This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009A0319(02)
Council opinion of 10 March 2009 on the updated stability programme of Greece, 2008-2011
Opinjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Greċja 2008-2011
Opinjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Greċja 2008-2011
ĠU C 64, 19.3.2009, p. 7–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 64/7 |
OPINJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta' Marzu 2009
dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Greċja 2008-2011
(2009/C 64/02)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) (għall-SP) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
TA DIN L-OPINJONI:
(4) |
Fl-10 ta' Marzu 2009 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Greċja, li jkopri l-perijodu bejn l-2008 u l-2011 (2). |
(5) |
Il-Greċja esperjenzat tkabbir ekonomiku qawwi ta' 4 % fis-sena matul dan id-deċennju. B'mod parallel, l-iżbilanċi makroekonomiċi domestiċi u esterni twessgħu konsiderevolment, li wassal għal akkumulazzjoni ta' malajr tad-dejn barrani waqt li d-dejn pubbliku baqa' f'livelli għoljin. Fid-dawl tal-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali li għaddejja fuq l-ekonomija Griega, ir-riapprezzament implikat jitfa' aktar pressjoni fuq il-piż tad-dejn. Skont it-tbassir interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Jannar 2009, it-tkabbir tal-PDG naqas fl-2008, għal 2,9 % f'termini reali u huwa mistenni jkompli jonqos bil-qawwi fl-2009, imma jibqa' pożittiv. Bl-iżbilanċ ġenerali tal-gvern li baqa' ogħla minn 3 % tal-limitu tal-PDG sa mill-2007 (3), u wieħed mill-ogħla proporzjonijiet ta' djun pubbliċi fl-UE, il-Greċja m'għandhiex spazju għal stimolu fiskali, ħalli ma tipperikolax iktar is-sostenibilità għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-pożizzjoni kompetittiva tal-pajjiż. Bħala riżultat, mhuwa maħsub li ma jkun hemm l-ebda pakkett ta' stimolu. L-awtoritajiet Griegi ressqu xi miżuri fil-liġi tal-baġit tal-2009, bl-għan li jissalvagwardjaw il-koeżjoni soċjali, inklużi l-benefiċċji għal familji bi dħul baxx. Il-Greċja qiegħda tiffaċċja l-isfida li tikseb konsolidazzjoni fiskali sostanzjali, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi u tikkoreġi l-fatturi wara l-iżbilanċi domestiċi u esterni kbar tal-ekonomija. |
(3) |
Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa bbażat il-programm jipprevedi li t-tkabbir reali fil-PDG ser jinżel minn 3 % fl-2008 għal 1,1 % fl-2009 qabel ma jerġa' jitla' għal 1,75 % bħala medja matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta vvalutata mal-informazzjoni disponibbli bħalissa (4), dan ix-xenarju makroekonomiku hu bbażat fuq suppożizzjonijiet favorevoli ta' tkabbir għall-2009 u minn hemm 'il quddiem. B'mod partikolari, il-konsum privat u b'mod inqas it-tkabbir fl-investiment fil-programm huma proġettati li jibqgħu robusti, grazzi għal tkabbir favorevoli fl-impjiegi u valutazzjoni ottimista tal-impatt ta' inizjattivi reċenti biex ikun appoġġat l-investimenti u jissaħħaħ l-assorbiment tal-Fondi Strutturali tal-UE. Barra minn hekk, il-waqgħa fl-attività ekonomika tas-sħab kummerċjali tal-Greċja u l-prospetti kummerċjali internazzjonali li qegħdin dejjem jiddgħajfu jġibu magħhom riskji negattivi konsiderevoli għax-xenarju makroekonomiku tal-programm, li jirrifletti l-iktar il-vulnerabilità tas-setturi tat-trasport marittimu u tat-turiżmu għall-kriżi ta' bħalissa. Il-projezzjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni jidhru li huma realistiċi, filwaqt li l-evoluzzjoni tal-iżbilanċi esterni fil-medda medja hija pjuttost favorevoli. |
(4) |
Għall-2008, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern hu stmat għal 3,7 % tal-PDG fl-aġġornament (inklużi 0,4 % tal-PDG miżuri ta' darba li jnaqqsu l-iżbilanċ), li huwa 0,25 % ogħla mill-projezzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fit-tbassir interim ta' Jannar 2009. Dan jaqbel ma' mira ta' 1,6 % tal-PDG stabbilit fl-aġġornament preċedenti. Din id-devjazzjoni ta' żewġ punti perċentwali tirrifletti kemm in-nuqqasijiet fid-dħul kif ukoll fl-infiq aktar milli previst. B'mod partikolari, id-dħul huwa stmat b'madwar punt perċentwali tal-PDG inqas milli bbaġitjat, li ġej l-iżjed mir-rendita aktar baxxa milli mistennija tal-miżuri li jsaħħu d-dħul implimentati fl-2008. Iż-żejjed fl-infiq jammonta għal madwar punt perċentwali tal-PDG, li jirriżulta l-iktar minn eċċedenzi fl-infiq kurrenti primarju u, b'mod partikolari, konsum pubbliku u pagi ogħla milli mistennija. |
(5) |
Skont l-aġġornament, il-mira tal-iżbilanċ għall-2009 hija stabbilita għal 3,7 % tal-PDG (inkluż 0,5 % tal-PDG miżuri ta' darba li jnaqqsu l-iżbilanċ), b'konformità mat-tbassir interim tas-servizzi tal-Kummissjoni. Meta mqabbel mal-mira baġitarja stabbilita fil-liġi tal-baġit tal-2009, approvata mill-Parlament fil-21 ta' Diċembru 2008, hija tirrappreżenta reviżjoni 'l fuq ta' 1,75 punt perċentwali tal-PDG. Il-mira baġitarja l-ġdida tqis ir-riżultat baġitarju agħar milli mistenni fl-2008. Hija tirrifletti wkoll proġettazzjoni iktar prudenti għad-dħul totali, li huwa rivedut 'l isfel b'punt perċentwali tal-PDG, filwaqt li l-infiq pubbliku huwa rivedut 'il fuq b'0,4 punt perċentwali tal-PDG. Madankollu, il-proporzjon ta' dħul xorta għadu proġettat li jikber għal kważi punt perċentwali tal-PDG fl-2009, grazzi għall-pakkett ta' tisħiħ tad-dħul mit-taxxi adottat f'Settembru 2008 u inkluż fil-liġi tal-baġit tal-2009. Biex jiġi żgurat l-ilħuq tal-miri riveduti, l-aġġornament jipprevedi għadd ta' miżuri, apparti dawk inklużi fil-liġi tal-baġit tal-2009, bil-mira li jitrażżan l-infiq pubbliku primarju u l-irrazzjonalizzar tal-ġestjoni tal-infiq pubbliku. Dawn il-miżuri l-ġodda, li għandhom jiġu adottati matul l-2009, mhumiex dettaljati b'mod ċar fil-programm. Il-qagħda kumplessiva tal-politika fiskali fl-2009 ser tkun fil-parti l-kbira tagħha newtrali. |
(6) |
L-istrateġija baġitarja ppreżentata fil-programm għandha l-mira li tnaqqas l-iżbilanċ strutturali minn 4,5 % tal-PDG fl-2008 għal 4,3 % fl-2009 u 2,2 % sal-2011, filwaqt li l-objettiv għall-perijodu medju (MTO) ta' baġit ibbilanċjat f'termini strutturali (jiġifieri f'termini aġġustati ċiklikament nett ta' miżuri ta' darba u oħrajn temporanji) mhux ipproġettat li jinkiseb fil-perijodu ta' riferiment tal-programm. Wara l-mira ta' 3,7 % tal-PDG fl-2009, l-iżbilanċ nominali se jonqos matul il-perijodu tal-programm għal 3,2 % tal-PDG fl-2010 u 2,6 % sal-2011. Bl-istess mod, il-bilanċ primarju ser jilħaq bilanċ favorevoli ta' 1,7 % tal-PDG sal-2011, li jitqabbel ma' 0,8 % fl-2009. F'termini strutturali, dan ikun jammonta għal titjib ta' 0,75 ta' punt perċentwali tal-PDG bħala medja. Il-konsolidazzjoni baġitarja fl-2010 u l-2011 hija bbażata l-iktar fuq tnaqqis ambizzjuż fl-infiq li, madankollu, mhuwiex sostnut għal kollox minn miżuri konkreti. Id-dejn gross tal-gvern, stmat bħala 94,6 % tal-PDG fl-2008, huwa prġoettat li jaqbeż is-96 % tal-PDG fl-2009 u l-2010, qabel ma jirritorna għal 94,75 % fl-2011. Minbarra ż-żieda fl-iżbilanċ u l-waqgħa fit-tkabbir tal-PDG, aġġustament fil-flussi/stock ikkontribwixxa għaż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2009. |
(7) |
Ir-riżultati baġitarji huma soġġetti għal riskji negattivi sinifikanti. B'mod partikolari, ix-xenarju makroekonomiku sottostanti huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta' tkabbir favorevoli. Ir-riskji fl-2009 huma marbuta wkoll ma' eċċedenzi possibbli fl-implimentazzjoni tal-mira baġitarja riveduta tal-2009, speċjalment meta jitqies passat ta' nuqqasijiet fis-superamenti fl-infiq u fin-nuqqasijiet fid-dħul. Mill-2010 'l quddiem, hemm riskji ġejjin min-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-miżuri biex jappoġġaw il-konsolidazzjoni maħsuba, b'mod partikolari fuq in-naħa tal-infiq. Barra minn hekk, il-qtugħ previst f'ċerti kategoriji ta' nfiq jidher, prima facie, ambizzjuż. Ir-riskji assoċjati mal-evoluzzjoni proġettata tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG jidhru li qed jiżdiedu wkoll, għax jirriżultaw mir-riskji mehmuża mal-projezzjonijiet tal-iżbilanċ. Dawn ir-riskji jistgħu jkunu aggravati minn inċertezza dwar l-aġġustamenti tal-flussi/stock li dwarhom, bħal fil-passat, il-programm ma jipprovdix informazzjoni dwar il-komponenti. Barra minn hekk, it-transazzjonijiet finanzjarji li possibbilment jistgħu jżidu d-dejn fil-qafas tal-pakkett ta' appoġġ tas-settur finanzjarju jistgħu jitfgħu aktar pressjoni 'l fuq fuq il-proporzjon tad-dejn mal-PDG. Il-programm ma jinkludix l-impatt potenzjali ta' dan il-pakkett finanzjarju fuq l-iżviluppi tad-dejn. |
(8) |
Il-projezzjonijiet fit-tul tal-infiq tal-pensjoni skont il-metodu maqbul komunement jinsabu f'fażi ta' preparazzjoni; l-impatt baġitarju għall-perijodu fit-tul tal-popolazzjoni li qed tixjieħ huwa probabbli li jkun sew 'il fuq mill-medja tal-UE. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2008 kif stmata fil-programm, li hija agħar mill-pożizzjoni tal-bidu tal-aġġornament preċedenti, taggrava l-impatt baġitarju għall-perijodu fit-tul ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. Barra minn hekk, il-livell attwali tad-dejn gross huwa ferm ogħla mill-valur ta' referenza tat-Trattat. Biex jitnaqqas jeħtieġ li jinkisbu bilanċi favorevoli primarji għolja għal perijodu twil. Iż-żamma ta' bilanċi favorevoli primarji għoljin għall-perijodu medju u aktar riforma tas-sistema tal-pensjonijiet bil-mira li jrażżnu ż-żieda sinifikanti fl-infiq marbut mal-età għandhom jikkontribwixxu biex jitnaqqsu r-riskji għolja għas-sostenibilità għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Ir-riskji msemmija hawn fuq mill-iskemi ta' stabbilizzazzjoni tas-settur finanzjarju stabbiliti mill-Greċja jista' jkollhom impatt negattiv potenzjali fuq is-sostenibilità għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, primarjament permezz tal-impatt tagħhom fuq id-dejn tal-gvern, għalkemm xi ftit mill-ispiża tal-appoġġ tal-gvern fil-futur tista' tiġi rkuprata. |
(9) |
Il-qafas baġitarju għall-perijodu medju jibqa' dgħajjef, ikkaratterizzat minn passat medjokri. L-iżviluppi fiskali fil-Greċja jirriflettu kontroll insuffiċjenti tal-infiq pubbliku, filwaqt li l-projezzjonijiet dwar id-dħul urew li huma sistematikament ottimisti. Barra minn hekk, u minkejja xi progress irreġistrat f'dawn l-aħħar snin, il-problemi strutturali u endemiċi relatati mar-reġistrazzjoni tal-kontijiet tal-gvern Grieg kienu wkoll ta' detriment għal kontroll f'waqtu u effettiv tad-dħul u l-infiq. Il-programm jipprevedi l-kontinwazzjoni tar-riforma baġitarja li għaddejja u aktar progress fl-implimentazzjoni ta' bbaġitjar tal-programm, bil-ħsieb li jittejbu l-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-infiq pubbliku, tiżdied it-trasparenza u li fil-proċess baġitarju tiġi introdotta perspettiva ta' ppjanar pluriennali. L-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma tal-proċess baġitarju, madankollu, hija skedata għall-2012. |
(10) |
B'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, il-gvern Grieg adotta għadd ta' miżuri biex tiġi żgurata l-istabilità tas-settur finanzjarju, inkluża l-miżura ta' garanziji tad-depożiti sa EUR 100 000. Il-pakkett tal-miżuri jikkonsisti fi skema ta' rikapitalizzazzjoni, li tagħmel disponibbli kapital ġdid għall-istituzzjonijiet ta' kreditu bi skambju ma' ishma preferenzjali, skema ta' garanzija li tkopri dejn ġdid b'maturità ta' bejn tliet xhur u tliet snin, u skema ta' titoli li tipprovdi bonds tal-gvern lil istituzzjonijiet ta' kreditu eliġibbli u ssaħħaħ l-aċċess tagħhom għal-likwidità, b'mod partikolari mal-BĊE. L-ammont kumplessiv tal-pakkett hu ta' EUR 28 biljun (madwar 10 % tal-PDG). |
(11) |
Skont il-programm, il-politika fiskali hija mmirata lejn ir-ritorn tal-kunfidenza tal-investituri u biex ikunu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-gvern Grieg, minħabba n-nuqqas ta' opportunità għal immanuvrar fiskali, u minħabba l-iżbilanċi ekonomiċi kbar, ma adottax pakkett ta' stimolu għall-perijodu qasir b'reazzjoni għat-tnaqqis ekonomiku li jkun konformi mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku. Il-programm jipprevedi għadd ta' miżuri strutturali, inklużi miżuri speċifiċi għas-settur fis-settur tat-turiżmu mingħajr impatt baġitarju dirett, bħal dawk immirati biex isostnu l-impjiegi, it-tisħiħ tal-investiment fin-negozju inklużi s-sħubijiet privati-pubbliċi, it-tisħiħ ta' self lill-SMEs u t-titjib tal-assorbiment tal-fondi tal-UE. L-aġġornament jinkludi wkoll serje ta' miżuri ta' riforma strutturali oħrajn, li huma parti mill-istrateġija għall-perijodu fit-tul għat-titjib tal-kwalità u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, bħar-riforma fil-ġestjoni tal-infiq pubbliku u l-kontroll u l-implimentazzjoni tar-riforma fil-pensjonijiet li kienet adottata reċentement. Dawn il-miżuri huma relatati mal-aġenda ta' riforma għall-perijodu medju u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi proposti mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2009 skont l-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. |
(12) |
Il-Greċja adottat programm ta' konsolidazzjoni bl-għan li jiġi llimitat l-ammont ta' deterjorament fiskali fl-2009 u jitnaqqas l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern taħt it-3 % tal-limitu tal-PDG sal-2011. Abbażi tal-bidla fil-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid), il-qagħda fiskali kumplessiva hija fil-parti l-kbira tagħha newtrali fl-2009 u restrittiva fl-2010. B'mod iktar speċifiku, għall-2010 il-programm għandu mira ta' aġġustament strutturali ta' 1,5 punt perċentwali tal-PDG u titjib strutturali ulterjuri ta' xi 0,5 fl-2011. Madankollu, meta tqis ir-riskji għall-pjani baġitarji, il-konsolidament previst jista' ma jilħaqx il-miri u l-iżbilanċ nominali jibqa' taħt it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG. Fid-dawl tal-iżbilanċi domestiċi u esterni kbar tal-ekonomija Griega, il-pass tal-aġġustament fiskali huwa insuffiċjenti u mhux appoġġat għal kollox minn miżuri permanenti konkreti fl-2010 u l-2011, speċjalment fin-naħa tal-infiq. Finalment, meta jitqiesu r-riskji għall-projezzjonijiet tad-dejn imsemmija hawn fuq, il-proporzjon tad-dejn mal-PDGG jista' jkun qed jiżdied matul il-perijodu kollu tal-programm, u dan jirrifletti l-iktar il-progress insuffiċjenti fit-tnaqqis tal-iżbilanċ tal-gvern. |
(13) |
Fir-rigward tal-ħtiġiet ta' data speċifikati fil-kodiċi ta' kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi lakuni fid-data meħtieġa u fakultattiva (5). |
Il-konklużjoni ġenerali hi li l-programm jipprevedi t-tnaqqis tal-iżbilanċ baġitarju matul il-perijodu medju, imma jonqos milli jindirizza fil-ħin u b'mod effettiv l-iżbilanċi strutturali tal-ekonomija Griega u jaqleb t-tendenza 'il fuq tad-dejn pubbliku. Għalkemm l-istrateġija ta' konsolidazzjoni wara l-2009 sserraħ fuq trażżin permanenti tal-infiq u żieda fid-dħul mit-taxxa, il-programm ma jispjegax fid-dettall il-miżuri konkreti li se jsostnu kompletament l-aġġustament baġitarju ppjanat fl-2010 u l-2011. Barra minn hekk, fl-isfond ta' deterjorament qawwi fl-ambjent ekonomiku globali, l-istrateġija baġitarja hija soġġetta wkoll għal riskji negattivi sinifikanti, b'suppożizzjonijiet favorevoli ta' tkabbir bħala l-bażi għax-xenarju makroekonomiku.
Sa ċertu punt l-konsolidazzjoni sserraħ fuq ir-riżultati mill-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, li hija biss parzjalment sostnuta mir-riformi fl-amministrazzjoni tat-taxxa, filwaqt li t-tnaqqis ippjanat fl-infiq jitpaċa parzjalment ma' pjani għal żieda fil-pagi u t-trasferimenti soċjali. It-tisħiħ tat-triq lejn konsolidazzjoni fiskali, ibbażat fuq miżuri permanenti għall-kontroll ta' nfiq pimarju preżenti li jinkludi l-pagi pubbliċi, ikun kruċjali biex jintlaħqu finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli fil-Greċja. Barra minn hekk, l-aġġustament previst fil-programm huwa biss parzjalment appoġġat minn politiki strutturali biex tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. In-natura strutturali tal-fatturi li huma l-bażi tat-telf fil-kompetittività u t-twessigħ tal-iżbilanċi esterni urġentement jeħtieġu l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li juru kuraġġ. Għall-perijodu fit-tul, il-livell tad-dejn li għadu fost l-ogħla fl-UE, ikkombinat ma' żieda proġettata fl-infiq relatat mal-età, ser jaffettwaw ukoll b'mod negattiv is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, il-Greċja hi mistiedna biex:
(i) |
diġà mill-2009 ssaħħaħ sinifikattivament it-triq lejn il-konsolidazzjoni fiskali, permezz ta' miżuri permanenti speċifikati sew li jrażżnu l-infiq attwali, inkluż politika prudenti rigward il-pagi tas-settur pubbliku, biex b'hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis neċessarju fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG, |
(ii) |
tiżgura li l-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali jkunu wkoll immirati lejn it-tisħiħ tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi, fil-qafas tal-programm ta' riforma komprensiv, fid-dawl tal-aġġustament neċessarju tal-ekonomija, bil-ħsieb li jiġi rkuprat it-telf fil-kompetittività u jiġu indirizzati l-iżbilanċi esterni eżistenti, |
(iii) |
timplimenta malajr il-politiki biex tirriforma l-amministrazzjoni tat-taxxa u ttejjeb aktar il-funzjonament tal-proċess baġitarju billi iżżid it-trasparenza tagħha, tiddefinixxi l-istrateġija baġitarja fil-perspettiva ta' żmien itwal u tistabbilixxi mekkaniżmi għall-monitoraġġ, il-kontroll u t-titjib tal-effiċjenza tal-infiq primarju preżenti, |
(iv) |
fid-dawl tal-livell ta' dejn dejjem jiżdied u taż-żieda proġettata fin-nefqa marbuta mal-età, ittejjeb is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, billi jitkomplew ir-riformi li għaddejjin fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u s-sistema tal-pensjoni. |
Il-Greċja hija mħeġġa wkoll biex ittejjeb il-governanza statistika u l-kwalità tad-data statistika tagħha, u hija mistiedna ttejjeb il-konformità mal-ħtiġiet tad-data tal-kodiċi ta' kondotta.
Tqabbil tal-projezzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji prinċipali
|
|
2007 |
2008 |
2009 |
2010 |
2011 |
PDG reali (bidla f' %) |
SP Jan 2009 |
4,0 |
3,0 |
1,1 |
1,6 |
2,3 |
COM Jan 2009 |
4,0 |
2,9 |
0,2 |
0,7 |
m.d.* |
|
PS Diċ 2007 |
4,1 |
4,0 |
4,0 |
4,0 |
m.d. |
|
Inflazzjoni tal-IAPK (%) |
SP Jan 2009 |
3,0 |
4,3 |
2,6 |
2,5 |
2,4 |
COM Jan 2009 |
3,0 |
4,3 |
2,5 |
2,7 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
2,9 |
2,8 |
2,7 |
2,6 |
m.d. |
|
Differenza bejn il-produzzjoni effettiva u dik potenzjali (6) (% tal-PDG potenzjali) |
SP Jan 2009 |
2,2 |
1,9 |
0,3 |
– 0,8 |
– 1,0 |
COM Jan 2009 (7) |
3,0 |
2,8 |
0,5 |
– 1,2 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
1,3 |
1,2 |
1,2 |
m.d. |
m.d. |
|
Self mogħti/meħud nett meta mqabbel mal-bqija tad-dinja (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
– 12,1 |
– 12,8 |
– 11,4 |
– 10,8 |
– 10,0 |
COM Jan 2009 |
– 12,1 |
– 11,7 |
– 11,2 |
– 11,6 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
– 12,8 |
– 12,7 |
– 12,5 |
– 12,2 |
m.d. |
|
Dħul ġenerali tal-Gvern (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
39,9 |
40,0 |
41,0 |
41,1 |
41,2 |
COM Jan 2009 |
40,0 |
39,9 |
40,8 |
40,0 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
39,9 |
41,1 |
41,7 |
42,3 |
m.d. |
|
Infiq ġenerali tal-Gvern (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
43,4 |
43,7 |
44,7 |
44,3 |
43,8 |
COM Jan 2009 |
43,4 |
43,4 |
44,5 |
44,2 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
42,6 |
42,7 |
42,5 |
42,3 |
m.d. |
|
Bilanċ ġenerali tal-gvern (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
– 3,5 |
– 3,7 |
– 3,7 |
– 3,2 |
– 2,6 |
COM Jan 2009 |
– 3,5 |
– 3,4 |
– 3,7 |
– 4,2 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
– 2,7 |
– 1,6 |
– 0,8 |
0,0 |
m.d. |
|
Bilanċ primarju (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
0,6 |
0,3 |
0,8 |
1,2 |
1,7 |
COM Jan 2009 |
0,6 |
0,6 |
0,6 |
0,0 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
1,2 |
2,4 |
3,1 |
3,8 |
m.d. |
|
Bilanċ aġġustat ċiklikament (6) (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
– 4,4 |
– 4,5 |
– 3,8 |
– 2,8 |
– 2,2 |
COM Jan 2009 |
– 4,8 |
– 4,7 |
– 3,9 |
– 3,7 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
– 3,4 |
– 2,4 |
– 2,3 |
m.d. |
m.d. |
|
Bilanċ strutturali (8) (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
– 4,4 |
– 4,5 |
– 4,3 |
– 2,8 |
– 2,2 |
COM Jan 2009 |
– 4,6 |
– 5,0 |
– 4,7 |
– 3,7 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
– 3,1 |
– 2,4 |
– 2,3 |
m.d. |
m.d. |
|
Dejn gross tal-gvern (% tal-PDG) |
SP Jan 2009 |
94,8 |
94,6 |
96,3 |
96,1 |
94,7 |
COM Jan 2009 |
94,8 |
94,0 |
96,2 |
98,4 |
m.d. |
|
PS Diċ 2007 |
93,4 |
91,0 |
87,3 |
82,9 |
m.d. |
|
Programm ta' stabbiltà (PS); Il-previżjonijiet interim ta' Jannar 2009 mis-servizzi tal-Kummissjoni (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja:
http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm.
(2) Fis-6 ta' Frar 2009 l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw addendum għall-programm, li jipprovdi kjarifiki dwar il-bildiet għall-miżuri baġitarji li jtejbu t-taxxa u għar-riforma ppjanata tal-proċess baġitarju. L-addendum ma introduċa l-ebda bidla fl-istrateġija fiskali ppreżentata fil-programm ta' stabbiltà, waqt li kemm ix-xenarju makroekonomiku u l-projezzjonijiet baġitarji baqgħu ma nbidlux.
(3) Skont id-data notifikata mill-awtoritajiet Griegi f'Ottubru 2008 u vvalidata mill-Eurostat, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern laħaq it-3,5 % tal-PDG fl-2007, b'hekk jaqbeż it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG. Fid-dawl tal-ksur rappurtat tal-valur ta' referenza tat-Trattat, fit-18 ta' Frar 2009 l-Kummissjoni ħejjiet rapport skont l-Artikolu 104,3(3) tat-Trattat.
(4) Din il-valutazzjoni tieħu kont b'mod speċjali tal-previżjoni interim tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, iżda wkoll informazzjoni oħra li saret disponibbli minn dak iż-żmien 'il hawn.
(5) B'mod partikolari, mhumiex ipprovduti n-nefqa ġenerali tal-gvern skond il-funzjoni u informazzjoni dwar l-iżviluppi tad-dejn u l-komponenti tal-aġġustament tal-flussi/stock(differenzi bejn il-flus kontanti u dovuti, akkumulazzjoni netta tal-assi finanzjarji, effetti ta' valutazzjoni u oħrajn), assi finanzjarji likwidi u dejn finanzjarju nett.
(6) Differenza bejn il-produzzjoni effettiva u dik potenzjali u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi.
(7) Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 3,2 %, 2,7 %, 2,8 % u 2,5 % rispettivament fil-perijodu 2008-2011.
(8) Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn. Il-miżuri ta' darba u oħrajn temporanji huma 0,4 % tal-PDG fl-2008 u 0,5 % fl-2009 (kollha jnaqqsu d-defiċit) skont l-aktar programm reċenti, u 0,4 % tal-PDG fl-2008 u għal 0,8 % fl-2009 (kollha jnaqqsu d-defiċit) fil-previżjoni interim ta' Jannar mis-servizzi tal-Kummissjoni.
Sors:
Programm ta' stabbiltà (PS); Il-previżjonijiet interim ta' Jannar 2009 mis-servizzi tal-Kummissjoni (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.