This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0741
2008/741/EC: Commission Decision of 11 September 2008 establishing that Article 30(1) of Directive 2004/17/EC of the European Parliament and of the Council of 31 March 2004 coordinating the procurement procedures of entities operating in the water, energy, transport and postal services sectors is not applicable to the production and wholesale of electricity in Poland (notified under document number C(2008) 4805) (Text with EEA relevance)
2008/741/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' Settembru 2008 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4805) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2008/741/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta' Settembru 2008 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4805) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
19.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 251/35 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta' Settembru 2008
li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4805)
(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/741/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (6) tagħha,
Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mir-Repubblika tal-Polonja permezz ta’ ittra li waslet fid-19 ta’ Mejju 2008,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,
Billi:
I. IL-FATTI
(1) |
Fid-19 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Polonja skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE, trażmessa lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet għal aktar tagħrif, li l-awtoritajiet Pollakki bagħtuh bil-posta elettronika fit-28 ta’ Lulju 2008, wara l-iskadenza mogħtija għat-tweġiba. |
(2) |
It-talba sottomessa mir-Repubblika tal-Polonja tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. |
(3) |
It-talba ddaħħlet mill-awtorità nazzjonali indipendenti (Urzędu Regulacji Energetyki, l-uffiċċju regolatur tal-enerġija tal-Polonja), u b’hekk hija approvata minnu. |
II. IL-QAFAS ĠURIDIKU
(4) |
L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li jkun mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI għad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriċità u li tirrevoka d-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi livell saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq. |
(5) |
Il-Polonja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE, imma wkoll id-Direttiva 2003/54/KE, filwaqt li għażlet is-separazzjoni legali u organizzattiva għan-netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni għajr għall-iżgħar kumpaniji tad-distribuzzjoni li, waqt li sejrin jibqgħu suġġetti għas-separazzjoni fil-kontabbiltà, huma eżenti mir-rekwiżiti tas-separazzjoni legali u organizzattiva minħabba li kellhom anqas minn 100 000 klijent jew li kienu jservu sistemi tal-elettriku b’konsum anqas minn 3 TWh fl-1996. Madankollu, huwa previst li l-Operaturi tas-Sistemi tad-Distribuzzjoni (DSOs) sejrin jibqgħu jaħdmu fi gruppi ta’ sjieda pubblika integrati vertikalment talanqas għall-2008. Konsegwentement, u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jiġi kkunsidrat li mhux ristrett. |
(6) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat abbażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv fih innifsu. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati b’din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jitqies. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jitqiesu kriterji ulterjuri bħalma huma l-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fuq il-prezz u l-grad ta’ konsumaturi li jibdlu l-fornituri. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. |
III. VALUTAZZJONI
(8) |
It-talba mressqa mill-Polonja tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja. |
(9) |
It-talba tal-Polonja tqis li s-suq ġeografiku rilevanti huwa limitat għat-territorju nazzjonali. Is-suq jippreżenta karattru unifikat, bl-ebda ostaklu għal li l-elettriku ġġenerat f’reġjun wieħed tal-pajjiż jinxtara minn persuna/entità minn reġjun ieħor (il-parti l-kbira tal-kapaċità tal-enerġija elettrika hija stallata fin-Nofsinhar tal-Polonja, imma l-enerġija minn dan ir-reġjun tinbiegħ fil-Polonja kollha kemm hi). Barra minn hekk, skont ir-Rapport ta’ Attività għall-2007 (4), “fl-2006 l-konġestjoni tas-sistema ta’ karattru strutturali.. kienet teżisti fil-fruntieri mal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. …” Fl-2006, 9,74 % tal-produzzjoni totali tal-elettriku kienet esportata mill-Polonja, filwaqt li fl-istess sena l-importazzjonijiet lejn il-Polonja telgħu għal 2,94 % tal-produzzjoni totali (l-esportazzjonijiet netti b’hekk irrappreżentaw 6,8 % tal-produzzjoni totali fl-2006). Ir-Rapport tal-Attività għall-2007 jikkonkludi li “l-aktar kwistjoni importanti relatata mal-iskambju tal-elettriku hija l-kapaċità limitata ta’ trasferiment fix-xibka Polakka, li tikkawża konġestjoni fl-interkonnetturi. Din hija kkawżata l-aktar minn pressjoni għolja tas-suq minħabba differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku fil-Polonja u l-Ġermanja, ir-Repubblka Ċeka u l-Iżvezja.” Konsegwentement, it-territorju tar-Repubblika tal-Polonja għandu jitqies li jikkostitwixxi suq rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE. |
(10) |
Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, ir-rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku (5), minn hawn ‘il quddiem ir-“Rapport tal-2005”, jistqarr li “ħafna swieq nazzjonali juru grad għoli ta’ konċentrazzjoni tal-industrija, li jtellef l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva” (6). Minħabba dan, jitqies li, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali tas-suq tal-ikbar tliet produtturi” (7). Għall-2006, l-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-ishma tal-akbar tliet produtturi kienu 44,2 % tal-enerġija li setgħet tintlaħaq u 52,3 % tal-produzzjoni grossa (8). Skont it-tweġiba tal-awtoritajiet Pollakki li waslet fit-28 ta’ Lulju, fl-2007 l-ishma kibru għal 51,7 % tal-enerġija li setgħet tintlaħaq u 58 % tal-produzzjoni grossa (9). Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-ishma tas-suq tal-akbar tliet operaturi fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa laħqu 48,1 % fl-2006 u żdiedu għal 55,4 % fl-2007 (10). Għandu jkun enfasizzat li ċ-ċifri pprovduti mill-awtoritajiet Pollakki juri żieda ċara, bejn l-2006 u l-2007, tal-ishma tas-suq tal-akbar tliet operaturi f’kull settur. Dawn il-livelli ta’ konċentrazzjoni huma ogħla mill-perċentwali korrispondenti, 39 %, li għalih jirreferu d-Deċiżjonijiet 2006/211/KE (11) u 2007/141/KE (12) għar-Renju Unit. Huma simili (jew kemmxejn ogħla minn) il-livell (52,2 %) imsemmi fid-Deċiżjoni 2008/855/KE (13) fir-rigward tal-Awstrija, u l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-Polonja huma fl-aħħar mill-aħħar anqas mil-livelli korrispondenti msemmija fid-Deċiżjonijiet 2006/422/KE (14) u 2007/706/KE (15) li jikkonċernaw ripsettivament il-Finlandja (73,6 %) u l-Iżvezja (86,7 %). F’kull waħda mit-tliet każijiet, madankollu, dawn il-livelli ta’ konċentrazzjoni “jitpattew” bil-“pressjoni kompettitiva fuq is-suq ... imnissla mill-potenzjal li l-elettriku jiġi impurtat minn barra …” (16). Kif deskritt fil-premessa 9 hawn fuq, hemm konġestjonijiet tas-sistema u kapaċitajiet limitati ta’ trasferiment b’tali mod li l-importazzjonijiet jammontaw għal anqas minn 3 % tal-produzzjoni totali tal-Polonja meta mqabbla eż. mal-każ tal-Awstrija fejn “l-elettriku importat kien jirrappreżenta madwar kwart (17) tal-ħtiġijiet totali tagħha (18), b’mod partikolari għall-enerġija tal-bażi” (19). Barra minn hekk, skont dokument maħruġ mill-President tal-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija tal-Polonja (20)“l-istruttura attwali u l-grad ta’ konċentrazzjoni tal-attività tal-industrija tal-enerġija rriżultaw l-ewwel mill-konsolidament orizzontali u mbagħad minn dak vertikali tal-kumpaniji tal-enerġija ta’ sjieda statali. Il-proċess ta’ konsolidament, li kellu effettt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq domestiku, sejjer ikompli jaffettwa sostanzjalment l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.” Dan il-livell ta’ konċentrazzjoni għaldaqstant ma jistax jittieħed bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni tas-swieq tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa. |
(11) |
Barra minn hekk, anke jekk tirrapreżenta parti żgħira mill-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkunsmat fi Stat Membru, il-funzjoni tas-swieq ta’ bilanċ xorta għandha tkun meqjusa bħala indikatur ieħor. Fil-fatt, “kull parteċipant tas-suq li ma jsibhiex faċli li jadatta l-produzzjoni tiegħu mal-karatteristiċi tal-klijenti tiegħu jissogra li jsib ruħu penalizzat mid-differenza bejn il-prezz li bih l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni [minn hawn ‘il quddiem TSO – transmission system operator] ibigħ l-enerġija żbilanċjata, u l-prezz li bih jixtri lura l-produzzjoni żejda. Dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu imposti direttament mir-regolatur tat-TSO; jew inkella jintuża mekkaniżmu abbażi tas-suq, li fih il-prezz huwa ddeterminat minn offerti li jkunu għamlu produtturi oħra biex jirregolaw il-produzzjoni tagħhom ‘il fuq jew ‘l isfel […]. Diffikultà ewlenija għall-parteċipanti żgħar titfaċċa meta jkun hemm riskju ta’ differenza kbira bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u l-prezz tal-bejgħ. Dan jiġri f’għadd ta’ Stati Membri u x’aktarx ikun ta’ xkiel għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Differenza kbira tista’ tindika livell insuffiċjenti ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ li jista’ jkun iddominat minn produttur wieħed jew tnejn biss” (21). Minkejja li għandu differenza relattivament baxxa (22) bejn il-prezz tax-xiri mit-TSO u dak tal-bejgħ, is-suq ta’ bilanċ Pollakk u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu – b’mod partikolari in-nuqqas ta’ suq tal-istess jum (intra-day) jew aċċess għal-pjattaformi tas-suq li jistgħu jaħdmu bħala sostitut kif ukoll ċerti aspetti tal-ispejjeż tal-bilanċ – huma tali li “l-istruttura attwali tat-tariffi għas-servizzi tat-trażmissjoni, li skonthom il-klijenti kollha jġorru l-ispejjeż tal-bilanċ u l-immaniġġar tal-konġestjoni, lill-parteċipanti fis-suq ma jibgħatilhomx is-sinjali xierqa” (23). Il-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ Pollakk għaldaqstant ma jistax jittieħed bħala indikatur addizzjonali li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku huma direttament esposti għall-kompetizzjoni. |
(12) |
Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (l-elettriku) u l-iskarsezza jew l-indisponibbiltà ta’ prodotti jew servizzi sostitwibbli adegwati, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni tas-swieq tal-elettriku. Fir-rigward tal-utenti industrijali kbar (finali), li huma l-aktar suġġetti li jixtru l-elettriku tagħhom direttament mingħand il-fornituri li huma wkoll produtturi, l-għadd ta’ konsumaturi li jibdlu l-fornitur jista’ jservi bħala indikatur għall-kompetizzjoni tal-prezz u b’hekk, indirettament, “indikatur naturali għall-effettività tal-kompetizzjoni. Jekk ftit huma l-klijenti li jaqilbu, x’aktarx li hemm problema ta’ funzjonament tas-suq, anki jekk ma għandhomx jiġu injorati l-vantaġġi implikati mill-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku” (24). Barra minn hekk, “l-eżistenza ta’ prezzijiet regolati għall-utenti finali hija bla dubju fattur determinanti tal-imġiba tal-klijenti […]. Minkejja li ż-żamma tal-kontrolli tista’ tiġi ġġustifikata f’perjodu ta’ tranżizzjoni, din l-għażla se tkompli tikkawża aktar distorsjonijiet hekk kif joqrob il-bżonn ta’ investimenti” (25). |
(13) |
Skont l-aħħar tagħrif disponibbli, ir-rati ta’ bdil jammontaw għal 15,84 % għal klijenti industrijali Pollakki kbar u kbar ħafna (26), li jirrappreżentaw madwar 7,6 % tal-provvista totali (27). Dan jeħtieġlu jitqies fuq l-isfond tas-sitwazzjoni kif deskritta fid-Deċiżjonijiet preċedenti dwar is-settur tal-elettriku, li fih ir-rati ta’ bdil għal utenti industrijali kbar u kbar ħafna varja bejn aktar minn 75 % (id-Deċiżjoni 2006/422/KE dwar il-Finlandja) u 41,5 % (id-Deċiżjoni 2008/585/KE dwar l-Awstrija). Barra minn hekk, għad hemm kontrolli fuq il-prezzijiet għall-utenti aħħarija għall-klijenti fir-residenzi, li għalihom l-operaturi jeħtiġilhom jipprovdu lir-regolatur bit-tarffi li jixtiequ japplikaw. Is-sitwazzjoni fil-Polonja għalhekk mhijiex sodisfaċenti f’dak li jirrigwarda l-bdil tal-fornitur mill-utenti (aħħarija) industrijali kbar u kbar ħafna (28) u l-kontroll tal-prezz għall-utenti aħħarija, u ma tistax titqies bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni. |
(14) |
Fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja, is-sitwazzjoni għaldaqstant tista’ tingħata fil-qosor kif ġej: l-ishma tas-suq tal-akbar tliet produtturi u bejjiegħa bl-ingrossa huma relattivament għolja, mingħajr ma dan ikun kontrobilanċjat mid-disponibbiltà faċli ta’ elettriku importat; kif deskritt fil-premessa 11, il-funzjonament tas-suq ta’ bilanċ mhuwiex biżżejjed biex jittieħed bħala indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni, il-grad ta’ bdil huwa baxx, u għal xi klijenti għad hemm kontrolli tal-prezzijiet għall-utenti aħħarija. |
(15) |
Fl-aħħarnett, ma jistax ma jitqiesx il-kuntest globali tas-settur tal-enerġija fil-Polonja. B’hekk ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament tal-2008 tal-linji gwida wesgħin tal-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri” (29)“ittejjeb il-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks, inkluż permezz ta’ reviżjoni tar-rwol tar-regolaturi, u tkompli b’mod enerġiku l-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija” (30), indikazzjoni oħra li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa fil-Polonja għadhom mhumiex esposti għal kollox għall-kompetizzjoni. |
IV. KONKLUŻJONIJIET
(16) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (9) sa (15), għandu jiġi konkluż li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja attwalment mhumiex esposti direttament għall-kompetizzjoni. Għaldastant, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhuwiex applikabbli għal kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fil-Polonja. Konsegwentement, id-Direttiva 2004/17/KE tissokta tapplika meta entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti bil-għan li jippermettu li jitwettqu fil-Polonja l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, jew meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attivitajiet fil-Polonja. |
(17) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni tad-dritt u tal-fatt minn Mejju sa Lulju 2008 kif tidher mill-informazzjoni sottomessa mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Rapport tal-2005 u mill-Anness Tekniku għalih, mill-Komunikazzjoni tal-2007 u mid-Dokument tal-Persunal tal-2007 kif ukoll mir-Rapport Finali. Tista’ tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhuwiex applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja. Konsegwentement, id-Direttiva 2004/17/KE għandha tissokta tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettulhom iwettqu t-tali attivitajiet fil-Polonja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmula fi Brussell, 11 ta’ Settembru 2008.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.
(3) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.
(4) Verżjoni bl-Ingliż tar-Rapport ta’ Attività għall-2007, maħruġ mill-President tal-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija fil-Polonja, bid-data tal-31 ta’ Ottubru 2007 u ppubblikat fl-24.4.2008 fi http://www.ure.gov.pl/portal/en/1/17/Activity_Report_2007.html
(5) COM(2005) 568 finali, 15.11.2005.
(6) Ir-Rapport tal-2005, p. 2.
(7) Ara r-Rapport tal-2005, p. 7.
(8) Cf. il-punt 5.1. tat-talba.
(9) Cf. il-paġna 1 tat-tweġiba.
(10) CF. il-punt 5.1 tat-talba u l-paġna 2 tat-tweġiba.
(11) ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6.
(12) ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23.
(13) ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28.
(14) ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33.
(15) ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18.
(16) Ara l-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2007/706/KE. Tabilħaqq, fil-każijiet tal-Finlandja u l-Iżvezja, tħalliet miftuħa l-eżistenza ta’ suq reġjonali, li jekk jittieħed bħala referenza, l-livelli ta’ konċentrazzjoni jġibhom għal 40 %.
(17) 23,5 % skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi.
(18) Jiġifieri l-kwantità tal-elettriku meħtieġa għall-konsum intern u l-esportazzjoni.
(19) Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2008/7585/KE.
(20) Il-verżjoni bl-Ingliż tar-“Roadmap of prices liberalisation for all electricity consumers — Towards the customers’ rights and effective competition in the power industry sector” bid-data Frar 2008, kienet ippubblikata fit-30.5.2008 fi http://www.ure.gov.pl/portal/en/1/18/Roadmap_of_prices_liberalisation_for_all_electricity_consumers.html, p. 10. Minn hawn ’il quddiem, id-dokument jissejjaħ “ir-Roadmap”.
(21) Dokument ta’ Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni, Anness Teknilu għar-Rapport tal-2005, SEC(2005) 1448, minn hawn ’il quddiem “l-Anness Tekniku”, p. 67–68.
(22) Skont ir-Rapport Finali, paragrafu 993, tabella 52, is-suq ta’ bilanċ Pollakk jaħdem b’differenza ta’ 13, li tpoġġih fl-iżgħar nofs għax id-differenza fis-swieq ta’ bilanċ fl-UE tvarja bejn 0 u 79. Din l-analiżi tħares lejn l-effetti tal-funzjoni tas-suq ta’ bilanċ fuq il-produzzjoni tal-elettriku u mhux lejn il-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq ta’ bilanċ innifsu. Għalhekk, għal dan l-għan mhux importanti jekk differenza żgħira hija kkawżata mill-kompetizzjoni jew mit-trażżin tal-prezz impost mir-regolatur, l-istess kif il-konċentrazzjoni għolja fuq is-suq ta’ bilanċ mhix pertinenti għal din l-analiżi.
(23) Ara r-Roadmap, p. 11.
(24) Ir-Rapport tal-2005, p. 9.
(25) L-Anness Tekniku, p. 17.
(26) Ara t-“Tabella 2. Rati Annwali ta’ Bdil bejn il-Fornituri tal-Elettriku 2006 (skont il-volum)”, p. 5 et seq. tad-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Dokument li jakkompanja ir-Rapport dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku”, COM(2008) 192 finali, 15.4.2008.
(27) Ara r-Rapport tal-Attività għall-2007, p. 72.
(28) Ara r-Rapport tal-Attività għall-2007, p. 71. “L-għadd ta’ kumpaniji li jeżerċitaw dirttijiet TPS” – jiġifieri l-bdil- “ilu jikber kostantement mill-2001, imma ċ-ċifri globali xejn m'huma sodisfaċenti”.
(29) Il-Parti IV tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa: Rapport Strateġiku dwar il-verżjoni mġedda tal-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010), COM(2007) 803 finali, 11.12.2007. Ippubblikat fl-indirizz http://ec.europa.eu/growthandjobs/pdf/european-dimension-200712-annual-progress-report/200712-countries-specific-recommendations_mt.pdf
(30) Paġna 31, il-punt 5. Dan huwa konsistenti wkoll ma’ xi stqarrijiet fir-Rapport tal-Attività għall-2007. “Fil-Polonja s-suq tal-enerġija mhuwiex żviluppat għal kollox.” (p. 2-3); “Madankollu, l-istruttura tas-suq tal-enerġija fil-Polonja xejn ma jista’ jingħad li huwa kompetittiv għal kollox” (p. 12).