EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0893

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 893/2007 tat- 23 ta' Lulju 2007 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kiribati, min-naħa l-oħra

ĠU L 205, 7.8.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/893/oj

Related international agreement
Related international agreement

7.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 893/2007

tat-23 ta' Lulju 2007

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kiribati, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien ma' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ĠU C,

Billi:

(1)

Il-Komunità nnegozjat mar-Repubblika ta' Kiribati Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd li jipprovdi lil bastimenti Komunitarji b' opportunitajiet ta' sajd fl-ilmijiet li l-Kiribati għandha sovranità jew ġurisdizzjoni fuqhom f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd.

(2)

B'riżultat ta' dawk in-negozjati ġie inizjalat Ftehim ta' Sħubija ġdid dwar is-Sajd fid-19 ta' Lulju 2006.

(3)

Huwa fl-interess tal-Komunità li tapprova dak il-Ftehim.

(4)

Huwa importanti li jiġi definit il-mod li bih jitqassmu l-opportunitajiet ta' sajd bejn l-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kiribati, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-opportunitajiet ta' sajd stabbiliti fil-Protokoll tal-Ftehim għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

bastimenti tas-sajd bil-purse seines

Franza:

Spanja:

27 % tal-liċenzji disponibbli

73 % tal-liċenzji disponibbli

bastimenti bil-konzijiet

Spanja:

Il-Portugall:

6 bastimenti.

6 bastimenti.

Jekk l-applikazzjonijiet għal liċenzji minn dawn l-Istati Membri ma jkoprux l-opportunitajiet ta' sajd kollha ffissati fil-Protokoll, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra applikazzjonijiet għal liċenzji minn kull Stat Membru ieħor.

Artikolu 3

L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu skond il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta' kull ħażna maqbuda fiż-żona tas-sajd ta' Kiribati f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 ta' l-14 ta' Marzu 2001 li jniżżel regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 dwar is-sorveljanza tal-qbid meħuda mid-dgħajjes tas-sajd tal-Komunità f'ibħra ta' pajjiżi terzi u fl-ibħra miftuħa (1).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill b'dan huwa awtorizzat jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma l-Ftehim li jorbot il-Komunità.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membru kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta' Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 73, 15.3.2001, p. 8.


FTEHIM TA' SĦUBIJA DWAR IS-SAJD

bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kiribati, min-naħa l-oħra

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem “il-Komunità”

minn naħa waħda,

u

IR-REPUBBLIKA TA' KIRIBATI, minn hawn ’il quddiem “Kiribati”,

min-naħa l-oħra

minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JQISU r-relazzjoni ta' ħidma mill-qrib bejn il-Komunità u Kiribati, partikolarment fil-kuntest tal-Ftehim ta' Cotonou, u x-xewqa reċiproka tagħhom li jsaħħu dik ir-relazzjoni,

FILWAQT LI JQISU x-xewqa taż-żewġ Partijiet li jippromwovu l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd permezz tal-koperazzjoni,

FILWAQT LI JQISU l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħażniet tal-Ħut;

FILWAQT LI JGĦARFU li Kiribati teżerċita d-drittijiet sovrani tagħha u tal-ġurisdizzjoni fiż-żona li testendi sa 200 mil nawtiku mil-linji tal-bażi skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar,

KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta' l-imġiba għal sajd responsabbli adottat waqt il-konferenza ta' l-FAO fl-1995,

IDDETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, sabiex jippromwovu sajd responsabbli li jassigura l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fuq żmien twil,

KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tieħu l-forma ta' inizjattivi u miżuri li, esegwiti waħedhom jew flimkien, huma komplementari u jiżguraw politiki konsistenti u s-sinerġija ta' l-isforzi,

BI ĦSIEBHOM, għal dawn il-finijiet, li jiftħu djalogu dwar il-politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern ta' Kiribati u li jidentifikaw il-mezzi xierqa sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' din il-politika kif ukoll sabiex l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fil-proċess;

XEWQANA li jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet li jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji fl-ilmijiet ta' Kiribati, u dawk li jikkonċernaw l-appoġġ mill-Komunità għall-introduzzjoni ta' sajd sostenibbli f'dawk l-ilmijiet;

DEĊIŻI li jsegwu koperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib fl-industrija tas-sajd u ta' l-attivitajiet marbuta magħha, permezz tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi konġunti li jinvolvu kumpanniji miż-żewġ Partijiet,

JAQBLU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

(a)

il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd bil-għan li jitrawwem is-sajd responsabbli fl-ilmijiet ta' Kiribati sabiex jiġu żgurati l-konservazzjoni u sfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u sabiex is-settur tas-sajd f'Kiribati jiżviluppa;

(b)

il-kundizzjonijiet li jkopru l-aċċess għall-ilmijiet ta' Kiribati minn opri tas-sajd tal-Komunità

(c)

il-koperazzjoni dwar il-modalitajiet tal-monitoraġġ tas-sajd fl-ibħra ta' Kiribati sabiex jiġi assigurat il-ħarsien tar-regoli u l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, li l-miżuri ta' konservazzjoni u tal-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd ikunu effettivi u li s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat (sajd IUU) ma jitħalliex isir;

(d)

is-sħubijiet bejn kumpanniji bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fis-settur tas-sajd u attivitajiet relatati, fl-interess komuni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“awtoritajiet ta' Kiribati” tfissier il-Gvern ta' Kiribati;

(b)

“awtoritajiet tal-Komunità” tfisser il-Kummissjoni Ewropea;

(c)

“ilmijiet ta' Kiribati”, tfisser l-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta' Kiribati;

(d)

“sajd” tfisser is-sajd attwali jew attentat ta' sajd, qbid, teħid, qtil jew ħsad ta' ħut, u jinkludi kwalunkwe attività oħra li raġonevolment tista' tiġi mistennija li tirriżulta fis-sajd jew attentat ta' sajd, qbid, teħid, qtil jew ħsad ta' ħut, jew kalunkwe attività b'appoġġ ta' jew bi tħejjija għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija.

(e)

“bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment użat jew adattat għall-użu fis-sajd kummerċjali u tinkludi inġenji, bastimenti ta' appoġġ, ħelikopters u ajruplani żgħar użati f'operazzjonijiet ta' sajd;

(f)

“bastiment Komunitarju” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità u li hu rreġistrat fil-Komunità;

(g)

“impriża konġunta” tfisser kumpannija kummerċjali mwaqqfa f'Kiribati mis-sidien tal-bastiment jew minn impriżi nazzjonali mill-Partijiet sabiex ikunu jistgħu jistadu jew ikunu involuti f'attivitajiet relatati;

(h)

“Kumitat Konġunt” tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u ta' Kiribati, li l-funzjonijiet tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim.

(i)

“trażbord” tfisser trasferiment magħmul fil-port tal-qabdiet, jew ta' parti minnhom, minn bastiment tas-sajd għal ieħor

(j)

“sid ta' bastiment” tfisser kwalunkwe persuna li hija ġuridikament responsabbli mill-bastiment tas-sajd, li tmexxih u tikkontrollah

(k)

“baħrin AKP” tfisser kwalunkwe baħri li ġej minn pajjiż mhux Ewropew li ffirma l-Ftehim ta' Cotonou. Għalhekk, baħri minn Kiribati hu baħri AKP

Artikolu 3

Il-prinċipji u l-għanijiet fuqhom hija bbażata l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim

1.   Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu sajd responsabbli fl-ilmijiet ta' Kiribati skond il-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta' mġiba tal-FAO għas-sajd responsabbli u għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jistadu f'dawk l-ilmijiet, mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet konklużi bejn il-pajjiżi ta' l-istess reġjun ġeografiku li jkunu qed jiżviluppaw, fosthom ftehimiet reċiproki fil-qasam tas-sajd.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw bil-għan li jissorveljaw ir-riżultati ta' l-implimentazzjoni ta' politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern ta' Kiribati u għandhom jagħtu bidu għal djalogu politiku dwar ir-riformi meħtieġa. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jadottaw il-miżuri eventwali f'dan il-qasam.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ukoll fit-twettiq ta' l-evalwazzjonijiet tal-miżuri, tal-programmi u ta' l-azzjonijiet implimentati abbażi ta' dan il-Ftehim. Ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu analizzati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skond l-Artikolu 9.

4.   Il-Partijiet jintrabtu li jassiguraw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim skond il-prinċipji ta' tmexxija ekonomika u soċjali tajba filwaqt li jitħares l-istat tal-ħażniet tal-ħut.

5.   It-tħaddim ta' baħrin minn Kiribati u/jew AKP abbord il-bastimenti Komunitarji hu kkontrollat mid-Dikjarazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, li tapplika bis-sħiħ fil-qafas tal-kuntratti korrispondenti u tal-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan jirrigwarda b'mod partikolari il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' l-għarfien effettiv tad-dritt ta' negozjar kollettiv tal-ħaddiema u tal-qerda tad-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjiegi u l-professjonijiet.

Artikolu 4

Kooperazzjoni fil-qasam xjentifiku

1.   Sakemm idum japplika l-Ftehim, il-Komunità u Kiribati għandhom jissorveljaw il-qagħda tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd ta' Kiribati.

2.   Skond il-konklużjonijiet ta' aqwa parir xjentifiku disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt imsemmi f'Artikolu 9 u, fejn meħtieġ, permezz ta' qbil miż-żewġ naħat, jieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom, jew direttament inkella fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali kkonċernati, sabiex jiżguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi b'tendenza kbira li jpassu fir-reġjun, u li jikkooperaw fir-riċerka xjentifika rilevanti.

Artikolu 5

L-aċċess tal-bastimenti Komunitarji għar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' Kiribati

1.   Kiribati tintrabat li tawtorizza lill-bastimenti Komunitarji sabiex jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tagħha skond dan il-Ftehim, inklużi l-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   L-attivitajiet tas-sajd koperti b'dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f'Kiribati. L-awtoritajiet ta' Kiribati għandhom jinnotifikaw lill-Komunità dwar kwalunkwe emendi għal-leġiżlazzjoni msemmija kif ukoll dwar kwalunwke leġiżlazzjoni oħra li jista' jkollha impatt fuq il-leġiżlazzjonijiet tas-sajd.

3.   Kiribati għandha tassumi responsabbiltà għall-applikazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-monitoraġġ tas-sajd. Il-bastimenti Komunitarji għandhom jikkoperaw ma' l-awtoritajiet ta' Kiribati li għandhom ir-responsabbiltà li jwettqu dak il-monitoraġġ. Il-passi meħuda mill-awtoritajiet ta' Kiribati sabiex jirregolaw is-sajd fl-interessi tal-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi, fosthom l-approċċ prekawzjonali. Dawn għandhom jgħoddu mingħajr diskriminazzjoni għal bastimenti Komunitarji kif ukoll għal dawk ta' Kiribati u ta' pajjiżi barranin, mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet magħmula bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw ġewwa reġjun ġeografiku wieħed, fosthom ftehimiet reċiproċi dwar is-sajd.

4.   Il-Komunità tintrabat li tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tassigura l-ħarsien tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim mill-bastimenti tagħha, kif ukoll il-ħarsien tal-leġiżlazzjoni li tikkontrolla s-sajd fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Kiribati.

Artikolu 6

Liċenzji

1.   Il-bastimenti Komunitarji jistgħu biss jistadu fiż-żona tas-sajd ta' Kiribati jekk ikollhom liċenzja tas-sajd valida maħruġa skond dan il-Ftehim.

2.   Il-proċedura li tippermetti l-kisba ta' liċenzja tas-sajd għal bastiment, it-taxxi li japplikaw u l-mod tal-ħlas mis-sidien ta' bastimenti huma ddefiniti fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7

Il-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Il-Komunità għandha tagħti kontribuzzjoni finanzjarja lil Kiribati skond it-termini u l-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll u l-Annessi. Din il-kontribuzzjoni waħdanija għandu jkollha żewġ komponenti relatati, jiġifieri:

(a)

aċċess mill-opri tal-Komunità għar-riżorsi tas-sajd ta' Kiribati, u

(b)

l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-promozzjoni ta' sajd responsabbli u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' Kiribati.

2.   Il-komponent tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fil-paragrafu hawn fuq għandu jiġi ddeterminat u ġestit fid-dawl ta' l-għanijiet identifikati bejn il-Partijiet bi qbil reċiproku skond il-Protokoll, li għandhom jinkisbu fil-kuntest tal-qafas tal-politika settorjali tas-sajd imfassla mill-Gvern ta' Kiribati u skond programm annwali u multijannwali għall-implimentazzjoni tagħha.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Komunità għandha titħallas kull sena skond il-Protokoll u għandha tkun soġġetta għal dan il-Ftehim u dan il-Protokoll fil-każ ta' kwalunkwe tibdil għall-ammont tal-kontribuzzjoni b'riżultat ta':

(a)

ċirkostanzi mhux tas-soltu, minbarra fenomeni naturali, li ma jippermettux is-sajd fl-ilmijiet ta' Kiribati;

(b)

it-tnaqqis ta' l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji, bi qbil reċiproku, għall-ġestjoni tal-ħażniet konċernati, fejn dan jitqies bħala meħtieġ għall-konservazzjoni u għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi skond l-aqwa parir xjentifiku disponibbli;

(c)

żieda, bi qbil bejn il-Partijiet, fl-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jekk, skond l-aqwa opinjoni xjentifika disponibbli, il-qagħda tar-riżorsi tippermetti dan;

(d)

evalwazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta' l-appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd f'Kiribati meta r-riżultati tal-programmar annwali u multijannwali kkonstatati mill-Partijiet jiġġustifikaw dan;

(e)

terminazzjoni ta' dan il-Ftehim skond l-Artikolu 12.

(f)

is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim skond l-Artikolu 13.

Artikolu 8

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost l-operaturi ekonomiċi u fis-soċjetà ċivili

1.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi relatati miegħu. Huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet differenti possibbli f'dan ir-rigward.

2.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar it-tekniki u l-irkaptu tas-sajd, il-metodi ta' konservazzjoni u l-proċeduri industrijali ta' l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi tal-Partijiet fil-qasam tekniku, dak ekonomiku u kummerċjali billi iħeġġu l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investimenti.

4.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jintrabtu li jimplimentaw pjan ta' azzjoni bejn l-operaturi ta' Kiribati u dawk tal-Komunità bil-għan li jiżviluppaw il-ħatt l-art lokali minn bastimenti Komunitarji.

5.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' impriżi konġunti fl-interess reċiproku tagħhom li jkunu konformi b'mod sistematiku mal-leġiżlazzjoni ta' Kiribati u dik Komunitarja.

Artikolu 9

Kumitat Konġunt

1.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat Konġunt sabiex jissorvelja l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jaqdi l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

jissorvelja l-eżekuzzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u b'mod partikolari d-definizzjoni ta' l-ipprogrammar annwali u multijannwali previst fl-Artikolu 7(2) u l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

jipprovdi l-kuntatti meħtieġa għal kwistjonjiet ta' interess komuni marbuta mas-sajd;

(c)

iservi ta' forum sabiex jissolvew amikevolment kwalunkwe tilwimiet li jistgħu jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

(d)

jivvaluta mill-ġdid, jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-livell ta' opportunitajiet ta' sajd possibbli u, konsegwentament, il-kontribuzzjoni finanzjarja;

(e)

jaqdi kwalunkwe funzjoni oħra li l-Partijiet jiddeċiedu dwarha bi qbil komuni.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu, fil-prinċipju, jiltaqa' darba fis-sena, darba f'Kiribati u d-darba ta' wara fil-Komunità, jew fi kwalunkwe post ieħor skond il-qbil komuni tal-Partijiet, u għandu jkun ippresedut mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Hu jiltaqa' f'sessjoni straordinarja fuq talba ta' waħda mill-Partijiet.

Artikolu 10

Iż-żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fih japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kundizzjonijiet stipulati f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju ta' Kiribati.

Artikolu 11

Perjodu effettiv

Dan il-Ftehim għandu japplika għal sitt snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu; huwa għandu jiġġedded għal perjodi supplimentari ta' sitt snin, sakemm ma jiġix terminat skond l-Artikolu 12.

Artikolu 12

Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jista' jiġi tterminat minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet f'każ ta' ċirkostanzi mhux normali, bħad-degradazzjoni tal-ħażniet konċernati, jekk jirriżulta tnaqqis fil-livell ta' l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jew għan-nuqqas ta' ħarsien ta' l-impenji meħuda mill-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat.

2.   Il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina l-Ftehim mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza ta' l-ewwel perjodu jew ta' kull perjodu supplimentari.

3.   Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Partijiet jibdew il-konsultazzjonijiet.

4.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha t-terminazzjoni tidħol fis-seħħ jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

Artikolu 13

Sospensjoni

1.   L-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-Partijiet f'każ ta' tilwim serju fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fih. Din is-sospensjoni hija soġġetta għan-notifika bil-miktub mill-Parti interessata mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha din is-sospensjoni tidħol fis-seħħ. Malli jirċievu din in-notifika, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsolvu t-tilwim tagħhom b'mod amikevoli.

2.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 għandha titnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis, skond it-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 14

Il-Protokoll u l-Anness

Il-Protokoll u l-Anness jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Il-Liġi Nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li joperaw fl-ilmijiet ta' Kiribati għandhom jitmexxew mil-liġi applikabbli f'Kiribati, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f'dan il-Ftehim jew il-Protokoll, l-Anness u l-appendiċi tiegħu.

Artikolu 16

Klawsola ta' reviżjoni

Matul it-tielet sena ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet jistgħu jerġgħu jaraw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, u, jekk ikun il-każ, jagħmlu xi emendi.

Artikolu 17

Tħassir

Fid-data li jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim iħassar u jissostitwixxi l-Ftehim, tas-16 ta' Settembru 2003, bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' Kiribati dwar is-sajd ’il barra mill-kosta ta' Kiribati.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim, imfassal duplikatament bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bl-Eston, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri tagħhom.

PROTOKOLL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-Ftehim ta’ sħubija bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kiribati dwar is-sajd ‘il barra mill-kosta ta' Kiribati għall-perjodu bejn is-16 ta’ Settembru 2006 u l-15 ta’ Settembru 2012

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ l-applikazzjoni u l-opportunitajiet ta’ sajd

1.   Kiribati għandha tagħti liċenzji annwali tas-sajd lil bastimenti Komunitarji tas-sajd tat-tonn skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim fil-limiti stabbiliti mill-Arranġament ta' Palau għall-Ġestjoni tas-Sajd bil-purse seines fil-Punent tal-Paċifiku, minn issa 'l quddiem “l-Arranġament ta' Palau”.

2.   Mis-16 ta’ Settembru 2006 u għal perjodu ta’ 6 snin, l-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija skond l-Artikolu 5 tal-Ftehim huma stabbiliti kif ġej:

L-ispeċijiet migratorji ħafna (l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1982)

bastimenti tas-sajd bil-purse seines 4 bastimenti;

bastimenti tas-sajd bil-konz: 12-il bastiment.

3.   Mit-tieni sena ta' l-applikazzjoni tal-Protokoll u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 9(d) tal-Ftehim u 4 tal-Protokoll, fuq talba mill-Komunità, in-numru ta' liċenzji tas-sajd għal bastimenti li jistadu bil-purse seines mogħtija fl-Artikolu 1(2) tal-Protokoll jistgħu jiżdiedu, jekk ir-riżorsi jippermettu u skond il-limitazzjonijiet ta' kull sena fl-Arranġament ta' Palau kif ukoll mal-valutazzjoni xierqa ta' l-istokkijiet tat-tonn li tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u xjentifiċi, fosthom il-“Western and Central Pacific Tuna Fishery Overview and Status of Stocks” li tiġi ppublikata kull sena mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku.

4.   Il-Paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll.

5.   Il-bastimenti tal-Komunità jistgħu jistadu fl-ilmijiet ta' Kiribati biss jekk ikollhom liċenzja tas-sajd valida maħruġa skond dan il-Protokoll f'konformità ma' l-Anness ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Il-Kontribuzzjonijiet finanzjarji — Il-modalitajiet tal-ħlas

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim għandha tikkonsisti, għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, minn ammont annwali ta’ EUR 416 000 li huwa ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 6 400 tunnellata fis-sena, kif ukoll minn ammont speċifiku ta’ EUR 62 400 fis-sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi meħuda fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd ta’ Kiribati. Dan l-ammont speċifiku għandu jkun parti integrali mill-kontribuzzjoni finanzjarja unika ddefinita fl-Artikolu 7 tal-Ftehim.

2.   Il-paragrafu 1 japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5 u 7 ta’ dan il-Protokoll.

3.   Is-somma ta’ l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1, jiġifieri EUR 478 400, titħallas kull sena mill-Komunità matul il-perjodu ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

4.   Jekk il-kwantità kumplessiva tal-qabdiet mill-bastimenti tal-Komunità fl-ilmijiet ta' Kiribati taqbeż is-6 400 tunnellata fis-sena kif provdut fl-Art. 2.1. tal-Protokoll, l-ammont tal-kontribut finanzjarju, kif provdut fl-Art. 2.1. tal-Protokoll (EUR 416 000) għandu jiżdied b'EUR 65 għal kull tunnellata aktar li tinqabad. Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Komunità ma jistax jaqbeż id-doppju ta’ l-ammont indikat fil-paragrafu 3 (EUR 956 800). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Komunità jaqbżu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju ta’ l-ammont totali annwali, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dan il-limitu għandu jitħallas is-sena ta’ wara.

5.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandu jsir sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2007 għall-ewwel sena u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 għas-snin ta’ wara.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-attribuzzjoni ta' dan il-kumpens taqa' taħt id-diskrezzjoni esklussiva ta' l-awtoritajiet ta' Kiribati.

7.   Is-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja indikata fl-Aritkolu 7(1) tal-Protokoll għandu jiġi ttrasferit għall-kont Nru 4 tal-Gvern ta' Kiribati ma' l-ANZ Bank of Kiribati, Ltd, Betio, Tarawa (“Fisheries Development Fund”) li nfetaħ għall-Gvern ta' Kiribati mill-Ministeru tal-Finanzi. Is-sehem li jibqa' tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jiġi ttrasferit għall-kont Nru 1 tal-Gvern ta' Kiribati ma' l-ANZ Bank of Kiribati, Ltd, Betio, Tarawa li nfetaħ għall-Gvern ta' Kiribati mill-Ministeru tal-Finanzi.

8.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja li tirrigwarda l-miżuri stipulati fl-Art. 5 tal-protokoll ta' qabel li ma kenitx għadha tħallset fid-data ta' skadenza tagħha għandha titħallas taħt dan il-protokoll.

Artikolu 3

Il-kooperazzjoni għal sajd responsabbli — Laqgħa xjentifika annwali

1.   Iż-żewġ partijiet jintrabtu li jippromwovu sajd responsabbli fl-ilmijiet ta' Kiribati skond il-prinċipji tal-Kodiċi ta’ l-Imġiba għal sajd responsabbli ta’ l-FAO u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jkunu jistadu f’dawk l-ibħra.

2.   Matul il-perjodu kopert minn dan il-Protokoll, il-Komunità u l-awtoritajiet ta’ Kiribati għandhom isegwu l-qagħda tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd ta’ Kiribati.

3.   Skond l-Artikolu 4 tal-Ftehim, il-partijiet, skond il-konklużjonijiet tal-laqgħa annwali tal-membri ta' l-“Arranġament ta' Palau” u skond l-evalwazzjoni annwali ta' l-istokkijiet li jagħmel is-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku, għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 9 tal-Ftehim, jekk ikun il-każ wara laqgħa xjentifika. Bi qbil mal-Komunità, Kiribati tista' tadotta miżuri fir-rigward ta' bastimenti Komunitarji sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd.

Artikolu 4

Ir-reviżjoni ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd bi qbil reċiproku

1.   L-opportunitajiet ta’ sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiżdiedu bi qbil reċiproku, sakemm il-konklużjonijiet tal-laqgħa annwali tal-membri ta' l-“Arranġament ta' Palau” u r-reviżjoni annwali tal-qagħda ta' l-istokkijiet li jagħmel is-Segretarjat tal-Komuntià tal-Paċifiku jikkonfermaw li żieda bħal din ma tipperikolax il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ta' Kiribati. F’każ bħal dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tiżdied proporzjonalment u pro rata temporis.

Madankollu, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallas mill-Komunità Ewropea ma għandux jaqbeż id-doppju ta’ l-ammont indikat fl-Artikolu 2(1). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Komunità jaqbżu d-doppju tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-ammont totali annwali rivedut, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dan il-limitu għandu jitħallas is-sena ta’ wara.

2.   Min-naħa l-oħra, jekk il-partijiet jaqblu li jadottaw it-tnaqqis fl-opportunitajiet ta’ sajd li jissemma fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

3.   It-tqassim ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd bejn kategoriji differenti ta’ bastimenti jista’ wkoll ikun soġġett għal reviżjoni bi qbil bejn iż-żewġ partijiet u b’ħarsien ta’ kull rakkomandazzjoni eventwali tal-laqgħa xjentifika msemmija fl-Artikolu 3 fir-rigward tal-ġestjoni ta' l-istokkijiet li jistgħu jkunu affetwati minn dan it-tqassim mill-ġdid. Il-partijiet jiftiehmu dwar l-aġġustament korrispondenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja jekk it-tqassim mill-ġdid ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd jiġġustifika dan.

Artikolu 5

L-opportunitajiet tas-sajd mhux marbuta mat-tonn

1.   Fil-każ li l-bastimenti tas-sajd tal-Komunità jkunu interessati f’attivitajiet ta’ sajd li ma jkunux indikati fl-Artikolu 1, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin qabel ma tingħata kwalunkwe awtorizzazzjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet ta’ Kiribati. Jekk ikun il-każ, il-partijiet jiftiehmu dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawn l-opportunitajiet ġodda ta’ sajd u, jekk ikun meħtieġ, jemendaw dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

2.   Għalhekk, u fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, huma għandhom jikkonsultaw lil xulxin u għal kull każ jiddeterminaw l-ispeċijiet rilevanti, il-kundizzjonijiet u l-parametri l-oħra għas-sajd esploratorju fl-ilmijiet ta' Kiribati.

3.   Il-partijiet se jwettqu s-sajd esploratorju skond il-parametri li huma għandhom jaqblu dwarhom huma t-tnejn f'arranġament amministrattiv, kif jixraq. Jista' jintlaħaq qbil għall-awtorizzazzjonijiet ta' sajd esploratorju għal perjodu massimu ta’ tliet xhur.

4.   Fil-każ li l-Partijiet jikkonkludu li l-kampanji esploratorji jkunu taw riżultati pożittivi, il-Gvern ta’ Kiribati jista’ jalloka opportunitajiet ta’ sajd għall-ispeċijiet il-ġodda lill-flotta tal-Komunità sa l-iskadenza tal-Protokoll attwali. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-Protokoll attwali tiżdied.

Artikolu 6

Is-sospensjoni u r-reviżjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja f'każ ta' force majeure

1.   Fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux normali, minbarra l-fenomeni naturali, li jipprojbixxu l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ sajd fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) ta’ Kiribati, il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi sospiż mill-Komunità wara konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet fi żmien xahrejn mit-talba ta’ waħda miż-żewġ partijiet u bil-kondizzjoni li l-Komunità Ewropea tkun ħallset kull ammont dovut meta ssir is-sospensjoni.

2.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jerġa jibda malli l-partijiet jaraw, bi qbil reċiproku, wara li jsiru l-konsultazzjonijiet, li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-waqfien ta’ l-attivitajiet ta’ sajd inbidlu u/jew li s-sitwazzjoni tista’ tippermetti li jerġgħu lura għall-attivitajiet ta’ sajd.

3.   Il-validità tal-liċenzji mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim għandha tiġi estiża bi żmien twil daqs il-perjodu li fih ġew sospiżi l-attivitajiet ta’ sajd.

Artikolu 7

Il-promozzjoni ta' sajd responsabbli fl-ilmijiet ta' Kiribati

1.   30 % ta’ l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja stabbilit bl-Artikolu 2 għandu jiġi allokat fl-ewwel sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi meħuda fil-kuntest tal-politika settorjali tas-sajd imfassla mill-Gvern ta' Kiribati. Dan il-perċentwal huwa ffissat għal 40 % fit-tieni siena u 60 % s-sena ta' wara dik.

Kiribati għandha tieħu ħsieb l-ammont korrispondenti fid-dawl ta' l-għanijiet identifikati bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet u l-ipprogrammar annwali u multijannwali sabiex dawn l-għanijiet jinkisbu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Komunità u Kiribati għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 9 tal-Ftehim, malli l-Protokoll jidħol fis-seħħ u sa mhux aktar tard mit-tliet xhur wara d-dħul ta’ dan il-Protokoll fis-seħħ, dwar programm settorjali multijannwali u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tiegħu, li jinkludi b’mod partikolari:

a)

il-linji ta' gwida annwali u multijannwali għall-użu tal-perċentwal tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 u l-ammonti speċifiċi li jittieħdu minnhom għat-twettiq ta' l-inizjattivi fl-2007;

b)

l-għanijiet li jridu jintlaħqu, kemm annwali kif ukoll multiannwali, sabiex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet li Kiribati esprimiet fi ħdan il-politika nazzjonali tas-sajd u ta' politiki oħra konnessi jew li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tas-sajd responsabbli u sostenibbli;

ċ)

il-kriterji u l-proċeduri għall-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba, fuq bażi annwali.

3.   Kull emenda proposta fil-programm settorjali multijannwali jew fl-użu ta’ l-ammonti speċifiċi għall-inizjattivi li għandhom isiru fl-2007 għandha tkun approvata miż-żewġ Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

4.   Kull sena, Kiribati għandha talloka sehem korrispondenti għall-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1, għall-implimentazzjoni tal-programm multiannwali. Għall-ewwel sena tal-validità tal-Protokoll, dik l-allokazzjoni trid diġi notifikata lill-Komunità malli l-programm settorjali multijannwali jiġi approvat fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Għal kull sena sussegwenti li fiha jiġi applikat il-Protokoll, Kiribati għandha tinnotifika lill-Komunità bl-allokazzjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu tas-sena kkonċernata.

5.   Fil-każ li l-evalwazzjoni annwali tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programm settorjali multiannwali tiġġustifika dan, il-Komunità Ewropea tkun tista’ titlob li jerġa’ jsir aġġustament tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-Protokoll sabiex tadatta l-ammont effettiv tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-implimentazzjoni tal-Programm għal dawn ir-riżultati.

Artikolu 8

It-tilwim — is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll

1.   Kull tilwim bejn il-partijiet fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tal-Protokoll jew l-applikazzjoni tiegħu għandu jkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet bejn il-partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, jekk ikun meħtieġ, imlaqqgħa f’sessjoni straordinarja.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, l-applikazzjoni tal-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet meta t-tilwim bejn iż-żewġ Partijiet jitqies bħala serju u meta l-konsultazzjonijiet li jsiru fi ħdan il-Kumitat Konġunt skond il-paragrafu 1 ma jkunux wasslu għal arranġament amikevoli.

3.   Is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll hija soġġetta għan-notifika bil-miktub mill-parti interessata mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha din is-sospensjoni tkun se tidħol fis-seħħ.

4.   F’każ ta’ sospensjoni, il-partijiet għandhom ikomplu jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni amikevoli għat-tilwim ta' bejniethom. Meta tinstab soluzzjoni, il-Protokoll jerġa’ jibda japplika u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis skond it-tul ta’ żmien li fih l-applikazzjoni tal-Protokoll tkun ġiet sospiża.

Artikolu 9

Is-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-Protokoll minħabba nuqqas ta’ ħlas

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, fil-każ li l-Komunità tonqos milli tagħmel il-ħlas imsemmi fl-Artikolu 2, l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

L-awtoritajiet kompetenti ta' Kiribati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ ħlas. Din tgħaddi għall-verifiki xierqa u, jekk ikun meħtieġ, għall-ħlas f’terminu massimu ta’ 60 jum ta’ xogħol mid-data ta’ l-irċevuta tan-notifika.

b)

Jekk il-ħlas ma jsirx, u dan ma jkunx ġustifikat kif jixraq fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 2(6) ta' dan il-Protokoll, l-awtoritajiet kompetenti ta' Kiribati għandhom ikollhom id-dritt li jissospendu l-applikazzjoni tal-Protokoll. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea b’dan mill-ewwel.

ċ)

Il-Protokoll jerġa’ jibda japplika malli jsir il-ħlas ikkonċernat.

Artikolu 10

Liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li joperaw fl-ilmijiet ta' Kiribati skond dan il-Protokoll għandhom ikunu mmexxija mil-liġi applikabbli f'Kiribati, ħlief jekk il-Ftehim u dan il-Protokoll flimkien ma’ l-Anness u l-Appendiċi tiegħu jiddisponu dwar dan mod ieħor.

Artikolu 11

Il-klawsola ta’ reviżjoni

Matul it-tielet sena ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, ta’ l-Anness u l-Appendiċi tiegħu, il-Partijiet jistgħu jirrevedi d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, ta’ l-Anness u l-Appendiċi u, jekk ikun il-każ, jagħmlu xi emendi.

Artikolu 12

Revoka

L-Anness tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ Kiribati dwar is-sajd 'il barra mill-kosta ta' Kiribati huwa revokat u sostitwit b'dan il-Protokoll.

Artikolu 13

Id-dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll u l-Anness u l-Appendiċi tiegħu jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li ġew kompletati l-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan.

2.   Għandu jgħodd b'effett mis-16 ta' Settembru 2006.


Top