EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0003

Direttiva 2008/3/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Jannar 2008 li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet rigward l-Estonja

ĠU L 17, 22.1.2008, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/03/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/3/oj

22.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 17/6


DIRETTIVA 2008/3/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2008

li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet rigward l-Estonja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Waqt in-negozjati ta’ l-adeżjoni, l-Estonja invokat il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ta’ l-elettriku tagħha biex titlob perjodu tranżizzjonali għall-applikazzjoni tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (3).

(2)

Fl-Anness VI ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, l-Estonja ngħatat perjodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2008 għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 96/92/KE, relattivament għall-ftuħ gradwali tas-suq.

(3)

Id-Dikjarazzjoni Nru 8 annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 saħansitra rrikonoxxiet li l-qagħda speċifika fir-rigward tar-ristrutturazzjoni tas-settur tax-shale taż-żejt fl-Estonja kien se jirrikjedi sforzi partikolari sa l-aħħar ta’ l-2012.

(4)

Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita mid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (4), li kellha tiġi implimentata sa l-1 ta’ Lulju 2004 u li kellha l-effett li tħaffef il-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku.

(5)

Permezz ta’ l-ittra tas-17 ta’ Settembru 2003, l-Estonja bagħtet talba biex tiġi eżentata mill-Artikolu 21(1)(b) tad-Direttiva 2003/54/KE, dwar il-ftuħ tas-suq għall-klijenti non-domestiċi, sal-31 ta’ Diċembru 2012. Permezz ta’ ittra oħra tal-5 ta’ Diċembru 2003, l-Estonja indikat li kellha l-ħsieb li tiftaħ is-suq kompletament kif previst fl-Artikolu 21(1)(ċ) ta’ dik id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(6)

It-talba ta’ l-Estonja kienet ibbażata fuq pjan kredibbli ta’ ristrutturazzjoni għas-settur kollu tax-shale taż-żejt li jestendi sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(7)

Ix-shale taż-żejt huwa l-unika riżorsa indiġena reali ta’ l-enerġija fl-Estonja u l-produzzjoni nazzjonali tirrapreżenta kważi 84 % tal-produzzjoni dinjija. 90 % ta’ l-elettriku prodott fl-Estonja ġej minn dan il-karburant solidu. Huwa għalhekk ta’ importanza strateġika kbira għas-sikurezza tal-provvista fl-Estonja.

(8)

Il-konċessjoni ta’ deroga oħra għall-perjodu mill-2009 sa l-2012 kienet tidher meħtieġa biex tiggarantixxi s-sikurezza ta’ investimenti fl-impjanti ġeneraturi u s-sikurezza tal-provvista fl-Estonja filwaqt li tippermetti r-riżoluzzjoni tal-problemi ambjentali serji li joħolqu dawk l-impjanti.

(9)

Fit-28 ta’ Ġunju 2004, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2004/85/KE li temenda d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja (5), li kkonċediet id-deroga mitluba.

(10)

Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2006 fil-Każ C-413/04, Parlament v Kunsill (6), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Direttiva 2004/85/KE, safejn ikkonċediet lill-Estonja deroga mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54/KE li tmur lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008 u imponiet obbligu korrispettiv li tiggarantixxi ftuħ parzjali biss tas-suq li jirrappreżenta 35 % tal-konsum fl-1 ta’ Jannar 2009 u obbligu ta’ komunikazzjoni annwali tal-limiti ta’ konsum li jestendu l-eliġibbiltà lill-konsumaturi finali.

(11)

Dak l-annullament parzjali ma ġiex ibbażat fuq raġunijiet li jikkonċernaw is-sustanza tad-Direttiva 2004/85/KE, iżda kien riżultat ta’ determinazzjoni żbaljata tal-bażi ġuridika.

(12)

Billi r-raġunijiet għall-konċessjoni lill-Estonja ta’ deroga mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54/KE li tmur lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008 jibqgħu validi, dik id-Direttiva għandha tiġi emendata kif meħtieġ, bl-istess test kif jinsab fid-Direttiva 2004/85/KE iżda fuq il-bażi ġuridika korretta,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Estonja għandha tingħata deroga temporanja mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) sal-31 ta’ Diċembru 2012. L-Estonja għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku tagħha. Dan għandu jitwettaq gradwalment matul il-perjodu ta’ referenza bl-għan ta’ ftuħ sħiħ tas-suq sa l-1 ta’ Jannar 2013. Fl-1 ta’ Jannar 2009, il-ftuħ tas-suq għandu jirrappreżenta mill-anqas 35 % tal-konsum. L-Estonja għandha tikkomunika annwalment lill-Kummissjoni l-limiti ta’ konsum li jestendu l-eliġibbiltà lill-konsumaturi finali.”

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-23 ta’ Jannar 2008. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawn il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 15 ta’ Jannar 2008

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  Opinjoni mogħtija fl-24 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2007.

(3)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20. Id-Direttiva tħassret bid-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37).

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/653/KE (ĠU L 270, 29.9.2006, p. 72).

(5)  ĠU L 236, 7.7.2004, p. 10.

(6)  ECR 2006 I-11221.


Top