Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0394

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 394/2008 tat- 30 ta' April 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni ta' annimali ta’ speċi suxxettibbli mill-projbizzjoni tal-ħruġ stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 117, 1.5.2008, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0689

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/394/oj

    1.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 117/22


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 394/2008

    tat-30 ta' April 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni ta' annimali ta’ speċi suxxettibbli mill-projbizzjoni tal-ħruġ stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(ċ), l-Artikolu 11 u 12 u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 (2) jistipula regoli għall-kontroll, monitoraġġ, sorveljanza u għar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ l-annimali, fir-rigward tal-bluetongue, fi u minn żoni ristretti. Jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni ta' ħruġ applikabbli għall-movimenti ta’ annimali suxxettibbli, l-isperma, il-bajd u l-embrijuni tagħhom kif stipulat fid-Direttiva 2000/75/KE.

    (2)

    F'dawn l-aħħar xhur, l-esperjenza wriet li f’għadd ta' Stati Membri l-effettività tal-miżuri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 biex ikun żgurat il-ħarsien ta' l-annimali kontra l-attakki minn vettori tista' tiġi kompromessa minħabba f'kombinazzjoni ta' fatturi, inklużi l-ispeċi tal-vettori, il-kondizzjonijiet tal-klima u t-tip ta' trobbija tar-ruminanti suxxettibbli.

    (3)

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi u sakemm issir aktar evalwazzjoni xjentifika fil-ġejjieni, huwa xieraq li l-Istati Membri ta’ destinazzjoni, fejn id-dħul ta’ annimali mhux immuni f’ċirkostanzi bħal dawn jista’ jkun ta’ riskju għas-saħħa ta’ l-annimali, jitħallew jitolbu li l-moviment ta’ annimali mhux immuni jkun soġġett għal kondizzjonijiet addizzjonali ġġustifikati fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ta' riskju li jqis il-kondizzjonijiet entomoloġiċi u epidemijoloġiċi li fihom qed jiddaħħlu l-annimali. Kondizzjonijiet addizzjonali bħal dawn għandhom ikunu limitati għal dak li hu meħtieġ biex jiżguraw il-ħarsien effettiv ta’ annimali mhux immuni kontra l-attakki mill-vettori.

    (4)

    Il-post magħluq ta’ l-annimali imħares mill-vettori huwa għodda prattikabbli u effettiva biex tħares lill-annimali iżgħar minn attakki minn vettori sakemm dan jitwettaq soġġett għal ċerti kondizzjonijiet. Għalhekk, l-Istati Membri ta’ destinazzjoni għandhom jitħallew jitolbu l-applikazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ annimali żgħar mhux immuni li għalihom it-tilqim mhuwiex prattiku. Billi dan għandu jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju, il-ħsieb li dawn il-kondizzjonijiet addizzjonali jiġu applikati għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, flimkien mat-tagħrif kollu li juri li dan huwa ġġustifikat.

    (5)

    Il-Kummissjoni talbet aktar parir xjentifiku mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Fid-dawl ta’ dan il-parir u ta' l-għarfien u l-esperjenza addizzjonali li jsiru disponibbli, il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu rreveduti fil-ġejjieni. Għalhekk, il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jkun limitat sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    (6)

    Il-punti 6 u 7 tat-Taqsima A ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 jistipulaw il-kondizzjonijiet li taħthom l-annimali immuni b’mod naturali jistgħu jiġu eżenti mill-projbizzjoni tal-ħruġ stipulata fid-Direttiva 2000/75/KE. Saru esperimenti li jindikaw li l-ħarsien wara l-infezzjoni bil-bluetongue jibqa’ jgħodd għal perjodu sostanzjali ta’ żmien. Għalhekk l-annimali infettati b’mod naturali huma immuni għal perjodi twal wara li jkunu ġew infettati b'serotip partikolari. Is-sejba għal rispons immun għall-vajrus tal-bluetongue f’annimali mhux imlaqqma jindika li dawn kienu diġà infettati qabel. Madankollu, dan il-ħarsien jista’ jvarja skond ir-razza, il-qawwa tal-vajrus u l-varjazzjoni individwa ta’ l-annimal. Għalhekk, il-konferma tal-persistenza tar-reazzjoni ta' l-antikorp permezz ta' żewġ testijiet seroloġiċi, l-ewwel wieħed li jitwettaq bejn 60 u 360 jum qabel il-moviment, u t-tieni wieħed sebat ijiem qabel il-moviment, jistgħu jipprovdu aktar assikurazzjoni li annimali bħal dawn huma immuni u li għalhekk jistgħu jiġu jinġarru minn post għal ieħor mingħajr biża’.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1266/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Kapitolu 4, jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

    “Artikolu 9a

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2008, b’deroga mill-Artikolu 8(1)(a) u msejsa fuq ir-riżultat ta’ valutazzjoni tar-riskju li jqis il-kondizzjonijiet entomoloġiċi u epidemijoloġiċi tad-dħul ta' l-annimali, l-Istati Membri ta’ destinazzjoni jistgħu jitolbu li l-moviment ta’ l-annimali, li huma koperti mill-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u li huma konformi ma' mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet stipulati fil-punti 1sa 4 tat-Taqsima A ta’ l-Anness III iżda li ma jaqblux mal-punti 5, 6 u 7 ta' dik it-Taqsima, ikunu jaqblu mal-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    dawk l-annimali għandu jkollhom inqas minn 90 jum;

    (b)

    iridu jkunu nżammu minn twelidhom f’post magħluq imħares mill-vettori;

    (ċ)

    it-testijiet imsemmija f’punti 1, 3 u 4 tat-Taqsima A ta’ l-Anness III iridu jkunu twettqu fuq kampjuni li jkunu ttieħdu mhux aktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-moviment.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru li bi ħsiebu japplika l-kondizzjonijiet addizzjonali stipulati fil-paragrafu 1 għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minn qabel.

    Huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bit-tagħrif kollu u bid-data kollha meħtieġa għall-ġustifikazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' dawk il-kondizzjonijiet addizzjonali minħabba fil-qagħda entomoloġika u epidemijoloġika tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-ispeċi tal-vettori u s-serotip tal-vajrus involut, il-kondizzjonijiet tal-klima, u t-tip ta’ trobbija tar-ruminanti suxxettibbli.

    Jekk il-Kummissjoni ma tkunx opponiet l-applikazzjoni fi żmien perjodu ta’ sebat ijiem mid-data ta’ notifika, l-Istat Membru li jagħti n-notifika jkollu d-dritt li japplika dawk il-kondizzjonijiet addizzjonali minnufih. Huwa għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b'dan mingħajr dewmien.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku t-tagħrif dwar l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet addizzjonali skond il-paragrafu 2.”

    (2)

    Fl-Anness III, it-Taqsima A hija emendata kif ġej:

    (a)

    Il-punt 6(a) jinbidel b'dan li ġej:

    “(a)

    huma kienu soġġetti għal żewġ testijiet seroloġiċi skond il-Manwal tat-Terrestri ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi kontra s-serotip tal-vajrus tal-bluetongue, b’riżultati pożittivi; l-ewwel test twettaq fuq kampjuni li ttieħdu bejn 60 u 360 jum qabel id-data ta’ moviment u t-tieni test twettaq fuq il-kampjuni li ttieħdu mhux aktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-moviment; jew”

    (b)

    F'punt 7 il-frażi ta' introduzzjoni u l-punt (a) jinbidlu b'dan li ġej:

    “L-annimali qatt ma tlaqqmu kontru l-vajrus tal-bluetongue u ġew soġġetti b'riżultati pożittivi għal żewġ testijiet seroloġiċi adegwati skond il-Manwal tat-Terrestri ta' l-OIE li kapaċi jiskopru antikorpi speċifiċi kontra s-serotipi kollha tal-vajrus tal-bluetongue preżenti, jew li għandhom mnejn ikunu preżenti, fiż-żona ġeografika ta’ l-oriġini epidemijoloġikament rilevanti, u

    (a)

    l-ewwel test jeħtieġ li jkun twettaq fuq kampjuni li ttieħdu bejn 60 u 360 jum qabel id-data ta’ moviment u t-tieni test irid ikun twettaq fuq il-kampjuni li ttieħdu mhux aktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-moviment; jew”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 30 ta’ April 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).

    (2)  ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 289/2008 (ĠU L 89, 1.4.2008, p. 3).


    Top