Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0969

    2008/969/KE,Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi

    ĠU L 344, 20.12.2008, p. 125–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/12/2014; Imħassar b' 32014D0792

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/969/oj

    20.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 344/125


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Diċembru 2008

    dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi

    (2008/969/KE, Euratom)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Filwaqt li tikkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewwropea,

    Filwaqt li tikkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    Filwaqt li tikkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1),

    Filwaqt li tikkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u ta’ kwalunkwe fondi oħra amministrati mill-Komunitajiet b’rispett kif inhu xieraq lejn il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, hija obbligata li tiġġieled kontra l-frodi u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

    (2)

    Id-Deċiżjoni attwali tal-Kummissjoni dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) għandha tiġi ssostitwita b’din id-deċiżjoni wara li jiġu implimentati l-emendi għall-Artikoli 93 sa 96 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-Regolament Finanzjarju) u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru, filwaqt li jiġu osservati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (3).

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill 17 ta’ Diċembru 2008 (KE, Euratom) 1302/2008 dwar id-database ċentrali ta’ esklużjoni (4) jistabbilixxi database li fiha d-dettalji rilevanti ta’ partijiet terzi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni fejn għandhom x’jaqsmu proċeduri ta’ għotjiet u ta’ kuntratti pubbliċi u jagħti aċċess għal din id-database lill-istituzzjonijiet, inklużi lil dawk elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Finanzjarju, lill-aġenziji eżekuttivi, lill-entitajiet Komunitarji koperti bl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju u kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet oħra li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-baġit.

    (4)

    L-għan tal-EWS huwa li, fl-ambitu tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni ristretta dwar partijiet terzi li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet.

    (5)

    Minħabba li l-aġenziji eżekuttivi jgawdu status ta’ uffiċjali awtorizzanti b’delegazzjoni tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet operattivi, għandu jkollhom aċċess għall-EWS bl-istess mod li għandhom is-servizzi tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi u operattivi.

    (6)

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) għandu jkollu aċċess għall-EWS biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma regolatorja ta’ investigazzjoni tiegħu u l-attivitajiet tiegħu ta’ intelliġenza u Protezzjoni mill-frodi esegwiti f’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) (5) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) (6).

    (7)

    L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jiggarantixxi l-amministrazzjoni tal-EWS. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u s-Servizz ta’ Verifika Interna (IAS) għandhom ikunu responsabbli biex jitolbu d-dħul, il-modifika jew it-tneħħija tat-twissijiet. Sabiex jinżamm livell xieraq ta’ kontroll, dawn it-talbiet għandhom isiru fuq livell ġerarkiku xieraq.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (7) jistipula li l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni jrid jirrispetta r-rekwiżiti leġittimi tal-ipproċessar u r-rekwiżiti marbuta mat-trasferiment tad-dejta stabbiliti fih, u li dan l-ipproċessar huwa soġġett għal iċċekkjar minn qabel mill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta li jsegwi wara notifika mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-Kummissjoni.

    (9)

    Id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta għandhom jistipulaw x’inhuma d-drittijiet tal-persuni li d-dejta tagħhom hi jew tista’ tkun imdaħħla fl-EWS f’konformità mal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta. Fir-rigward tad-dejta mdaħħla fl-EWS, id-dritt għall-informazzjoni għandu jiddifferenzja bejn il-partijiet terzi li huma persuni fiżiċi li jibbenefikaw minn drittijiet ta’ protezzjoni tad-dejta aktar estensivi u d-drittijiet ta’ dawk it-terzi li huma persuni legali.

    (10)

    Ċerti drittijiet ta’ protezzjoni tad-dejta huma soġġetti għal eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, li għandhom jitqiesu każ b’każ u li għandhom jiġu applikati fuq bażi temporanja. L-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet għandha tappartjeni biss għas-servizz li jkun responsabbli biex jagħmel talbiet għad-dħul, il-modifikazzjoni, inkluż ir-rettifika, jew it-tneħħija tad-dejta rilevanti.

    (11)

    Minħabba li l-esklużjonijiet skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju jikkonċernaw proċeduri ta’ għotjiet/kuntratti pubbliċi, dawn it-twissijiet mgħandhomx jaqgħu taħt il-livell W5 iżda taħt kategorija ġdida, jiġifieri l-kategorija W1d, minħabba li t-twissijiet W5 għandhom, b’mod esklussiv, jindikaw sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni li jikkonċernaw il-proċeduri kollha tal-għotjiet/kuntratti pubbliċi.

    (12)

    Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-Uffiċjal Awtorizzanti b’Delega (AOD) responsabbli għandu, wara li tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju, jitlob għal reġistrazzjoni provviżorja ta’ twissija ta’ esklużjoni jekk il-komportament ta’ parti terza jikkostitwixxi wkoll imġiba ħażina professjonali gravi fl-ambitu tat-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju biex jiġi żgurat li l-kuntratti jew l-għotjiet ma jingħatawx lill-parti terza matul il-proċedura ta’ penali li tkun tinsab għaddejja.

    (13)

    Il-Kummissjoni trid tikkonforma mad-diversi regolamenti tal-Kunsill li jimplimentaw Pożizzjonijiet Komuni adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà - CFSP), li skonthom huwa pprojbit li fondi u riżorsi ekonomiċi jkunu disponibbli, direttament jew indirettament, għal, jew għall-benefiċċju ta’ persuni, gruppi jew entitajiet fiżiċi jew legali nnominati,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    TAQSIMA 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi s-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija tal-Kummissjoni (minn hawn ‘il quddiem: “l-EWS”) fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu applikati d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “partijiet terzi” tfisser kandidati, dawk li jagħmlu l-offerti, kuntratturi, fornituri, fornituri ta’ servizzi u s-subkuntratturi rispettivi tagħhom kif ukoll applikanti għal għotjiet, benefiċjarji ta’ għotjiet, kuntratturi ta’ benefiċjarji ta’ għotjiet u entitajiet li jirċievu sostenn finanzjarju mingħand benefiċjarju ta’ għotja Komunitarja skont l-Artikolu 120 tar-Regolament Finanzjarju.

    “AOD responsabbli” tfisser uffiċjal awtorizzanti b’delega mill-Kummissjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju responsabbli skont ir-regoli interni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem “il-baġit”), inklużi diretturi tal-aġenziji eżekuttivi, u l-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju li jaqdi l-funzjoni ta’ direttur.

    Artikolu 3

    Twissijiet tal-EWS

    1.   It-twissijiet tal-EWS għandhom jinkludu d-dejta li ġejja:

    (a)

    informazzjoni li tidentifika lil partijiet terzi li huma ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet minħabba li kienu kkommettew jew huma ssuspettati li kkommettew frodi jew żbalji amministrattivi serji, jew li huma soġġetti għal ordnijiet ta’ sekwestru jew għal ordnijiet ta’ rkupru sinjifikanti, jew li huma esklużi skont ir-Regolament Finanzjarju jew ir-restrizzjonijiet finanzjarji relatati mal-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà (CFSP);

    (b)

    informazzjoni dwar persuni li jgawdu poteri ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq entitajiet legali li huma partijiet terzi, meta dawk il-persuni jkunu ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet għar-raġunijiet elenkati taħt (a);

    (c)

    it-tip ta’ twissija u r-raġunijiet li għalihom il-partijiet terzi msemmija fil-punt (a) jew il-persuni msemmija fil-punt (b) joffru din it-theddida u, jekk ikun xieraq, it-tul ta’ żmien tagħha u l-persuna ta’ kuntatt għal dik it-twissija.

    2.   Bla ħsara għall-Artikoli 1(2) u 1(3) tar-Regolament (KE, Euratom) 1302/2008, id-dejta li tinsab fl-EWS tista’ tintuża biss għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit jew ta’ kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet, inklużi l-proċeduri ta’ għotjiet u kuntratti pubbliċi u kif ukoll ħlasijiet lil partijiet terzi.

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista’ juża d-data għall-investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 kif ukoll għall-attivitajiet tiegħu ta’ intelliġenza u ta’ prevenzjoni tal-frodi, inkluż l-analiżi tar-riskji.

    Artikoli 4

    Amministrazzjoni tal-EWS

    1.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jew il-persunal ta’ taħtu li lilhom jiddelega ċerta ħidma f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament Finanzjarju (minn hawn ‘il quddiem “l-uffiċjal tal-kontabilità”) għandu jiggarantixxi l-amministrazzjoni tal-EWS u jorganizza l-arranġamenti tekniċi xierqa.

    L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jdaħħal, jimmodifika jew ineħħi t-twissijiet tal-EWS skont it-talbiet mill-AOD responsabbli, l-OLAF u s-Servizz ta’ Verifika Interna (IAS).

    2.   L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jodotta miżuri implimentattivi li jikkonċernaw l-aspetti tekniċi u jiddefinixxi proċeduri ta’ sostenn assoċjati, inkluż fil-qasam tas-sigurtà.

    Huwa għandu javża lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-aġenziji eżekuttivi dwar dawn il-miżuri.

    Artikolu 5

    Talbiet għal reġistrazzjoni, modifikazzjoni jew tneħħija tat-twissijiet

    1.   It-talbiet kollha għar-reġistrazzjoni, il-modifikazzjoni jew it-tneħħija tat-twissijiet għandhom jiġi indirizzati lill-uffiċjal tal-kontabilità.

    Huma biss l-AOD responsabbli, id-direttur ġenerali jew direttur tal-OLAF jew l-IAS li jistgħu jissottomettu dawn it-talbiet. Għal dan il-għan, huma għandhom jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness.

    2.   Is-servizz li jkun stabbilixxa li parti terza tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 9 għandu jissottometti talba għal twissija tal-EWS lill-uffiċjal tal-kontabilità, b’kopja lill-uffiċjal tal-EWS imsemmi fl-Artikolu 7, anki jekk il-parti terza hija diġà soġġetta għal twissija tal-EWS.

    3.   Skont il-proċedura deskritta fil-paragrafu 2, is-servizz li jkun talab għal twissija tal-EWS għandu javża lill-uffiċjal tal-kontabilità, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness, dwar:

    (a)

    kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni inkluża fit-twissija tal-EWS ikkonċernata;

    (b)

    it-tneħħija ta’ din it-twissija tal-EWS hekk kif ma tibqax tapplika aktar ir-raġuni għat-twissija.

    Madankollu, tagħrif dwar bidla tal-persuna ta’ kuntatt fejn għandha x’taqsam it-twissija, jista’ jintbagħat permezz ta’ nota rreġistrata.

    4.   Is-servizz li jkun talab għal reġistrazzjoni ta’ twissija tal-EWS huwa wkoll responsabbli għat-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit bħala konsegwenza ta’ din it-twissija skont l-Artikoli 15 sa 22.

    5.   L-attivazzjoni ta’ twissija għal persuna li tgawdi l-poteri ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq persuna legali stabbilita titlob li ssir talba addizzjonali, distinta minn dik immirata lejn il-persuna legali kkonċernata.

    Artikolu 6

    Aċċess għall-EWS u l-użu tagħha

    1.   Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi għandu jkollhom aċċess dirett għad-data fl-EWS permezz tas-sistema ta’ kontabilità pprovduta mill-Kummissjoni (ABAC).

    Is-servizz tal-Kummissjoni jew l-aġenzija eżekuttiva responsabbli għal sistema lokali jistgħu jużaw din is-sistema biex jiksbu aċċess għad-dejta fl-EWS, diment li tiġi garantita konsistenza fid-data bejn is-sistema lokali u s-sistema ta’ kontabilità tal-ABAC.

    2.   L-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jivverifikaw jekk hemmx twissija fl-EWS li tikkonċerna partijiet terzi fl-istadji li ġejjin:

    (a)

    f’każ ta’ impenji baġitarji individwali, qabel id-dħul għal dan it-tip ta’ impenn;

    (b)

    f’każ ta’ impenji baġitarji globali, qabel l-irreġistrar ta’ kwalunkwe impenn legali individwali għall-impenn globali;

    (c)

    f’każ ta’ impenji baġitarji provviżorji, qabel il-konklużjoni ta’ impenn legali li joħloq intitolament għal ħlasijiet sussegwenti.

    Meta l-impenji msemmija fil-punt (ċ) jkopru l-ħlas tal-persunal u r-rimborż tal-ispejjeż għall-ivvjaġġar marbut ma’ parteċipazzjoni f’laqgħat u kompetizzjonijiet, l-obbligu għal verifikazzjoni minn qabel tar-reġistrazzjonijiet tal-EWS m’għandux japplika.

    Fil-każ ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ għotjiet, l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jivverifikaw jekk ikunx hemm twissija fl-EWS mhux aktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni tal-għotja.

    Madankollu, meta l-awtorità li tkun qed tagħmel l-għotja tillimita l-għadd ta’ kandidati mistiedna biex jissottomettu offerta jew jinnegozjaw fl-ambitu ta’ proċedura ristretta, djalogu kompetittiv jew proċedura nnegozjata wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt, dawn il-verifikazzjonijiet għandhom jitwettqu qabel titlesta l-proċedura tal-għażla tal-kandidati.

    Fir-rigward tas-subkuntratturi sottomessi għal approvazzjoni minn qabel, l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu jistgħu, fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskji tagħhom, jiddeċiedu li ma jivverifikawx jekk hemmx twissija fl-EWS.

    3.   L-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom, skont il-paragrafu 2, jivverifikaw jekk hemmx twissija fl-EWS li tikkonċerna persuna li tgawdi l-poteri ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq il-parti terza kkonċernata, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    meta l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu jkun jidhrilhom li din il-verifikazzjoni hija meħtieġa fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskji tagħhom;

    (b)

    meta d-dokumenti mitluba mill-AOD responsabbli jew l-istaff tiegħu bħala xhieda li l-parti terza kkonċernata ma tkunx f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju, ikunu relatati ma’ dawn il-persuni.

    4.   Il-persuna ta’ kuntatt speċifika fir-rigward tat-twissija msemmija fil-punt (ċ) tal-Artikolu 3(1) għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-AOD responsabbli jew tal-persunal tiegħu l-informazzjoni kollha rilevanti meta din tintalab. Fir-rigward ta’ twissijiet ta’ esklużjoni, japplika l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE, Euratom) 1302/2008.

    5.   Il-paragrafi 2 sa 4 għandhom japplikaw ukoll għall-kontijiet imprest għal infiq li jaqbeż it-EUR 300. F’dan il-każ, l-amministratur tal-imprest għandu jivverifika jekk ikunx hemm twissija fl-EWS, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun ingħatatlu, qabel ma jiġi konkluż kwalunkwe impenn legali ma’ parti terza.

    Artikolu 7

    Uffiċjali tal-EWS

    1.   Id-direttur ġenerali tal-OLAF jew tal-IAS u kull wieħed mill-uffiċjali awtorizzanti b’delega għandhom jinnominaw mill-inqas uffiċjal wieħed jew membru tal-istaff temporanju taħt is-superviżjoni tiegħu bħala uffiċjal tal-EWS.

    Dawn għandhom javżaw lill-uffiċjal tal-kontabilità dwar il-lista tal-persuni nnominati u dwar kwalunkwe bidla li tista’ ssirilha.

    2.   L-uffiċjal tal-EWS jista’ jikkonsulta l-lista tal-partijiet terzi kollha, jew ta’ persuni li jgawdu minn poteri ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq partijiet terzi, li għaliha tiġi rreġistrata twissija tal-EWS. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-EWS, l-uffiċjal għandu jiggarantixxi konnessjoni bejn is-servizz u l-uffiċjal tal-kontabilità. Huwa għandu wkoll jipprovdi għajnuna lis-servizz għat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar it-twissijiet tal-EWS mitluba mis-servizz u fir-rigward tal-azzjonijiet li jkunu jridu jittieħdu bħala konsegwenzi ta’ dawn it-twissijiet.

    3.   L-uffiċjal ta’ kontabilità għandu jippubblika b’mod regolari lista aġġornata tal-uffiċjali kollha tal-EWS fil-websajt interna tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit.

    Artikolu 8

    Il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta

    1.   Fis-sejħiet għall-offerti u s-sejħiet għal proposti u, fl-assenza ta’ sejħiet, qabel l-għoti ta’ kuntratti jew għotjiet, l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jinfurmaw lill-partijiet terzi dwar id-data li tikkonċernahom li tista’ tiġi inkluża fl-EWS u dwar l-entitajiet li lilhom tista’ tiġi kkomunikata d-dejt. Meta l-partijiet terzi jkunu entitajiet legali, l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jgħarrfu wkoll lill-persuni li jgawdu minn poteri ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fl-ambitu ta’ dawn l-entitajiet.

    2.   Is-servizz li jkun issottometta talba għar-reġistrazzjoni ta’ twissija tal-EWS għandu jkun responsabbli għar-relazzjonijiet mal-persuna fiżika jew legali li d-data tagħha tkun iddaħħlet fl-EWS (minn hawn ‘il quddiem “is-suġġett tad-data kkonċernat”):

    (a)

    għandu jgħarraf lis-suġġett tad-data kkonċernat dwar it-talba għall-attivazzjoni, l-aġġornar u t-tneħħija ta’ kwalunkwe twissija ta’ esklużjoni W5a li tkun tikkonċernah direttament u għandu jiddikjara r-raġunijiet għal dan;

    (b)

    għandu jwieġeb għal talbiet magħmula minn suġġetti tad-data kkonċernati biex jippreċiża dejta li ma tkunx korretta jew li ma tkunx kompluta u għal kwalunkwe talba jew mistoqsija oħra mingħand dawn is-suġġetti.

    Madankollu, is-servizz li jkun talab ir-reġistrazzjoni tat-twissija jista’ jiddeċiedi li jiġu applikati r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    3.   Bla ħsara għar-rekwiżiti tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 2, persuna fiżika identifikata kif inhu xieraq tista’ titlob mingħand l-uffiċjal tal-kontabilità informazzjoni dwar jekk hijiex irreġistrata fl-EWS.

    Skont id-deċiżjoni tas-servizz li jkun talab ir-reġistrazzjoni tat-twissija tal-EWS dwar jekk għandhomx jiġu applikati r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jinforma lill-persuna bil-miktub jew permezz ta’ mezzi elettroniċi dwar jekk hijiex irreġistrata fl-EWS.

    Jekk il-persuna tkun irreġistrata, l-uffiċjal ta’ kontabilità għandu jehmeż id-dejta maħżuna fl-EWS li tkun tikkonċerna lil dik il-persuna. Huwa għandu jgħarraf b’dan lis-servizz li jkun talab għar-reġistrazzjoni dwar it-twissija kkonċernata.

    4.   It-twissijiet imneħħija għandhom ikunu aċċessibbli għall-finijiet ta’ verifika u investigazzjoni biss u mgħandhomx ikunu viżibbli għall-utenti tal-EWS.

    Madankollu, id-dejta personali li jkun fihom it-twissijiet li jirreferu għal persuni fiżiċi għandha tibqa’ aċċessibbli għal dawn il-finijiet biss għal tul ta’ ħames snin wara li tkun tneħħiet it-twissija.

    TAQSIMA 2

    INFORMAZZJONI MDAĦĦLA FL-EWS

    Artikolu 9

    Kategoriji ta’ twissijiet

    Fuq il-bażi tan-natura tal-gravità tal-fatti miġjuba għall-għarfien tas-servizz li jitlob ir-reġistrazzjoni, it-twissijiet tal-EWS għandhom jinqasmu f’dawn il-ħames kategoriji li ġejjin:

    (1)

    W1, meta l-informazzjoni toffri raġuni biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif ta’ frodi jew żbalji amministrattivi serji tkun kbira jew meta jkollhom jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni wara li tkun twettqet esklużjoni ta’ parti terza skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju;

    (2)

    W2, meta parti terza tkun suġġett għal kxif ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi;

    (3)

    W3, meta parti terza tkun soġġetta jew għal proċeduri legali pendenti li jesiġu n-notifika ta’ ordni ta’ sekwestru, jew inkella għal proċedimenti ġudizzjarji marbuta ma’ żbalji amministrattivi serji jew frodi;

    (4)

    W4, meta partijiet terzi jkunu soġġetti għal ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mill-Kummissjoni li jaqbżu ċertu ammont u li l-iskadenza tal-ħlasijiet tagħhom tkun ilha ħafna li għalqet;

    (5)

    W5, meta parti terza tkun eskluża f’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew ir-regolamenti tal-Kunsill li jimponu restrizzjonijiet finanzjarji marbuta mas-CFSP.

    Artikolu 10

    Twissijiet tal-kategorija W1

    1.   L-OLAF għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1a meta l-investigazzjonijiet tiegħu fi stadju bikri jwasslu għal raġuni biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi tkun kbira, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji. L-OLAF għandu jgħarraf lill-uffiċjal tal-EWS fis-servizz ikkonċernat dwar dawn it-talbiet.

    2.   L-OLAF u l-IAS għandhom iressqu talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1b meta l-investigazzjonijiet tagħhom iwasslu għal raġuni li tkun biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif finali ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi tkun kbira, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji. L-OLAF u l-IAS għandhom jinfurmaw lill-uffiċjal tal-EWS fis-servizz ikkonċernat dwar dawn it-talbiet.

    3.   L-AOD responsabbli għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1c meta l-investigazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kapaċità ta’ Verifika Interna tiegħu (IAC) jew ta’ kwalunkwe verifika jew investigazzjoni oħra mwettqa taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew miġjuba għall-attenzjoni tiegħu iwasslu għal raġuni li tkun biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif finali ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi tkun kbira, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    4.   L-AOD responsabbli għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1d meta jeskludi kandidat, persuna li tressaq offerta jew applikant mill-għoti ta’ kuntratt jew għotja skont proċedura speċifika f’konformità mal-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 94 tar-Regolament Finanzjarju.

    Għall-finijiet tal-EWS, it-twissijiet ta’ esklużjoni rreġistrati skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni 1302/2008 għandhom jitqiesu bħala twissijiet fil-kategorija W1d.

    5.   Twissija W1 għandha tibqa’ attiva għal massimu ta’ sitt xhur, imbagħad għandha titneħħa awtomatikament. Jekk ikun hemm bżonn li t-twissija tal-EWS tibqa’ u ma tkunx tista’ tiġi ssostitwita b’tip ieħor ta’ twissija sa tmiem dan il-perjodu, imbagħad għandha titressaq talba ġdida.

    Artikolu 11

    Twissijiet fil-kategorija W2

    1.   L-OLAF u l-IAS għandhom iressqu talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W2a meta l-investigazzjonijiet tagħhom iwasslu għal kxif ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi li tkun tinvolvi partijiet terzi, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji.

    2.   L-AOD responsabbli għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W2b meta l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-IAC tiegħu jew kwalunkwe verifika jew investigazzjoni oħra mwettqa taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew miġjuba għall-attenzjoni tiegħu ikun ħareġ sejbiet bil-miktub ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    3.   Twissija W2 għandha tibqa’ attiva għal massimu ta’ sitt xhur, imbagħad għandha titneħħa awtomatikament. Jekk ikun hemm bżonn li t-twissija tal-EWS tibqa’ u ma tkunx tista’ tiġi ssostitwita b’tip ieħor ta’ twissija sa tmiem dan il-perjodu, imbagħad għandha titressaq talba ġdida.

    Artikolu 12

    Twissijiet fil-kategorija W3

    1.   L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jdaħħal twissija W3a meta jirċievi notifika mingħand is-Segretarjat Ġenerali dwar ordni ta’ sekwestru li għandha x’taqsam ma’ parti terza.

    2.   L-AOD responsabbli għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W3b meta jkun magħruf li partijiet terzi, speċjalment dawk li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ fondi Komunitarji taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ikunu soġġetti għal proċeduri ġudizzjarji għal żbalji amministrattivi serji jew għal frodi.

    Madankollu, meta investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF iwasslu għal dawn il-proċeduri ġudizzjarji jew meta l-OLAF joffri għajnuna jew isegwi dawn il-proċeduri, l-OLAF għandu jressaq talba għall-attivazzjoni tat-twissija W3b korrispondenti.

    3.   Twissija W3 għandha tibqa’ attiva sakemm tinqata’ sentenza li jkollha l-forza ta’ res judicata jew sakemm il-kawża tiġi riżolta mod ieħor.

    Artikolu 13

    Twissijiet fil-kategorija W4

    1.   L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jdaħħal twissija W4 fir-rigward ta’ partijiet terzi li huma soġġetti għal ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mill-Kummissjoni li jaqbżu ċertu ammont u li l-ħlasijiet marbutin magħhom ikunu waqgħu lura sew fiż-żmien.

    2.   L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jistabbilixxi linji gwida interni fir-rigward tal-limiti li għandhom jiddeterminaw l-ammonti rilevanti u dwar sa meta għandha ssir ir-reġistrazzjoni taħt it-twissijiet W4.

    3.   Kwalunkwe twissija W4 għandha tibqa’ attiva sa ma jitħallas id-dejn. L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jneħħi t-twissija meta d-dejn kollu jkun mifdi.

    Artikolu 14

    Twissijiet fil-kategorija W5

    1.   It-twissijiet ta’ esklużjoni rreġistrati skont il-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1302/2008 għandhom jitqiesu bħala twissijiet W5a għall-finijiet tal-EWS.

    2.   Twissija W5b għandha tiġi rreġistrata fuq talba tas-servizz tal-Kummissjoni responsabbli għal-leġiżlazzjoni kkonċernata fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew legali, gruppi jew entitajiet elenkati skont regolament tal-Kunsill li jimponi restrizzjonijiet finanzjarji marbutin mas-CFSP sakemm tibqa’ valida d-denominazzjoni tal-persuna, tal-grupp jew tal-entità kkonċernata. It-twissija għandha ssemmi r-referenzi tar-regolament li jimponi r-restrizzjonijiet jew tal-att implimentattiv rilevanti.

    3.   Ir-reġistrazzjonijiet ta’ twissijiet ta’ esklużjoni huma soġġetti għar-regoli li ġejjin:

    (a)

    Kull meta l-AOD responsabbli jaħseb biex jeskludi parti terza bl-applikazzjoni tal-punti (a), (b), (ċ), (d) u (e) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju, huwa għandu jagħti lill-parti terza kkonċernata l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha bil-miktub. Il-parti terza għandha tingħata mill-inqas 14-il jum kalendarju biex tagħmel dan. Qabel l-esklużjoni tal-parti terza bl-applikazzjoni tal-punt (ċ) tal-Artikolu 93(1), l-AOD responsabbli għandu jikkonsulta lis-Servizz Legali u lid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit.

    Waqt li deċiżjoni possibbli mill-Kummissjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-esklużjoni tkun għadha pendenti, l-AOD responsabbli għandu, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE, Euratom) 1302/2008, iressaq talba għar-reġistrazzjoni provviżorja ta’ twissija ta’ esklużjoni u jirreferi l-każ lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli. Sabiex iħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-AOD responsabbli jista’ jressaq talba għal reġistrazzjoni provviżorja ta’ twissija ta’ esklużjoni fil-kategorija W5a anke qabel ma l-parti terza kkonċernata tingħata l-opportunità biex tesprimi l-fehmiet tagħha. Inkella, huwa jista’ jitlob għal reġistrazzjoni ta’ twissija W2.

    (b)

    Kull meta l-AOD responsabbli jipprevedi t-tnedija tal-proċedura f’konformità mal-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju, huwa għandu jagħti lill-parti terza kkonċernata l-opportunità biex tesprimi l-fehmiet tagħha bil-miktub. Il-parti terza għandha tingħata mill-inqas 14-il jum kalendarju biex tagħmel dan.

    Wara li jkun ikkonsulta mas-Servizz Legali u mad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u waqt li deċiżjoni possibbli mill-Kummissjoni dwar il-penali amministrattiv tkun għadha pendenti, l-AOD responsabbli għandu jressaq talba, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE, Euratom) 1302/2008, għal reġistrazzjoni provviżorja ta’ twissija ta’ esklużjoni fil-kategorija W5a jekk il-komportament ta’ parti terza jikkostitwixxi wkoll imġiba ħażina professjonali gravi fl-ambitu tat-tifsira tal-punt (ċ) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju.

    (c)

    Kwalunkwe talba għal reġistrazzjoni definittiva ta’ twissija W5a skont il-punti (b), (ċ), (e) jew (f) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju għandha tispeċifika t-tul ta’ żmien tal-esklużjoni deċiż mill-Kummissjoni.

    TAQSIMA 3

    KONSEGWENZI TAT-TWISSIJIET EWS FIR-RIGWARD TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT

    Artikolu 15

    Effett tat-twissijiet EWS fuq tranżazzjonijiet baġitarji

    1.   L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jissospendi kwalunkwe ħlas lil benefiċjarju li kontrih tiġi rreġistrata twissija W2, W3, W4 jew W5. Huwa għandu javża lill-AOD responsabbli u jitolbu jistqarr ir-raġunijiet li għalihom għandu jsir il-ħlas minkejja l-eżistenza tat-twissijiet EWS fil-kategoriji W2, W3b u W5a.

    2.   Ħlief għal twissijiet W5b u twissijiet W3a li jkunu saru wara ordnijiet ta’ sekwestru infurzabbli, il-ħlasijiet ipprovati li kienu attwalment dovuti wara l-verifiki magħmula mill-AOD responsabbli meta ssospenda l-iskadenza għall-ħlasijiet skont l-Artikolu 106(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 jew skont it-termini tal-kuntratt jew għotja kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 18(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 22(1), għandhom jiġu rilaxxati mingħajr dewmien.

    Madankollu, l-uffiċjal tal-kontabilità jista’ biss jirrilaxxa l-ħlas sospiż wara li jirċievi konferma rraġunata mill-AOD responsabbli li l-ħlas dovut għandu jiġi rrilaxxat. Fl-assenza ta’ din il-konferma, il-ħlas għandu jibqa’ sospiż u, jekk ikun xieraq, l-ordni tal-pagament għandha tintbagħat lura lill-AOD responsabbli.

    Meta ħlas ikun rilaxxat permezz ta’ tpaċija f’konformità mal-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 wara twissija W4 jew meta ħlas ikun sar b’segwitu ta’ ordni ta’ sekwestru eżekuttiv, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jifformula nota rreġistrata kif inhu dovut.

    3.   L-ebda impenn baġitarju individwali, l-ebda reġistrazzjoni ta’ impenn legali individwali fil-kontijiet baġitarji bbażati fuq impenn globali u l-ebda konklużjoni ta’ impenn legali bbażata fuq impenn provviżorju ma jistgħu jsiru fir-rigward tal-parti terza soġġetta għal twissija W5.

    Artikolu 16

    Konsegwenza ta’ twissija W1

    Twissija W1 għandha tiġi rreġistrata għall-fini ta’ informazzjoni biss u tista’ ma timplika l-ebda konsegwenza għajr għal tisħiħ fil-miżuri ta’ sorveljanza.

    Artikolu 17

    Konsegwenzi ta’ twissijiet fil-kategoriji W2, W3b jew W4 fir-rigward ta’ proċeduri relatati ma’ kuntratti u għotjiet

    1.   Meta twissija fil-kategoriji W2, W3b jew W4 tkun irreġistrata fiż-żmien meta l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu jikkonsultaw l-EWS skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(2), dawn għandhom jgħarrfu, jekk l-istadju tal-proċedura jkun jippermetti, lill-kumitat ta’ evalwazzjoni għar-rilaxx tal-kuntratt jew l-għotja kkonċernati dwar l-eżistenza ta’ din it-twissija safejn l-eżistenza ta’ din it-twissija tikkostitwixxi element ġdid li jrid jiġi eżaminat f’rabta mal-kriterji tal-għażla għal dak il-kuntratt jew għotja. L-AOD responsabbli għandu jikkunsidra din l-informazzjoni, b’mod partikolari jekk il-parti terza rreġistrata fl-EWS tkun f’ras il-lista tal-kumitat għall-evalwazzjoni.

    2.   Jekk il-parti terza li kontriha ġiet irreġistrata twissija W2, W3b jew W4 tkun tinsab f’ras il-lista tal-kumitat għall-evalwazzjoni, wara li l-AOD responsabbli jkun ikkunsidra sewwa l-obbligu li jitħarsu l-interessi finanzjarji u l-immaġini tal-Komunità, in-natura u l-gravità tal-ġustifikazzjoni għat-twissija, l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-kuntratt jew l-għotja u, fejn ikun applikabbli, l-urġenza li biha dawn kellhom jiġu implimentati, għandu jieħu waħda minn dawn il-deċiżjonijiet:

    (a)

    li l-kuntratt jew l-għotja jingħataw lill-parti terza minkejja r-reġistrazzjoni fl-EWS, u li jiżgura li jittieħdu miżuri rrinfurzati ta’ monitoraġġ;

    (b)

    li, meta l-eżistenza ta’ twissija bħal din tixħet dubju b’mod oġġettiv fuq il-valutazzjoni inizjali tal-konformità mal-kriterji għall-għażla u l-għoti, il-kuntratt jew l-għotja jingħataw lil min jagħmel l-offerta jew lil applikant ieħor fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ta’ konformità mal-kriterji għall-għażla u l-għoti, li tkun differenti minn dik tal-kumitat għall-evalwazzjoni, filwaqt li jkun jista’ jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu b’mod xieraq;

    (c)

    li jġib il-proċedura fi tmiemha mingħajr ma jagħti ebda kuntratt u li jkun jista’ jiġġustifika dan fl-informazzjoni li tingħata lil min jagħmel l-offerta.

    Meta l-AOD responsabbli jiddeċiedi li jġib proċedura fi tmiemha skont il-punt (ċ), tista’ tintuża proċedura ristretta bl-iskadenzi stabbiliti għall-każijiet urġenti skont l-Artikolu 142 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 sabiex il-kuntratt jingħata permezz ta’ proċedura ġdida.

    Artikolu 18

    Konsegwenzi ta’ twissijiet fil-kategoriji W2, W3b jew W4 fir-rigward ta’ kuntratti jew għotjiet eżistenti

    1.   Meta twissija W2, W3b jew W4 tkun ġiet irreġistrata għal raġunijiet relatati mal-eżekuzzjoni jew l-għoti ta’ kuntratt jew għotja li jkunu fis-seħħ jew għall-proċedura ta’ għotja rilevanti, l-AOD responsabbli jista’, wara li jqis sewwa r-riskji involuti, in-natura tat-twissija u l-ġustifikazzjoni għaliha, il-konsegwenzi li din it-twissija x’aktarx li jkollha fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew l-għotja, speċjalment fir-rigward tal-ammont, it-tul ta’ żmien u, fejn applikabbli, l-urġenza ta’ din tal-aħħar, iwettaq waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    li jiddeċiedi li jħalli lill-kuntrattur jew lill-benefiċjarju jipproċedu bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew l-għotja, taħt miżuri rrinfurzati preskritti ta’ monitoraġġ;

    (b)

    li jissospendi l-iskadenza għall-ħlasijiet skont l-Artikolu 106(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 għall-fini ta’ verifikazzjoni ulterjuri biex jiġi aċċertat li, qabel ma jsir kwalunkwe ħlas ieħor, in-nefqa tkun eliġibbli, u sussegwentement jesegwixxi l-ħlasijiet attwalment dovuti;

    (c)

    li jissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew l-għotja skont l-Artikoli 103 u 119 tar-Regolament Finanzjarju;

    (d)

    li jittermina l-kuntratt jew l-għotja meta tkun teżisti dispożizzjoni għal dan l-effett.

    2.   Meta twissija W2, W3b jew W4 ma tkunx ġiet irreġistrata għal raġunijiet relatati mal-kuntratt jew l-għotja li jkunu jinsabu għaddejjin jew mal-proċedura ta’ għotja rilevanti, l-AOD responsabbli jista’, skont it-tip ta’ twissija u l-konsegwenzi li x’aktarx ikun se jkollha fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew għotja li jkunu jinsabu fis-seħħ, u wara li jkun qies kif xieraq ir-riskji involuti, inkluż ir-riskju marbut mal-litigazzjoni ġudizzjarja, jieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    li japplika waħda jew aktar mill-għażliet imsemmija fil-paragrafu 1, a) u b);

    (b)

    li jittermina l-kuntratt jew l-għotja jekk tkun teżisti dispożizzjoni li tippermetti terminazzjoni fil-każ ta’ elementi ġodda, fejn dawk l-elementi jkunu jiġġustifikaw telf ta’ fiduċja sostanzjali min-naħa tal-Kummissjoni u theddida għar-reputazzjoni tal-Komunitajiet.

    Artikolu 19

    Konsegwenzi ta’ twissija W3a

    1.   Meta parti terza tkun soġġetta għal twissija W3a li tikkorrispondi għal ordni ta’ sekwestru infurzabbli, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jibqa’ għaddej bis-sospensjoni tal-ħlasijiet kollha sakemm tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja finali dwar il-pretenzjoni tal-kreditur prinċipali, jekk il-liġi nazzjonali applikabbli tkun tesiġi dan. Meta ordni ta’ sekwestru infurzabbli tkun limitata għal somma speċifika skont sentenza (“cantonnement”), l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jissospendi l-ħlasijiet sal-limitu ta’ dak l-ammont.

    2.   Meta parti terza tkun soġġetta għal twissija W3a li tikkorrispondi għal ordni ta’ sekwestru infurzabbli, l-AOD responsabbli jew il-persunal tiegħu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċjal tal-kontabilità, għandhom jesegwixxu l-ħlas inizjalment pagabbli mill-Kummissjoni jew mill-aġenzija eżekuttiva lill-parti li kontrieha jkun sar is-sekwestru, favur il-parti li tkun għamlet is-sekwestru, sal-limitu tal-ammont sekwestrat.

    3.   Il-paragrafi 2 u 3 japplikaw sakemm ma jkunx probabbli li l-infurzar tal-ordni ta’ sekwestru jisfratta l-operat bla skossi tal-Kummissjoni jew tal-aġenzija eżekuttiva. F’dan il-każ, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jinvoka l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

    Artikolu 20

    Konsegwenzi ta’ twissija W4

    1.   Meta parti terza tkun soġġetta għal twissija W4, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jeżamina b’mod sistematiku l-possibbiltà li jpaċi l-intitolamenti Komunitarji mal-ħlas dovut lil dik il-parti terza f’konformità mal-Artikolu 73 tar-Regolament Finazjarju u l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

    2.   L-AOD responsabbli għandu jikkunsidra din l-informazzjoni qabel ma jagħti kwalunkwe kuntratt jew għotja ġdida lill-parti terza.

    Artikolu 21

    Konsegwenzi ta’ twissija W5 fir-rigward ta’ proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti u għotjiet

    L-AOD responsabbli għandu jeskludi lil parti terza soġġetta għal twissija W5 milli tipparteċipa fil-proċedura tar-rilaxx ta’ kuntratti u għotjiet fl-istadju tal-valutazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni f’konformità mal-Artikoli 93 u 114(3) tar-Regolament Finanzjarju jew mar-Regolament tal-Kunsill applikabbli li jimponi restrizzjonijiet finanzjarji marbuta mas-CFSP.

    Artikolu 22

    Konsegwenzi speċifiċi ta’ twissija W5 fir-rigward ta’ kuntratti u għotjiet eżistenti

    1.   Meta twissija W5a tkun ġiet irreġistrata għal raġunijiet li x’aktarx jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ kuntratti u għotjiet diġà ffirmati, l-AOD responsabbli għandu jieħu l-azzjoni li ġejja:

    a)

    meta t-termini tal kuntratt jew l-għotja jkunu jippermettu dan, u meta r-raġuni għat-twissija W5 tkun marbuta mal-eżekuzzjoni jew l-għoti ta’ kuntratt jew għotja fis-seħħ:

    (i)

    jissospendi l-ħlasijiet għall-fini ta’ verifikazzjoni, jesegwixxi ħlasijiet attwalment dovuti u jirkupra l-ammonti kollha li mhux suppost ikunu tħallsu, possibbilment permezz ta’ tpaċija ma’ kwalunkwe ħlas dovut;

    (ii)

    jittermina l-kuntratt jew l-għotja.

    (b)

    fil-każijiet l-oħrajn kollha, japplika waħda mill-għażliet imsemmija fl-Artikolu 18(1).

    2.   Ħlief għal meta jkun stabbilit mod ieħor fir-regolamenti tal-Kunsill li jimplimentaw Pożizzjonijiet Komuni adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, li fuqhom huma msejsa t-twissijiet W5b, għandhom jiġu applikati r-regoli li ġejjin:

    (a)

    ma għandhom ikunu disponibbli ebda fondi, la b’mod dirett u lanqas b’mod indirett lil, jew favur ta’ persuna fiżika jew legali, grupp jew entità elenkati fir-regolament rilevanti tal-Kunsill;

    (b)

    ebda riżorsi ekonomiċi ma jistgħu jkunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew favur ta’, persuna fiżika jew legali, grupp jew entità elenkati fir-regolament rilevanti tal-Kunsill.

    Artikolu 23

    Riferiment lill-Kummissjoni

    F’ċirkustanzi eċċezzjonali, inklużi sitwazzjonijiet fejn ir-riskju involut ikun ta’ natura politika jew li jikkonċerna reputazzjoni, u fejn l-Artikoli 15 sa 22 ma jipprovdux soluzzjoni xierqa, l-AOD responsabbli għandu jirreferi l-każ lill-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-qasam politiku kkonċernat, li min-naħa tiegħu jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni.

    Is-Segretarjat Ġenerali għandu jinżamm mgħarraf dwar l-iskambji kollha rilevanti.

    TAQSIMA 4

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

    Artikolu 24

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   Is-servizz li jkun ressaq it-talba għar-reġistrazzjoni ta’ twissija EWS qabel l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jibqa’ responsabbli għall-modifikazzjoni jew it-tneħħija ta’ twissijiet irreġistrati fuq talba tiegħu skont din id-Deċiżjoni.

    2.   F’dak li għandu x’jaqsam ma’ esklużjonijiet deċiżi minn AOD responsabbli f’konformità mal-punti (b) u (e) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Finanzjarju qabel l-1 ta’ Mejju 2007, fit-tul tal-perjodu ta’ esklużjoni għandu jitqies it-tul ta’ żmien tal-atti kriminali skont il-liġi nazzjonali. Fir-rigward ta’ dawn l-esklużjonijiet għandu japplika tul ta’ żmien massimu ta’ erba’ snin mid-data tan-notifika tas-sentenza. Jekk dan il-perjodu massimu jkun skada, l-AOD responsabbli għandu jressaq talba għat-tneħħija tat-twissija.

    Artikolu 25

    Revoka tad-Deċiżjoni dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (8) C(2004)193/3 dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija hija b’dan il-mod revokata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Artikolu 26

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Artikolu 27

    Pubblikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata għal finijiet ta’ informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi annessa mar-Regoli Interni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Dalia GRYBAUSKAITĖ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

    (3)  L-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta dwar notifika għall-Ivverifikar Minn Qabel mibgħut mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-Kummissjoni fir-rigward tas-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija, Każ 2005/120, 6.12.2006.

    (4)  Ara paġna 12 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (5)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

    (6)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.

    (7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (8)  Mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS

    Rikjesta mill-AOD tal-Kummissjoni, aġenzija eżekuttiva, IAS, OLAF għal dħul ta' dejta fil-bażi tad-dejta ta' esklużjoni/EWS, il-modifikazzjoni jew tneħħija tiegħu

    NB : rikjesta waħda għal kull twissija

    Ir-rikjesta trid tintbagħat b'konformità mal-proċedura għal informazzjoni klassifikata. Għandha tintbagħat f'envelop wieħed u magħluq.

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top