Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0114

    2008/114/KE,Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi l-Istatuti ta’ l-Aġenzija Fornitriċi ta’ l-Euratom

    ĠU L 41, 15.2.2008, p. 15–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/114(1)/oj

    15.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 41/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Frar 2008

    li tistabbilixxi l-Istatuti ta’ l-Aġenzija Fornitriċi ta’ l-Euratom

    (2008/114/KE, Euratom)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Kapitolu 6 tat-Titolu II tat-Trattat jipprevedi l-ħolqien ta’ l-Aġenzija Fornitriċi ta’ l-Euratom (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Aġenzija”), u jistipula l-kompiti u l-obbligi tagħha biex tiggarantixxi forniment regolari u ekwu ta’ materjali nukleari għall-utenti fl-Unjoni Ewropea. L-Istatuti ta’ l-Aġenzija ġew adottati fis-6 ta’ Novembru 1958 (2). B’kont meħud taż-żieda fl-għadd ta’ Stati Membri kif ukoll il-ħtieġa li jkunu applikati dispożizzjonijiet finanzjarji moderni għall-Aġenzija u l-ħtieġa li tiġi stabbilita s-sede tagħha, dawn l-Istatuti għandhom jiġu mħassra u sostitwiti.

    (2)

    L-Istatuti l-ġodda għandhom jinkludu dispożizzjonijiet finanzjarji li huma konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3). Fl-istess waqt ir-regolament finanzjarju l-ġdid applikabbli għall-Aġenzija għandu jiġi adottat skond l-Artikolu 183 tat-Trattat. Il-kapital ta’ l-Aġenzija u l-possibbiltà, prevista fit-Trattat ta’ l-Euratom, biex tkun applikata tariffa fuq it-transazzjonijiet, għandhom jinżammu.

    (3)

    L-Istatuti l-ġodda ta’ l-Aġenzija għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni ta’ Unjoni Ewropea mkabbra. B’mod partikolari, id-daqs tal-Kumitat Konsultattiv ta’ l-Aġenzija għandu jitbiddel sabiex jitjiebu l-ħidma u l-effiċjenza tiegħu,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Huma b’dan adottati l-Istatuti ta’ l-Aġenzija Fornitriċi ta’ l-Euratom, kif jinsabu fl-Anness.

    Artikolu 2

    L-Istatuti ta’ l-Aġenzija Fornitriċi ta’ l-Euratom tas-6 ta’ Novembru 1958 huma b’dan imħassra.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. BAJUK


    (1)  Opinjoni tat-13 ta’ Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU 27, 6.12.1958, p. 534.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).


    ANNESS

    ABBOZZ TA’ L-ISTATUTI TA’ L-AĠENZIJA FORNITRIĊI TA’ L-EURATOM

    KAPITOLU 1

    STRUTTURA INTERNA U FUNZJONAMENT

    Artikolu 1

    Objettivi u kompiti

    1.   L-għan ta’ l-Aġenzija Fornitriċi ta’ l-Euratom (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Aġenzija”) għandu jkun li twettaq il-kompiti fdati lilha mill-Kapitolu 6 tat-Titolu II tat-Trattat, skond l-objettivi tat-Trattat.

    Għal dan l-għan, l-Aġenzija għandha fost oħrajn:

    tipprovdi lill-Komunità b’għarfien espert, informazzjoni u pariri dwar kwalunkwe suġġett marbut mal-funzjonament tas-suq tal-materjali u s-servizzi nukleari;

    twettaq irwol ta’ monitoraġġ tas-suq billi ssegwi u tidentifika x-xejriet tas-suq li jistgħu jolqtu s-sigurtà tal-forniment ta’ l-Unjoni Ewropea tal-materjali u s-servizzi nukleari;

    tfittex il-parir ta’, tkun appoġġata minn u taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv stabbilit skond l-Artikolu 11 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

    2.   L-Aġenzija tista’ wkoll tibni ħażna ta’ materjali nukleari, skond l-Artikoli 62 u 72 tat-Trattat.

    Artikolu 2

    Status ġuridiku u sede

    1.   L-Aġenzija għandha personalità ġuridika skond l-Artikolu 54 tat-Trattat. L-Aġenzija għandha twettaq l-attivitajiet tagħha esklużivament fl-interess ġenerali. Hija għandha topera fuq bażi ta’ non-profitt.

    2.   Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija, għad-Direttur Ġenerali tagħha u għall-persunal tagħha.

    3.   L-Aġenzija għandu jkollha s-sede fil-Lussemburgu.

    4.   Hija tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess tieħu kull miżura addizzjonali rigward l-organizzazzjoni interna tagħha li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha kemm ġewwa u kif ukoll barra mill-Komunità.

    5.   F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandu jkollha l-usa’ kapaċità ġuridika li tingħata lill-persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġijiet tagħhom. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista’ tkun parti minn proċedimenti legali.

    Artikolu 3

    Dmirijiet u setgħat tad-Direttur Ġenerali

    1.   Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Kummissjoni.

    2.   Id-Direttur Ġenerali għandu jirrappreżenta lill-Aġenzija. Huwa jista’ jiddelega s-setgħat tiegħu lil persuni oħra. Ir-regoli għad-delega tas-setgħat tiegħu għandhom jiġu stipulati f’dokumenti interni ta’ l-Aġenzija.

    3.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli:

    biex jiżgura t-twettiq tal-kompiti ta’ l-Aġenzija msemmijin fl-Artikolu 1;

    għat-twettiq tad-dritt esklużiv ta’ l-Aġenzija li tikkonkludi kuntratti ta’ forniment ta’ materjali nukleari u d-dritt tagħha ta’ għażla;

    għall-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta’ kuljum tar-riżorsi kollha ta’ l-Aġenzija;

    biex iżomm lill-Kumitat infurmat regolarment u jikkonsultah dwar kwalunkwe kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kumitat skond l-Artikolu 13(3);

    għat-tħejjija tal-abbozz tad-dikjarazzjoni ta’ l-estimi ta’ l-introjtu u l-infiq ta’ l-Aġenzija, u l-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha;

    għat-twettiq ta’ kwalunkwe studju u l-produzzjoni ta’ kwalunkwe rapport speċifiku meqjus meħtieġ skond l-Artikolu 1(1), f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat, u biex jibgħat tali studji u rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    4.   Kull sena d-Direttur Ġenerali għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport li jkopri l-attivitajiet ta’ l-Aġenzija fis-sena preċedenti u programm ta’ ħidma għas-sena sussegwenti, wara li jkun kiseb l-opinjoni tal-Kumitat.

    Artikolu 4

    Id-Direttur Ġenerali u l-Persunal

    1.   Id-Direttur Ġenerali u l-persunal ta’ l-Aġenzija għandhom ikunu jew isiru uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej regolati mir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1) u permezz tar-regoli adottati konġuntement mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal. L-uffiċjali għandhom jinħatru u s-salarji tagħhom għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni.

    2.   Id-Direttur Ġenerali u l-persunal ta’ l-Aġenzija għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni għal aċċess skond l-Artikolu 194 tat-Trattat fir-rigward ta’ kwalunkwe fatt, informazzjoni, tagħrif, dokument jew oġġett suġġett għal sistema ta’ gradazzjoni ta’ sigurtà, li jiġi fil-pussess tagħhom jew ikun komunikat lilhom.

    Artikolu 5

    Superviżjoni mill-Kummmissjoni

    1.   L-Aġenzija għandha tkun taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, li tista’ toħorġilha direttivi u għandha d-dritt tal-veto fuq id-deċiżjonijiet tagħha.

    2.   Id-dritt tal-veto għandu jiskadi wara perijodu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol wara deċiżjoni ta’ l-Aġenzija, sakemm f’dak il-perijodu ma tkunx saret riżerva mill-Kummissjoni jew mir-rappreżentant tagħha. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentant tagħha jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt li jagħmlu tali riżerva qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu.

    3.   Meta tkun saret riżerva mill-Kummissjoni jew mir-rappreżentant tagħha fiż-żmien preskritt fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni definittiva mhux iżjed tard minn għaxart ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tkun saret ir-riżerva.

    4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhom bl-ebda mod itellfu milli jiġi applikat l-Artikolu 53 tat-Trattat.

    5.   Kwalunkwe att jew nuqqas ta’ azzjoni mill-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 53 tat-Trattat jista’ jiġi riferut lill-Kummissjoni mill-parti kkonċernata fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol minn meta tasal in-notifika, jew, fin-nuqqas ta’ notifika, fi żmien ħmistax-il jum wara l-pubblikazzjoni. Fin-nuqqas ta’ notifika u pubblikazzjoni, il-perijodu għandu jibda mill-jum li fih il-parti kkonċernata ssir taf bl-att.

    KAPITOLU 2

    DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

    Artikolu 6

    Organizzazzjoni finanzjarja

    1.   L-Aġenzija għandu jkollha awtonomija finanzjarja. Hija għandha topera skond ir-regoli kummerċjali fil-qasam tal-kompetenza ta’ l-Aġenzija.

    2.   L-Aġenzija għandha tkun f’kull waqt ikollha d-dritt tittrasferixxi l-assi li jkollha fl-euro f’valuta oħra sabiex twettaq l-operazzjonijiet finanzjarji jew kummerċjali li jkunu jaqblu ma’ l-għanijiet tagħha kif definiti fit-Trattat u li jkunu konsistenti ma’ dawn l-Istatuti.

    L-Aġenzija għandha, kemm jista’ jkun, tevita milli tagħmel tali trasferimenti jekk ikollha kontanti jew assi likwidi fil-valuta meħtieġa.

    L-Aġenzija tista’ twettaq operazzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-kisba ta’ l-objettivi tagħha b’fondi li ma tkunx teħtieġ minnufih għall-finijiet li tirrispetta l-obbligi tagħha.

    3.   L-Aġenzija għandha s-setgħa li tikkuntratta, f’isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u fil-limiti stipulati mill-Kunsill, self, li d-dħul minnu jiġi allokat biex jitwettqu l-kompiti tagħha.

    4.   L-obbligi li tidħol għalihom l-Aġenzija skond dawn l-Istatuti huma ggarantiti mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

    Artikolu 7

    Introjtu u nfiq

    1.   L-estimi ta’ l-introjtu u l-infiq kollu ta’ l-Aġenzija għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-baġit ta’ l-Aġenzija. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.

    2.   Fil-baġit għandu jkun hemm bilanċ bejn l-introjtu u l-ħruġ.

    3.   L-introjtu ta’ l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn kontribut mill-Komunità, interessi bankarji u dħul mill-investimenti kapitali u bankarji tagħha, u, jekk meħtieġ, tariffa kif prevista fl-Artikolu 54 tat-Trattat u self.

    4.   L-infiq ta’ l-Aġenzija għandu jikkonsisti fi spejjeż amministrattivi tal-persunal tagħha u tal-Kumitat, kif ukoll spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti konklużi ma’ partijiet terzi.

    5.   Kull sena d-Direttur Ġenerali għandu jipproduċi stima ta’ l-introjtu u l-infiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja sussegwenti. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment, għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu wara li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat.

    6.   Abbażi ta’ l-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea l-estimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li jrid jitħallas mill-baġit ġenerali.

    7.   Fil-qafas tal-proċedura baġitarja, l-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju ta’ l-Aġenzija u għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Aġenzija, li għandu jidher separatament fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Kummissjoni.

    8.   Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn huwa l-każ, huwa għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ. Il-baġit ta’ l-Aġenzija għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tagħha.

    9.   Kwalunkwe modifika tal-pjan ta’ stabbiliment u fil-baġit ta’ l-Aġenzija għandha tkun is-suġġett ta’ baġit emendatorju adottat bl-istess proċedura bħall-baġit inizjali. Modifiki fil-pjan ta’ stabbiliment jiġu ppreżentati lill-awtorità baġitarja. Il-baġits emendatorji jintbagħtu bħala informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 8

    Twettiq tal-baġit, kontroll finanzjarju u regoli finanzjarji

    1.   Id-Direttur Ġenerali għandu jimplimenta l-baġit ta’ l-Aġenzija.

    2.   Wara kull sena finanzjarja l-uffiċjal tal-kontijiet ta’ l-Aġenzija għandu jissottometti l-kontijiet proviżorji ta’ l-Aġenzija:

    (a)

    sa l-1 ta’ Marzu lill-Accountant tal-Kummissjoni, għal finijiet ta’ konsolidament, u

    (b)

    sal-31 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja lill-Qorti ta’ l-Awdituri.

    3.   Mal-wasla ta’ l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta’ l-Aġenzija, id-Direttur Ġenerali għandu jfassal il-kontijiet finali ta’ l-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jippreżentahom lill-Kumitat għal opinjoni.

    4.   Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta’ l-Aġenzija.

    5.   Id-Direttur Ġenerali għandu, sa l-1 ta’ Lulju wara kull sena finanzjarja, jgħaddi l-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri, flimkien ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

    6.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku ta’ l-Aġenzija.

    7.   Id-Direttur Ġenerali għandu jibgħat lill-Qorti ta’ l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru.

    8.   Id-Direttur Ġenerali għandu jgħaddi lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan ta’ l-aħħar, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

    9.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jaġġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, għandu, qabel it-30 ta’ April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Ġenerali fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

    10.   Meta jkun meħtieġ, għandu jiġi adottat regolament finanzjarju speċifiku applikabbli għall-Aġenzija skond l-Artikolu 183 tat-Trattat.

    Artikolu 9

    Kapital

    1.   Il-kapital ta’ l-Aġenzija għandu jkun ta’ EUR 5 824 000.

    2.   Il-kapital għandu jkun sottoskritt kif ġej:

    Belġju

    EUR

    192 000

    Bulgarija

    EUR

    96 000

    Repubblika Ċeka

    EUR

    192 000

    Danimarka

    EUR

    96 000

    Ġermanja

    EUR

    672 000

    Estonja

    EUR

    32 000

    Irlanda

    EUR

    32 000

    Greċja

    EUR

    192 000

    Spanja

    EUR

    416 000

    Franza

    EUR

    672 000

    Italja

    EUR

    672 000

    Ċipru

    EUR

    32 000

    Latvja

    EUR

    32 000

    Litwanja

    EUR

    32 000

    Lussemburgu

    EUR

    Ungerija

    EUR

    192 000

    Malta

    EUR

    Olanda

    EUR

    192 000

    Awstrija

    EUR

    96 000

    Polonja

    EUR

    416 000

    Portugall

    EUR

    192 000

    Rumanija

    EUR

    288 000

    Slovenja

    EUR

    32 000

    Slovakkja

    EUR

    96 000

    Finlandja

    EUR

    96 000

    Svezja

    EUR

    192 000

    Renju Unit

    EUR

    672 000

    3.   Ħlas parzjali ta’ 10 % tal-kapital għandu jitħallas fil-mument ta’ l-adeżjoni ta’ Stat Membru fil-Komunità. Barra minn hekk, jistgħu jintalbu ħlasijiet parzjali ulterjuri tal-kapital b’deċizjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. L-ammont tal-ħlas parzjali mitlub għandu jitħallas lill-Aġenzija fi żmien tletin jum wara dik id-deċiżjoni.

    4.   Il-parteċipazzjoni fil-kapital m’għandhiex tagħti intitolament għal dividend jew interessi. Hija għandha tagħti d-dritt ta’ ħlas lura ta’ l-ammont nominali tal-ħlasijiet parzjali tal-kapital imħallas fil-każ biss ta’ stralċ ta’ l-Aġenzija.

    5.   Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru bl-euro.

    Artikolu 10

    Imposti

    L-Aġenzija tista’, f’konformità ma’ l-Artikolu 54 tat-Trattat, tiġbor imposta fuq it-transazzjonijiet li l-Aġenzija tipparteċipa fihom billi teżerċita d-dritt tagħha ta’ għazla jew id-dritt esklużiv tagħha li tiffinalizza kuntratti ta’ forniment. Id-dħul minn tali imposta għandu jintuża biss biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż operattivi.

    Id-dispożizzjonijiet dwar din l-imposta għandhom jiġu stipulati f’deċiżjoni implimentattiva. Ir-rata ta’ l-imposta u l-metodi li permezz tagħhom għandha tiġi vvalutata u miġbura għandhom, wara konsultazzjoni mal-Kunsill, ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni li taġixxi fuq proposta tad-Direttur Ġenerali, li għandu jikseb minn qabel l-opinjoni tal-Kumitat.

    KAPITOLU 3

    KUMITAT KONSULTATTIV

    Artikolu 11

    Kompożizzjoni tal-Kumitat

    1.   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn membri mill-Istati Membri kif stabbilit fit-tabella hawn taħt. Madankollu, Stat Membru jista’ jagħżel li ma jipparteċipax fih. Jekk membru jirriżenja jew ma jkunx jista’ jwettaq dmirijietu, għandu jinħatar suċċessur għall-bqija tal-mandat.

    Belġju

    2 membri

    Bulgarija

    2 membri

    Repubblika Ċeka

    2 membri

    Danimarka

    membru wieħed

    Ġermanja

    4 membri

    Estonja

    membru wieħed

    Irlanda

    membru wieħed

    Greċja

    2 membri

    Spanja

    3 membri

    Franza

    4 membri

    Italja

    4 membri

    Ċipru

    membru wieħed

    Latvja

    membru wieħed

    Litwanja

    2 membri

    Lussemburgu

    Ungerija

    2 membri

    Malta

    Olanda

    2 membri

    Awstrija

    2 membri

    Polonja

    3 membri

    Portugall

    2 membri

    Rumanija

    3 membri

    Slovenja

    2 membri

    Slovakkja

    2 membri

    Finlandja

    2 membri

    Svezja

    2 membri

    Renju Unit

    4 membri.

    2.   Waqt li tieħu kont tal-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-kapital ta’ l-Aġenzija, l-allokazzjoni tal-postijiet fil-Kumitat għandha tirrifletti wkoll l-esperjenza rilevanti ta’ l-Istati Membri, u l-għarfien espert u/jew l-attivitajiet tagħhom f’oqsma bħall-kummerċ f’materjali nukleari u s-servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari jew il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija nukleari.

    3.   Il-membri tal-kumitat għandhom jinħatru mill-Istati Membri rispettivi tagħhom abbażi tal-livell tagħhom ta’ esperjenza u għarfien rilevanti fl-oqsma tal-kummerċ fil-materjali nukleari u s-servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari jew tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija nukleari jew f’materji regolatorji relatati mal-kummerċ nukleari. It-tul tal-mandat għandu jkun ta’ tliet snin. Il-mandat jista’ jiġġedded.

    Artikolu 12

    Presidenza tal-Kumitat

    1.   Il-Kumitat għandu jinnomina President u żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri tal-Kumitat. Dawn l-uffiċjali eżekuttivi għandhom jirrappreżentaw l-esperjenza tal-Kumitat u naħat differenti ta’ l-industrija, kemm il-produtturi kif ukoll l-utenti. L-iżjed anzjan miż-żewġ Viċi Presidenti jieħu post il-President jekk hu/hi ma jkunx jista’ jwettaq dmirijietu/ma tkunx tista twettaq dmirijietha.

    2.   Il-mandati tal-President u tal-Viċi-Presidenti għandhom ikunu ta’ tliet snin. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded darba, u l-presidenza għandha talterna fost il-membri tal-Kumitat, li jirrappreżentaw l-esperjenzi differenti tagħhom mill-industrija u l-amministrazzjoni. Il-mandat tal-President jew ta’ kwalunkwe Viċi President għandu jintemm awtomatikament jekk il-mandat tiegħu jew tagħha bħala membru tal-Kumitat jiskadi mingħajr ma jiġġeded.

    Artikolu 13

    Termini ta’ referenza tal-Kumitat

    1.   Il-Kumitat għandu jassisti lill-Aġenzija fit-twettiq tal-kompiti tagħha billi jagħti opinjonijiet u jipprovdi analiżi u informazzjoni. Dik l-għajnuna għandha tinkludi wkoll it-tħejjija tar-rapporti, stħarriġ u analiżi li jista’ jkollhom jitħejjew skond l-Artikolu 1(1) taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3(3). Huwa għandu jipprovdi kollegament bejn l-Aġenzija u kemm il-produtturi kif ukoll l-utenti fl-industrija nukleari.

    2.   Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat fuq kull kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Aġenzija, bil-fomm waqt il-laqgħat tiegħu jew bil-kitba bejn tali laqgħat. Il-Kumitat jista’ wkoll joħroġ opinjonijiet dwar tali kwistjonijiet fuq l-inizjativa ta’ mhux inqas minn terz tal-membri tiegħu.

    3.   Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat u jitlaqqa’ qabel ma d-Direttur Ġenerali jieħu xi deċiżjoni dwar il-materji li ġejjin:

    (a)

    ir-regoli li għandhom jiġu segwiti biex ikun hemm bilanċ bejn il-provvista u d-domanda (is-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat);

    (b)

    il-kapital ta’ l-Aġenzija; iż-żieda jew tnaqqis tiegħu, jew aktar sottoskrizzjoni tal-kapital (ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 tat-Trattat);

    (ċ)

    is-self imsemmi fl-Artikolu 6;

    (d)

    l-applikazzjoni ta’ imposta fuq transazzjonijiet, maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ l-Aġenzija (il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 tat-Trattat);

    (e)

    il-kondizzjonijiet applikabbli għall-bini u l-irtirar ta’ ħażniet kummerċjali mill-Aġenzija (l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 72 tat-Trattat);

    (f)

    il-kwistjonijiet finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 8, inkluż ir-regolament finanzjarju għall-Aġenzija u t-tħejjija tal-kont speċjali ta’ l-Aġenzija kif previst fl-Artikolu 171(2) tat-Trattat;

    (g)

    ir-rapport annwali, inkluż analiżi tas-suq u programm ta’ ħidma għas-sena sussegwenti;

    (h)

    il-kriterji li jistabbilixxu prattiki pprojbiti mill-Artikolu 68 tat-Trattat;

    (i)

    ix-xoljiment ta’ l-Aġenzija.

    4.   Id-Direttur Ġenerali jista’, jekk ikun meħtieġ, jistipula perijodu li fih il-Kumitat ikollu jissottometti l-opinjoni tiegħu. Dan il-perijodu m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data meta tintbagħat il-komunikazzjoni għal dan il-għan lill-membri tal-Kumitat.

    5.   Jekk l-opinjoni tal-Kumitat ma tkunx tista’ tinkiseb f’dan il-perijodu, id-Direttur Ġenerali jista’ jieħu d-deċiżjoni.

    6.   Id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttur Ġenerali u li jirrigwardaw materji speċifikati f’dan l-Artikolu m’għandhomx jittieħdu sakemm ma jkunux għaddew għaxart ijiem tax-xogħol minn meta ngħatat l-opinjoni tal-Kumitat, jekk dawk id-deċiżjonijiet ma jaqblux ma’ dik l-opinjoni.

    7.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu dwar il-materji kollha li m’humiex previsti fl-Istatuti preżenti.

    Artikolu 14

    Laqgħat tal-Kumitat

    1.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa’:

    (a)

    meta jitqies meħtieġ mill-uffiċjali eżekuttivi u normalment darbtejn kull sena;

    (b)

    fuq talba tad-Direttur Ġenerali, partikolarment kull meta l-konsultazzjoni tal-Kumitat tkun obbligatorja skond l-Artikolu 13(3), u;

    (ċ)

    fuq talba bil-miktub ta’ mhux inqas minn terz tal-membri tal-Kumitat, li tispeċifika l-punti li għandhom jidhru fl-aġenda.

    L-aġenda għandha titħejja mill-Aġenzija f’kooperazzjoni mal-President għall-approvazzjoni mill-Kumitat.

    L-Aġenzija għandha tibgħat id-dokumenti relatati ma’ l-aġenda lill-membri kollha tal-Kumitat mill-inqas ħmistax-il jum ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

    2.   Il-laqgħat tal-Kumitat jeħtieġu kworum tal-maġġoranza tal-membri tiegħu. L-opinjonijiet jistgħu jingħataw jekk ikunu approvati minn maġġoranza tal-membri preżenti jew rappreżentati.

    3.   Kull membru tal-Kumitat għandu jkollu vot wieħed. Jekk membru ma jkunx jista’ jattendi, il-membru jista’ jiddelega bil-miktub lil kwalunkwe membru ieħor biex jivvota f’ismu.

    4.   Id-Direttur Ġenerali jew persuna magħżula biex tirrappreżentah(a) għandhom jattendu l-laqgħat tal-Kumitat iżda m’għandux ikollhom id-dritt tal-vot. Persuni oħrajn li m’humiex persunal ta’ l-Aġenzija jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat bil-qbil biss tal-membri kollha preżenti u suġġett għall-obbligu skond il-paragrafu 5.

    5.   Il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu marbutin bis-segretezza skond l-Artikolu 194 tat-Trattat fir-rigward ta’ kull fatt, informazzjoni, tagħrif, jew dokumenti bla ħsara għal sistema ta’ gradazzjoni ta’ sigurtà, li jiġi fil-pussess tagħhom jew ikun ikkomunikat lilhom fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kumitat.

    6.   Id-Direttur Ġenerali għandu jipprovdi lill-Kumitat b’segretarjat adatt, li l-ħatra tiegħu għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Is-segretarjat għandu jżomm il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat, ta’ subkumitati eventwali u ta’ l-uffiċjali eżekuttivi. L-ispejjeż operattivi tal-Kumitat għandhom jitħallsu mill-Aġenzija.

    7.   L-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar ta’ membru wieħed tal-Kumitat minn kull Stat Membru għandhom jiġu rimborżati mill-Aġenzija.


    (1)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1558/2007 (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 1).


    Top