Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0564

    2008/564/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Ġunju 2008 li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida profoxydim (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3080) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 181, 10.7.2008, p. 47–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/564/oj

    10.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 181/47


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ Ġunju 2008

    li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida profoxydim

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3080)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/564/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Marzu 1998 Spanja rċeviet applikazzjoni mingħand BASF AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva profoxydim fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/43/KE (2) kkonfermat li l-dokument kien komplut u li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u ta’ l-informazzjoni ta’ l-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Il-konferma tal-kompletezza tad-dokument kienet meħtieġa sabiex dan seta’ jiġi eżaminat fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għall-perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva kkonċernata, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva.

    (3)

    Għal din is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tan-nies u l-ambjent ġew stmati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użu propost mill-applikant. L-Istat Membru rapporteur ressaq abbozz ta’ rapport evalwattiv lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Marzu 2001.

    (4)

    Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru rapporteur, kien hemm il-ħtieġa li tintalab iktar informazzjoni mill-applikant u li l-Istat Membru rapporteur jeżamina dik l-informazzjoni u jressaq l-evalwazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dokument għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-evalwazzjoni tintemm fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE.

    (5)

    Minħabba li l-evalwazzjoni s’issa ma identifikat l-ebda periklu imminenti, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jġeddu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perjodu ta’ 24 xahar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE sabiex tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tad-dokumenti. Huwa mistenni li l-proċess ta’ evalwazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ l-inklużjoni tal-profoxydim fl-Anness I ser jintemm fi żmien 24 xahar.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DECIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-profoxydim għal perjodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/45/KE (ĠU L 94, 5.4.2008, p. 21).

    (2)  ĠU L 14, 19.1.1999, p. 30.


    Top