miżuri mfassla sabiex:

(a)

jiċħdu l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati għat-tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar tad-data personali (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir);

(b)

jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);

(c)

jimpedixxu d-dħul mhux awtorizzat ta’ data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali konservata (kontroll tal-konservazzjoni);

(d)

jimpedixxu l-użu ta’ sistemi ta’ pproċessar ta’ data awtomatizzati minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);

(e)

jiżguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema ta’ proċessar ta’ data awtomatizzata jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll tal-aċċess għad-data);

(f)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat jew intbagħtet data personali bl-użu ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(g)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f’sistemi awtomatizzati tad-data jew tal-ipproċessar u meta u minn min iddaħħlet id-data (kontroll tad-dħul);

(h)

jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali matul it-trasferiment tad-data personali jew matul it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data (kontroll tat-trasport);

(i)

jiżġuraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati minnufih (irkupru);

(j)

jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr difett, li s-sejbien ta’ difetti fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat minnufih (affidabbiltà) u li d-data konservata ma tistax tiġi korrotta mid-disfunzjoni tas-sistema (integrità).

KAPITOLU VI

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 36

L-organi tal-Europol

L-organi tal-Europol għandhom ikunu:

(a)

il-Bord ta’ Amministrazzjoni;

(b)

id-Direttur.

Artikolu 37

Bord ta’ Amministrazzjoni

1.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u minn rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Kull membru tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jkollu vot wieħed. Kull membru tal-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jkun rappreżentat minn membru supplenti; fin-nuqqas tal-membru sħiħ, il-membru supplenti jista’ jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.

2.   Il-President u l-Viċi President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandhom jintgħażlu minn u fost il-grupp ta’ tliet Stati Membri li jkunu ħejjew flimkien il-programm ta’ 18-il xahar tal-Kunsill. Huma għandhom iservu għall-perijodu ta’ 18-il xahar li jikkorrispondi għal dak il-programm tal-Kunsill. Matul dan il-perijodu l-President m’għandux jaġixxi aktar bħala rappreżentant tal-Istat Membru rispettiv tiegħu fil-Bord ta’ Amministrazzjoni. Il-Viċi President għandu ex officio jissostitwixxi lill-President fil-każ li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jwettaq id-doveri tiegħu.

3.   Il-President għandu jkun responsabbli għall-operat effiċjenti tal-Bord ta’ Amministrazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietu kif stabbiliti fil-paragrafu 9 filwaqt li jiżgura attenzjoni speċifika fuq kwistjonijiet strateġiċi u l-kompiti ewlenin tal-Europol kif stabbiliti fl-Artikolu 5(1).

4.   Il-President għandu jkollu l-appoġġ tas-Segretarjat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni. Is-Segretarjat għandu b’mod partikolari:

(a)

ikun involut mill-qrib u kontinwament fl-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iżgurar tal-koerenza tal-ħidma tal-Bord ta’ Amministrazzjoni. Taħt ir-responsabbiltà u l-gwida tal-President, huwa għandu jassisti lil dan tal-aħħar biex jinstabu soluzzjonijiet;

(b)

jipprovdi lill-Bord ta’ Amministrazzjoni bl-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex iwettaq id-doveri tiegħu.

5.   Id-Direttur għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, mingħajr id-dritt għal vot.

6.   Il-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni jew is-supplenti tagħhom u d-Direttur jistgħu jkunu akkumpanjati minn esperti.

7.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena.

8.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

9.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu:

(a)

jadotta strateġija għall-Europol, li għandha tinkludi punti ta’ referenza biex jitkejjel jekk l-objettivi stabbiliti ntlaħqux;

(b)

jissorvelja l-prestazzjoni tad-Direttur inkluża l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Amministrazzjoni;

(c)

jieħu kwalunkwe deċiżjoni jew miżuri ta’ implimentazzjoni skont din id-Deċiżjoni;

(d)

jadotta r-regoli implimentattivi applikabbli għall-persunal tal-Europol, fuq proposta mid-Direttur u wara li jkun ipprova jikseb qbil mill-Kummissjoni;

(e)

jadotta r-regolament finanzjarju u jaħtar l-uffiċjal tal-kontabbiltà konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (13), wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(f)

jistabbilixxi l-funzjoni ta’ verifika interna u jaħtar il-persunal tiegħu tal-verifika, li għandhom ikunu membri tal-Persunal tal-Europol. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta r-regoli implimentattivi ulterjuri rigward il-funzjoni ta’ verifika interna. Dawk ir-regoli implimentattivi għandhom, b’mod partikolari, ikopru l-għażla, it-tkeċċija, il-kompiti, id-doveri, is-setgħat u s-salvagwardji għall-indipendenza tal-funzjoni. Il-il-funzjoni ta’ verifika interna għandha tagħti kont biss lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u għandha jkollha aċċess għad-dokumentazzjoni kollha meħtieġa fil-qadi ta’ dmirijietha;

(g)

jadotta lista ta’ mill-anqas tliet kandidati għall-kariga ta’ Direttur u l-Viċi Diretturi sabiex tiġi ppreżentata lill-Kunsill;

(h)

ikun responsabbli għat-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ieħor assenjat lilu mill-Kunsill partikolarment f’dispożizzjonijiet li jimplimentaw din id-Deċiżjoni;

(i)

jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, inklużi d-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-indipendenza tas-Segretarjat.

10.   Kull sena, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta:

(a)

l-abbozz tal-istima tad-dħul u tal-infiq, inkluż l-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni; u l-baġit finali;

(b)

programm ta’ ħidma għall-attivitajiet futuri tal-Europol b’kont meħud tar-rekwiżiti operattivi tal-Istati Membri u l-implikazzjonijiet baġitarji u tal-persunal għall-Europol, wara li l-Kummissjoni tkun tat opinjoni;

(c)

rapport ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Europol matul is-sena preċedenti inklużi r-riżultati miksuba dwar il-prijoritajiet stabbiliti mill-Kunsill.

Dawn id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill għall-approvazzjoni. Il-Kunsill għandu jgħaddihom lill-Parlament Ewropew bħala informazzjoni.

11.   Fi żmien erba’ snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċizjoni u minn dakinhar kull erba’ snin, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jikkummissjona valutazzjoni esterna indipendenti tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċizjoni u tal-attivitajiet imwettqa mill-Europol.

Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu joħroġ termini ta’ referenza speċifiċi għal dak il-għan.

Ir-rapport tal-valutazzjoni għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

12.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma. Ir-regoli dwar il-ħolqien u l-funzjonament ta’ dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

13.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jeżerċita s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 39(3) fir-rigward tad-Direttur, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(1) u (7).

Artikolu 38

Direttur

1.   L-Europol għandu jitmexxa minn Direttur maħtur mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, minn lista ta’ mill-anqas tliet kandidati ppreżentati mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, għal perijodu ta’ erba’ snin. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jkun ivvaluta l-prestazzjoni tad-Direttur, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur għal darba u għal mhux aktar minn erba’ snin.

2.   Id-Direttur għandu jkun assistit minn tliet Viċi Diretturi maħturin għal perijodu ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded darba, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1. Il-kompiti tagħhom għandhom ikunu definiti f’aktar dettall mid-Direttur.

3.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli dwar l-għażla ta’ kandidati għall-inkarigu ta’ Direttur jew Viċi Direttur, inkluża l-estensjoni tal-mandat tagħhom. Tali regoli għandhom jiġu approvati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

4.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għal:

(a)

it-twettiq tal-kompiti assenjati lill-Europol;

(b)

l-amministrazzjoni ta’ kuljum;

(c)

l-eżerċizzju, fir-rigward tal-persunal u l-Viċi Diretturi mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 7 ta’ dan l-Artikolu, tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 38(3);

(d)

it-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Amministrazzjoni u t-tweġibiet għat-talbiet mill-Bord ta’ Amministrazzjoni;

(e)

l-appoġġ għall-President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni;

(f)

it-tfassil tal-abbozz tal-istima tad-dħul u tal-infiq, inkluż l-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment; u l-programm preliminari ta’ ħidma;

(g)

l-elaborazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 37(10)(c);

(h)

l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Europol;

(i)

l-għoti ta’ informazzjoni lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, fuq bażi regolari, dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet definiti mill-Kunsill u dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Europol;

(j)

l-istabbiliment u l-implimentazzjoni, f’koperazzjoni mal-Bord ta’ Amministrazzjoni, ta’ proċedura ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni li tkun effikaċi u effiċjenti li tirrigwarda l-prestazzjoni tal-Europol fil-kisba tal-objettivi tiegħu. Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord ta’ Amministrazzjoni regolarment dwar ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ;

(k)

it-twettiq ta’ kull kompitu ieħor assenjat lid-Direttur f’din id-Deċiżjoni.

5.   Id-Direttur għandu jagħti kont lill-Bord ta’ Amministrazzjoni fir-rigward tat-twettiq tad-doveri tiegħu.

6.   Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Europol.

7.   Id-Direttur u l-Viċi Diretturi jistgħu jitkeċċew b’deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara li tkun inkisbet l-opinjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati f’każijiet bħal dawn. Regoli bħal dawn għandhom jiġu approvati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 39

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'ilquddiem imsejħa “r-Regolamenti tal-Persunal” u “l-Kondizzjonijiet ta’ impjieg” rispettivament) stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (14) u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonjiet ta’ impjieg, għandhom japplikaw għad-Direttur, il-Viċi Diretturi u għall-persunal tal-Europol ingaġġati wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet ta’ impjieg, l-Europol għandha tiġi kunsidrata bħala aġenzija fis-sens tal-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Is-setgħat mogħtija lill-awtorità nominanti mir-Regolamenti tal-Persunal u lill-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema oħrajn għandhom jiġu eżerċitati mill-Europol fir-rigward tal-persunal tiegħu u tad-Direttur skont l-Artikoli 37(13) u 38(4)(c) ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Il-persunal tal-Europol għandu jikkonsisti minn persunal temporanju u/jew persunal b’kuntratt. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jagħti l-kunsens tiegħu fuq bażi annwali sa fejn id-Direttur ikollu l-intenzjoni li jagħti kuntratti ta’ żmien indefinit. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi liema karigi temporanji previsti fil-pjan tal-istabbiliment jistgħu jimtlew biss minn persunal ingaġġat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-membri tal-persunal reklutati biex jokkupaw tali karigi għandhom ikunu uffiċjali temporanji skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u jistgħu jingħataw biss kuntratti b’terminu fiss li jistgħu jiġġeddu darba għal perijodu fiss.

5.   L-Istati Membri jistgħu jissekondaw esperti nazzjonali lill-Europol. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għal dak il-għan.

6.   L-Europol għandu japplika l-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-ipproċessar tad-data personali relatata mal-persunal tal-Europol.

KAPITOLU VII

KWISTJONIJIET TA’ KONFIDENZJALITÀ

Artikolu 40

Konfidenzjalità

1.   L-Europol u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu l-informazzjoni suġġetta għar-rekwiżit ta’ konfidenzjalità li tinkiseb mill-Europol jew tiġi skambjata magħha skont din id-Deċiżjoni. Għal dan l-għan il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, għandu jadotta regoli adegwati dwar il-konfidenzjalità, imħejjija mill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-każijiet li fihom l-Europol jista’ jiskambja informazzjoni suġġetta għar-rekwiżit tal-konfidenzjalità ma’ partijiet terzi.

2.   Meta l-Europol ikun bi ħsiebu jafda lil persuni b’attività sensittiva, l-Istati Membri għandhom jintrabtu li jorganizzaw, fuq talba tad-Direttur, verifika ta’ sigurtà taċ-ċittadini tagħhom stess li għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom u li jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka għal dan l-għan. L-awtorità rilevanti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha tgħarraf biss lill-Europol bir-riżultati tal-verifika ta’ sigurtà. Dawk ir-riżultati għandhom ikunu obbligatorji għall-Europol.

3.   Kull Stat Membru u l-Europol jistgħu jafdaw bl-ipproċessar tad-data fl-Europol, lil dawk il-persuni biss li kellhom taħriġ speċjali u li saritilhom verifika ta’ sigurtà. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta regoli għall-approvazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal tal-Europol. Id-Direttur għandu jgħarraf regolarment lill-Bord ta’ Amministrazzjoni dwar l-istat tal-verifika ta’ sigurtà tal-persunal tal-Europol.

Artikolu 41

Obbligu ta’ diskrezzjoni u konfidenzjalità

1.   Il-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, id-Direttur, il-Viċi Diretturi, l-impjegati tal-Europol u l-uffiċjali ta’ kollegament għandhom iżommu lura milli jwettqu kull azzjoni u milli jesprimu kull opinjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għall-Europol jew ta’ preġudizzju għall-attivitajiet tiegħu.

2.   Il-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, id-Direttur, il-Viċi Diretturi, l-impjegati tal-Europol u l-uffiċjali ta’ kollegament, kif ukoll kull persuna oħra taħt obbligu partikolari ta’ diskrezzjoni jew konfidenzjalità, għandhom ikunu marbutin li ma jiżvelaw l-ebda fatt jew informazzjoni li jsiru jafu bihom fit-twettiq tad-doveri tagħhom jew fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom lil ebda persuna mhux awtorizzata jew lill-pubbliku. Dan m’għandux japplika għall-fatti jew l-informazzjoni li jkunu insinifikanti wisq biex jirrikjedu l-konfidenzjalità. L-obbligu ta’ diskrezzjoni u konfidenzjalità għandu japplika anke wara t-terminazzjoni tal-inkarigu jew l-impjieg, jew wara t-terminazzjonital-attivitajiet. L-Europol għandu jinnotifika l-obbligu partikolari msemmi fl-ewwel sentenza, u jagħti magħha twissija tal-konsegwenzi legali ta’ kwalunkwe ksur. Tali notifika għandha tingħata bil-miktub.

3.   Il-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, id-Direttur, il-Viċi Diretturi, l-impjegati tal-Europol u l-uffiċjali ta’ kollegament, kif ukoll persuni oħrajn taħt l-obbligu previst fil-paragrafu 2, m’għandhomx jagħtu xhieda f’qorti jew barra minnha jew jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar fatti jew informazzjoni li jsiru jafu bihom fit-twettiq tad-doveri tagħhom jew fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom mingħajr ma ssir referenza ta’ dan lid-Direttur jew, fil-każ tad-Direttur innifsu, lill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jew id-Direttur, skont il-każ, għandhom javviċinaw lill-korp ġudizzjarju jew kwalunkwe korp kompetenti ieħor bil-ħsieb li jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri meħtieġa skont il-liġi nazzjonali applikabbli għall-korp avviċinat.

Tali miżuri jistgħu jirrigwardaw jew l-aġġustament tal-proċeduri għall-għoti ta’ xhieda sabiex tiġi żgurata l-konfidenzjalità tal-informazzjoni, jew sa fejn il-liġi nazzjonali kkonċernata tippermetti dan, iċ-ċaħda li ssir kwalunkwe komunikazzjoni li tikkonċerna d-data sa fejn dan ikun indispensabbli għall-protezzjoni tal-interessi tal-Europol jew ta’ Stat Membru.

Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi d-dritt li persuna tiċħad li tagħti xhieda, il-persuni msemmijin fil-paragrafu 2 li jintalbu biex jagħtu xhieda għandhom ikunu meħtieġa jitolbu u jingħataw permess biex jagħmlu dan. Il-permess għandu jingħata mid-Direttur u, fil-każ ta’ xhieda li trid tingħata mid-Direttur, mill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Meta uffiċjal ta’ kollegament jintalab jagħti xhieda dwar informazzjoni li jirċievi mill-Europol, tali permess għandu jingħata wara li jkun inkiseb il-qbil tal-Istat Membru responsabbli għall-uffiċjal konċernat. L-obbligu li jintalab permess biex tingħata xhieda għandu japplika anke wara t-terminazzjoni tal-inkarigu jew l-impjieg jew wara t-terminazzjoni tal-attivitajiet.

Barra minn hekk, jekk teżisti l-possibbiltà li x-xhieda tista’ tiġi estiża għall-informazzjoni u l-għarfien li Stat Membru kkomunika lill-Europol jew li b’mod ċar tinvolvi Stat Membru, għandha tinkiseb il-pożizzjoni ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tax-xhieda qabel ma jingħata l-permess.

Il-permess li tingħata xhieda jista’ jiġi miċħud biss sa fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu protetti l-interessi prevalenti tal-Europol jew ta’ Stat Membru jew Stati Membri li jkunu jeħtieġu protezzjoni.

4.   Kull Stat Membru għandu jitratta kwalunkwe ksur tal-obbligu ta’ diskrezzjoni jew konfidenzjalità stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 bħala ksur tal-obbligi imposti mil-liġi tiegħu dwar sigrieti uffiċjali jew professjonali jew id-dispożizzjonijiet tiegħu għall-protezzjoni ta’ materjal klassifikat.

Huwa għandu jiżgura li r-regoli u d-dispożizzjonijiet konċernati japplikaw ukoll għall-impjegati tiegħu stess li jkollhom kuntatt mal-Europol matul il-ħidma tagħhom.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET TAL-BAĠIT

Artikolu 42

Baġit

1.   Id-dħul tal-Europol għandu jikkonsisti, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta’ dħul, minn sussidju mill-Komunità mdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (taqsima tal-Kummissjoni) mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-finanzjament tal-Europol għandu jkun suġġett għall-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (minn hawn 'ilquddiem imsejħa “l-awtorità baġitarja”) kif previst fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (15).

2.   L-infiq tal-Europol għandu jinkludi l-ispejjeż tal-persunal u dawk amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.

3.   Id-Direttur għandu jfassal l-abbozz tal-istima tad-dħul u tal-infiq tal-Europol għas-sena finanzjarja li jkun imiss, inkluż abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment, u għandu jgħaddih lill-Bord ta’ Amministrazzjoni. L-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment għandu jikkonsisti f’karigi ta’ natura permanenti jew temporanja u referenza għal esperti nazzjonali sekondati, u għandu jagħti n-numru, il-grad u l-kategorija tal-persunal impjegat mill-Europol għas-sena finanzjarja konċernata.

4.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu f’bilanċ.

5.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta l-abbozz tal-istima tad-dħul u tal-infiq, inkluż l-abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment u akkumpanjat mill-programm ta’ ħidma preliminari, u jgħaddihom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena. Jekk il-Kummissjoni jkollha oġġezzjonijiet għall-abbozz tal-istima, hija għandha tinforma dwar dan lill-Bord ta’ Amministrazzjoni fi żmien tletin jum minn meta tirċevih.

6.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-istima lill–awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Abbażi tal-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja, konformement mal-Artikolu 272 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-estimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jitħallas minn dan il-baġit.

8.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-appropjazzjonijiet għas-sussidju lill-Europol u l-pjan ta’ stabbiliment meta tadotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Il-Bord ta’ Ammministrazzjoni għandu jadotta l-baġit tal-Europol u l-pjan ta’ stabbiliment. Dawn għandhom isiru definittivi wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ikun il-każ, dawn għandhom jiġu aġġustati kif meħtieġ, permezz tal-adozzjoni ta’ baġit rivedut.

10.   Kull emenda magħmula lill-baġit, inkluz il-pjan ta’ stabbiliment, għandha ssir skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 5 sa 9.

11.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu, mill-aktar fis possibbli, javża lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kull proġett relatat mal-proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan. Meta fergħa tal-awtorità baġitarja tinnotifika l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hi għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Bord ta’ Amministrazzjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha hija nnotifikat l-awtorità baġitarja bil-proġett.

Artikolu 43

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit tal-Europol.

2.   Sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Europol għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma’ rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji tal-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (16).

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jgħaddi l-kontijiet provviżorji tal-Europol lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma’ rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandhom jintbagħtu wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Meta jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Europol, skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, id-Direttur għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Europol taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jgħaddihom lill-Bord ta’ Amministrazzjoni għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta’Amministrazzjoni għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Europol.

6.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, id-Direttur għandu jibgħat il-kontijiet finali, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru. Huwa għandu jibgħat ukoll kopja ta’ din it-tweġiba lill-Bord ta’ Amministrazzjoni.

9.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja konċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

10.   Il-Parlament Ewropew għandu, b’kont meħud ta’ rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, qabel it-30 ta’ April tas-sena n + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena n.

Artikolu 44

Regolament finanzjarju

Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta r-regolament finanzjarju applikabbli għall-Europol wara li tkun ġiet konsultata l-Kummissjoni. Dan ma jistax jitbiegħed mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 sakemm dan ma jkunx meħtieġ speċifikament għall-operat tal-Europol. Għandu jkun meħtieġ il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni biex tiġi adottata kull regola li tidderoga mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002. L-awtorità baġitarja għandha tiġi informata b’kull deroga bħal din.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET VARJI

Artikolu 45

Regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Europol

Abbażi ta’ proposta mid-Direttur, u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Europol, b’kont meħud tal-prinċipji u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (17).

Artikolu 46

Informazzjoni klassifikata tal-UE

L-Europol għandu japplika l-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (18) fir-rigward tal-informazzjoni klassifikata tal-UE.

Artikolu 47

Lingwi

1.   Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (19) għandu japplika għall-Europol.

2.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi b’unanimità dwar l-arranġamenti interni tal-lingwi tal-Europol.

3.   It-traduzzjonijiet meħtieġa għall-ħidma tal-Europol għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (20).

Artikolu 48

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

Il-Presidenza tal-Kunsill, il-President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni u d-Direttur tal-Europol għandhom jidhru quddiem il-Parlament Ewropew fuq talba tiegħu bl-għan li jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-Europol b’kont meħud tal-obbligi ta’ diskrezzjoni u konfidenzjalità.

Artikolu 49

Ġlieda kontra l-frodi

Ir-regoli stabbiliti permezz tar- Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (21) għandhom japplikaw għall-Europol. Abbażi tal-proposta mid-Direttur, u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun applikabbli din id-Deċiżjoni, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta l-miżuri implimentattivi meħtieġa li jistgħu jeskludu d-data operattiva mill-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

Artikolu 50

Ftehim dwar il-kwartieri ġenerali

L-arranġamenti meħtieġa li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-Europol fl-Istat tal-kwartieri ġenerali u l-faċilitajiet li għandhom isiru disponibbli minn dak l-Istat kif ukoll ir-regoli partikolari applikabbli fl-Istat tal-kwartieri ġenerali tal-Europol għad-Direttur, il-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, il-Viċi Diretturi, l-impjegati tal-Europol u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Europol u r-Renju tal-Olanda li għandu jiġi konkluż ladarba tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni.

Artikolu 51

Privileġġi u immunitajiet

1.   Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u Regolament speċifiku (li għandu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej) għandhom japplikaw għad-Direttur u l-Viċi Diretturi tal-Europol u l-persunal tal-Europol.

2.   Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Europol.

3.   Ir-Renju tal-Olanda u l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jaqblu li l-uffiċjali ta’ kollegament issekondati mill-Istati Membri l-oħrajn kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom għandhom igawdu minn dawk il-privileġġi u l-immunitajiet meħtieġa għat-twettiq korrett tal-kompiti tal-uffiċjali ta’ kollegament fl-Europol.

Artikolu 52

Responsabbiltà għall-ipproċessar mhux awtorizzat jew skorrett tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, għal kull ħsara kkawżata lil xi individwu b’riżultat ta’ żbalji legali jew fattwali fid-data konservata jew ipproċessata fl-Europol. Huwa biss l-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li rriżulta fil-ħsara li għandu jkun is-suġġett ta’ azzjoni għal kumpens min-naħa tal-parti offiża, li għandha tapplika għand il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konċernat. Stat Membru ma jistax jeċċepixxi li Stat Membru ieħor jew l-Europol kien bagħat data impreċiża sabiex jevita r-responsabbiltà tiegħu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu vis-à-vis parti offiża.

2.   Jekk l-iżbalji legali jew fattwali msemmija fil-paragrafu 1 seħħew bħala riżultat tal-komunikazzjoni żbaljata ta’ data jew ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni min-naħa ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew bħala riżultat ta’ konservazzjoni jew ipproċessar mhux awtorizzat jew skorrett mill-Europol, l-Europol jew l-Istat Membru l-ieħor konċernat għandu jkun obbligat li jirrimbirża, fuq talba, l-ammonti mħallsin bħala kumpens skont il-paragrafu 1 sakemm id-data ma tkunx intużat bi ksur ta’ din id-Deċiżjoni mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġiet ikkawżata l-ħsara.

3.   Kull disputa bejn l-Istat Membru li ħallas il-kumpens skont il-paragrafu 1 u l-Europol jew Stat Membru ieħor dwar il-prinċipju jew l-ammont tar-rimborż għandha tiġi riferita lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jirriżolvi l-kwistjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

Artikolu 53

Responsabbiltà oħra

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Europol għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt konċernat.

2.   Fil-każ tar-responsabbiltà non-kuntrattwali, l-Europol għandu jkun obbligat, indipendentement minn kull responsabbiltà skont l-Artikolu 52, li jħallas għal kull ħsara kkawżata minn nuqqas tal-organi tiegħu, jew tal-persunal tiegħu fit-twettiq tad-doveri tagħhom, sa fejn din tista’ tiġi attribwita lilhom u jkunu xi jkunu l-proċeduri differenti għat-talba għal danni li jeżistu fil-liġi tal-Istati Membri.

3.   Il-parti offiża għandha jkollha d-dritt titlob lill-Europol tirrinunzja minn jew tirtira kwalunkwe azzjoni.

4.   Il-qrati nazzjonali, tal-Istati Membri, kompetenti biex jittrattaw disputi li jinvolvu r-responsabbiltà tal-Europol kif imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati b’referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (22).

Artikolu 54

Responsabbiltà fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Europol fi skwadri ta’ investigazzjoni konġunti

1.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jsir dannu minn membri tal-persunal tal-Europol li joperaw skont l-Artikolu 6 f’dak l-Istat Membru matul l-assistenza tagħhom f’miżuri operattivi għandhom jagħmlu tajjeb għal tali dannu skont il-kondizzjonijiet applikabbli għal dannu kkważat mill-uffiċjali tiegħu stess.

2.   Sakemm ma jkunx ġie aċċettat mod ieħor mill-Istat Membru konċernat, l-Europol għandu jirrimborża bis-sħiħ kull somma li dak l-Istat Membru jkun ħallas lill-vittmi jew lill-persuni intitolati f’isimhom għad-dannu msemmi fil-paragrafu 1. Kull disputa bejn dak l-Istat Membru u l-Europol dwar il-prinċipju jew l-ammont tar-rimborż għandha tiġi riferita lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jirriżolvi l-kwistjoni.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI

Artikolu 55

Suċċessjoni legali ġenerali

1.   Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tinċidi fuq il-forza legali ta’ strumenti ta’ ftehim konklużi mill-Europol kif stabbilit mill-Konvenzjoni Europol qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika b’mod partikolari għall-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali konkluż abbażi tal-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni Europol, kif ukoll l-istrumenti ta’ ftehim stabbiliti bejn ir-Renju tal-Olanda u l-Istati Membri l-oħrajn stabbiliti abbażi tal-Artikolu 41(2) tal-Konvenzjoni Europol u għall kull ftehim internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar l-iskambju tal-informazzjoni, u għall-kuntratti konklużi minn, għar-responsabbiltajiet ta’, u għall-proprjetajiet akkwistati mill-Europol, kif stabbilit mill-Konvenzjoni Europol.

Artikolu 56

Direttur u Viċi Diretturi

1.   Id-Direttur u l-Viċi Diretturi maħturin abbażi tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni Europol għandhom, għall-bqija tal-mandati tagħhom, ikunu d-Direttur u l-Viċi Diretturi skont it-tifsira tal-Artikolu 38 ta’ din id-Deċiżjoni. Jekk il-mandati tagħhom jintemmu sena jew anqas wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, dawn għandhom jiġu estiżi awtomatikament sa sena wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Fil-każ li d-Direttur jew Viċi Direttur wieħed jew aktar ma jkunux jixtiequ jew ma jkunux jistgħu jaġixxu skont il-paragrafu 1, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jaħtar Direttur interim jew Viċi Direttur(i) interim kif meħtieġ għal perijodu massimu ta’ tmintax-il xahar, sa meta jsiru l-ħatriet previsti fl-Artikolu 38(1) u (2).

Artikolu 57

Persunal

1.   B’deroga mill-Artikolu 39, il-kuntratti kollha ta’ impjieg konklużi mill-Europol, kif stabbiliti mill-Konvenzjoni Europol u fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu onorati sad-data tal-iskadenza tagħhom u ma jistgħux jiġġeddu abbażi tar-Regolamenti tal-Rersunal tal-Europol (23) wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-membri kollha tal-persunal b’kuntratt kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw il-possibbiltà li jikkonkludu kuntratti ta’ aġent temporanju taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fid-diversi gradi kif stabbiliti fil-pjan ta’ stabbiliment jew kuntratti ta’ aġent kuntrattwali taħt l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Għal dak l-għan, għandu jitwettaq, mill-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi kuntratti, wara d-dħul fis-seħħ u fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, proċess intern ta’ għażla limitat għall-persunal li jkollu kuntratt mal-Europol fid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sabiex jiġu verifikati l-kapaċità, l-effiċjenza u l-integrità ta’ dawk previsti li jiġu ingaġġati.

Skont it-tip u l-livell tal-funzjonijiet imwettqa, kandidat magħżul għandu jiġi offrut kuntratt ta’ aġent temporanju jew kuntratt ta’ aġent kuntrattwali għal perijodi ta’ żmien li jikkorrispondu għall-inqas għaż-żmien li jifdal mill-kuntratt konkluż qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Jekk ikun ġie konkluż it-tieni kuntratt b’terminu fiss mill-Europol qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-membru tal-persunal ikun aċċetta kuntratt ta’ aġent temporanju jew kuntratt ta’ aġent kuntrattwali bil-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, kull tiġdid sussegwenti jista’ jiġi konkluż biss għal perijodu indefinit, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(4).

4.   Jekk kuntratt ta’ tul ta’ żmien indefinit ikun ġie konkluż mill-Europol qabel id-data tal- applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-membru tal-persunal ikun aċċetta kuntratt ta’ aġent temporanju jew aġent kuntrattwali bil-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, dan il-kuntratt għandu jiġi konkluż għal tul ta’ żmien indefinit skont l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

5.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol u strumenti rilevanti oħrajn għandhom ikomplu japplikaw għall-membri tal-persunal li ma jiġux reklutati skont il-paragrafu 2. B’deroga mill-Kapitolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, ir-rata perċentwali tal-aġġustament annwali tar-rimunerazzjoni deċiża mill-Kunsill skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tapplika għall-persunal tal-Europol.

Artikolu 58

Baġit

1.   Il-proċedura ta’ kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 35(5) tal-Konvenzjoni Europol għandha titwettaq skont ir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 36(5) tal-Konvenzjoni Europol u r-regolament finanzjarju adottat abbażi tal-Artikolu 35(9) tal-Konvenzjoni Europol.

2.   Fit-twettiq tal-proċedura ta’ kwittanza deskritta fil-paragrafu 1, għandu japplika dan li ġej:

(a)

għall-finijiet ta’ twettiq tal-proċedura ta’ kwittanza fir-rigward tal-kontijiet annwali għas-sena ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kumitat Konġunt tal-Verifika għandu jkompli jopera skont il-proċeduri stabbiliti abbażi tal-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni tal-Europol. Il-proċeduri ta’ kwittanza stabbiliti mill-Konvenzjoni tal-Europol għandhom japplikaw sa fejn ikun meħtieġ għal dan l-għan; u

(b)

il-Bord ta’ Amministrazzjoni msemmi fl-Artikolu 36 ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkollu d-dritt jiddeċiedi dwar is-sostituzzjoni tal-funzjonijiet li qabel kienu jitwettqu mill-kontrollur finanzjarju u l-Kumitat Finanzjarju abbażi tal-Konvenzjoni Europol.

3.   In-nefqa kollha li tirriżulta mill-impenji meħudin mill-Europol skont ir-regolament finanzjarju adottat abbażi tal-Artikolu 35(9) tal-Konvenzjoni Europol qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni li ma tkunx għadha tħallset f’dak iż-żmien għandha titħallas bil-metodu deskritt fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tnax-il xahar wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi l-ammont li jkopri n-nefqa msemmija fil-paragrafu 3. Ammont korrispondenti, iffinanzjat mill-eċċess akkumulat tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 35(5) tal-Konvenzjoni Europol, għandu jiġi trasferit fl-ewwel baġit stabbilit b’din id-Deċiżjoni u għandu jikkostitwixxi dħul assenjat biex ikopri din in-nefqa.

Jekk l-eċċessi ma jkunux suffiċjenti biex ikopru n-nefqa msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-finanzjament meħtieġ skont il-proċeduri stabbiliti abbażi tal-Konvenzjoni Europol.

5.   Il-bqija ta’ eċċessi tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 35(5) tal-Konvenzjoni Europol għandu jitħallas lura lill-Istati Membri. L-ammont li jrid jitħallas lil kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-kontribuzzjonijiet annwali mill-Istati Membri għall-baġits tal-Europol stabbiliti abbażi tal-Artikolu 35(2) tal-Konvenzjoni Europol.

Il-ħlas għandu jsir fi żmien tliet xhur minn meta jiġi stabbilit l-ammont li jkopri n-nefqa msemmija fil-paragrafu 3 u mit-tlestija tal-proċeduri tal-kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 35(5) tal-Konvenzjoni Europol.

Artikolu 59

Miżuri li jridu jitħejjew u jiġu adottati qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni stabbilit abbażi tal-Konvenzjoni Europol, id-Direttur maħtur abbażi ta’ dik il-Konvenzjoni u l-Awtorità ta’ Kontroll Komuni stabbilita abbażi ta’ dik il-Konvenzjoni għandhom iħejju l-adozzjoni tal-istrumenti li ġejjin:

(a)

ir-regoli fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali ta’ kollegament kif imsemmijin fl-Artikolu 9(5);

(b)

ir-regoli applikabbli għar-registri ta’ ħidma ta’ analiżi kif imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 14(1);

(c)

ir-regoli dwar ir-relazzjonijiet tal-Europol, kif imsemmijin fl-Artikolu 26(1)(b);

(d)

ir-regoli implimentattivi applikabbli għall-persunal tal-Europol imsemmijin fl-Artikolu 37(9)(d);

(e)

ir-regoli dwar l-għażla u t-tkeċċija tad-Direttur u l-Viċi Diretturi msemmijin fl-Artikolu 38(3) u (7);

(f)

ir-regoli dwar il-konfidenzjalità msemmijin fl-Artikolu 40(1);

(g)

ir-regolament finanzjarju msemmi fl-Artikolu 44;

(h)

kull strument ieħor meħtieġ għat-tħejjija tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Għall-fini tal-adozzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1(a), (d), (e), (g) u (h) l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandha tkun kif hemm stipulat fl-Artikolu 37(1). Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta dawk il-miżuri skont il-proċedura stabbilita fid-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(a), (d), (e), u (g) ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1(b), (c) u (f) skont il-proċedura stabbilita fid-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(b), (c) u (f).

Artikolu 60

Azzjonijiet u deċiżjonijiet finanzjarji li jridu jittieħdu qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni, fil-kompożizzjoni tiegħu kif stabbilita fl-Artikolu 37(1), għandu jieħu l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet finanzjarji meħtieġa għall-applikazzjoni tal-qafas finanzjarju l-ġdid.

2.   L-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 u għandhom jinkludu, inter alia, dawn li ġejjin:

(a)

it-tħejjija u adozzjoni tal-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 42 dwar l-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

il-ħatra tal-uffiċjal tal-kontabbiltà kif previst fl-Artikolu 37(9) (e) sal-15 ta’ Novembru fis-sena ta’ qabel l-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

l-istabbiliment tal-il-funzjoni ta’ verifika interna kif prevista fl-Artikolu 37(9)(f).

3.   L-awtorizzazzjoni tal-operazzjonijiet li jaħbtu fl-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha ssir mid-Direttur maħtur skont l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni Europol mill-15 ta’ Novembru fis-sena qabel l-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Minn dik id-data 'lquddiem, id-Direttur għandu jkollu d-dritt ukoll jiddelega l-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti kif meħtieġ. Fit-twettiq tar-rwol ta’ uffiċjal awtorizzanti, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

4.   Il-verifika ex-ante tal-operazzjonijiet li jaħbtu fl-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha ssir mill-kontrollur finanzjarju stabbilit skont l-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni Europol matul il-perijodu mill-15 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru fis-sena qabel l-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur finanzjarju għandu jwettaq din il-funzjoni konformement mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

5.   Proporzjon mill-ispejjeż transizzjonali magħmula mill-Europol biex iħejju għall-qafas finanzjarju l-ġdid mis-sena ta’ qabel l-ewwel sena baġitarja wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi addebitat lill-baġit tal-Unjoni Ewropea. Il-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż jistgħu ikunu f’forma ta’ għotja Komunitarja.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 61

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tagħhom tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni sad-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 62

Sostituzzjoni

Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni Europol u l-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Europol, il-membri tal-organi tiegħu, il-Viċi Diretturi u l-impjegati tal-Europol mid-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 63

Tħassir

Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni, il-miżuri kollha li jimplimentaw il-Konvenzjoni Europol huma mħassra b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 64

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 jew mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament imsemmi fl-Artikolu 51(1), skont liema data tiġi l-aktar tard.

Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57(2) u l-Artikoli 59, 60 u 61 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. POSPÍŠIL


(1)  L-Opinjoni tas-17 ta’ Jannar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 1.

(3)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 185, 16.7.2005, p. 35.

(7)  ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1.

(8)  ĠU C 197, 12.7.2000, p. 3.

(9)  ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas- 26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 136).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1).

(13)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(14)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(15)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(16)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(17)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(18)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(19)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).

(21)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(22)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(23)  Att tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-ħaddiema tal-Europol (ĠU C 26, 30.1.1999, p. 23).


ANNESS

Lista ta’ forom oħra ta’ reati serji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Europol skont l-Artikolu 4(1):

traffikar illegali ta’ drogi,

attivitajiet illegali ta’ money laundering,

reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,

faċilitazzjoni illegali tad-dħul territorjali ta’ immigranti illegali,

traffikar tal-bnedmin,

reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur,

omiċidju, offiżi gravi fuq persuna,

kummerċ illegali ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u teħid ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq organizzat,

traffikar illegali ta’ oġġetti kulturali, inklużi antikitajiet u opri tal-arti,

frodi,

racketeering u estorsjoni,

falsifikazzjoni u piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ flus u mezzi ta’ ħlas,

reati bil-kompjuter,

korruzzjoni,

traffikar illegali fl-armi, munizzjon u splussivi,

traffikar illegali fi speċi ta’ annimali fil-periklu,

traffikar illegali fi speċi u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,

reati ambjentali,

traffikar illegali ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi oħrajn ta’ tkabbir,

Fir-rigward tal-forom ta’ reati previsti fl-Artikolu 4(1) għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi” tfisser ir-reati kriminali elenkati fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjal Nukleari, iffirmata fi Vjenna u New York fit-3 ta’ Marzu 1980, u dwar materjali nukleari u/jew radjuattivi definiti fl-Artikolu 197 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u d-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (1);

(b)

“faċilitazzjoni illegali tad-dħul territorjali ta’ immigranti illegali” tfisser attivitajiet maħsuba deliberatament biex jiffaċilitaw, għal gwadann finanzjarju, id-dħul, residenza jew impjieg fit-territorju tal-Istati Membri, bi ksur tar-regoli u l-kondizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri;

(c)

“traffikar tal-bnedmin” tfisser ir-reklutaġġ, trasportazzjoni, trasferiment, ħabi jew ilqugħ ta’ persuni, permezz tat-theddid bi jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta’ koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta’ poter jew ta’ pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew teħid ta’ ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta’ sfruttament. L-isfruttament għandu bħala minimu jinkludi l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħrajn ta’ sfruttament sesswali, il-produzzjoni, il-bejgħ jew id-distribuzzjoni ta’ materjal ta’ pornografija bit-tfal, xogħol jew servizzi furzati, skjavitù jew prattika simili għall-iskjavitù, servitù jew tneħħija ta’ organi;

(d)

“reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur” ifisser is-serq jew misapproprjazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, trakkijiet semi-trejlers, it-tagħbijiet tat-trakkijiet jew semi-trejlers, xarabankijiet, muturi, karavans, vetturi agrikoli, vetturi tax-xogħol u spare-parts għal dawn il-vetturi u r-riċettazzjoni u l-ħabi ta’ dawn l-oġġetti;

(e)

“attivitajiet illegali ta’ money-laundering” tfisser reati kriminali elenkati fl-Artikolu 6(1) sa (3) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Laundering, it-Tfittxija, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavati mill-Kriminalità, iffirmata fi Strasburgu fit-8 Novembru 1990;

(f)

“traffikar illegali ta’ drogi” tfisser ir-reati kriminali elenkati fl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Diċembru 1988 kontra t-Traffikar Illegali ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi u fid-dispożizzjonijiet li jemendaw jew jissostitwixxu dik il-Konvenzjoni.

Il-forom ta’ reati msemmijin fl-Artikolu 4 u f’dan l-Anness għandhom jiġu valutati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont il-liġijiet tal-Istati Membri li tagħhom ikunu.


(1)  ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.


Top