Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0203

    2008/203/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 28 ta’ Frar 2008 li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ Qafas Pluriennali għall-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012

    ĠU L 63, 7.3.2008, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/203/oj

    7.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 63/14


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-28 ta’ Frar 2008

    li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ Qafas Pluriennali għall-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2007-2012

    (2008/203/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Waqt li jinżammu preżenti l-objettivi tal-fundament ta’ l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) u sabiex l-Aġenzija twettaq id-dmirijiet tagħha tajjeb, l-oqsma tematiċi preċiżi ta’ l-attività tagħha għandhom jiġu determinati minn Qafas Pluriennali li jkopri ħames snin kif stipulat fl-Artikolu 5 (2) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.

    (2)

    Il-Qafas għandu jinkludi l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata fost l-oqsma tematiċi ta’ l-attività ta’ l-Aġenzija.

    (3)

    Il-Qafas għandu jkun konsistenti mal-prijoritajiet ta’ l-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont dovut ta’ l-orjentamenti li jirriżultaw mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

    (4)

    Il-Qafas għandu jagħti l-importanza dovuta lir-riżorsi finanzjarji u umani ta’ l-Aġenzija u għandu jiġi implimentat biss fl-ambitu tal-liġi Komunitarja.

    (5)

    Il-Qafas għandu jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex ikun hemm komplementarjetà mar-responsabbiltajiet ta’ korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Komunità u ta’ l-Unjoni, u kif ukoll mal-Kunsill ta’ l-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. L-aktar aġenziji u korpi relevanti tal-Komunità fir-rigward ta’ dan il-Qafas Pluriennali huma l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2) u l-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, (3) u l-Ombudsman Ewropew, li l-għanijiet tagħhom għandhom għalhekk jittieħdu in konsiderazzjoni.

    (6)

    Il-Kummissjoni, filwaqt li kienet qed tħejji l-proposta tagħha, ikkonsultat mal-Bord ta’ Tmexxija ta’ l-Aġenzija waqt il-laqgħa tiegħu tat-12-13 ta’ Lulju 2007 u rċeviet kummenti miktuba permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2007.

    (7)

    Dan il-Qafas jiddefinixxi l-oqsma tematiċi preċiżi tal-ħidma ta’ l-Aġenzija, fejn diversi kompiti permanenti ta’ l-Aġenzija huma determinati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, inter alia, il-kompitu li titqajjem il-kuxjenza tal-pubbliku ġenerali dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom u dwar it-tixrid attiv ta’ l-informazzjoni dwar il-ħidma ta’ l-Aġenzija.

    (8)

    L-Aġenzija, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jkunu jippermettu hekk, tista’ taħdem barra mill-oqsma tematiċi determinati mill-Qafas Pluriennali, skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Qafas Pluriennali

    1.   Huwa b’dan stabbilit Qafas Pluriennali għall-Aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) għall-perijodu 2007-2012.

    2.   L-Aġenzija għandha, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 twettaq il-kompiti definiti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-ambitu ta’ l-oqsma tematiċi stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Oqsma tematiċi

    L-oqsma tematiċi għandhom ikunu s-segwenti:

    (a)

    ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

    (b)

    id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew immirata lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi u kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet (diskriminazzjoni multipla);

    (c)

    il-kumpens lill-vittmi;

    (d)

    id-drittijiet tat-tfal inkluża l-protezzjoni tat-tfal;

    (e)

    l-asil, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ta’ l-immigranti;

    (f)

    il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri;

    (g)

    il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni fil-funzjonament demokratiku ta’ l-Unjoni;

    (h)

    is-soċjetà ta’ l-informazzjoni u, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali;

    (i)

    l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti.

    Artikolu 3

    Komplementarjetà u l-koperazzjoni ma’ korpi oħra

    1.   L-Aġenzija għandha tiżgura koperazzjoni u koordinazzjoni xierqa ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Komunità, l-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili, skond it-termini ta’ l-Artikoli 7, 8 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Qafas.

    2.   B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma’ dawk tal-Kunsill ta’ l-Ewropa skond it-termini ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 u l-ftehim imsemmi f’dak l-Artikolu.

    3.   L-Aġenzija għandha tittratta l-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi biss bħala parti mix-xogħol tagħha, li għandu jsir fuq kwistjonijiet ġenerali ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 punt (b), u safejn hu relevanti għaliha; għandha tikkunsidra li l-għanijiet globali ta’ l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 għandhom ikunu li dan jikkontribwixxi għal u jsaħħaħ il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-integrazzjoni tas-sessi fil-politika kollha tal-Komunità u l-politika nazzjonali li tirriżulta minnhom, u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi u li jqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini ta’ l-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jipprovdi għajnuna teknika lill-istituzzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

    4.   L-Aġenzija għandha twettaq id-dmirijiet tagħha fil-qasam ta’ kwistjonijet tad-drittijiet tal-bniedem relatati mas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sabiex jiġi assigurat li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni naturali, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, jiġu rispettati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità skond id-dmirijiet u l-poteri tiegħu stipulati fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. MATE


    (1)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

    (3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top