Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1302

    Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1302/2008 tas- 17 ta’ Diċembru 2008 dwar id-dejtabejż ċentrali tal-esklużjoni

    ĠU L 344, 20.12.2008, p. 12–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1302/oj

    20.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 344/12


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE, EURATOM) Nru 1302/2008

    tas-17 ta’ Diċembru 2008

    dwar id-dejtabejż ċentrali tal-esklużjoni

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 215/2008 tal-18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-10 Fond ta’ Żvilupp Ewropew (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni li hija responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-fondi l-oħra kollha ġestiti mill-Komunitajiet, hi obbligata li twaqqaf u topera dejtabejż ċentrali, b’konformità mar-regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, bl-għanijiet li l-mekkaniżmu tal-esklużjoni jkun effiċjenti kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju u għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. B’mod partikolari, id-dejtabejż għandha tkopri l-eżekuzzjoni tal-fondi kollha tal-Komunità indipendetement mill-mod ta’ ġestjoni applikabbli.

    (2)

    Ir-Regolament Finanzjarju ipoġġi obbligazzjonijiet fuq l-istituzzjonijiet rigward l-għoti ta’ kuntratti u għotjiet lil terzi persuni fil-kuntest ta’ ġestjoni ċentralizzata tal-fondi tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Artikoli 93 u 114(3) jistabbilixxu obbligazzjoni sabiex terzi persuni jiġu esklużi milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ ksib jew għoti ta’ għotjiet fejn ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 93(1). L-Artikoli 94 u 114(3) jipprojbixxu l-għoti ta’ kuntratt jew għotja lil terzi persuni li, waqt proċedura ta’ ksib jew għotja speċifika, ikunu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess jew ikunu taw dikjarazzjoni falza fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-istituzzjoni bħala kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ ksib jew għoti ta’ kuntratti. Minbarra dan, l-Artikoli 96 u 114(4) jistabbilixxu l-possibilità li l-awtorità tal-kuntratti timponi penali amministrattivi u finanzjarji lil terzi persuni, b’mod partikolari fil-forma ta’ esklużjoni minn benefiċċji ta’ kwalunkwe fond tal-Komunità għal perjodu li jiġi determinat mill-istituzzjoni konċernata skont l-Artikolu 133a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3).

    (3)

    L-Artikli 74 u 75 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) jeħtieġu lil dawn il-korpi sabiex japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

    (4)

    L-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 tat-21 ta’ Settembru 2004 dwar regolament finanzjarju standard għall-aġenziji eżekuttivi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 li jistabbilixxi l-istatut għal aġenziji eżekuttivi li jkunu fdati b’ċerti ħidmiet fit-tmexxija ta’ programmi tal-Komunità (5) jobbliga lill-aġenziji eżekuttivi japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju imsemmija hawn fuq għall-implimentazzjoni tal-baġit operattiv tagħhom.

    (5)

    Billi l-aġenziji eżekuttivi għandhom l-istatus ta’ uffiċjali li jawtorizzaw permezz ta’ delega tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet operattivi li japplika għalihom ir-Regolament Finanzjarju, dawn għandhom ikollhom aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni bl-istess mod bħala servizzi tal-Kummissjoni.

    (6)

    L-għanijiet u l-iskop tad-dejtabejż tal-esklużjoni għandhom ikunu definiti sabiex jiġi determinat l-użu tad-dejta.

    (7)

    L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jkollu aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni sabiex jagħmel ix-xogħlijiet ta’ investigazzjoni regolatorja tiegħu u fil-kisba ta’ informazzjoni riżervata u fl-attivitajiet tiegħu għall-prevenzjoni tal-frodi li jsiru skont l-Artikolu 1 (2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-25 ta’ Mejju 1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi Ewropew (OLAF) (6) u Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tat-25 ta’ Mejju 1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi Ewropew (OLAF) (7).

    (8)

    L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jassigura l-amministrazzjoni tad-dejtabejż tal-esklużjoni u jkollu d-dritt li jimmodifika tagħrif li jinsab fid-dejtabejż. Is-servizz tal-Kummissjoni relevanti jew l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom ikunu responsabbli sabiex jitolbu d-dħul ta’ twissijiet ta’ esklużjoni fid-dejtabejż tal-esklużjoni.

    (9)

    Ir-regoli tal-aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni għandhom jiddistingwu bejn servizzi tal-Kummissjoni, aġenziji eżekuttivi u l-istituzzjonijiet u aġenziji kollha tal-Komunità li jużaw sistema ta’ kontabilità provduta mill-Kummissjoni (hawnhekk aktar ’il quddiem) li tippermetti aċċess dirett għal twissijiet, min-naħa, u l-istituzzjonijiet, awtoritajiet u aġenziji tal-implimentazzjoni li m’għandhomx aċċess, fuq in-naħa l-oħra. Għalhekk, dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikollhom aċċess permezz ta’ punti tal-kuntatt speċifikati u l-awtoritajiet u l-aġenziji tal-implimentazzjoni għandhom ikollhom aċċess permezz ta’ punti tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni.

    (10)

    Għandu jkun possibbli li l-aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni jiġi limitat fejn l-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni jiġġestixxu fondi b’livell ta’ deċentralizzazzjoni limitata ħafna, li jagħmel l-aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni mhux adattat jew fejn dan l-aċċess kellu jiġi miċħud minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-dejta

    (11)

    Sabiex jiġu definiti b’mod ċar ir-responsabbiltajiet tagħhom, ix-xogħlijiet tal-punti tal-kuntatt u tal-punti tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni għandhom jiġu determinati.

    (12)

    Sabiex jiġi rifless il-fatt li d-dejtabejż għandha tkun komuni għall-istituzzjonijiet, il-fluss tad-dejta għandu jiġi dirett direttament lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni.

    (13)

    Sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet bejn esklużjoni deċiża skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju għall-proċedura ta’ ksib jew għotja speċifika u d-determinazzjoni tat-tul tal-esklużjoni mill-istituzzjoni, din tal-aħħar għandha tkun tista’ titlob reġistrazzjoni proviżorja ta’ twissija ta’ esklużjoni.

    (14)

    Sabiex jiġu evitati twissijiet qodma, b’mod partikolari dawk relatati ma’ entitajiet li għalqu, it-twissijiet li jindikaw esklużjoni skont l-Artikolu 93(1) (a) u (d) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jitneħħew awtomatikament wara ħames snin.

    (15)

    Billi l-esklużjonijiet skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju jirrigwardaw proċeduri speċifiċi ta’ ksib jew għotjiet u mhux – kif jistipula l-Artikolu 93(1) – sitwazzjoni ta’ esklużjoni ġenerali, il-perjodu tar-reġistrazzjoni għandu jkun limitat u mneħħi awtomatikament.

    (16)

    Għandha tiġi spjegata fid-detall il-proċedura għal talbiet ibbażati fuq informazzjoni mill-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni, li tapplika għall-modi kollha tal-ġestjoni bl-eċċezzjoni għall-ġestjoni ċentralizzata diretta.

    (17)

    Għandu jiġi spjegat b’mod ċar is-sehem tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni marbut mad-dejta komunikata, minn punt tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni minn naħa u mill-uffiċjal tal-kontabilità min-naħa l-oħra, lis-servizz responsabbli tal-Kummissjoni, inkluża r-rettifikazzjoni, aġġornament jew tneħħija ta’ tagħrif.

    (18)

    Sabiex jiġi stipulat b’mod ċar sett ta’ regoli fil-każi kollha fejn l-awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni ma ddeterminatx it-tul ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 133a(1) tar-Regoli tal-Implimentazzjoni, għandu jiġi ddikjarat li d-deċiżjoni dwar il-perjodu tal-esklużjoni għandha tiġi mħejjija mis-servizz tal-Kummissjoni responsabbli u adottata mill-Kummissjoni.

    (19)

    Il-fluss ta’ informazzjoni bejn utenti awtorizzati tad-dejtabejż tal-esklużjoni għandu jinkludi d-dettalji kollha; persuni li jiġu kkuntattjati għal kull każ ta’ twissija għandhom jiġu determinati, li għandhom jipprovdu informazzjoni dwar it-twissija konċernata lil utenti awtorizzati tad-dejtabejż tal-esklużjoni.

    (20)

    Dispożizzjoni speċifika għandha tkopri każi fejn prova provduta minn terzi persuni mhix konsistenti mad-dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni, sabiex jiġi żgurat li d-dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni tkun korretta u aġġornata.

    (21)

    Għandha tiġi definita struttura adattata sabiex jingħata lok għal skambju tal-aqwa prattiċi bejn l-istituzzjonijiet u biex jiġu indirizzati materji relatati mal-użu tad-dejtabejż tal-esklużjoni.

    (22)

    L-ipproċessar tad-dejta personali inerenti għat-tħaddim tad-dejtabejż tal-esklużjoni għandu jsir skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi rigward l-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta, applikabbli għall-Istati Membri (8) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi relatat mal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (9) li huma applikabbli kompletament.

    (23)

    Dan ir-Regolament ġie mfassal wara li ġiet debitament ikkunsidrata l-opinjoni tal-Kontrollur Tal-Protezzjoni tad-Dejta. Barraminnhekk ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 jistipula li dan l-ipproċessar hu soġġett għal kontroll minn qabel mill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta bħala konsegwenza tan-notifika tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-Kummissjoni.

    (24)

    Għall-finijiet ta’ kjarezza, id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta għandhom jippreċiżaw id-drittijiet tal-persuni li d-dejta tagħhom hi inkluża jew tista’ tiġi introdotta fid-dejtabejż tal-esklużjoni. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhom inkunu infurmati bl-introduzzjoni tad-dejta li tikkonċerna lilhom fid-dejtabejż tal-esklużjoni.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT,

    Artikolu 1

    Is-suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dejtabejż ċentrali (hawnhekk aktar il-quddiem: “id-dejtabejż tal-esklużjoni”) imsemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (aktar il-quddiem f’dan id-dokument: “ir-Regolament Finanzjarju”).

    2.   Id-dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni tista’ tintuża biss sabiex jiġu applikati l-Artikoli 93 sa 96 u 114 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 133 sa 134b tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 kif ukoll Artikoli 96 sa 99 u 110 tar- Regolament (KE) Nru 215/2008.

    3.   L-OLAF jista’ juża d-dejta għall-investigazzjonijiet tiegħu bskont ir- Regolament (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 kif ukoll għall-kisba ta’ informazzjoni riżervata u l-attivitajiet tagħha għall-prevenzjoni tal-frodi, inkluż l-analiżi tar-riskji.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “istituzzjonijiet” tfisser Parlament Ewropew, Kunsill, Kummissjoni, Qorti tal-Ġustizzja, Qorti tal-Awdituri, Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Kumitat tar-Reġjuni, Ombudsmen, Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta, aġenziji u korpi eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 185(1) tar-Regolament Finanzjarju;

    (2)

    “awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni” tfisser awtoritajiet tal-Istati Membri u pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi oħra li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Finanzjarju, bl-eċċezzjoni ta’ aġenziji u korpi eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 185(1) tar-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jqassmu l-kompiti stipulati f’dan ir-Regolament lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali oħra, li għandhom jiġu assimilati mal-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni.

    (3)

    “terzi persuni” tfisser kandidati, offerenti, kuntratturi, fornituri, fornituri ta’ servizzi u s-sottokuntratturi rispettivi tagħhom, kif ukoll applikanti għal għotjiet, benefiċjarji ta’ għotjiet, inklużi benefiċjarji ta’ assistenza diretta, kuntratturi ta’ benefiċjarji ta’ għotjiet u entitajiet li jirċievu appoġġ finanzjarju minn benefiċjarju ta’ għotja tal-Komunità skont l-Artikolu 120 tar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 3

    Twissija ta’ esklużjoni

    It-twissijiet ta’ esklużjoni għandhom ikollhom id-dejta li ġejja:

    (a)

    informazzjoni li tidentifika terzi persuni, li huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(1), 94, 96(1)(b) u 96(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju;

    (b)

    informazzjoni rigward persuni b’setgħat ta’ rappreżentazzjoni, teħid ta’ deċiżjoni jew kontroll fuq entitajiet legali, meta dawn il-persuni jkunu sabu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(1), 94, 96(1)(b) u 96(2)(a) tar- Regolament Finanzjarju;

    (ċ)

    ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ terzi persuni imsemmija fil-punt (a) jew persuni imsemmija fil-punt (b) u, fejn hu adattat, it-tip ta’ kundanna ta’ ħtija u t-tul ta’ żmien tal-perjodu tal-esklużjoni.

    Artikolu 4

    Amministrazzjoni tad-dejtabejż tal-esklużjoni

    1.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jew l-istaff subordinat tiegħu li jkunu ġew delegati lilhom ċerti kompiti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 62 tar-Regolament Finanzjarju (hawnhekk aktar ’il quddiem “l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni”) għandu jassigura l-amministrazzjoni tad-dejtabejż tal-esklużjoni u jagħmel l-arranaġamenti tekniċi meħtieġa.

    L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jdaħħal, jimmodifika jew ineħħi twissijiet ta’ esklużjoni skont talbiet mingħand istituzzjonijiet.

    2.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jadotta miżuri tal-implimentazzjoni rigward aspetti tekniċi u jiddefinixxi l-proċeduri ta’ appoġġ assoċjati, inkluż il-qasam tas-sigurtà.

    Hu għandu jinnotifika dawk il-miżuri lis-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi, u fejn jgħodd, il-punti tal-kuntatt tal-istituzzjonijiet l-oħra indikati skont l-Artikolu 6(1) jew il-punti ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni indikati skont l-Artikolu 7(2).

    Artikolu 5

    Aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni

    1.   L-Istituzzjonijiet, minbarra l-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi, għandhom ikollhom aċċess dirett għad-dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni permezz ta’ sistema tal-kontabilità provvduta mill-Kummissjoni (ABAC) jew permezz ta’ punti tal-kuntatt.

    2.   L-awtoritajiet tal-implimentazzjoni jew il-korpi li jiġġestixxu fondi taħt ġestjoni bi sħab u korpi tas-settur pubbliku nazzjonali tal-Istati Membri li jiġġestixxu fondi taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta għandhom ikollhom aċċess għad-dejta fid- dejtabejż tal-esklużjoni permezz ta’ punti tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni.

    3.   L-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni li jiġġestixxu fondi taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta, deċentralizzata, jew ġestjoni bi sħab għandhom ikollhom aċċess għad-dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni permezz ta’ punti tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni meta dawn jiċċertifikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli li huma japplikaw il-miżuri tal-protezzjoni tad-dejta adegwati kif stabbilit fil-ftehim konkluż skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 134a(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

    Iżda, l-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni m’għandhomx jingħataw aċċess għad-dejtabejż tal-esklużjoni fi kwalunkwe każ li ġej:

    (a)

    is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli ma rċeviex iċ-ċertifikat imsemmi fl-ewwel subparagrafu;

    (b)

    is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli ikollu fil-pussess tiegħu evidenza li l-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni ma japplikawx miżuri ta’ protezzjoni tad-dejta adegwati;

    (ċ)

    is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli jikkonsidra li l-aċċess ma jkunx adattat f’każi ta’ livell limitat ta’ deċentralizzazzjoni li jinkludi kontroll ex ante mill-Kummissjoni.

    F’każ li l-aċċess għad-dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni jiġi miċħud, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiġi assigurat talanqas l-istess livell ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Fl-istruttura ta’ dawn il-miżuri, qabel ma tingħata l-għotja jew kuntratt, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jivverifika li t-terza persuna kkonċernata mhix soġġetta għal twissija tal-esklużjoni.

    4.   L-aċċess għal dejta fid-dejtabejż tal-esklużjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969/KE, Euratom (10).

    Artikolu 6

    Punti tal-kuntatt u utenti awtorizzati fi ħdan l-istituzzjonijiet

    1.   Kull istituzzjoni, minbarra l-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi, għandhom jindikaw il-punt tal-kuntatt responsabbli rigward il-materji relatati mad-dejtabejż tal-esklużjoni u tikkomunika l-ismijiet tal-persuni inkarigati lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni.

    2.   Il-punti tal-kuntatt jistgħu jipprovdu aċċess għal informazzjoni li qiegħda fid-dejtabejż tal-esklużjoni lill-utenti awtorizzati, li għandhom ikunu membri tal-istaff tal-istituzzjonijiet, li għalihom aċċess għad-dejtabejż hu indispensabbli għall-eżerċizzju xieraq tax-xogħlijiet tagħhom. Kull punt tal-kuntatt għandu jżomm reġistru tal-utenti awtorizzati u jagħti aċċess lill-Kummissjoni għalih meta jintalab.

    L-utenti awtorizzati jistgħu jipproċedu għal konsultazzjoni attiva onlajn tad-dejtabejż tal-esklużjoni.

    3.   L-istituzzjoni għandha tieħu miżuri ta’ sigurtà xierqa sabiex tipprevjenu li informazzjoni tinqara jew tiġi kkupjata minn persuni mhux awtorizzati.

    Artikolu 7

    Punti tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni u utenti awtorizzati fi ħdan awtoritajiet u aġenziji tal-implimentazzjoni

    1.   Il-punti tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni għandhom ikunu responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Kummissjoni rigward il-materji kollha relatati mad-dejtabejż tal-esklużjoni.

    2.   Kull Stat Membru għandu jindika punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni għall-fondi li jimplimenta b’ġestjoni bi sħab skont il-punt (b) tal-Artikolu 53 u l-fondi implimentati b’ġestjoni ċentralizzata indiretta permezz ta’ korpi nazzjonali mis-settur pubbliku skont il-punt (c) tal-Artikolu 54(2) tar- Regolament Finanzjarju. B’eċċezzjoni u għal raġunijiet ġustifikati b’mod korrett, il-Kummissjoni tista’ tapprova aktar minn punt ta’ komunikazzjoni u koordinazzjoni wieħed għal kull Stat Membru.

    3.   Kull pajjiż terz li jimplimenta l-fondi permezz ta’ ġestjoni deċentralizzata skont il-punt (b) tal-Artikolu 53 tar-Regolament Finanzjarju għandu jindika punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni meta jintalab mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli.

    Kull aġenzija tal-implimentazzjoni li timplimenta fondi permezz ta’ ġestjoni bi sħab skont il-punt (c) tal-Artikolu 53 jew permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skont il-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 54(2) ta’ dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ korpi nazzjonali mis-settur pubbliku, għandha tindika l-punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni meta jintalab mis-servizz tal-Kummissjoni responsabbli.

    Iżda, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli m’għandux jitlob in-nomina ta’ punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni fejn dan il-punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni diġà jeżisti.

    Meta s-servizz tal-Kummissjoni responsabbli jirtira aċċess ta’ punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni għad-dejtabejż tal-esklużjoni, dan għandu jinforma lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni dwarha.

    4.   Kull Stat Membru u kull awtorità jew aġenzija imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jikkomunikaw l-ismijiet tal-persuni responsabbli mill-punt ta’ komunikazzjoni u koordinazzjoni rispettiv tagħhom lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jippubblika l-lista ta’ pajjiżi terzi u aġenziji tal-implimentazzjoni li jqiegħdu f’ordni l-punti tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni fuq is-sit tal-Internet intern tal-Kummissjoni.

    5.   Il-punti tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni aċċess għal informazzjoni li qiegħda fid-dejtabejż tal-esklużjoni.

    L-awtoritajiet u aġenziji tal-implimentazzjoni jistgħu jinnominaw utenti awtorizzati fost il-membri tal-istaff tagħhom. In-numru ta’ dawn l-utenti awtorizzati għandu jkun limitat għal persuni li għalihom l-aċċess għal dik id-dejtabejż hu indispensabbli għall-eżerċizzju xieraq tal-ħidma tagħhom. Kull awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni għandha żżomm reġistru tal-utenti awtorizzati u tagħti aċċess għalih lill-Kummissjoni meta jintalab.

    Għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratti marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit jew mal-Fond tal-Iżvilupp Ewropew, l-utenti awtorizzati jistgħu jipproċedu għal konsultazzjoni attiva onlajn tad-dejtabejż tal-esklużjoni. Fejn ma’ tkunx possibbli l-konsultazzjoni onlajn, l-utent awtorizzat jista’ jirċievi dejta mniżżla. Fil-każ tal-aħħar, id-dejta għandha tkun aġġornata talanqas kull xahar.

    6.   L-awtorità jew aġenzija li tkun indikat il-punt tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni jew l-utenti awtorizzati għandha tagħmel arranġamenti għall-miżuri ta’ sigurtà adegwati sabiex tevita li informazzjoni tinqara jew tiġi kkupjata minn persuni mhux awtorizzati.

    Artikolu 8

    Talbiet mill-istituzzjonijiet

    1.   It-talbiet kollha għar-reġistrazzjoni, rettifikazzjoni, aġġornament jew tneħħija ta’ twissijiet ta’ esklużjoni għandhom jiġu indirizzati lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni.

    L-istituzzjonijiet biss jistgħu jissottomettu dawn it-talbiet. Għal dawn l-għanijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi responsabbli għandhom jużaw il-mudelli magħmula fl-Anness tad-Deċiżjoni 2008/969/KE, Euratom u l-punti ta’ kuntatt ta’ istituzzjonijiet oħra għandhom jużaw il-mudelli magħmula 2fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

    2.   F’kull talba għar-reġistrazzjoni ta’ twissija ta’ esklużjoni, is-servizzi tal- Kummissjoni jew l-aġenzija eżekuttiva responsabbli għandha tiċċertifika li l-informazzjoni kkomunikata ġiet stabbilita u trażmessa skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u tindika l-persuna li tiġi kuntattjata f’każ ta’ twissija li tassumi r-responsabbiltà kif stabbilit fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament.

    Meta tintalab ir-reġistrazzjoni ta’ twissija tal-esklużjoni, il-punti tal-kuntatt għandhom jiċċertifikaw li l-informazzjoni kkomunikata ġiet stabbilita u trażmessa skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-punti tal-kuntatt għandhom jassumu r-resposabbiltajiet ta’ persuna li tiġi kkuntattjata f’każ ta’ twissija.

    3.   Kull istituzzjoni għandha titlob reġistrazzjoni proviżorja ta’ twissija tal-esklużjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-tul taż-żmien tal-esklużjoni.

    4.   Is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli jew istituzzjoni oħra li talbet reġistrazzjoni ta’ twissija ta’ esklużjoni għandha tkun responsabbli għat-talba ta’ rettifikazzjoni, aġġornament jew tneħħija ta’ dik it-twissija.

    Artikolu 9

    Talbiet ibbażati fuq informazzjoni minn awtoritajiet u aġenziji tal-implimentazzjoni

    1.   Il-punti tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni dwar is-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) punt e tar- Regolament Finanzjarju lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni li għandu jgħaddi din l-informazzjoni lis-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għall-programm, azzjoni jew leġislazzjoni u identifikata mill-awtoritajiet jew aġenziji. Dawn għandhom ukoll jittrażmettu ċ-ċertifikazzjoni tal-awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni li l-informazzjoni kkomunikata lilhom ġiet stabbilita u trażmessa skont il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE.

    Għal dan il-għan, il-punti tal-komunikazzjoni u koordinazzjoni għandhom jużaw il-mudell fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Hekk kif tiġi rċevuta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jitlob lill-uffiċjal tal-kontabilità tal- Kummissjoni jdaħħal it-twissija ta’ esklużjoni fid-dejtabejż tal-esklużjoni għal tul ta’ żmien determinat mill-awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni sal-massimu tat-tul ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 93(3) tar-Regolament Finanzjarju.

    Meta t-tul ta’ żmien ma jkunx determinat, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jitlob reġistrazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 10(2), waqt li wieħed ikun qed jistenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jirreferi l-każ kemm jista’ jkun malajr lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni.

    3.   L-awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni għandha tkun responsabbli għad-dejta komunikata. Din, għandha mingħajr dewmien, tinforma lis-servizz tal-Kummissjoni responsabbli, permezz ta’ punt tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni, kull meta jkun hemm il-bżonn li l-informazzjoni trażmessa tiġi rettifikata, aġġornata jew imneħħija.

    Għal dak il-għan, l-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni u l-punti tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni għandhom jużaw il-mudell fl-Anness II.

    Hekk kif tiġi rċevuta l-informazzjoni aġġornata, is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jitlob lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni sabiex jirrettifika, jaġġorna jew ineħħi t-twissija tal-esklużjoni konċernata.

    Artikolu 10

    Perjodu tar-reġistrazzjoni fid-dejtabejż tal-esklużjoni

    1.   It-twissijiet dwar esklużjonijiet skont il-punti (b), (c), (e) u (f) fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu reġistrati għall-perjodu determinat mill-istituzzjoni li tagħmel it-talba u speċifikati f’din it-talba.

    2.   Twissija ta’ esklużjoni bbażata fuq talba ippreżentata skont l-Artikolu 8(3) għandha tiġi rreġistrata provviżorjament għal perjodu ta’ tliet xhur. Ir-reġistrazzjoni provviżorja tista’ tiġġedded hekk kif issir it-talba.

    Iżda, ir-reġistrazzjoni provviżorja ta’ twissija ta’ esklużjoni bbażata fuq it-talbiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), tista’ tkun, f’każi eċċezzjonali, imġedda għal perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur.

    3.   It-twissijiet ta’ esklużjonijiet skont il-punti (a) jew (d) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu rreġistrati għal perjodu ta’ ħames snin.

    4.   It-twissijiet ta’ esklużjonijiet mill-għoti ta’ kuntratt jew għotja fi proċedura speċifika skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu rreġistrati għal perjodu ta’ sitt xhur.

    Artikolu 11

    Tneħħija ta’ twissijiet ta’ esklużjoni

    It-twissijiet ta’ esklużjoni għandhom jitneħħew b’mod awtomatiku wara li jgħaddi ż-żmien stipulat fl-Artikolu 10.

    L-istituzzjoni li talbet ir-reġistrazzjoni għandha titlob it-tneħħija tat-twissija ta’ esklużjoni qabel ma jagħlaq iż-żmien tal-għeluq, fejn it-terza persuna ma tkunx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, b’mod partikolari għal każi msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 10 jew għal żbalji ċari skoperti wara r-reġistrazzjoni tal-esklużjoni.

    Artikolu 12

    Koperazzjoni

    1.   Il-persuna li tiġi kuntattjata f’każ ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament għandha tipprovdi, bil-kitba jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-informazzjoni kollha relevanti disponibbli sabiex tippermetti lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba tiegħu deċiżjonijiet ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju jew tippermetti lill-awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni tikkunsidraha fl-għoti ta’ kuntratti marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit.

    2.   F’każi, fejn ċertifikati jew evidenza miksuba minn istituzzjoni mhumiex konsistenti mat-twissijiet ta’ esklużjoni rreġistrati, l-istituzzjoni konċernata għandha tinforma immedjatament lill-persuna li tiġi kkuntattjata f’każ ta’ twissija. Il-persuna li tiġi kkuntattjata f’każ ta’ twissija u fejn xieraq il-punt tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni konċernat għandhom jieħdu azzjoni xierqa.

    3.   F’każi, fejn ċertifikati jew evidenza miksuba minn awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni mhumiex konsistenti mat-twissijiet ta’ esklużjoni reġistrati, l-awtorità jew l-aġenzija għandha tittrasmetti l-informazzjoni, permezz tal-punt tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni tagħha, lill-persuna li tiġi kkuntattjata f’każ ta’ twissija. Il-persuna li tiġi kkuntattjata f’każ ta’ twissija u fejn hu adattat il-punt tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni konċernat għandhom jieħdu azzjoni xierqa.

    4.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u l-punti tal-kuntatt tal- istituzzjonijiet għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-aqwa prattiċi.

    Materji relatati mad-dejtabejż tal-esklużjoni għandhom jiġu diskussi f’qafas ta’ laqgħat bejn l-awtorità jew aġenzija tal-implimentazzjoni u s-servizzi tal- Kummissjoni responsabbli.

    Artikolu 13

    Protezzjoni tad-dejta

    1.   Fis-sejħiet għal offerti u sejħiet għal proposti u, fl-assenza ta’ sejħiet, qabel ma jingħataw il-kuntratti jew għotjiet, l-istituzzjonijiet u awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni għandhom jinfurmaw lil terzi persuni dwar id-dejta li tikkonċernahom li tista’ tiġi inkluża fid-dejtabejż tal-esklużjoni u tal-entitajiet li lilhom tista’ tiġi komunikata d-dejta. F’każi, fejn it-terzi persuni huma entitajiet legali, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet u aġenziji tal-implimentazzjoni għandhom jinfurmaw lill-persuni li għandhom is-setgħat li jirrappreżentaw, jieħdu deċiżjonijiet jew jikkontrollaw dawn l-entitajiet legali.

    2.   L-istituzzjoni li titlob reġistrazzjoni ta’ twissija ta’ esklużjoni għandha tkun responsabbli għar-relazzjonijiet mal-persuna fiżika jew ġuridika li dejta tiegħu/tagħha ġiet introdotta fid-dejtabejż tal-esklużjoni (aktar ’il quddiem f’dan id-dokument: “id-dejta tas-suġġett konċernat”).

    L-istituzzjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-dejta konċernat dwar it-talba għall-attivazzjoni, aġġornament u tneħħija ta’ twissija ta’ esklużjoni li tikkonċernah direttament u tiddikjara r-raġunijiet tagħha.

    L-istituzzjoni għandha twieġeb ukoll għal talbiet mis-suġġetti tad-dejta konċernati sabiex tiġi rettifikata dejta personali mhux eżatta jew mhux kompluta u kwalunkwe talbiet jew mistoqsijiet oħra minn għand dawk is-suġġetti.

    Talbiet jew mistoqsijiet minn għand suġġetti tad-dejta konċernati relatati ma’ informazzjoni provduta mill-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni għandhom jiġu trattati minn dawk l-awtoritajiet jew aġenziji. Is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għandu jirreferi dawn it-talbiet u mistoqsijiet lill-punt tal-komunikazzjoni u kooperazzjoni konċernat u jinforma lis-suġġett tad-dejta konċernat dwarhom

    3.   Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fil-paragrafu 2, persuna fiżika identifikata kif suppost għandha tkun tista’ titlob informazzjoni dwar jekk dejta li tikkonċernaha hix reġistrata fid-dejtabejż tal-esklużjoni.

    L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jinformah bil-kitba jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, jekk l-individwu hux reġistrat fid-dejtabejż tal-esklużjoni. Jekk l-individwu hu reġistrat, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jehmeż id-dejta maħżuna fid-dejtabejż tal-esklużjoni li tikkonċerna lil dak l-individwu. Hu għandu jinforma lill-istituzzjoni li talbet it-twissija dwaru.

    4.   Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stipulati fil-paragrafu 2, ir-rappreżentant awtorizzat kif suppost tal-persuna ġuridika jista’ jitlob informazzjoni dwar jekk dik il-persuna legali hix reġistrata fid-dejtabejż tal-esklużjoni.

    L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jinformah bil-kitba jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, jekk l-individwu hux reġistrat fid-dejtabejż tal-esklużjoni. Jekk l-individwu hu reġistrat, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jehmeż id-dejta maħżuna fid-dejtabejż tal-esklużjoni li tikkonċerna lil dak l-individwu. Hu għandu jinforma lill-istituzzjoni li talbet it-twissija dwaru.

    5.   Twissijiet imneħħija għandhom ikunu aċċessibbli għal skopijiet ta’ reviżjoni tal-kontijiet u investigazzjoni biss u m’għandhomx ikunu viżibbli għall-utenti tad-dejtabejż.

    Iżda, dejta personali li qiegħda fit-twissijiet ta’ esklużjoni li jirreferu għal individwi għandha tibqa’ aċċessibbcli għal dawn l-iskopijiet biss għal ħames snin wara t-tneħħija tat-twissija.

    Artikolu 14

    Id-dispożizzjonijiet transizzjonali

    1.   L-informazzjoni minn għand l-awtoritajiet jew aġenziji tal-implimentazzjoni għandha tirreferi esklussivament ma’ sentenzi mogħtija wara l-1 ta’ Jannar 2009.

    2.   Twissijiet reġistrati skont l-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jkunu għadhom attivi f’dik id-data għandhom jikkostitwixxu twissijiet ta’ esklużjoni u għandhom jiġu mdaħħla minnufih fid-dejtabejż tal-esklużjoni.

    3.   F’każ, fejn terza parti ma ġietx infurmata dwar ir-reġistrazzjoni tat-twissija ta’ esklużjoni msemmija fil-paragrafu 2, is-servizzi tal-Kummissjoni jew l-istituzzjoni li talbet ir-reġistrazzjoni għandha tinforma lit-terza persuna li d-dejta tagħha ġiet introdotta fid-dejtabejż tal-esklużjoni fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    4.   Is-servizz tal-Kummissjoni responsabbli jew istituzzjoni oħra li talbet reġistrazzjoni ta’ twissija ta’ esklużjoni msemmija fil-paragrafu 2 tibqa’ responsabbli għall-modifikazzjoni jew tneħħija ta’ talbiet ta’ dik it-twissija skont dan ir-Regolament.

    5.   Għal esklużjonijiet deċiżi mis-servizz tal-Kummissjoni jew aġenzija eżekuttiva skont il-punti (b) u (e) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju qabel l-1 ta’ Mejju 2007, fit-tul taż-żmien tal-perjodu ta’ esklużjoni għandu jiġi kkunsidrat il-perjodu ta’ rekord kriminali taħt il-liġi nazzjonali.

    Għal din l-esklużjoni għandu japplika perjodu massimu ta’ erba’ snin mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni. Jekk dak il-perjodu jkun għadda, is-servizz tal- Kummissjoni jew aġenzija eżekuttiva responsabbli għandha titlob it-tneħħija tat-twissija.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Dalia GRYBAUSKAITĖ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (5)  ĠU L 297,, 22.9.2004, p. 6.

    (6)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

    (7)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.

    (8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (10)  Ara paġna 125 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali


    ANNESS I

    Talba għal dħul ta' dejta fil-bażi tad-dejta tal-esklużjoni, u l-immodifikar jew tneħħija tagħha minn istituzzjonijiet oħra għajr il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi

    It-talba għandha tintbagħat skont il-proċedura għall-informazzjoni kklassifikata skont ir-regoli stabbiliti mill-istituzzjoni. Hija għandha tintbagħat f'envelopp wieħed magħluq.

    Il-Kummissjoni Ewropea
    Direttorat Ġenerali Baġit
    Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni
    BRE2 13/505
    B-1049 BRUXELLES

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Komunikazzjoni ta' informazzjoni minn awtoritajiet jew entitajiet ta' implimentazzjoni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top