EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0239

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 239/2008 tas- 17 ta’ Marzu 2008 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet ta’ dijametru ta’ aktar minn 80 mm (Kokk 80+) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 75, 18.3.2008, p. 22–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/03/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/239/oj

18.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 75/22


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 239/2008

tas-17 ta’ Marzu 2008

li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet ta’ dijametru ta’ aktar minn 80 mm (Kokk 80+) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   MIŻURI PROVVIŻORJI

(1)

Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż (2) li ta bidu għal proċedura ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet ta’ dijametru ta’ aktar minn 80 mm (“Kokk 80+”) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Fid-19 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1071/2007 (3) (“ir-Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ Kokk 80+ li joriġina mir-RPĊ.

(2)

Issemma li l-proċedura ngħatat bidu wara ilment imressaq minn tliet produtturi Komunitarji, li jirrapreżentaw madwar 40 % tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ Kokk 80+. Issemma li ċifra inferjuri ta’ “aktar minn 30 %” tniżżlet fil-premessa (2) tar-Regolament provviżorju; madankollu, wara aktar investigazzjoni nstab li dawk li ressqu l-ilment jirrappreżentaw madwar 40 % tal-produzzjoni Komunitarja kollha.

(3)

Kif stipulat fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2005 sat-30 ta’ Settembru 2006 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). Fir-rigward tat-tendenzi rilevanti għall-istima tal-ħsara, il-Kummissjoni analizzat id-data li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sat-tmiem il-PI (“perjodu meqjus”).

B.   PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(4)

Wara l-impożizzjoni ta’ dazju ta’ anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ Kokk 80+ li joriġina mir-RPĊ, bosta partijiet interessati ppreżentaw kummenti bil-miktub. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni intensifikat l-investigazzjoni fejn qieset aspetti ta’ interess Komunitarju. Twettqet żjara ta’ verifika addizzjonali relatata ma’ dan wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fil-kumpanija li ġejja:

La Fonte Ardennaise, Vivier-Au-Court, Franza – utent fil-Komunità.

(6)

B’żieda ma’ dan, saret żjara ta’ ġbir ta’ tagħrif lill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Funderija (CAEF) f’Düsseldorf, il-Ġermanja. Sabiex jiġu ċċarati ċerti allegati problemi ta’ implimentazzjoni, saret ukoll żjara lill-awtoritajiet doganali f’Antwerp, il-Belġju kif ukoll f’Duisburg, il-Ġermanja.

(7)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-imposizzjoni ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ Kokk 80+ li joriġina mir-RPĊ u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti miġbura permezz tad-dazju provviżorju. Huma ngħataw ukoll perjodu li matulu setgħu jressqu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(8)

Il-kummenti bil-kliem u bil-miktub mibgħuta mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew mmodifikati skond dan.

C.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(9)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (13) sa (17) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(10)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż b’mod definit li l-prodott ikkonċernat u Kokk 80 + prodott u mibjugħ fil-pajjiż analogu, l-Istati Uniti, kif ukoll dak prodott u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju huma l-istess, fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

D.   DUMPING

(11)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-livell ta’ kooperazzjoni, l-għażla ta’ pajjiż analogu u d-determinazzjoni tal-valur normali, il-premessi (18) sa (28) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(12)

B’referenza għall-paragun tal-prezz, l-uniku esportatur kooperattiv oġġezzjona għaċ-ċaħda tal-Kummissjoni ta’ l-istqarrija tiegħu dwar l-operazzjonijiet ta’ wara l-iscreening fil-kalkolu tad-dumping, u argumenta li stqarrija simili tqieset għall-għanijiet ta’ kalkoli ta’ ħsara. Għalhekk l-istqarrija ġiet aċċettata u sar aġġustament addizzjonali għall-valur normali.

(13)

L-istima tal-valur ta’ l-aġġustament li saret għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi fi stadju provviżorju ġiet riveduta biex tirrifletti l-valur tad-differenzi fl-indikaturi ta’ valur kalorifiku u l-firxa tad-daqs bejn il-prodott prodott fil-pajjiż analogu u l-prodott Ċiniż esportat.

(14)

Minħabba li ma’ hemm l-ebda kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-premessi (29) sa (31) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(15)

Il-marġini tad-dumping definittiv kien stabbilit fuq il-bażi ta’ paragun tal-medja bil-piż differenzjat tal-valur normali ex-fabbrika mal-medja bil-piż differenzjat tal-prezz ta’ esportazzjoni ex-fabbrika, skond l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. Wara li jiġu applikati l-aġġustamenti msemmija fil-premessi (12) u (13), il-marġini tad-dumping definittiv rivedut komuni għall-pajjiż kollu, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF tal-fruntiera Komunitarja, id-dazju għadu mhux imħallas, huwa 61,8 %.

E.   ĦSARA

1.   Il-produzzjoni Komunitarja u l-industrija Komunitarja

(16)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar it-tifsira tal-produzzjoni Komunitarja u l-industrija Komunitarja, il-premessi (34) u (35) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Il-konsum Komunitarju

(17)

Kif stipulat fil-premessa (36) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha b’mod partikolari fir-rigward ta’ komponent wieħed tal-konsum Komunitarju; il-volumi ta’ importazzjoni matul il-perjodu meqjus. Madankollu, ma wasal l-ebda tagħrif ġdid jew sostanzjat f’dan ir-rigward. Għalhekk, u fin-nuqqas ta’ argumenti minn partijiet interessati li jpoġġu fid-dubju l-metodu użat sabiex jiġi stabbilit l-konsum Komunitarju, il-premessi (36) u (37) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(a)   Volum u sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati; prezzijiet ta’ l-importazzjoni

(18)

Kif stipulat fil-premessi (36) u (41) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha dwar il-volumi u l-prezzijiet ta’ importazzjoni matul il-perjodu meqjus. Issemma li kien hemm żball kleriku fil-premessa (42) tar-Regolament provviżorju minħabba li l-prezzijiet naqsu bi 43 % mill-2004 sal-PI u mhux b’35 %, kif tniżżel fil-premessa msemmija.

(19)

Madankollu, ma wasal l-ebda tagħrif ġdid u sostanzjat rigward il-volumi u l-prezzijiet ta’ importazzjoni. Għalhekk, u fin-nuqqas ta’ argumenti minn partijiet interessati li jpoġġu fid-dubju l-metodu użat sabiex jiġu stabbiliti l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati, il-premessi (38) sa (42) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(b)   Twaqqigħ tal-prezz

(20)

Il-produttur esportatur kooperattiv u utent wieħed argumentaw li sabiex iwettqu l-kalkolu ta’ twaqqigħ fuq bażi ġusta, meta jitqabblu l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja għall-prodott simili u l-prezzijiet ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi. Min-naħa l-oħra, ċerti produtturi ta’ l-industrija Komunitarja argumentaw li filwaqt li f’sitwazzjoni ipotetika l-Kokk 80+ minn xi produtturi Komunitarji jistgħu jeħtieġu prezz ogħla imsejjes fuq karatteristiċi ta’ kwalità speċifiċi, id-data disponibbli għall-Kummissjoni tistabbilixxi li l-utenti ma jħallsux prezz ogħla għal dawk l-hekk imsejħa karatteristiċi ta’ kwalità aħjar, b’mod partikolari f’ambjent ta’ prezzijiet baxxi kkawżati minn dumping predatorju. Skond dawn il-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja, id-deċiżjonijiet ta’ xiri ta’ l-industrija ta’ l-utent huma, minflok, imsejsa biss fuq il-prezz ikkwotat fuq il-prodott Ċiniż. Għalhekk, aġġustamenti għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi mhumiex meħtieġa. Madankollu, minħabba li t-tagħrif verifikat mogħti mill-partijiet interessati jissuġġerixxi li hemm differenzi bejn l-umdità, l-irmied, il-materjal volatili u l-kontenut tal-kubrit tal-prodott simili u tal-prodott ikkonċernat, li f’kundizzjonijiet tas-suq normali jista’ jkun mistenni li jkollhom effett fuq il-prezzijiet, l-istqarrija tal-produttur Ċiniż kooperattiv u ta’ l-utent ġiet aċċettata u sar aġġustament addizzjonali sabiex jitqiesu dawn id-differenzi.

(21)

Barra minn dan, sabiex jiġu pparagunati l-prodott ikkonċernat u l-Kokk 80+ prodott mill-industrija Komunitarja fl-istess livell ta’ kummerċ, flimkien ma’ dawk l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni sostnuti mill-importaturi fil-Komunità li ġew imsemmija fil-premessa (43) tar-Regolament proviżorju, sar aġġustament fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz anke għal spejjeż ta’ ħatt. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza ssemma li sar aġġustament għall-marġini ta’ profitt ta’ importaturi mhux relatati fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz fl-istadju provviżorju, anki jekk dan ma ssemmix b’mod partikolari fil-premessa (43) tar-Regolament provviżorju. Dan l-aġġustament sar fuq il-bażi tal-profittabbiltà verifikata rrapportata mill-importatur mhux relatat kooperattiv matul il-PI, li huwa fil-firxa ta’ 5-10 % (4).

(22)

Il-marġini ta’ twaqqigħ provviżorju għar-RPĊ ġie emendat skond dan u huwa konkluż li, matul il-PI, il-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ inbiegħ fil-Komunità bi prezzijiet li waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja, meta espressi bħala perċentwal ta’ dawn ta’ l-aħħar, b’5,7 %.

4.   Il-qagħda ta’ l-industrija Komunitarja

(23)

Fin-nuqqas ta’ tagħrif jew argumenti ġodda u sostanzjati dwar il-produzzjoni, ir-rati tal-kapaċità tal-produzzjoni u ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq, it-tkabbir, l-ishma, l-investimenti u d-daqs tal-marġini tad-dumping, is-sejbiet fil-premessi (46) sa (50), (53) sa (54) u (60) sa (61) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(a)   Prezzijiet tal-bejgħ fil-Komunità

(24)

Il-prezzijiet tal-bejgħ fil-Komunità msemmija fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju ġew ikkoreġuti u huma mniżżla fit-tabella hawn taħt. Ir-reviżjonijiet żgħar ma jaffettwawx il-konklużjonijiet meħuda fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ Komunitarji fil-premessi (51) u (52) tar-Regolament provviżorju.

 

2003

2004

2005

PI

Prezz ta’ unità fis-suq tal-KE

(EUR/tunnellata)

154

191

243

198

Indiċi (2003 = 100)

100

124

158

129

(b)   Profittabbiltà, redditu mill-investiment, likwidità u l-kapacità li jinkiseb il-kapital

(25)

Il-kalkolu taċ-ċifri tal-profittabbiltà kif stipulat fir-Regolament provviżorji ġie rivedut u l-iżball ġie kkoreġut. Iċ-ċifri korretti, ippreżentati fit-tabella hawn taħt, ma jaffettwawx il-konklużjonijiet dwar it-tendenza ġenerali ta’ l-evoluzzjoni tal-profittabbiltà ta’ l-industrija Komunitarja, anki jekk jagħtu stampa aktar skoraġġanti ta’ l-istat ta’ l-industrija Komunitarja: il-profittabbiltà ta’ l-industrija Komunitarja waqgħet drastikament minn 16,2 % fl-2005 għal – 3,8 % matul il-PI. Wara din il-korrezzjoni ġew aġġustati wkoll iċ-ċifri fuq ir-redditu mill-investimenti (ROI – Return on investments), espressi bħala profitt f’perċentwal tal-valur nett ta’ kontabbiltà ta’ l-investimenti. Iċ-ċifri ta’ likwidità jibqgħu l-istess kif jinsabu fir-Regolament provviżorju, iżda huma ppreżentati fit-tabella hawn taħt għal raġunijiet ta’ ċarezza.

 

2003

2004

2005

PI

Profittabilità tal-bejgħ tal-KE lil konsumaturi mhux relatati (% tal-bejgħ nett)

8,1  %

15,0  %

16,2  %

–3,8  %

Indiċi (2003 = 100)

100

185

200

–47

L-ROI (profitt f’% tal-valur nett tal-kontabbiltà ta’ l-investimenti)

2,2  %

19,2  %

13,3  %

–13,3  %

Indiċi (2003 = 100)

100

460

340

– 180

Likwidità

(1 000 EUR)

17 641

13 633

34 600

4 669

Indiċi (2003 = 100)

100

77

196

26

(26)

Fin-nuqqas ta’ kummenti ġodda f’dan ir-rigward partikolari, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessa (58) tar-Regolament provviżorju dwar il-kapacità ta’ l-industrija Komunitarja li tikseb il-kapital huma b’dan kkonfermati.

(ċ)   Impjiegi, produttività u pagi

(27)

Iċ-ċifri tal-produttività tal-ħaddiema ta’ l-industrija Komunitarja msemmija fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju ġew ikkoreġuti wkoll u huma mniżżla fit-tabella hawn taħt. Dawn iċ-ċifri kkoreġuti juru l-produttività tal-ħaddiema ta’ l-industrija Komunitarja, imkejla bħala produzzjoni (tunnellati) ta’ kull persuna impjegata fis-sena, żdiedet ftit mill-2003 għall-PI. Barra minn hekk, l-ispejjeż annwali tax-xogħol għal kull impjegat huma, għal raġunijiet ta’ ċarezza, prodotti mill-ġdid f’ċifri aktar dettaljati minn dawk tar-Regolament provviżorju.

 

2003

2004

2005

PI

Numru ta’ impjegati

680

754

734

767

Indiċi (2003 = 100)

100

111

108

113

Produttività

(tunnellati/impjegat)

1 211

1 348

1 299

1 266

Indiċi (2003 = 100)

100

111

107

105

Spiża annwali tax-xogħol għal kull impjegat (EUR)

28 096

27 784

29 453

30 502

Indiċi (2003 = 100)

100

99

105

109

5.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(28)

Wara l-iżvelar tar-Regolament provviżorju, utent wieħed saħaq, b’referenza għall-premessi (64) u (67) tar-Regolament provviżorju, li l-Kummissjoni sejset il-konklużjonijiet provviżorji tagħha dwar il-ħsara – u konsegwentement il-kawżalità wkoll – esklussivament fuq l-iżvilupp allegatament negattiv ta’ ċerti indikaturi tas-suq matul perjodu ta’ żmien qasir ħafna minflok ma evalwat il-ħsara matul perjodu ta’ tlieta sa erba’ snin, kif kienet il-prassi komuni. L-utent sejjes dan l-argument fuq is-suppożizzjoni li l-industrija Komunitarja ma kinitx qed issofri minn ħsara sa tmiem l-2005, minħabba li l-miżuri preċedenti tħallew jaqgħu fi tmiem l-2005. Minħabba li l-PI spiċċa f’Settembru 2006, dan ifisser li l-qagħda inġurjuża ta’ l-industrija Komunitarja tfaċċat biss matul xi xhur fl-2006.

(29)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota l-ewwel li l-premessa (64) tar-Regolament provviżorju, fejn hemm referenza għall-iżvilupp ta’ ċerti indikaturi ta’ ħsara mill-2005 sal-PI, trid tinqara flimkien mal-premessa preċedenti (63), fejn jissemma l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ ħsara sa l-2005. Minn dawn il-premessi tar-Regolament provviżorju dwar l-indikaturi ta’ ħsara joħroġ ċar li l-Kummissjoni segwiet il-prassi normali tagħha u eżaminat l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ ħsara matul il-perjodu ta’ kważi erba’ snin, jiġifieri mill-bidu ta’ l-2003 sa Settembru 2006. Kif issemma fil-premessa (63), is-sena 2004 kienet sena eċċezzjonali fis-suq tal-Kokk 80+, li rriżulta minn provvista baxxa fis-suq kawża ta’ ammont baxx ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ u l-għeluq ta’ xi pjanti li qabel kienu jipproduċu l-Kokk 80+ fil-Komunità. In-natura eċċezzjonali tal-qagħda tas-suq fl-2004, li kienet riflessa wkoll fl-indikaturi tas-sena ta’ wara, ma argumentawx dwarha l-partijiet interessati. Huwa proprju minħabba li l-qċaċet esperjenzati fl-2004 u l-2005 huma meqjusa eċċezzjonali li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, kellha tagħti attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ ħsara bejn l-2003 u l-PI. Huwa mfakkar li l-indikaturi finanzjarji ewlenin, b’mod partikolari l-profittabbiltà, esperjenzaw waqgħa drammatika mhux biss mill-2005 sal-PI, iżda wkoll meta titqabbel l-2003 mal-PI.

(30)

Barra minn hekk, ta’ min jinnota li konklużjonijiet dwar l-istat ta’ l-industrija Komunitarja fi tmiem l-2005 imsejsa fuq il-fatt li l-produtturi fil-Komunità ma bagħtux applikazzjoni għal reviżjoni ta’ l-iskadenza tal-miżuri preċedenti jkunu biss spekulattivi.

(31)

Għalhekk, l-istqarrija li l-Kummissjoni analizzat l-istampa ta’ ħsara ta’ ftit xhur biss fl-2006 trid tiġi miċħuda.

(32)

Il-fatturi riveduti hawn fuq, jiġifieri l-profittabbiltà, ir-redditu mill-investiment u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja, ma jaffettwawx it-tendenzi stipulati fir-Regolament provviżorju. Il-marġini ta’ twaqqigħ rivedut xorta waħda jibqa’ fuq il-livell de minimis. Abbażi ta’ dan, il-konklużjonijiet rigward il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja kif stabbilit fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ tagħrif jew argumenti oħrajn ġodda u sostanzjati, dawn huwa għalhekk definitivvament ikkonfermati.

F.   KAWŻALITÀ

1.   Effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(33)

Kif issemma fil-premessa (22), huwa definittivament konkluż li matul il-PI, il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ waqqgħu l-prezzijiet Komunitarji medji b’5,7 %. Ir-reviżjoni tal-marġini tat-twaqqigħ ma taffettwax il-konklużjonijiet ta’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping stipulati fil-premessi (67) sa (69) tar-Regolament provviżorju.

2.   Ċaqliq fir-rata tal-kambju

(34)

Utent wieħed stqarr li l-iżviluppi fis-suq wara l-PI wrew li l-qagħda dominanti matul il-PI kienet eċċezzjonali u l-prezzijiet reġgħu bdew jonqsu wara l-PI. Dan l-utent stqarr li l-waqgħa temporanja fil-prezzijiet matul il-PI kienet ikkawżata l-aktar minħabba rati tal-kambju mhux favorevoli mill-USD għall-EUR, il-fatt li l-prezzijiet tal-Kokk 80+ huma ġeneralment espressi f’USD fis-swieq dinjin u d-diffikulta ta’ l-aġġustament tal-prezzijiet, li huma ġeneralment negozjati ta’ kull sena, għall-qagħda ġdida tal-munita. F’dan ir-rigward, intqal li l-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja fl-UE huma ġeneralment espressi mhux f’USD, iżda f’EUR jew muniti Ewropej oħrajn. Barra minn dan, l-iżvilupp wara l-PI ta’ prezzijiet ogħla kif stqarr dan l-utent, li jaħbtu ma’ USD aktar dgħajjef meta mqabbel ma’ l-EUR, ma jappoġġjax il-loġika ta’ l-argument li t-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-Kokk 80+ kien ikkawżat minn tendenza negattiva tar-rata tal-kambju bejn l-USD u l-EUR.

3.   Ħsara kkaġunata mill-industrija Komunitarja stess

(35)

Utent wieħed stqarr li l-ħsara allegata ta’ l-industrija Komunitarja kkawżata minn prezzijiet li kienu qed jonqsu kienet kawża l-aktar tal-politika ta’ pprezzar aggressiva operata minn xi produtturi Ewropej li bdew ibiegħu taħt il-prezzijiet ta’ importazzjoni Ċiniżi. Madankollu, l-investigazzjoni ma wriet l-ebda evidenza ta’ “politika ta’ pprezzar aggressiva” ġenerali bejn ċerti produtturi Ewropej. Instab li l-kompetizzjoni bejn il-produtturi Ewropej isseħħ l-aktar fis-swieq reġjonali u mhux fil-livell Komunitarju minħabba li, kawża ta’ l-ispejjeż konsiderevoli tat-trasport, il-produtturi normalment ibiegħu fin-naħat ġeografiċi tagħhom. Prezzijiet baxxi li setgħu żammu xi produtturi għalhekk ma kkawżawx ħsara lil produtturi Ewropej oħrajn. Barra minn hekk, il-fatt li teżisti kompetizzjoni bejn ċerti produtturi Ewropej ma tfissirx li l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping ma ġegħlux lil dawn il-produtturi jraħħsu l-prezzijiet tagħhom aktar minn ħaddieħor aktar milli kieku jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta mill-produtturi Ċiniżi, u għalhekk li jbiegħu bi prezzijiet mhux sostanzjati.

(36)

Dan l-utent argument ukoll li l-ikbar sehem taż-żieda fil-konsum mill-2003 sal-PI ttieħdet mill-produtturi Komunitarji u mhux mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Filwaqt li dan jista’ jkun minnu f’termini assoluti, mhux minnu f’termini relattivi: l-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi, li kellhom sehem mis-suq ta’ 24 % fl-2003, ħadu kważi nofs iż-żieda fil-konsum mill-2003 sal-PI.

(37)

L-istess utent argumenta wkoll li f’ambjent ta’ konsum li qed jiżdied, l-industrija Komunitarja ma kinitx kapaċi żżid is-sehem tas-suq tagħha minħabba li ma żiditx il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Għalhekk, iż-żieda fil-konsum Komunitarju kellha tintlaħaq mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Madankollu, il-fatt li l-industrija Komunitarja ma żiditx il-kapaċità tagħha biex tlaħħaq ma’ konsum akbar tista’ titqies minflok bħala konsegwenza ta’ ambjent ta’ investiment inċert maħluq mill-pressjoni tal-prezz mill-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping, aktar minn kawża għal ħsara għall-industrija Komunitarja.

(38)

Issemma li l-industrija Komunitarja kellha kapaċità żejda ta’ madwar 120 000 tunnellata matul il-PI, li l-utilizzazzjoni tagħhom ma kinitx ekonomikament vijabbli minħabba l-pressjoni tal-prezz mill-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping. Barra minn dan, produttur Komunitarju wieħed naqqas il-produzzjoni tiegħu b’mod sinifikanti mill-2005 sal-PI u wara l-PI waqqaf il-produzzjoni tal-Kokk 80+. In-natura speċifika ta’ din l-industrija tfisser li t-tifi temporanju tal-proċess tal-produzzjoni jeqred it-tagħmir tal-produzzjoni (fran) u biex dawn jinxtegħlu mill-ġdid huma meħtieġa investimenti kbar addizzjonali. F’qagħda tas-suq ikkaratterizzata minn dipressjoni fil-prezz sinifikanti, l-investiment għat-tħaddim mill-ġdid tal-fran mitfija jew għall-bini ta’ fran ġodda ma kienx jagħmel sens ekonomiku.

(39)

Parti interessata waħda stqarret ukoll li spejjeż tax-xogħol akbar kienu kawża ewlenija għall-ħsara allegata lill-industrija Komunitarja. Iżda l-investigazzjoni wriet li ż-żieda ġenerali fl-għadd ta’ impjegati ta’ l-industrija Komunitarja tista’ tiġi attribwita biss għal produttur wieħed, li parallel ma’ dan żied il-produttività tiegħu. Il-produtturi l-oħra ta’ l-industrija Komunitarja żammew il-livell ta’ impjieg tagħhom pjuttost stabbli anki jekk iffaċċjaw tnaqqis fil-produzzjoni. Dan jista’ jiġi spjegat min-natura tal-proċess tal-produzzjoni ta’ din l-industrija, fejn il-ħaddiema meħtieġa biex iżommu l-faċilità tal-produzzjoni taħdem baqa’ prattikament l-istess, irrispettivament minn jekk il-kumpanija hix qed topera b’kapaċità sħiħa jew anqas, li wasslet biex il-produttività naqset l-istess bħall-produzzjoni.

(40)

Fi kwalunkwe każ, anki jekk xi produtturi ta’ l-industrija Komunitarja kellhom spejjeż tax-xogħol għolja li ma kienux meħtieġa meta naqqsu l-produzzjoni, dan ma jistax jitqies bħala kawża ta’ ħsara sinifikanti jekk jiġi kkunsidrat l-effett minimu li t-tibdil fl-ispejjeż tax-xogħol kellhom fuq il-profittabbiltà ġeneral ta’ l-industrija Komunitarja. Bħala eżempju, iż-żieda fl-ispejjeż tax-xogħol (EUR 1,8 miljun) tispjega anqas minn telf ta’ 1 punt perċentwali tal-profittabbiltà ġenerali ta’ l-industrija Komunitarja, li niżlet minn 16,2 % għal – 3,8 % mill-2005 sal-PI (madwar EUR 39 miljun tnaqqis fi profitti).

4.   Il-prezzijiet tal-materja prima; żvantaġġi naturali f’termini ta’ aċċess għall-materja prima

(41)

Fir-rigward tal-prezzijiet tal-materja prima kif deskritt f’aktar dettall fil-premessa (75) tar-Regolament provviżorju, issemma li l-kalkoli riveduti wrew li matul il-perjodu meqjus, il-materja prima bażika użata fil-produzzjoni tal-Kokk 80+, faħam kokk, tirrapreżenta madwar 60 % ta’ l-ispiża ta’ l-industrija Komunitarja għall-manifattura tal-Kokk 80+.

(42)

Parti interessata argumentat li l-ispejjeż ogħla tal-materja prima ewlenija, faħam kokk, laqtet lill-industrija Komunitarja relattivament aktar milli laqtet lill-industrija Ċiniża minħabba li din ta’ l-aħħar għandha aċċess faċli għall-materja prima, u b’hekk l-industrija Komunitarja ma kinitx kompetittiva, anki fin-nuqqas ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. F’dan ir-rigward, l-ewwelnett issemma li minħabba l-kooperazzjoni limitata ħafna mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, ma jistgħu jintlaħqu l-ebda konklużjonijiet ġenerali dwar il-faċilità ta’ l-aċċess għall-materja prima għal produtturi esportaturi Ċiniżi. ta’ min jinnota wkoll li produttur wieħed ta’ l-industrija Komunitarja, li jipproduċi parti sinifikanti mill-produzzjoni totali ta’ l-industrija Komunitarja, juża faħam kokk miksub lokalment. Barra minn hekk, kif issemma diġà fil-premessa (76) tar-Regolament provviżorju, sal-PI l-industrija Komunitarja rnexxielha tgħaddi ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima għal fuq il-prezzijiet tal-bejgħ. ta’ min isemmi wkoll li, skond tagħrif tas-suq disponibbli, anki ċ-Ċina qed tagħmel użu parzjali minn materja prima importata. Attwalment qed timporta kwantitajiet sinifikanti ta’ faħam kokk mill-Awstralja.

(43)

Parti interessata oħra implikat li l-analiżi tal-kawżalità mhix korretta minħabba li għandha dubji dwar kif l-industrija Komunitarj, li kienet profittabbli fl-2003, setgħet issofri t-telf matul il-PI u ma kinitx kapaċi aktar tkopri l-ispiża għolja tal-materja prima, anki jekk iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja bejn l-2003 u l-PI kienet wisq aktar sinifikanti mill-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima.

(44)

F’dan ir-rigward issemma li filwaqt li huwa vera li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja kienu ogħla matul il-PI milli fl-2003 (ara l-premessa (51) tar-Regolament provviżorju), il-prezzijiet tal-materja prima, li huma l-komponent ewlieni ta’ l-ispiża tal-produzzjoni, kienu proporzjonalment ogħla minn hekk (ara l-premessa (75) tar-Regolament provviżorju, kif ukoll il-premessa (41) hawn fuq). Għalhekk, il-klejm ġiet miċħuda.

5.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(45)

Fin-nuqqas ta’ tagħrif jew argumenti oħrajn ġodda u sostanzjati, il-premessi (67) sa (80) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati, għajr għar-reviżjonijiet li saru lill-premessi (67) u (75) kif issemma hawn fuq.

(46)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, is-sejba provviżorja ta’ eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping hija kkonfermata.

G.   L-INTERESS KOMUNITARJU

1.   Żviluppi wara l-perjodu ta’ investigazzjoni

(47)

Kummenti dwar il-ħtieġa li jitqiesu ċerti żviluppi importanti li seħħu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni waslu kemm mingħand ċerti produtturi ta’ l-industrija Komunitarja kif wkoll minn għand produtturi esportaturi kooperattivi u utenti. Dawn il-kummenti huma b’mod partikolari dwar iż-żidiet sinifikanti tal-prezz tas-suq tal-Kokk 80+, fir-rigward tal-prezz ta’ importazzjonijiet Ċiniżi kif ukoll l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja.

(48)

Il-partijiet interessati msemmija attribwew iż-żieda tal-prezzijiet ta’ importazzjoni l-aktar lil ċerti miżuri li ttieħdu riċentament mill-gvern Ċiniż biex jiskoraġġixxi l-esportazzjoni ta’ materja ta’ enerġija intensiva, inkluż il-kokk, bħal żieda fit-taxxa ta’ l-esportazzjoni u distribuzzjoni ristretta ta’ liċenzji għall-esportazzjoni. Utent wieħed argumenta li dawn il-miżuri jistgħu jinżammu għat-tul meta wieħed iqis it-tibdil strutturali fil-politika Ċiniża, fejn prodotti ta’ l-enerġija nofshom ta’ materja prima bħall-Kokk 80+ jinżammu għas-suq domestiku biex jinħoloq valur miżjud miksub lokalment. Il-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja, min-naħa l-oħra, affermaw li level għoli attwali tal-prezz huwa temporanju u soġġett għal-tibdil fi kwalunkwe waqt għad-diskrezzjoni tal-gvern tar-RPĊ. L-istess utent saħaq ukoll li l-profittabbiltà tal-produtturi Komuntarji bħalissa tinsab fl-ogħla livelli minħabba iż-żieda sinifikanti tal-prezzijiet tal-bejgħ wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Skond dan l-utent, il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja qed jistennew tendenza ta’ żieda fit-terminu twil ta’ żmien minħabba ż-żieda sinifikanti fil-konsum fl-industrija tal-fibri tal-ġebel, nuqqas ta’ żidiet fil-kapaċità tal-produzzjoni fl-UE u, b’mod speċjali, it-tibdil drammatiku fil-politika Ċiniża naqqas sinifikament l-esportazzjonijiet mir-RPĊ.

(49)

Fir-rigward ta’ dak li implika dan l-utent li l-lonġevità allegata ta’ (i) l-esportazzjonijiet ristretti Ċiniżi u (ii) l-allegat livell għoli ta’ profittabbiltà ta’ l-industrija Komunitarja jiċħad il-ġustifikazzjoni ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping, ta’ min jinnota l-ewwelnett li filwaqt li huwa vera li l-gvern Ċiniż stabbilixxa miżuri li jiskoraġġixxu l-esportazzjoni ta’ materja ta’ enerġija intensiva, ma jeżisti l-ebda tagħrif biex jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-permanenza ta’ dawn il-miżuri. Kuntrarju għal dan, l-esperjenza miksuba fil-passat, l-aktar fl-2004 u fl-2005, uriet li l-politika li tinfluwenza l-esportazzjonijiet tista’ tinbidel pjuttost malajr. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, it-tagħrif dwar id-dumping u l-ħsara relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni normalment ma għandux jitqies.

(50)

Żidiet sinifikanti osservati fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-Kokk 80+ madankollu ġew rikonoxxuti fil-premessa (112) tar-Regolament provviżorju u tqiesu fl-għażla tal-prezz ta’ importazzjoni minimu (“MIP” – minimum import price) bħala l-forma tal-miżura. It-tendenza persistenti ta’ prezzijiet ta’ importazzjoni għolja aktar mill-livelli ta’ ħsara, anki wara r-Regolament provviżorju, hija kkonfermata mir-rapporti tas-suq ippubblikati kif ukoll mit-tagħrif disponibbli għall-Kummissjoni dwar importazzjonijiet tal-Kokk 80+ mir-RPĊ li saru wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Din iċ-ċirkustanza hija riflessa wkoll fl-għażla tal-miżura definittiva proposta għal prezz ta’ importazzjoni minimu, kif stipulat fil-premessa (75) hawn taħt.

(51)

Ċerti produtturi ta’ l-industrija Komunitarja saħqu li l-livelli għolja tal-prezz ta’ importazzjoni osservati wara l-PI kienu attribwiti wkoll għar-rati tal-merkanzija fuq il-baħar għal tagħbija kbira li żdiedu b’mod sinifikanti wara l-PI biex b’hekk għolla l-prezz CIF tal-prodott ikkonċernat. Dawn argumentaw li minħabba li l-prezz ta’ importazzjoni minimu huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ CIF, dan ma jindirizzax il-kwistjoni ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, minħabba li l-prezzijiet ta’ importazzjoni jilħqu l-MIP meta dawn jinkludu l-merkanzija fuq il-baħar. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota l-ewwelnett li skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, tagħrif wara l-PI dwar id-dumping normalment ma għandux jitqies. B’żieda ma’ dan, il-produtturi msemmija ta’ l-industrija Komunitarja naqsu wkoll milli jelaboraw dwar kif iż-żidiet allegati tar-rati tal-merkanzija fuq il-baħar għandhom, fl-opinjoni tagħhom, jitqiesu f’dan ir-rigward.

(52)

L-imsemmija produtturi ta’ l-industrija Komunitarja argumentaw ukoll li MIP imsejjes fuq l-ispiża tal-materja prima matul il-PI jonqos milli jelimina b’mod adegwat il-ħsara mwettqa mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, minħabba li żieda sinifikanti fir-rati tal-merkanzija fuq il-baħar wara l-PI taffettwa l-ispiża tal-materja prima ewlenija, il-faħam kokk, li hija pprovduta l-aktar barra mill-Komunità mill-industrija Komunitarja. F’dan ir-rigward, ta’ min jisħaq mill-ġdid li skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, tagħrif wara l-PI normalment ma għandux jitqies. Barra minn hekk, il-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja ma kkwantifikawx l-effett li l-allegata żieda fir-rati tal-merkanzija fuq il-baħar ikollha fuq l-ispiża ta’ l-industrija Komunitarja biex tipproduċi l-Kokk 80+. Huma pprovdew biss għadd ta’ rapporti tas-suq ippubblikati dwar rati tal-merkanzija fuq il-baħar. Dawn iżda ma jippermettux li jsiru kalkoli dettaljati biżżejjed dwar l-impatt għall-industrija Komunitarja kollha, billi jitqies b’mod partikolari li l-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja jiksbu l-materja prima tagħhom minn bosta sorsi differenti u li produttur maġġuri ta’ l-industrija Komunitarja ma jkunx affettwat miż-żidiet fil-merkanzija fuq il-baħar għax juża materja prima miksuba lokalment. Għaldaqstant l-argument tal-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja mhux milqugħ.

2.   L-interess ta’ l-industrija Komunitarja

(53)

Barra mill-kummenti relatati ma’ żviluppi wara l-PI indirizzati fil-premessi (47) sa (50), utent wieħed saħaq ukoll li l-analiżi ta’ l-interess ta’ l-industrija Komunitarja għall-impożizzjoni tal-miżuri tiddependi esklussivament fuq is-sejbiet relatati mal-PI, mingħajr ma tirrifletti l-ħsara tal-perjodu ta’ investigazzjoni kollu. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-analiżi tal-konsegwenzi possibbli għall-industrija Komunitarja ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping, jew in-nuqqas tagħha, hija mnaqqsa mill-analiżi ta’ ħsara li l-Kummissjoni wettqet, kif elaborat fil-premessi(28) u (29), fir-rigward l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ ħsara matul il-perjodu meqjus kollu. Għaldaqstant din id-dikjarazzjoni m’hijiex milqugħa.

(54)

Fin-nuqqas ta’ tagħrif jew argumenti ġodda u sostanzjati f’dan ir-rigward, il-konklużjoni meħuda fil-premessi (82) sa (84) tar-Regolament provviżorju dwar l-interess ta’ l-industrija Komunitarja huma b’dan ikkonfermati.

3.   L-interess ta’ l-importaturi/negozjanti mhux relatati fil-Komunità

(55)

Fin-nuqqas ta’ kummenti minn importaturi/negozjanti, il-konklużjonijiet meħuda fil-premessi (85) sa (87) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.   L-interess ta’ l-utenti

(a)   Produtturi tal-fibri tal-ġebel

(56)

Fin-nuqqas ta’ tagħrif jew argumenti ġodda u sostanzjati f’dan ir-rigward partikolari, il-premessi (89) sa (91) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. B’konsegwenza, huwa kkonfermat ukoll li dazju fil-livell tal-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz ikollu effett limitat ħafna fuq l-ispiża tal-produzzjoni tal-produttur tal-fibri tal-ġebel kooperattiv, b’żieda massima ipotetika ta’ madwar 1 %, kif stipulat fil-premessa (98) tar-Regolament provviżorju.

(b)   Fonderiji

(57)

Wara l-istadju provviżorju, il-Kummissjoni intensifikat l-investigazzjoni fir-rigward ta’ l-impatt possibbli tal-miżuri fuq l-utenti, b’mod partikolari l-fonderiji. F’dan ir-rigward, intalab tagħrif addizzjonali mis-CAEF u mill-assoċjazzjoni nazzjonali tal-fonderiji It-tagħrif riċevut jikkonferma s-sejba provviżorja, imsejsa fuq it-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ l-utenti kif imsemmi fil-premessi (93) u (94) tar-Regolament provviżorju, li l-effett tal-Kokk 80+ fuq l-ispiża totali tal-produzzjoni tal-fonderiji huwa relattivament moderat. Filwaqt li l-parti tal-Kokk 80+ fl-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-utent tiddependi fuq il-prodott, instab li ġeneralment tvarja bejn 2 % u 5 %.

(58)

Il-profittabbiltà tal-fonderiji msemmija fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju nstabet li tvarja bejn 2 % u 6 %. Dan huwa konformi mat-tagħrif mogħti mis-CAEF, imsejjes fuq studju tal-profittabbiltà ta’ 93 fonderiji fl-2006, li skond dan il-profittabbiltà medja ta’ l-industrija tal-fonderiji kienet ta’ 4,4 % (il-marġini medju għall-fonderiji li jipproduċu għas-settur tal-vetturi huwa ta’ 2,8 % u dak għall-fonderiji li jipproduċu għas-settur ta’ l-inġinerija mekkanika huwa ta’ 6,4 %).

(59)

It-tagħrif addizzjonali msemmi hawn fuq ikkonferma wkoll is-sejbiet provviżorji li dazju fil-livell tal-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz ikollu effett limitat ħafna fuq l-ispiża tal-produzzjoni tal-fonderiji, b’żieda massima ipotetika ta’ madwar 1 %. ta’ min jinnota wkoll li dan il-perċentwal huwa anki taħt il-1 % għall-biċċa l-kbira tal-fonderiji inklużi fl-analiżi msemmija fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju.

(60)

Xi partijiet interessati iżda argumentaw li meta jitqies il-marġini baxx tal-profitt medju tal-fonderiji Ewropej, ma jistgħux iġarrbu żidiet konsiderevoli fil-prezz tal-Kokk 80+, li ma tantx jistgħu jgħadduhom fuq il-konsumaturi tagħhom. F’dan ir-rigward ta’ min isemmi li ma jistax jiġi eskluż li xi fonderiji jistgħu ma jkunux kapaċi jġarrbu l-livelli tal-prezz attwali tal-Kokk 80+. Minkejja dan, iż-żidiet fil-prezz wara l-PI jidher li mhumiex attribwiti għall-miżuri ta’ anti-dumping, minħabba li l-MIP impost mir-Regolament provviżorju huwa taħt il-livell tal-prezz tas-suq attwali u minħabba li ż-żidiet fil-prezz bdew qabel ma ġew imposti l-miżuri provviżorji.

(ċ)   Sigurtà tal-provvista

(61)

Xi utenti wkoll tennew l-istqarrijiet ta’ qabel tagħhom dwar is-sigurtà tal-provvista tal-Kokk 80+ u argumentaw li l-miżuri jaffettwaw drammatikament l-industrija ta’ l-utent tal-KE li għaliha l-Kokk 80+ huwa materja prima ta’ importanza strateġika. Fl-istess waqt iżda argumentaw li l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping ftit jaffettwaw, jew ma jaffettwawx, l-esportazzjonijiet Ċiniżi. Barra minn dan, il-forma u l-livell tal-miżuri ta’ anti-dumping adottati f’dan il-każ huma ddisinjati biex jaġixxu bħala xibka tas-sigurtà għall-industrija Komunitarja iżda mingħajr ma jfixklu b’mod artifiċjali s-suq għad-detriment ta’ l-industrija ta’ l-utent. L-investigazzjoni uriet li kwalunkwe riskju ta’ skarsezza ta’ provvista, jekk xejn, tista’ tirriżulta minn talba domestika akbar possibbli fiċ-Ċina u l-politika Ċiniżi attwali li tiskoraġġixxi esportazzjonijiet ta’ enerġija intensiva, iżda mhux minn miżura ta’ anti-dumping.

5.   Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(62)

L-analiżi addizzjonali ta’ hawn fuq dwar l-interess ta’ l-utenti fil-Komunità ma bidlitx il-konklużjonijiet provviżorji f’dan ir-rigward. Anka jekk f’ċerti każi jkun jeħtieġ li l-piż jingħadda kollu fuq l-utent/importatur, kwalunkwe impatt finanzjarju negattiv fuq dawn ta’ l-aħħar f’kull każ ikun ta’ daqs żgħir. Abbażi ta’ dan, huwa meqjus li l-konklużjonijiet rigward l-interess Komunitarju kif stabbilit fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, dawn huma għalhekk ikkonfermati b’mod definittiv.

H.   MIŻURI DEFINITTIVI

1.   Il-livell li fih titneħħa l-ћsara

(63)

Il-marġini ta’ profitt ta’ qabel it-taxxa użat fir-Regolament provviżorju biex ikun ikkalkulat l-livell li fih titneħħa l-ħsara kien imsejjes fuq il-marġini ta’ profitt medju miksub mill-industrija Komunitarja matul l-2003-2005, ikkalkulat provviżorjament bħala li huwa 15,3 % tal-valur tal-bejgħ. Dan ġie meqjus bħala l-marġini ta’ profitt qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(64)

Bosta partijiet interessati kkontestaw il-livell tal-marġini ta’ profitt użat provviżorjament. Utent wieħed saħaq li 15,3 % tal-proporzjon tal-profitt huwa eċċessiv, u argumenta li l-livelli tal-profitt miksuba mill-industrija Komunitarja fl-2004 u l-2005 huma eċċezzjonali, u seħħew fi żmien meta n-nuqqas fil-Kokk 80+ Ċiniż tant kien sinifikanti li l-miżuri ta’ anti-dumping eżistenti dak iż-żmien ġew sospiżi. Dan l-utent argumenta li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni valida għall-użu ta’ marġini ta’ profitt sinifikament ogħla minn dak użat fl-investigazzjoni preċedenti. ta’ min jinnota li l-marġini ta’ profitt użat fl-istadju definittiv ta’ l-investigazzjoni preċedenti kien ta’ 10,5 %.

(65)

Il-produttur esportatur Ċiniż kooperattiv qabel ma’ l-argument li l-marġini ta’ profitt użat provviżorjament huwa distort mill-profitti għolja ta’ l-2004 u l-2005 miksuba kawża ta’ kundizzjonijiet tas-suq eċċezzjonali. Dan il-produttur esportatur saħaq li Kokk 80+ huwa prodott tat-tip ta’ kommodità u li rata ta’ profitt ta’ 5 % tkun aktar konformi mar-rati ta’ profitt użati qabel għal prodotti tat-tip ta’ kommodità.

(66)

Xi produtturi ta’ l-industrija Komunitarja, min-naħa l-oħra, saħqu li marġini ta’ profitt ta’ 15,3 % mhux adegwat għat-tneħħija tal-ħsara minħabba li dawn il-produtturi fl-imgħoddi kisbu livelli ta’ profitt ogħla fin-nuqqas tad-dipressjoni fil-prezz maħluqa mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Huma stqarru li marġini ta’ profitt ta’ 15,3 % ma jkunx biżżejjed biex jippermetti lill-produtturi Komunitarji jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex jilħqu l-istandards ambjentali obbligatorji u biex jerġgħu jagħtu l-ħajja li jew iħaddmu mill-ġdid faċilitajiet tal-produzzjoni magħluqa. Intqal ukoll li tfassil mill-ġdid bħal dan tal-produzzjoni Komunitarja tippermetti lill-produtturi Komunitarji li jlaħħqu mat-talba akbar għall-Kokk 80+. Il-produtturi Komunitarji kkonċernati, iżda, ma ppreżentawx iċ-ċifra eżatta tal-livell tal-marġini ta’ profitt li jikkunsidraw bħala raġonevoli.

(67)

ta’ min jinnota l-ewwelnett li fid-dawl tas-sejbiet riveduti dwar il-profittabbiltà msemmija fil-premessa (25), instab li l-profittabbiltà medja bil-piż milħuqa matul l-2003-2005 fil-fatt kienet ta’ 13,1 % minflok il-15,3 % imsemmija fil-premessa (107) tar-Regolament provviżorju.

(68)

Barra minn dan, il-metodoloġija użata biex ikun stabbilit il-livell tat-tneħħija tal-ħsara ġie eżaminat mill-ġdid wara li ntbagħtu xi kummenti. Ġie kkunsidrat li s-snin użati bħala punt ta’ referenza setgħu jitqiesu bħala li mhumiex rappreżentattivi f’ċirkustanzi normali, tant li l-2004 kienet sena eċċezzjonalment tajba f’termini ta’ profitti (15 %) minħabba nuqqas sinifikanti ta’ Kokk 80+ Ċiniż fuq is-suq. Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali kienet riflessa mill-ġdid fl-2005 (16,2 %). Min-naħa l-oħra, fl-2003 l-industrija Komunitarja probabbilment kienet għadha fil-proċess ta’ rkupru minn dumping tal-passat, rifless fil-marġini ta’ profitt pjuttost aktar baxx (8,1 %). Minflok, il-profitt fil-mira ta’ 10,5 % użat f’investigazzjonijiet preċedenti kien imsejjes fuq tliet snin konsekuttivi (1995-1997) fi żmien qabel penetrazzjoni aktar fis-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi. Għaldaqstant, jidher li dan jirrifletti b’mod aktar xieraq il-profittabbiltà li din it-tip ta’ industrija tista’ tilħaq fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(69)

Fir-rigward ta’ l-istqarrijiet ta’ ċerti produtturi Komunitarji għal marġini ta’ profitt meħtieġ biex ikunu possibbli l-investimenti, ta’ min jinnota li kriterju bħal dan huwa irrilevanti meta jiġi stabbilit il-livell li fih titneħħa l-ħsara. Il-marġini ta’ profitt użat meta jiġi kkalkolat il-prezz immirat li se jneħħi l-ħsara kkonċernata jrid ikun limitat għall-marġini ta’ profitt li l-industrija Komunitarja tista’ sserraħ fuqu b’mod raġonevoli f’ċirkustanzi normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(70)

Abbażi dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li l-industrija Komunitarja tista’ b’mod raġonevoli tistenna li tikseb marġini ta’ profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ 10,5 % fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u dan il-marġini ta’ profitt kien użat fis-sejbiet definittivi.

(71)

Il-prezzijiet ta’ importazzjoni Ċiniżi kif aġġustati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz (ara l-premessi (20) u (21)) ġew ipparagunati, għall-PI, mal-prezz li ma joħloqx ħsara tal-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Il-prezz li ma joħloqx ħsara inkiseb billi ġie aġġustat il-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja sabiex jirrifletti l-marġini ta’ profitt, kif ġie rivedut issa (ara l-premessa (70)). Id-differenza li tirriżulta minn dan il-paragun, meta espressa bħala perċentwal tal-valur totali CIF ta’ l-importazzjoni, kienet tammonta għal 25,8 % jiġifieri anqas mill-marġini tad-dumping li nstab.

(72)

Fid-dawl li l-ebda produttur esportatur ma talab trattament individwali, livell uniku li fih titneħħa l-ħsara u li jifrex mal-pajjiż kollu ġie kkalkolat għall-esportaturi kollha fir-RPĊ.

2.   Il-miżuri definittivi

(73)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, u f’konformità ma’ l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju definittiv ta’ anti-dumping għandu jiġi impost fil-livell tal-marġini l-aktar baxxi ta’ dumping u ta’ ħsara misjuba, skond ir-regola ta’ inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tkun stabbilita skond dan fil-livell tal-ħsara misjuba.

(74)

Fuq din il-bażi, id-dazju definittiv għandu jammonta għal 25,8 %.

3.   Il-forma tal-miżuri

(75)

Ir-Regolament provviżorju impona dazju ta’ anti-dumping fil-forma ta’ prezz ta’ importazzjoni minimu. Meta wieħed iqis li l-kunsiderazzjonijiet għall-għażla ta’ MIP bħala l-forma tal-miżura msemmija fil-premessa (112) tar-Regolament provviżorju għadhom validi, u fin-nuqqas ta’ kummenti dwar din l-għażla, l-MIP fil-forma tal-miżura huwa b’dan ikkonfermat.

(76)

Kif stipulat fil-premessa (117) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni analizzat f’aktar dettall il-possibbiltà ta’ sistema ta’ indiċjar biex tiġi applikata għall-MIP. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni studjat bosta għażliet ta’ indiċjar differenti, b’mod partikolari l-evoluzzjoni tal-prezz tal-faħam tal-kokk, il-materja prima ewlenija tal-Kokk 80+. Barra minn hekk, ċerti produtturi ta’ l-industrija Komunitarja saħqu li l-MIP għandu jkun marbut ma’ l-ispiża tal-faħam tal-kokk. Madankollu, instab li ċ-ċaqliq tal-prezz tal-Kokk 80+ mhux spjegat b’mod suffiċjenti mill-evoluzzjoni tal-prezz tal-faħam tal-kokk jew dħul maġġuri ieħor. Għalhekk ġie deċiż li l-MIP ma għandux jiġi magħmul b’indiċi.

(77)

L-ammont tal-prezz minimu ta’ l-importazzjoni jirriżulta mill-applikazzjoni tal-marġini tal-ħsara lill-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-livell li fih titneħħa l-ħsara matul il-PI. Il-prezz minimu definittiv ta’ importazzjoni kkalkolat b’dan il-mod jammonta għal EUR 197 għal kull tunnellata.

4.   Implimentazzjoni

(78)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri, il-premessi (114) sa (116) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(79)

Kien hemm tħassib dwar l-applikabbiltà ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-metodu tal-kejl tal-Kokk biex ikunu ddeterminati l-proporzjonijiet tal-Kokk 80+ u l-Kokk 80– preżenti fi vjeġġ imħallat. L-investigazzjoni wriet li importaturi tal-Kokk 80+ jimponu kriterji stretti għal, inter alia, daqs u umdità u mal-wasla tal-prodott mixtri fil-Komunità, l-importatur iwettaq kejl ta’ kontroll biex jiżgura li dawn il-kriterji huma rispettati. L-utenti ewlenin tal-Kokk fil-KE huma ċertifikati taħt l-ISO 9001:2000 jew sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità ekwivalenti li jitolbu ċertifikati ta’ l-oriġini u ċertifikat tal-konformità ma’ kull vjeġġ. Ċertifikati ta’ konformità bħal dawn li jikkonfermaw ukoll l-ispeċifikazzjonijiet dimensjonali jistgħu jintalbu mill-awtoritajiet tad-dwana implimentattivi għall-għan tal-verifika ta’ l-eżattezza tad-dettalji mniżżla fid-dikjarazzjoni.

(80)

Iż-żewġ standards ISO applikati mill-industrija huma ISO 728:1995 u ISO 18238:2006 li jistabbilixxu rispettivament il-metodu ta’ kejl u l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni tal-Kokk li jridu jitkejlu. Il-fatt li dawn l-istandards diġà huma applikati mill-industrija ta’ importazzjoni juri li standards bħal dawn huma applikabbli u għalhekk rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

I.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAŻJU PROVVIŻORJU

(81)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġini tad-dumping misjub u b’kunsiderazzjoni għal-livell tal-ħsara kkaġunata lill-industrija Komunitarja, jitqies meħtieġ li l-ammonti miġbura permezz tad-dazju ta’ anti-dumping provviżorju impost mir-Regolament provviżorju għandhom definittivament jinġabru sal-limitu ta’ l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Billi d-dazju definittiv huwa anqas mid-dazju provviżorju, l-ammonti provviżorjament miġbura li huma aktar mir-rata definittiva tad-dazju ta’ anti-dumping għandhom jinħelsu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv ta’ anti-dumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet ta’ dijametru massimu ta’ aktar minn 80 mm (Kokk 80+) li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 2704 00 19 (kodiċi TARIC 2704001910) u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Id-dijametru tal-biċċiet għandu jiġi ddeterminat skond in-norma ISO 728:1995.

2.   L-ammont ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ 197 EUR għal kull tunnellata u l-prezz nett ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, fil-każijiet kollha fejn dan ta’ l-aħħar huwa inqas mill-prezz minimu ta’ importazzjoni.

3.   Id-dazju ta’ anti-dumping għandu japplika wkoll, pro-rata, għal kokk tal-faħam f’biċċiet b’dijametru ta’ aktar minn 80 mm meta mibgħut bħala merkanzija f’taħlitiet li fihom kemm faħam kokk f’biċċiet b’dijametru ta’ aktar minn 80 mm u faħam kokk f’biċċiet b’dijametri iżgħar, ħlief jekk ikun determinat li l-kwantità tal-faħam kokk f’biċċiet b’dijametru ta’ aktar minn 80 mm ma tikkostitwix aktar minn 20 % tal-piż niexef nett tal-merkanzija mħallta. Il-kwantità ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet b’dijametru ta’ aktar minn 80 mm f’taħlitiet tista’ tiġi determinata skond l-Artikoli 68 sa 70 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (5) fejn, inter alia, huwa mniżżel li l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu jeħtieġu lid-dikjarant li jippreżenta dokumenti oħrajn għall-għan tal-verifika ta’ l-eżatezza tad-dettalji tad-dikjarazzjoni u biex jiġu eżaminati l-oġġetti u jittieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżaminazzjoni dettaljata. F’każi fejn il-kwantità tal-faħam kokk f’biċċiet b’dijametru ta’ aktar minn 80 mm tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ kampjuni, il-kampjuni għandhom jingħażlu skond in-norma ISO 18238:2006.

4.   F’każi fejn l-oġġetti sofrew ħsara qabel iddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz li tħallas jew għandu jitħallas huwa maqsum għad-determinazzjoni tal-valur doganali skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi dispożizzjonijet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-kodiċi doganali tal-Komunità (6), il-prezz minimu ta’ importazzjoni kif stipulat hawn fuq għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi mat-taqsim tal-prezz li tħallas jew għandu jitħallas. Id-dazju pagabbli mbagħad għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu mnaqqas ta’ importazzjoni u l-prezz nett imnaqqas, ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel l-iżdoganar.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieћor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-dazji tad-dwana li huma fis-seħħ.

Artikolu 2

L-ammonti miġbura permezz ta’ dazju provviżorju ta’ anti-dumping skond ir-Regolament (KE) Nru 1071/2007 dwar importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet ta’ dijametru massimu ta’ aktar minn 80 mm (Kokk 80+) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata ta’ dazju definittiv impost skond l-Artikolu 1. L-ammonti miġbura li huma aktar mill-ammont tad-dazju definittiv għandhom jinħelsu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU C 313, 20.12.2006, p. 15.

(3)  ĠU L 244, 19.9.2007, p. 3.

(4)  Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, din iċ-ċifra hija mogħtija biss f’firxiet.

(5)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


Top