EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0123

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK ta’ l- 4 ta’ Frar 2008 li taħtar Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/123/oj

16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 42/88


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/123/PESK

ta’ l-4 ta’ Frar 2008

li taħtar Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Ġunju 1999 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244.

(2)

Fil-15 ta’ Settembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK (1) dwar l-istabbiliment ta’ grupp biex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet ta’ l-istabbiliment ta’ missjoni ċivili internazzjonali possibbli fil-Kosovo, inkluż komponent ta’ Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (Grupp ta’ Preparazzjoni MĊI/RSUE).

(3)

Fit-13/14 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-UE tinsab lesta li jkollha rwol ċentrali fit-tisħiħ ta’ l-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentar ta’ soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara li l-Unjoni Ewropea lesta tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, inkluż permezz ta’ missjoni tal-PESD u kontribut għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali.

(4)

B'mod parallel ma’ din l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsil ser jadotta Azzjoni Konġunta dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO).

(5)

Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa qafas strateġiku għall-politika ta’ l-UE lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu japplikaw għall-Kosovo, inkluż sħubija Ewropea, djalogu politiku u tekniku taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kontroll tal-PSA, u programmi ta’ assistenza Komunitarji relatati.

(6)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi implimentat f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma’ attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja.

(7)

Il-Kunsill jipprevedi li s-setgħat u l-awtoritajiet tar-RSUE u s-setgħat u l-awtoritajiet ta’ Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għandhom jingħataw lill-istess persuna.

(8)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbilit fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Ħatra

Is-Sur Pieter Feith huwa b'dan maħtur Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Kosovo għall perijodu mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta sat-28 ta’ Frar 2009.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika ta’ l-UE fil-Kosovo. Dawn jinkludu dak li jkollu rwol ċentrali fit-tisħiħ ta’ l-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentar ta’ soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo bil-għan ta’ Kosovo stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multi-etniku, li jikkontribwixxi għal kooperazzjoni reġjonali u stabbiltà, fuq il-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien; Kosovo li hu impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika ta’ l-UE fil-Kosovo, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza u l-appoġġ ta’ l-UE fil-proċess politiku;

(b)

jippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali ta’ l-UE fil-Kosovo;

(c)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbilitajiet eżekuttivi;

(d)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza ta’ l-azzjoni ta’ l-UE lejn il-pubbliku. Il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt prinċipali ta’ l-UE għall-medja mill-Kosovo dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/ Politika Estera u ta’ Difiża Komuni (PESK/PESD); Kull attività ta’ l-istampa u ta’ informazzjoni pubblika għandha titwettaq f'koordinazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-kelliem tas-SĠ/RGħ/Uffiċċju ta’ l-Istampa tas-Segretarjat tal-Kunsill;

(e)

sa l-iskadenza ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK tal-15 ta’ Settembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ grupp ta’ l-UE sabiex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet għat-twaqqif ta’ missjoni ċivili internazzjonali, eventwalment possibbli, fil-Kosovo, inkluż komponent ta’ Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (MĊI/RSUE Grupp ta’ Preparazzjoni), jagħti gwida politika udirezzjoni operattiva lill-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni stabbilit biha, bi preparazzjoni għall-kontribut ta’ l-UE lil Uffiċċju Ċivili Internazzjonali;

(f)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, inkluż fir-rigward tan-nisa u t-tfal, skond il-politika ta’ drittijiet tal-bniedem ta’ l-UE u l-Linji Gwida ta’ l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   L-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-Segretarju Ġenerali / Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ).

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u d-direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat.

3.   Sa l-iskadenza ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK, ir-RSUE ser ikun appoġġat mill-Grupp ta’ Preparazzjoni stabbilit biha.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta sat-28 ta’ Frar 2009 għandu jkun ta’ EUR 380 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun eliġibbli mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta. L-infiq għandu jiġi amministrat skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu permessi jitfgħu offerti għal kuntratti.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntrattat bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta’ l-infiq kollu lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tal-grupp

1.   Persunal ta’ l-UE ddedikat għandu jkun assenjat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività ta’ l-azzjoni globali ta’ l-UE fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jkunu disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu b'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-grupp għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jinforma lis-SĠ/RGħ, lill-Presidenza u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jkun issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kkonċernata rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ta’ l-UE.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità ta’ l-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-missjoni tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (2), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata ta’ l-UE.

2.   Is-SĠ/RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-azzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.

3.   Is-SĠ/RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa lin-NU u lill-OSKE, skond il-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” li huma ġġenerati għall-finijiet ta’ l-azzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.

4.   Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jippubblika għal partijiet terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta ta’ UE dokumneti mhux klassifikati li għandhom x'jaqsmu mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-operat kopert ma’ l-obbligu tas-segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Skond il-politika ta’ l-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġewwa fiha, kif ukoll l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b'assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtaġġ

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-kitba. Ir-RSUE għandu jirrapporta ukoll kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali ta’ l-UE. Huwa ser jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha ta’ l-UE fil-post jaġixxu b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi politiċi ta’ l-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Presidenza u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif xieraq. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet ta’ l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kummissjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni ta’ l-Istati Membri li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili ser jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   L-EUSR għandu wkoll iżomm kollegament ma’ aġenziji lokali rilevanti u atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

4.   Ir-RSUE, flimkien ma’ atturi ta’ l-UE oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-atturi ta’ l-UE fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta’ kuxjenza komuni dwar is-sitwazzjoni u ta’ valutazzjoni komuni.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewroepa lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2008 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2008. Dawn ir-rapporti għandhom iservu ta’ bażi għall-valutazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 4 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 253, 16.9.2006, p. 29. Azzjoni Konġunta kif emendata u estiża l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2007/744/PESK (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 27).

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).

(3)  Id-Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom tal-15 ta’ Settembru 2006 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/881/KE, Euratom (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 17).


Top