Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0232

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 232/2008 ta’ l- 14 ta’ Marzu 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 382/2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1786/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-għalf niexef

    ĠU L 73, 15.3.2008, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/232/oj

    15.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 73/6


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 232/2008

    ta’ l-14 ta’ Marzu 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 382/2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1786/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-għalf niexef

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 71(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 90 u 194(a) flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1786/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-għalf niexef (3) għandu jitħassar mill-1 ta’ April 2008 skond l-Artikolu 201(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (2)

    L-Artikolu 86(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għal għajnuna għall-ipproċessar fir-rigward tal-prodotti fis-settur ta’ l-għalf niexef li għandha tingħata lill-intrapriżi li jipproċessaw il-prodotti. Il-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-intrapriżi attwalment huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1786/2003 u fir-regoli tiegħu ta’ implimentazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2005 (4).

    (3)

    B’mod partikolari, l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1786/2003 jipprovdi, fost affarijiet oħra, l-obbligazzjoni li l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar iżommu reġistri tal-ħażniet. L-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament jiddetermina l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fil-kuntratti stipulati fl-Artikolu 86(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1786/2003 jistipula li l-Istati Membri għandhom idaħħlu sistemi ta’ kontroll.

    (4)

    Dawk il-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet ma kinux ġew inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (5)

    Sabiex is-settur ta’ l-għalf niexef ikun jista’ jibqa’ jiffunzjona tajjeb u fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalizzazzjoni, dawk il-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet għandhom ikunu stipulati fir-Regolament (KE) Nru 382/2005.

    (6)

    L-eliġibilità għall-għajnuna teħtieġ, f’ċerti każijiet, il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn il-produtturi u l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar. Ċerti partikolarijiet fil-kuntratti għandhom isiru obbligatorji, biex tkun imħeġġa t-trasparenza fil-katina tal-produzzjoni u jkun iffaċilitat l-iċċekkjar.

    (7)

    Biex jirċievu l-għajnuna, il-proċessuri għalhekk għandhom ikunu meħtieġa li jżommu reġistri tal-ħażniet u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-verifikar tad-drittijiet u li jfornu kull dokument ieħor meħtieġ.

    (8)

    Fejn ma jkun hemm l-ebda kuntratt bejn il-produtturi u l-intrapriżi ta' l-ipproċessar, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprovdu informazzjoni oħra li tkun tippermetti li d-dritt jiġi verifikat.

    (9)

    Ir-Regolament (KE) Nru 382/2005 għandu għalhekk ikun emendat skond dan.

    (10)

    Skond l-Artikolu 33(2)(e), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, inter alia, dwar il-bidliet fiż-żoni ta’ l-għalf Leguminuż u ta’ għalf aħdar ieħor. Sabiex din id-dispożizzjoni ssir aktar preċiża, għandu jkun speċifikat li ż-żoni kkonċernati huma dawk li l-produzzjoni tagħhom, fis-sena tas-suq ta’ qabel, kienet soġġetta għall-ipproċessar bil-għan li jiksbu l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 88 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 382/2005 huwa emendat b’dan li ġej:

    (1)

    L-Artikolu 12 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 12

    Reġistri tal-ħażniet ta’ l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar

    1.   L-għajnuna stipulata fl-Artikolu 86(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*) għandha tingħata biss lill-intrapriżi li jipproċessaw il-prodotti elenkati fil-Parti IV ta’ l-Anness għal dak ir-Regolament li huma konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    li jżommu reġistri tal-ħażniet li jkun fihom talanqas l-informazzjoni li ġejja:

    i)

    il-kwantitajiet ta' għalf aħdar u, fejn japplika, ta’ għalf imnixxef fix-xemx li jiġu pproċessati; madanakollu, fejn iċ-ċirkostanzi partikolari ta' l-intrapriża jeħtieġu hekk, il-kwantitajiet jistgħu jiġi stmati skond iż-żoni miżrugħa;

    ii)

    il-kwantitajiet ta' għalf niexef prodott u l-kwantitajiet, u l-kwalità tagħhom, li jkunu telqu mingħand il-proċessur;

    b)

    jipprovdu kwalunkwe dokument ieħor ta' sostenn meħtieġ għall-verifika tad-dritt għall-għajnuna;

    2.   Ir-reġistri tal-ħażniet ta’ l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu flimkien mal-kontijiet u għandhom jippermettu l-osservazzjoni:

    a)

    tal-kwantitajiet ta’ prodotti li deħlin għad-deidratazzjoni u/jew għat-tħin u, għal kull konsenja:

    i)

    id-data tad-dħul,

    ii)

    il-kwantità,

    iii)

    it-tip jew it-tipi msemmija fil-Parti IV ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ta’ għalf li se jkun deidratat u, fejn applikabbli, ta’ għalf imnixxef fix-xemx,

    iv)

    il-kontenut ta’ ndewwa ta' l-għalf li se jkun deidratat,

    v)

    ir-referenzi tal-kuntratt u/jew tad-dikjarazzjoni tal-konsenja kif stipulat fl-Artikolu 14 jew 15 ta’ dan ir-Regolament;

    b)

    il-kwantitajiet prodotti u kwalunkwe kwantità ta’ l-addittivi kollha użati fil-manifattura;

    ċ)

    il-kwantitajiet li jitilqu, u, għal kull lott, id-data tat-tluq, il-kontenut ta’ l-indewwa u l-kontenut ta’ proteina reġistrat;

    d)

    il-kwantitajiet ta’ għalf niexef li għalihom intrapriża ta’ l-ipproċessar tkun diġà bbenefikat mill-għajnuna, u li jkunu daħlu jew reġgħu daħlu fl-istabbiliment ta’ l-intrapriża;

    e)

    il-ħażna ta' għalf imnixxef fl-aħħar ta' kull sena tat-tmexxija fis-suq;

    f)

    il-prodotti mħallta jew miżjuda ma’ l-għalf imnixxef u/jew mitħun mill-intrapriża, bl-ispeċifikar tat-tip u ta’ l-isem tal-prodotti, il-kontenut totali ta’ materja nitroġena fil-materja niexfa u r-rata ta’ l-inkorporazzjoni tagħhom fil-prodott lest.

    3.   L-intrapriżi ta' l-ipproċessar għandhom iżommu reġistri tal-ħażna separati għall-kategoriji kollha ta' għalf imnixxef stipulati fil-Parti IV ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    4.   Fil-każijiet fejn intrapriża ta' l-ipproċessar, tiddeidra jew tipproċessa prodotti minbarra l-għalf niexef, hija għandha żżomm reġistri separati tal-ħażna tat-tali attivitajiet oħrajn ta' deidratazzjoni u ta' pproċessar.

    (*)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.”"

    (2)

    L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 14

    Kuntratti

    1.   Kull kuntratt imsemmi fl-Artikolu 86(1), fil-punti (a) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jinkludi, b’mod partikolari:

    a)

    il-prezz li għandu jitħallas lil dak li jkabbar l-għalf aħdar jew, jekk xieraq, l-għalf imnixxef fix-xemx;

    b)

    iż-żona li minnha għandu jitwassal l-għalla lill-proċessatur;

    ċ)

    il-konsenja u t-termini tal-ħlas;

    d)

    l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet firmatarji tal-kuntratt;

    e)

    id-data illi fiha jkun konkluż;

    f)

    is-sena tas-suq ikkonċernata;

    g)

    it-tip jew it-tipi ta' għalf li se jiġu pproċessati u l-kwantità li probabbli se tkun involuta;

    h)

    l-identifikazzjoni tal-pakkett/i li fuqu/fuqhom se jitkabbar l-għalf għall-ipproċessar, b’referenza għall-applikazzjoni għall-għajnuna unika li fiha ġew iddikjarati dawn il-pakketti, skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 u, fejn kuntratt kien konkluż jew fejn saret dikjarazzjoni tal-konsenja qabel id-data ta’ sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna unika, l-intrapriża tiddikjara dawk il-pakketti fl-applikazzjoni għall-għajnuna unika.

    2.   Meta intrapriża ta' l-ipproċessar tkun qiegħda teżegwixxi kuntratt ta’ordni speċjali għall-ipproċessar ta’ l-għalf kif imsemmi fl-Artikolu 86(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 konkluż ma' produttur indipendenti jew ma' wieħed jew iktar mill-membri tagħha stess, il-kuntratt għandu wkoll jindika:

    a)

    il-prodott mitmum li għandu jiġi kkonsenjat;

    b)

    l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-produttur,”

    (3)

    L-Artikolu 22a li ġej jiddaħħal fil-Kapitolu 9:

    “Artikolu 22 a

    Sistemi ta' spezzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistemi ta' spezzjoni biex jivverifikaw li kull intrapriża ta' l-ipproċessar tkun ikkonformat ma' dan li ġej:

    (a)

    il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1, 3, 86 sa 89 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikoli 12 u 14 ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    il-kwantitajiet, koperti bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jikkorrispondu mal-kwantitajiet ta' għalf niexef, tal-kwalità minima meħtieġa, li jitilqu mill-intrapriżi ta' l-ipproċessar.

    2.   L-għalf niexef għandu jintiżen malli jħalli l-impjant ta' l-ipproċessar u għandhom jittieħdu kampjuni tiegħu.

    3.   Qabel ma jiġu adottati d-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.”

    (4)

    Fl-Artikolu 33(2), il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

    “(e)

    mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, reġistru komprensiv ta’ l-enerġija użata fil-produzzjoni ta’ l-għalf deidratat, skond l-Anness I għal dan ir-Regolament, u l-bidliet fiż-żoni ta’ għalf leguminuż u għalf aħdar ieħor soġġett għall-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikolu 86(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, skond l-Anness II għal dan ir-Regolament, fis-sena ta’ tmexxija fis-suq ta’ qabel,”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ April 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Marzu 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.02.2008, p. 1).

    (2)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 114. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 456/2006 (ĠU L 82, 21.3.2006, p. 1).

    (4)  ĠU L 61, 8.3.2005, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1388/2007 (ĠU L 310, 28.11.2007, p. 3).


    Top