EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0649

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 649/2008 tat- 8 ta’ Lulju 2008 li jimponi dazju definittiv kontra l-iddampjar fuq importazzjonijiet ta’ trab tal-karbon attivat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ĠU L 181, 10.7.2008, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/07/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/649/oj

10.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 181/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 649/2008

tat-8 ta’ Lulju 2008

li jimponi dazju definittiv kontra l-iddampjar fuq importazzjonijiet ta’ trab tal-karbon attivat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (‘ir-Regolament bażiku’) u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1006/96 (2), wara investigazzjoni kontra l-iddampjar, il-Kunsill impona dazju definittiv kontra l-iddampjar ta’ 323 EUR għal kull tunnellata ta’ importazzjonijiet ta’ trab ta’ karbon attivat li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) (‘l-investigazzjoni oriġinali’).

(2)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1011/2002 (3), wara reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill ġedded l-impożizzjoni tad-dazju definittiv kontra l-iddampjar fuq trab tal-karbon attivat li joriġina fir-RPĊ (‘l-ewwel investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ skadenza’).

1.2.   It-talba għal reviżjoni (L-investigazzjoni preżenti)

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ skadenza imminenti (4), fit-12 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni ta’ l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

Din it-talba tressqet mill-Kunsill Ewroprew ta’ l-Industrija tal-Kimiċi (CEFIC) (‘l-applikant’) f’isem żewġ produtturi li jirrappreżentaw parti kbira, f’dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ trab tal-karbon attivat. It-talba kienet ibbażata fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri aktarx tirriżulta fl-issuktar jew ir-rikorrenza ta’ ddampjar u ħsara lill-industrija Komunitarja.

(5)

Wara li ġie kkonsultat il-kumitat konsultattiv u ġie determinat li kien hemm biżżejjed evidenza għat-tnedija tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza, il-Kummissjoni nediet din ir-reviżjoni fit-13 ta’ Ġunju 2007, b’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta‘ l-Unjoni Ewropea (“l-avviż ta’ tnedija”) (5).

1.3.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(6)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-esportaturi/produtturi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni, l-importaturi, il-fornituri, il-produtturi, l-utenti fil-Komunità u lill-applikant bit-tnedija tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ ftuħ. Il-partijiet interessati kollha li talbu hekk u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingћataw seduta ta’ smigħ.

(a)   Kampjun ta’ esportaturi/produtturi fir-RPĊ

(7)

Fid-dawl ta’ l-għadd kbir ta’ esportaturi/produtturi fir-RPĊ li apparentement hemm (132 imniżżla fit-talba għar-reviżjoni), tqies xieraq li jiġi eżaminat jekk għandhomx jintużaw il-kampjuni fir-reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta’ l-użu ta’ kampjun u, jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi Komunitarji ntalbu, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw lilhom infushom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza u biex jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif mitlub fl-avviż ta’ tnedija. Madankollu, ebda esportatur/produttur ma wieġeb għall-mistoqsijiet jew ippreżentata lilu nnifsu b’xi mod ieħor b’rispons għall-avviż ta’ tnedija u, għalhekk, l-użu ta’ kampjun għall-esportaturi/produtturi ma kienx rilevanti.

(b)   Kampjun tal-produtturi Komunitarji

(8)

Fid-dawl ta’ l-għadd kbir ta’ importaturi fil-Komunità li apparentement hemm (33 imniżżla fit-talba għar-reviżjoni), tqies xieraq li jiġi eżaminat jekk għandhomx jintużaw il-kampjuni fir-reviżjoni ta’ skadenza skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta’ l-użu ta’ kampjuni u, jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi fil-Komunità ntalbu, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, biex jippreżentaw lilhom infushom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza u biex jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif mitlub fl-avviż ta’ ftuħ.

(9)

Madankollu, billi tlieta biss mit-33 importatur li ġew ikkuntattjati wieġbu għall-mistoqsijiet tal-kampjun u qablu li jikkooperaw, ġie deċiż li l-użu ta’ kampjun ma kienx neċessarju f’dan il-każ.

1.4.   Kwestjonarji u verifiki

(10)

Il-kwestjonarji ntbagħtu lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-importaturi, il-fornituri, il-produtturi u l-utenti kollha magħrufa fil-Komunità u l-produtturi fil-pajjiż analagu, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika (‘USA’) (ara l-premessi (22) sa (24) hawn taħt).

(11)

Waslu tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju minn tliet fornituri tal-materja prima lill-industrija Komunitarja, tliet utenti, żewġ produtturi Komunitarji li appoġġaw it-talba għal reviżjoni, produttur ieħor li kien kontra l-proċedimenti u produttur wieħed fil-pajjiż analogu. Ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkoopera.

(12)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li tqis neċessarju għall-analiżi tagħha, u wettqet żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi Komunitarji

Norit B.V., Amersfoort, l-Olanda, u Glasgow, ir-Renju Unit

CECA S.A., Pariġi u Bordeaux, Franza

(b)

Produttur ieħor

Chemviron Carbon S.A., Feluy, il-Belġju

(ċ)

Fornituri Komunitarji

Klasmann & Deilmann GmbH, Geeste, Niedersachsen, il-Ġermanja

Rheinbraun Brennstoff GmbH, Cologne, il-Ġermanja

WTL International Ltd., Macclesfield, Cheshire, ir-Renju Unit

(d)

Produttur fil-pajjiż analogu

Norit Americas Inc., Marshall, Texas, USA

1.5.   Perjodu għall-investigazzjoni tar-reviżjoni

(13)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta’ l-issuktar jew ir-rikorrenza ta’ ddampjar jew ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2006 sal-31 ta’ Marzu 2007 (il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni jew ‘PIR’).

(14)

L-eżaminazzjoni tat-tendenzi rilevanti għall-verifika tal-probabbiltà ta’ ssuktar jew rikorrenza tal-ħsara kopriet il-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2003 u jibqa’ sejjer sa l-aħħar tal-PIR (‘perjodu kkunsidrat’).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(15)

Il-prodott li qed jiġi kkunsidrat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali u r-reviżjoni sussegwenti ta’ l-iskadenza, jiġifieri trab tal-karbon attivat (PAC - powdered activated carbon) li bħalissa huwa klassifikabbli bil-kodiċi tan-NK ex 3802 10 00. Il-PAC huwa għamla mikroporuża tal-karbon, miksub minn varjetà ta’ materja prima bħalma huma l-faħam, il-pit, l-injam, il-lignite, l-għadam taż-żebbuġ jew il-qxur tal-ġewż ta’ l-indi, li tiġi attivata permezz tal-fwar jew proċessi kimiċi. Il-PAC huwa trab fin ħafna. Il-karbons attivati jinbiegħu wkoll f’għamla granulari (karbon attivat granulat jew ‘GAC’ – granulated activated carbon) li mhumiex koperti mill-miżuri fis-seħħ u lanqas minn din ir-reviżjoni.

(16)

Kif ikkonfermat mir-reviżjoni preċedenti ta’ l-iskadenza, id-definizzjoni tal-PAC tgħid illi mill-inqas 90 % tal-massa (% m/m) tiegħu tkun partikoli b’daqs ta’ inqas minn 0.5 mm.

(17)

L-applikazzjonijiet ġenerali tal-PAC huma t-trattament ta’ l-ilma (l-ilma għax-xorb kif ukoll it-trattament ta’ l-ilma skart), il-purifikazzjoni tal-gass u ta’ l-arja, l-irkupru tas-solvent, it-tneħħija tal-kulur taz-zokkor, iż-żjut u x-xaħmijiet veġetali, it-tneħħija tar-riħa u l-purifikazzjoni ta’ prodotti differenti fl-industriji kimiċi (jiġifieri l-aċidi organiċi), farmaċewtiċi (jiġifieri kapsuli gastrointestinali) jew ta’ l-ikel (jiġifieri x-xorb alkoliku u minerali).

(18)

L-investigazzjoni preżenti kkonfermat li l-PAC prodott u mibjugħ mill-produtturi Komunitarji u l-PAC impurtat mir-RPĊ kif ukoll il-PAC prodott u mibjugħ fil-pajjiż analogu (USA) għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u huma identiċi fl-aspetti kollha. Għalhekk, huma meqjusa li huma prodotti simili fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   IL-PROBABBILTÀ TA’ L-ISSUKTAR U/JEW IR-RIKORRENZA TA’ L-IDDAMPJAR

3.1.   Rimarki preliminari

(19)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-għan ta’ reviżjoni ta’ skadenza huwa biex jiġi stabbilit jekk l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għal issuktar jew rikorrenza ta’ l-iddampjar.

(20)

Fil-bidu, il-volumi esportati lill-Komunità matul il-PIR ġew eżaminati. Għandu jiġi nnotat li ladarba l-ebda produttur esportatur Ċiniż u l-ebda importatur fil-Komunità ma kkoopera fl-investigazzjoni preżenti, id-data dwar l-esportazzjonijiet ġiet stabbilita skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi ta’ tagħrif disponibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ebda produttur esportatur Ċiniż jew importatur Komunitarju ma kien ikkoopera fl-ewwel investigazzjoni għar-reviżjoni ta’ l-iskadenza. Madankollu, mindu twaqqaf id-dazju definittiv kontra l-iddampjar fl-1996, l-istatistika tal-Komunità saret disponibbli għal importazzjonijiet tal-PAC. Din l-istatistika ġiet ikkonfermata minn tagħrif ta’ riċerka tas-suq ippreżentat mill-industrija Komunitarja. Fuq din il-bażi, u fl-assenza ta’ tagħrif ieħor ta’ min joqgħod fuqu aktar, din l-istatistika ntużat. Din uriet li matul il-PIR, madwar 529 tunnellata metrika ta’ PAC ġew impurtati miċ-Ċina fil-Komunità. Din il-kwantità hija żgħira meta mqabbla mal-kwantità impurtata fil-Komunità qabel it-twaqqif tal-miżuri, iżda xorta waħda rrappreżentat iktar minn 1 % tal-konsum tal-PAC fil-Komunità matul il-PIR. Madankollu, sar kalkolu indikattiv ta’ l-iddampjar.

3.2.   Possibilità ta’ ssuktar ta’ l-iddampjar

(21)

Fil-kuntest tal-possibilitá ta’ l-issuktar ta’ l-iddampjar, ġie investigat jekk l-iddampjar ta’ l-esportazzjonijiet mir-RPĊ kienx qiegħed isir fil-waqt. Dan sar bil-ħsieb li, jekk kien qed iseħħ l-iddampjar f’dak il-waqt, dan kien ikun indikazzjoni importanti li l-iddampjar aktarx ikompli fil-futur, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(a)   Il-Pajjiż analogu

(22)

Minħabba li r-RPĊ hija ekonomija fi transizzjoni, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tagħrif miksub f’pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq magħżul bi qbil ma’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

(23)

L-Istati Uniti ntagħżel bħala l-pajjiż analogu xieraq fl-investigazzjoni oriġinali u fl-ewwel reviżjoni ta’ l-iskadenza. Kif indikat fl-Avviż tat-Tnedija, il-Kummissjoni ħasbet li tuża wkoll l-Istati Uniti bħala l-pajjiż analogu xieraq fl-investigazzjoni preżenti. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni żvelat li l-Istati Uniti kien il-pajjiż analogu l-aktar xieraq għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Istati Uniti huwa wieħed mill-akbar pajjiżi produtturi tal-PAC fid-dinja. Ċifri sottomessi mill-produttur li kkoopera fl-Istati Uniti u l-produtturi tal-Komunità fit-talba ta’ reviżjoni wrew li l-volum ta’ produzzjoni taż-żewġ pajjiżi huwa paragunabbli. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (18), il-PAC prodott u mibjugħ fl-Istati Uniti nstab li huwa prodott simili għall-PAC prodott fir-RPĊ u esportat lejn il-Komunità. Il-bejgħ domestiku tal-produttur li kkoopera ta’ l-Istati Uniti (f’termini ta’ volum) kien rappreżentattiv meta pparagunat ma’ l-importazzjonijiet tal-PAC mir-RPĊ fil-Komunità. Fl-aħħarnett, instab li l-livell ta’ kompetizzjoni fl-Istati Uniti kien għoli ħafna. Tabilħaqq, minbarra l-kompetizzjoni fost bosta produtturi fl-Istati Uniti, kien hemm ukoll kompetizzjoni minn PAC impurtat (prinċipalment mir-RPĊ, is-Sri Lanka u l-Filippini), li seta’ jiġi impurtat mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi jew dazji fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, il-produttur ewlieni tal-PAC fl-Istati Uniti kien lest jikkoopera.

(24)

Meta jitqies dak li ssemma hawn fuq, u billi ma waslux kummenti dwar l-għażla tal-pajjiż analogu mill-partijiet interessati, l-Istati Uniti konsegwentement intgħażlu bħala l-pajjiż analogu l-aktar xieraq.

(b)   Il-valur normali

(25)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, ġie analizzat jekk il-bejgħ domestiku rappreżentattiv tal-PAC fl-Istati Uniti, meta jitqies il-prezz mitlub, sarx waqt kummerċ ordinarju. F’dan ir-rigward, ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku sarx bi qligħ. Għal dan il-għan, l-ispiża sħiħa ta’ produzzjoni għal kull grad matul il-PIR tqabblet mal-prezz medju tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ta’ kull grad li saru fl-istess perjodu. Instab li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ sar bi qligħ. L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-bejgħ kollu sar lil pajjiżi indipendenti. B’riżultat ta’ dan, il-prezzijiet imħallsa jew dovuti għall-PAC minn klijenti indipendenti fis-suq domestiku ta’ l-Istati Uniti waqt kummerċ ordinarju intużaw biex jiġi stabbilit il-valur normali skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

(ċ)   Il-prezz ta’ l-esportazzjoni

(26)

Kif issemma hawn fuq, ebda produttur esportatur Ċiniż jew importatur tal-PAC fil-Komunità ma kkoopera f’din l-investigazzjoni tar-reviżjoni ta’ l-iskadenza. Għalhekk, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ fatti disponibbli bi qbil ma’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Kif issemma diġà fil-premessa (20) hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra affidabbli, dan sar b’referenza għall-prezz medju mill-istatistika dwar l-importazzjonijiet ta’ l-Eurostat (TARIC) matul il-PIR.

(d)   Il-paragun

(27)

Bil-għan li jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, tqiesu d-differenzi fil-fatturi, li nstabu li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet, bi qbil ma’ l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-trasport tal-merkanzija bil-baħar, l-assigurazzjoni u t-trasport fuq l-art. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-aġġustamenti fil-prezz ta’ l-esportazzjoni ġew ibbażati fuq il-fatti disponibbli, f’dan il-każ fuq informazzjoni relevanti mogħtija fit-talba għar-reviżjoni.

(e)   Il-marġni ta’ ddampjar

(28)

It-tqabbil tal-valur normali medju ddifferenzjat mal-prezz medju ddifferenzjat ta’ l-esportazzjoni tal-gradi kollha wera li l-esportazzjonijiet tal-PAC fil-Komunità kienu għadhom qed jiġu ddampjati b’marġni sostanzjali matul il-PIR. Il-marġni ta’ ddampjar kien daqs l-ammont li bih il-valur normali qabeż il-prezzijiet għall-esportazzjonijiet fil-Komunità. Il-marġni ta’ ddampjar medju ddifferenzjat qabeż l-20 %. Minkejja li dan il-marġni ta’ ddampjar kellu jkun ibbażat, fil-biċċa l-kbira, fuq il-fatti disponibbli minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, huwa madankollu indikattiv ta’ l-imġiba attwali taċ-Ċiniżi fl-esportazzjoni. Ovvjament, li kieku kien hemm kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, dan kien jippermetti kalkolu iktar preċiż.

3.3.   L-iżvilupp ta’ l-esportazzjonijiet lill-Komunità f’każ li l-miżuri jiskadu

(29)

Ġie eżaminat ukoll kif l-esportazzjonijiet tal-PAC mir-RPĊ lill-Komunità jiżviluppaw jekk jiskadu l-miżuri. Għal dak il-għan, ġew eżaminati l-kapaċità ta’ produzzjoni żejda fir-RPĊ, il-volum ta’ l-esportazzjoni u s-suq domestiku fir-RPĊ kif ukoll l-imġiba tal-prezz Ċiniż fir-rigward ta’ pajjiżi terzi oħra. Fl-assenza ta’ kooperazzjoni minn produtturi esportaturi, intuża tagħrif ta’ riċerka tas-suq ippreżentat mill-industrija tal-Komunità.

(f)   Il-kapaċità ta’ produzzjoni, is-suq domestiku fiċ-Ċina u l-volum ta’ esportazzjoni

(30)

It-tagħrif li kellha l-Kummissjoni wera li r-RPĊ, b’madwar 300 manifattur, hija l-akbar produttur u esporatur tal-karbon attivat (granulari u fi trab) fid-dinja. Matul il-PIR, il-kapaċità ta’ produzzjoni Ċiniża tal-PAC kienet stmata għal madwar 190 000 tunnellata, li minnhom madwar 70 000 tunnellata nbiegħu fis-suq domestiku u madwar 60 000 tunnellata ġew esportati. Għalhekk, kienet disponibbli kapaċità żejda ta’ madwar 60 000 tunnellata. Wieħed għandu jinnota li din il-kapaċità żejda tisboq il-konsum tal-Komunità fil-PIR.

(31)

Is-swieq ewlenija għall-esportazzjoni tal-PAC Ċiniż kienu x-Xlokk ta’ l-Ażja, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u l-Ewropa. Madankollu, skond l-evidenza li tressqet mill-industrija tal-Komunità, il-bżonn addizzjonali għal PAC impurtat f’pajjiżi terzi huwa minimu u l-kapaċità li jiġu assorbiti aktar esportazzjonijiet Ċiniżi għalhekk tkun kważi negliġibbli. Barra minn hekk, wieħed għandu jinnota li għadd ta’ swieq potenzjali għall-esportazzjoni fir-reġjun ta’ l-Ażja, bħall-Indja u l-Indoneżja, japplikaw tariffi tad-dwana għoljin fuq il-PAC.

(32)

Fuq il-bażi tad-data disponibbli, huwa stmat li l-rata annwali ta’ tkabbir tal-konsum domestiku, il-produzzjoni u l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-PAC fir-RPĊ se tkun ta’ madwar 5 %. Meta wieħed iqis li l-Istati Uniti imponew miżuri kontra l-iddampjar fuq PAC Ċiniż attivat bl-istim f’April 2007 (jiġifieri wara l-PI), l-esportazzjonijiet jistgħu saħansitra jonqsu. Għalhekk, il-kapaċitajiet żejda ċertament mhux se jonqsu iżda aktarx saħansitra se jiżdiedu fil-ġejjieni.

(33)

Barra minn hekk, skond l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, l-industrija Ċiniża tal-karbon attivat bħalissa qed taffaċċja problemi finanzjarji, partikolarment minħabba li l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità qed twassal għal żieda fl-ispejjeż. Dan iżid ukoll il-pressjoni biex issir esportazzjoni bi prezzijiet iddampjati sabiex ikun hemm aktar ekonomiji ta’ l-iskala.

(34)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, li kieku kellhom jitneħħew il-miżuri u l-Komunità ssir suq attraenti għall-esportazzjoni, aktarx li l-produtturi Ċiniżi jżidu l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tagħhom sabiex jesportaw volumi sinifikanti u, għalhekk, inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja.

(ġ)   L-imġiba tal-prezzijiet fi swieq ta’ pajjiżi terzi

(35)

Analiżi tal-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħra, bħall-Istati Uniti, żvelat li l-esportazzjonijiet tal-PAC saru wkoll bi prezzijiet baxxi ħafna u wkoll iddampjati b’rati sinifikanti ħafna (ogħla mill-marġni ta’ ddampjar stabbilit fl-investigazzjoni preżenti għar-reviżjoni ta’ l-iskadenza, ara l-premessa (28) hawn fuq). Huwa ovvju li hemm prassi ta’ ddampjar fl-esportazzjonijiet Ċiniżi ta’ dan il-prodott.

(36)

Konsegwentement, jekk jitneħħa d-dazju kontra l-iddampjar, is-suq Komunitarju aktarx jattira kwantitajiet kbar ta’ PAC Ċiniż bi prezzijiet baxxi ddampjati. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota wkoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu preżenti, għalkemm fi kwantitajiet iżgħar, fis-suq Komunitarju mindu ġew imposti l-miżuri kontra l-iddampjar fl-1996, u dan jiffaċilita ż-żieda fl-importazzjonijiet jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.4.   Konklużjoni fuq il-possibbiltà li l-iddampjar jissokta

(37)

L-importazzjonijiet tal-PAC Ċiniż matul il-PIR saru f’livelli ogħla mil-livelli de minimis u xorta ġew iddampjati. Ġie stabbilit li l-iddampjar baqa’ sejjer u li hemm possibbiltà qawwija li jissokta jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, f’każ bħal dan aktarx li l-esportazzjonijiet tal-PAC Ċiniż fil-Komunità jiżdiedu sostanzjalment (u jmorru lura għallinqas għal-livelli li nstabu fl-investigazzjoni oriġinali) billi hemm kapaċitajiet żejda sinifikanti disponibbli fir-RPĊ. Il-prezzijiet ta’ dawn il-kwantitajiet addizzjonali ta’ importazzjonijiet aktarx li jiġu ddampjati kollha f’livelli sinifikanti.

4.   ID-DEFINIZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(38)

L-investigazzjoni wriet li l-PAC bħalissa qed jiġi prodott minn għadd limitat ta’ produtturi fil-Komunità. Iż-żewġ produtturi applikanti u żewġ produtturi oħra, li ma kkooperawx fl-investigazzjoni, isegwu l-proċess tradizzjonali fejn il-materja prima neċessarja titħallat biex jinkiseb PAC bi proċessi ta’ attivazzjoni.

(39)

Instab ukoll li ċerti produtturi oħra fil-Komunità jipproduċu PAC billi jitħnu GAC impurtat mir-RPĊ. Fuq il-bażi ta’ estimi miksuba mill-industrija Komunitarja, mill-GAC li qed jiġi impurtat mir-RPĊ, madwar 10 000 tunnellata qed jiġu mitħuna f’PAC fil-Komunità. Tabilħaqq, produttur ieħor li kkoopera mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni mmanifattura l-PAC b’dan il-mod. Madankollu, kif kien il-każ fl-ewwel investigazzjoni ta’ reviżjoni, dawn il-kwantitajiet ma ġewx inklużi fil-kalkolu tal-produzzjoni totali Komunitarja u fil-konsum Komunitarju.

(40)

Iż-żewġ produtturi Komunitarji, li f’isimhom tressqet it-talba għar-reviżjoni, kkoperaw fl-investigazzjoni. Dawn irrappreżentaw aktar minn 80 % tal-produzzjoni tal-Komunità tal-PAC u għalhekk jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

(41)

Billi l-industrija Komunitarja tikkonsisti minn żewġ produtturi Komunitarji, l-informazzjoni dwar l-industrija Komunitarja kellha tiġi indiċjata kull fejn xieraq biex titħares il-kunfidenzjalità ta’ data sensittiva.

5.   IL-QAGĦDA TAS-SUQ TAL-KOMUNITÁ

5.1.   Il-konsum fis-suq tal-Komunità

(42)

Il-konsum Komunitarju (UE-27) ġie stabbilit fuq il-bażi ta’:

Bejgħ fis-suq Komunitarju miż-żewġ produtturi Komunitarji li kooperaw

Bejgħ fis-suq Komunitarju mill-produtturi Komunitarji tal-PAC li ma kooperawx (kif stmat mill-applikant)

Statistika dwar l-importazzjonijiet miksuba mill-Eurostat.

(43)

Kif issemma diġà fil-premessa (39), hemm ċerti kwantitajiet ta’ PAC li qed jiġu mmanifatturati billi jiġi mitħun il-GAC impurtat mir-RPĊ, li ma ġewx inklużi fil-kalkolu tal-konsum Komunitarju.

(44)

Fuq il-bażi ta’ dan hawn fuq, il-konsum Komunitarju ta’ PAC żdied b’7 % fil-perjodu meqjus. Żieda bejn l-2003 u l-2005 ta’ 10 % ġiet segwita bi tnaqqis żgħir fl-2006; wara dan, il-konsum baqa’ stabbli matul il-PIR.

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Konsum (tunnellati)

38 163

39 499

41 983

40 697

40 783

Indiċi (2003 = 100)

100

104

110

107

107

5.2.   Importazzjonijiet attwali mir-RPĊ

(a)   Volum u sehem mis-suq

(45)

Abbażi ta’ l-informazzjoni mill-Eurostat, l-iżvilupp tal-volumi u s-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet tal-PAC mir-RPĊ jinsab fit-tabella hawn taħt. Il-volum ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied fil-perjodu meqjus b’55 %, iżda s-sehem mis-suq tagħhom baqa’ kumplessivament taħt it-2 %.

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

341

662

600

515

529

Indiċi (2003 = 100)

100

194

176

151

155

Is-sehem mis-suq

0,9  %

1,7  %

1,4  %

1,3  %

1,3  %

(b)   Imġiba tal-prezz ta’ l-importazzjonijiet

(46)

Il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjoni tal-PAC li oriġina mir-RPĊ, kif miksuba mill-Eurostat u bl-addizzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u d-dazji doganali u ta’ kontra l-iddampjar, urew żieda pjuttost moderata ta’ 8 % fil-perjodu meqjus kif jidher fit-tabella li ġejja.

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Prezz (EUR/tunnellata)

1 169

1 104

1 187

1 217

1 267

Indiċi (2003 = 100)

100

94

102

104

108

(47)

Fin-nuqqas ta’ data dettaljata tal-bejgħ mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-prezzijiet aġġustati ta’ l-importazzjoni miksuba mill-Eurostat mal-prezzijiet medji tal-bejgħ ex works ta’ l-industrija Komunitarja kumplessivament, jiġifieri mingħajr distinzjoni bejn il-gradi differenti tal-PAC. Dan it-tqabbil wera li l-prezzijiet Ċiniżi ta’ l-esportazzjoni fil-PIR kienu bejn 25 % u 30 % inqas mill-prezzijiet mitluba mill-industrija Komunitarja fl-istess perjodu.

5.3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(48)

L-importazzjonijiet ta’ PAC minn pajjiżi oħra mhux ir-RPĊ żdiedu sewwa fil-perjodu meqjus minn madwar 7 300 tunnellata fl-2003 għal 10 000 tunnellata fil-PIR, u dan jirrappreżenta ishma mis-suq ta’ madwar 19 % u 25 % rispettivament. Il-pajjiżi esportaturi ewlenin kienu l-Malażja, l-Indoneżja, il-Filippini u l-Istati Uniti.

(49)

Filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti naqsu bin-nofs, l-importazzjonijiet mill-Malażja, l-Indoneżja, u l-Filippini żdiedu minn 2 800 tunnellata fl-2003 għal 6 200 tunnellata fil-PIR, u dan jirrappreżenta sehem kombinat mis-suq tal-Komunità ta’ 15 % fil-PIR. L-investigazzjoni wriet li wħud mill-importazzjonijiet minn dawn it-tliet pajjiżi jikkonsistu f’PAC magħmul minn qxur tal-ġewż ta’ l-indi, li l-produtturi Komunitarji ma jistgħux jipproduċu huma nfushom minħabba n-nuqqas ta’ disponibilità tal-materja prima kkonċernata,. Għalhekk, partijiet minn dawn l-importazzjonijiet rriżultaw mill-industrija Komunitarja nnifisha sabiex iżidu mal-firxa tagħhom ta’ PAC li joffru lill-utenti Komunitarji.

(50)

Fir-rigward tal-prezzijiet, il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet mill-Malażja, l-Indoneżja u l-Filippini kienu inqas minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Malażja u l-Indoneżja kienu fl-istess firxa bħall-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ta’ PAC mir-RPĊ, filwaqt li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Filippini żdiedu sostanzjalment fil-perjodu meqjus (37 %) u kienu 20 % iktar mill-prezzijiet Ċiniżi ta’ importazzjoni fil-PIR.

(51)

Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti nstabu li huma ogħla sewwa minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet huma gradi speċjalizzati ta’ PAC li jiksbu prezzijiet għoljin fis-suq Komunitarju.

(52)

Fil-qosor, l-investigazzjoni wriet li xi importazzjonijiet ta’ PAC minn pajjiżi terzi huma komplemetari għall-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. Xi importazzjonijiet oħra saru bi prezzijiet li fil-biċċa l-kbira kienu ogħla mill-prezz medju mitlub mill-industrija Komunitarja. Kien hemm ukoll importazzjonijiet oħra li saru bi prezzijiet relattivament baxxi li jista’ jkollhom ċertu effett fuq is-suq Komunitarju. Madankollu, fuq il-bażi tax-xejriet li ġew osservati fil-perjodu meqjus, jidher li aktarx din is-sitwazzjoni ma għandhiex tespandi.

5.4.   Qagħda ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja

(a)   Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni installata u rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

(53)

Il-kapaċità għall-produzzjoni tal-PAC tista’ tvarja skond it-taħlita ta’ komposti attivati ftit (inqas ħin fil-forn) u attivati ħafna (ħin itwal fil-forn). Għalhekk, il-kapaċità li tidher fit-tabella hawn taħt ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ taħlita ta’ PAC attivat ftit u PAC attivat ħafna li fil-fatt jiġi prodott.

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Produzzjoni (tunnellati)

100

105

95

100

100

Kapaċità ta’ produzzjoni installata (tunnellati)

100

90

85

86

86

Rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

100

118

112

118

116

(54)

Il-produzzjoni tal-PAC mill-industrija tal-Komunità kienet stabbli fil-perjodu meqjus, b’xi varjazzjonijiet fl-2004 u l-2005.

(55)

Il-kapaċità installata naqset bejn l-2003 u l-2005. Dan it-tnaqqis kien konsegwenza tal-leġiżlazzjoni ambjentali introdotta fl-2003 mill-awtoritajiet lokali fi Stat Membru wieħed fejn jinsab impjant industrijali tal-Komunità. B’riżultat ta’ dan, il-produttur Komunitarju kkonċernat kellu jwaqqaf it-tħaddim ta’ wieħed mill-impjanti ta’ attivazzjoni tiegħu minħabba dawn ir-rekwiżiti ambjentali.

(56)

B’konsegwenza diretta tat-tnaqqis fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni disponibbli, ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tnaqqset ukoll b’rata korrispondenti.

(b)   Il-volumi tal-bejgħ, is-sehem mis-suq tal-konsum Komunitarju, il-prezz medju tal-bejgħ u t-tkabbir

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Il-volumi tal-bejgħ

100

96

94

96

96

Is-sehem mis-suq

100

93

87

91

91

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ

100

99

98

99

99

Tkabbir

100

96

92

95

96

(57)

Il-volumi tal-bejgħ kienu 4 % inqas fil-PIR meta mqabbel mal-bidu tal-perjodu meqjus. Billi l-konsum tal-Komunità naqas b’7 % fil-perjodu meqjus (ara l-premessa (44) hawn fuq), is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja naqas b’9 % fil-perjodu meqjus. Minkejja dan it-tnaqqis fis-sehem mis-suq, is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja nżamm f’livell ogħla minn 50 % fil-perjodu meqjus.

(58)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità baqgħu pjuttost stabbli fil-perjodu meqjus. Il-prezzijiet stabbli tal-bejgħ fil-preżenza ta’ volumi inqas tal-bejgħ wasslu għal tkabbir negattiv ta’ 4 % fil-perjodu meqjus, u dan irrifletta t-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ bl-istess punti perċentwali.

(ċ)   Ħażniet

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Ħażniet

100

138

115

97

85

(59)

Minħabba l-interruzzjoni ta’ waħda mil-linji ta’ produzzjoni tagħha fl-2004 (ara l-premessa (55) hawn fuq) u sabiex tkun tista’ taqdi lill-klijenti tagħha, l-industrija tal-Komunità kellha żżid temporanjament il-ħażniet tagħha. Madankollu, matul is-snin ta’ wara, il-livell tal-ħażniet reġa’ laħaq il-livelli inizjali, b’madwar 10 %–20 % tal-volumi ta’ produzzjoni.

(d)   Profitt, ir-redditu mill-investimenti u l-likwidità

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Profittabilità tal-bejgħ Komunitarju

100

383

337

200

226

Ir-redditu mill-investimenti

100

1 051

692

215

348

Likwidità (f’% ta’ Bejgħ Komunitarju)

100

143

119

100

128

(60)

Dawn it-tliet indikaturi segwew xejra simili (minkejja li sa punti differenti) fil-perjodu meqjus, jiġifieri żieda qawwija bejn l-2003 u l-2004 segwita bi tnaqqis gradwali sa tmiem il-PIR.

(61)

L-evoluzzjoni tal-profittabilità, ir-redditu mill-investiment u l-likwidità bejn l-2003 u l-2004 għandha titqies fid-dawl tal-fatt li, fl-2003, ir-rendiment finanzjarju ta’ l-industrija tal-Komunità kien pjuttost batut, u l-profittabilità tal-bejgħ kien ftit ogħla mil-livell fejn id-dħul jibbilanċja l-infiq. Ir-rendiment baxx ta’ l-industrija tal-Komunità fl-2003 kien riżultat tad-diffikultajiet li ffaċċja wieħed mill-produtturi Komunitarji f’dik is-sena.

(62)

It-tnaqqis fil-profitt bejn l-2005 u l-2006 kien parzjalment minħabba l-ispejjeż li l-industrija Komunitarja ġarrbet biex tissodisfa ċerti rekwiżiti ambjentali (ara l-premessa (55) hawn fuq).

(63)

Il-produttur tal-PAC l-ieħor li kkoopera, li jitħan GAC impurtat f’PAC (ara l-premessa (39) hawn fuq), allega li l-industrija Komunitarja, minħabba li żiedet il-livelli tal-profitti tagħha fuq il-PAC bejn l-2003 u l-2006 kif muri fl-ilment, setgħet issostni l-bejgħ tagħha ta’ GAC. Fi kliem ieħor, allega li mindu l-PAC ġie protett, l-industrija Komunitarja setgħet titlob prezzijiet ogħla għal PAC u, minħabba f’hekk, allegatament titlob inqas għall-bejgħ tagħha ta’ GAC. Għal din ir-raġuni, din il-parti ma taqbilx ma’ l-issuktar tal-miżuri.

(64)

Fir-rigward ta’ l-allegat sosteniment konġunt tal-GAC u l-PAC prodotti mill-industrija Komunitarja, wieħed jinnota li dan huwa parzjalment barra mill-ambitu ta’ din ir-reviżjoni billi l-profittabilità tal-bejgħ tal-GAC ma ġietx analizzata fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni. Fir-rigward tal-livelli ta’ profitt, huwa nnutat li filwaqt li l-industrija Komunitarja kellha żieda qawwija fil-profittabililtà bejn l-2003 u l-2004, dan l-iżvilupp kien segwit minn perjodu ta’ tnaqqis fl-2006 u fil-PIR. Kif imsemmi fil-premessa (61) hawn fuq, iż-żieda qawwija bejn l-2003 u l-2004 għandha titqies fir-rigward tar-rendiment finanzjarju batut ta’ l-industrija Komunitarja fl-2003 milli fir-rigward tar-rendiment finanzjarju tajjeb fl-2004. Barra minn hekk, fil-perjodu meqjus, il-profittabilità ta’ l-industrija Komunitarja qatt ma kienet iktar minn 5.5 % fir-rigward tal-bejgħ tagħha tal-PAC fis-suq tal-Komunità. Għalhekk, il-possibilità allegata li ż-żieda fil-profittabilità fil-perjodu meqjus kienet f’livelli li kienu jippermettu lill-industrija Komunitarja tissussidja l-bejgħ tagħha ta’ prodotti oħra kellha tiġi mwarrba, billi l-profittabilità tal-bejgħ ta’ PAC f’dan il-perjodu kienet baxxa wisq biex tissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ sosteniment konġunt.

(e)   Impjiegi, pagi u produttività

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Numru ta’ impjegati

100

97

88

90

90

Pagi/impjegat

100

100

99

100

97

Produttività (tunnellati/impjegat)

100

108

108

111

111

(65)

Kif jidher fit-tabella hawn fuq, l-industrija Komunitarja naqqset l-għadd ta’ impjegati fil-perjodu meqjus b’madwar 10 %. Billi l-produzzjoni effettiva baqgħet stabbli fl-istess perjodu (ara l-premessa (54) hawn fuq), iż-żieda fil-produttività tirrifletti dawn iż-żewġ żviluppi.

(66)

Barra minn hekk, il-pagi kienu pjuttost stabbli matul il-perjodu meqjus.

(f)   Investimenti

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Ivestimenti (EUR)

100

70

71

135

135

(67)

It-tabella t’hawn fuq turi li matul l-2006 u l-PIR, l-industrija Komunitarja għamlet investimenti sinifikanti. Għal raġunijiet spjegati fil-premessa (55), dawn l-investimenti kienu b’riżultat ta’ rekwiżiti ambjentali.

(ġ)   Kapaċità għall-ħolqien ta’ kapital

(68)

L-industrija Komunitarja ma rrapurtat ebda diffikultà fil-ħolqien ta’ kapital fil-perjodu meqjus.

(h)   L-ammont ta’ ddampjar

(69)

Kif jidher hawn fuq, il-fatti disponibbli juru li l-marġni ta’ l-iddampjar jista’ jitqies bħala sinifikanti.

(i)   L-irkupru minn iddampjar fl-imgħoddi

(70)

Kif diġà konkluż fir-reviżjoni preċedenti dwar l-iskadenza, minħabba l-miżuri kontra l-iddampjar li hemm fis-seħħ, l-industrija Komunitarja sa ċertu punt setgħet tirkupra minn iddampjar li seħħ fil-passat, iżda għadha f’qagħda vulnerabbli.

5.5.   Attività ta’ esportazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità

 

2003

2004

2005

2006

PIR

Volum ta’ bejgħ (tunnellati) għall-esportazzjoni

100

108

114

122

121

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ (esportazzjoni)

100

94

96

99

101

(71)

Il-volumi tal-bejgħ għall-esportazzjonijiet żdiedu matul il-perjodu meqjus, b’madwar 21 % bejn l-2003 u l-PIR.

(72)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet baqgħu stabbli meta jitqabblu l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-esportazzjonijiet fl-2003 ma’ dawk fil-PIR. Filwaqt li l-prezzijiet waqgħu xi ftit fl-2004, l-industrija Komunitarja setgħet iżżid il-prezzijiet tagħha mill-2005.

5.6.   Konklużjoni dwar il-qagħda fis-suq tal-Komunità

(73)

Bejn l-2003 u l-PIR, l-indikaturi li ġejjin fir-rigward ta’ l-industrija Komunitarja żviluppaw b’mod pożittiv: profittabilità, redditu mill-investimenti, likwidità u utilizzazzjoni tal-kapaċità u ħażniet finali. Il-prezzijiet unitarji tal-bejgħ u l-produzzjoni baqgħu prattikament stabbli. Barra minn hekk, il-produttività żdiedet u l-industrija Komunitarja setgħet tinvesti sabiex tissodisfa ċerti rekwiżiti ambjentali.

(74)

Bil-maqlub ta’ dan, l-indikaturi li ġejjin żviluppaw b’mod negattiv: il-volumi tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-impjiegi. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produzzjoni naqset minħabba r-rekwiżiti ambjentali msemmija qabel.

(75)

Kollox ma’ kollox, minkejja li s-sitwazzjoni hija mħallta, l-iżviluppi pożittivi jidhru li huma iktar mill-iżviluppi negattivi. Barra minn hekk, meta wieħed iqabbel ix-xejriet ta’ hawn fuq ma’ dawk li nstabu fl-investigazzjoni oriġinali, jidher ċar li l-miżuri fis-seħħ kontra l-iddampjar kellhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja. Madankollu, għandu jkun enfasizzat li anke indikaturi li juru żviluppi pożittivi, bħal, b’mod partikolari, il-profittabilità u r-redditu mill-investiment, għadhom xorta ‘l bogħod milli jilħqu l-livelli li jistgħu jkunu mistennija li kieku l-industrija Komunitarja rkuprat għal kollox mill-iddampjar dannuż tal-passat.

(76)

Għalhekk ġie konkluż li, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja tjiebet, meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, l-industrija Komunitarja għadha fraġli.

6.   PROBABBILTÀ TA’ SSUKTAR JEW TA’ RIKORRENZA TAL-ĦSARA

(77)

L-investigazzjoni wriet li l-kapaċitajiet żejda fir-RPĊ huma sostanzjali, u jisbqu l-konsum Komunitarju fil-PIR. Barra minn hekk, minħabba l-impożizzjoni mill-Istati Uniti ta’ miżuri kontra l-iddampjar għal importazzjonijiet ta’ PAC (attivat bl-istim) li joriġinaw fir-RPĊ, hemm riskju imminenti li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-volumi li qabel kienu jiġu esportati lejn l-Istati Uniti jintbagħtu naħa oħra. Hemm riskju saħansitra ikbar billi l-prezzijiet li bihom il-PAC ġie impurtat lejn l-Istati Uniti kienu terġa’ orħos minn dawk li bihom kien jiġi impurtat fis-suq tal-Komunità.

(78)

Barra minn hekk, il-prezzijiet li bihom qed jiġi impurtat il-PAC bħalissa ġew stabbiliti biex jiġu ddampjati u huma inqas sewwa mill-prezzijiet medji tal-bejgħ (u l-ispejjeż) ta’ l-industrija Komunitarja.

(79)

Għalhekk, l-effett ikkombinat ta’ fatturi bħal:

il-kapaċitajiet żejda sinifikanti li jinsabu fir-RPĊ,

ir-riskju imminenti li l-kummerċ jiġi ddevjat minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri mill-Istati Uniti, u

il-livell baxx prevalenti tal-prezzijiet li bihom il-PAC li joriġina fir-RPĊ qed jiġi impurtat fil-Komunità kif ukoll fl-Istati Uniti

kollha jissuġġerixxu riskju serju ta’ rikorrenza tal-ħsara jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(80)

Kif muri hawn fuq, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja tjiebet, meta mqabbla ma’ dik prevalenti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri kontra l-iddampjar, xorta għadha fraġli. Aktarx li jekk l-industrija Komunitarja tiġi esposta għal volumi ikbar ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet iddampjati, dan jirriżulta f’deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kif instab fl-investigazzjoni oriġinali. Abbażi ta’ dan, il-konklużjoni għalhekk hija li t-tneħħija tal-miżuri aktarx tirriżulta fir-rikorrenza tal-ħsara lill-industrija Komunitarja.

7.   INTERESS TAL-KOMUNITÀ

7.1.   Rimarki preliminari

(81)

Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-issuktar tal-miżuri eżistenti kontra l-iddampjar imurx kontra l-interess tal-Komunità b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni ta’ l-interess Komunitarju ssejset fuq stima ta’ l-interessi differenti kollha involuti. Din l-investigazzjoni tanalizza sitwazzjoni fejn il-miżuri kontra l-iddampjar kienu diġà fis-seħħ u tippermetti għal evalwazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv fuq il-partijiet ikkonċernati minħabba l-miżuri attwali kontra l-iddampjar.

(82)

Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ ssuktar jew rikorrenza ta’ ddampjar dannuż, kienx hemm raġunijiet b’saħħithom li jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

(83)

Għal din ir-raġuni, minbarra lit-tliet produtturi msemmija fil-premessa (11), intbagħtu kwestjonarji lil produtturi oħra (inklużi dawk il-produtturi li qed jitħnu GAC impurtat f’PAC), erba’ fornituri Komunitarji, it-tliet importaturi Komunitarji li qablu li jikkooperaw (ara l-premessa (9) hawn fuq) u 37 utent imsemmija fl-applikazzjoni u/jew li taf bihom il-Kummissjoni.

7.2.   Interess ta’ l-industrija Komunitarja

(84)

Wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-industrija Komunitarja tkompli tibbenefika mill-miżuri imposti attwalment u tkompli tirkupra billi tirkupra s-sehem mis-suq u ttejjeb il-profittabilità. Jekk il-miżuri ma jinżammux, x’aktarx l-industrija Komunitarja terġa’ tibda ssofri ħsarat minn żieda fl-importazzjonijiet bi prezzijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat u s-sitwazzjoni finanzjarja fraġli tagħha bħalissa tkompli teħżien.

(85)

Fuq din il-bażi, meta wieħed iqis li l-industrija Komunitarja tirrappreżenta iktar mill-maġġoranza tal-produzzjoni Komunitarja u li ż-żewġ produtturi Komunitarji li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja t-tnejn esprimew appoġġ għall-issuktar tal-miżuri, jista’ jiġi konkluż li l-issuktar tal-miżuri ikun fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja.

7.3.   L-interess ta’ fornituri Komunitarji

(86)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn tliet fornituri Komunitarji tal-materja prima (lignite, pit u serratura) lill-industrija Komunitarja. It-tlieta li huma appoġġaw l-issuktar tal-miżuri u stqarru li parti sinifikanti mill-bejgħ tagħhom tkun fir-riskju jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, u b’hekk l-istabbilità finanzjarja tagħhom titqiegħed fil-periklu.

(87)

Ġie għalhekk konkluż li l-issuktar tal-miżuri ikun fl-interess tal-fornituri Komunitarji ta’ l-industrija tal-Komunità.

7.4.   L-interess ta’ l-importaturi Komunitarji

(88)

Kif imsemmi fil-premessa (8), il-Kummissjoni kkuntattjat 33 importatur li kienu elenkati fit-talba għal din ir-reviżjoni. Tliet importaturi biss qablu li jikkooperaw f’din l-investigazzjoni. Madankollu, l-ebda wieħed mit-tliet importaturi ma wieġeb għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni.

(89)

Għalhekk, in-nuqqas ta’ interess li jikkooperaw ma’ l-investigazzjoni jista’ tabilħaqq jitqies bħala indikazzjoni li l-attivitajiet ta’ importazzjoni ta’ kull importatur tal-PAC mhux se jintlaqtu serjament mill-issuktar tal-miżuri.

7.5.   L-interess ta’ l-utenti Komunitarji

(90)

Kif imsemmi fil-premessa (83) hawn fuq, 37 utent ġew ikkuntattjati u ħafna minnhom kienu klijenti ta’ l-industrija Komunitarja. Fl-aħħar, waslu biss tliet tweġibiet għall-kwestjonarju.

(91)

L-ebda wieħed minn dawn it-tliet utenti ma aċċetta li ssir verifika fuq il-post tat-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju. Madankollu, mill-eżami tad-data mhux verifikata nstab li l-PAC, bħala medja ddifferenzjata, jirrappreżenta proporzjon żgħir ħafna mill-ispejjeż tat-tħaddim ta’ l-utenti kkonċernati.

(92)

Fuq din il-bażi, ġie konkluż li l-attivitajiet ta’ kwalunkwe utent tal-PAC mhux se jkunu milquta serjament mill-issuktar tal-miżuri.

7.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(93)

Jekk jitqiesu l-interessi tal-partijiet kollha li ppreżentaw irwieħhom matul l-investigazzjoni, jidher li m’hemmx raġunijiet kbar fir-rigward ta’ l-interess Komunitarju kontra l-issuktar tal-miżuri kontra l-iddampjar.

8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(94)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li ssir rakkomandazzjoni li l-miżuri eżistenti dwar l-importazzjonijiet tal-PAC jinżammu. Ingħataw ukoll perjodu li fih ikunu jistgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(95)

Minn dak li ntqal fuq jirriżulta, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li l-miżuri kontra l-iddampjar applikabbli għall-importazzjonijiet tal-PAC li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu.

9.   DAZJI

(96)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu rigward l-issuktar ta’ l-iddampjar, il-probabbiltà ta’ rikorrenza tal-ħsara u l-interess Komunitarju, il-miżuri kontra l-iddampjar fuq l-importazzjonijiet ta’ PAC li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu sabiex jipprevjenu li terġa’ ssir ħsara lill-industrija Komunitarja minħabba l-importazzjonijiet iddampjati.

(97)

Il-livell attwali tad-dazju kontra l-iddampjar, ibbażat fuq livell tat-tneħħija tal-ħsara ta’ 38.6 %, huwa stipulat għal € 323/tunnellata (dazju fiss).

(98)

Fir-rigward tal-livell tad-dazju, parti interessata waħda argumentat li, billi t-tneħħija tar-rifużjoni fuq il-VAT li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jiksbu meta jesportaw prodotti miksuba minn materja prima mixtrija miċ-Ċina stess, il-marġnijiet ta’ l-iddampjar għandhom ikunu inqas.

(99)

Madankollu, fin-nuqqas sħiħ ta’ kwalunkwe għamla ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u n-nuqqas ta’ talba ta’ reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, din il-bidla allegata ta’ l-ispiża tal-produzzjoni għall-prodotti esportati ma tistax tiġi sostanzjata u konsegwentement twarrbet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv kontra l-iddampjar huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ trab tal-karbon attivat bil-kodiċi tan-NK ex 3802 10 00 (kodiċi TARIC 3802100020) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   L-ammont tad-dazju definittiv kontra l-iddampjar għandu jkun 323 EUR kull tunnellata (użin nett).

3.   Fil-każijiet fejn il-merkanzija tkun ġarrbet xi ħsarat qabel id-dħul tagħha fil-moviment ħieles u, għalhekk, il-prezz li jkun tħallas effettivament jew li jkun pagabbli ikun apporzjonat għad-determinazzjoni tal-valur tad-dwana skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6), l-ammont ta’ dazju kontra l-iddampjar, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ l-ammonti stipulati hawn fuq, għandu jitnaqqas b’persentaġġ li jikkorrispondi ma’ l-apporzjonament tal-prezz li kien effettivament imħallas jew li jkun pagabbli.

Artikolu 2

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji doganali li huma fis-seħħ.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

C. LAGARDE


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 134, 5.6.1996, p. 20.

(3)  ĠU L 155, 14.6.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 931/2003 (ĠU L 133, 29.5.2003, p. 36).

(4)  ĠU C 228, 22.9.2006, p. 3.

(5)  ĠU C 131, 13.6.2007, p. 14.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


Top