Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0717

    Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 27 ta' Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2012; Imħassar b' 32012R0531

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/717/oj

    29.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 171/32


    REGOLAMENT (KE) Nru 717/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-27 ta' Ġunju 2007

    dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Il-livell għoli tal-prezzijiet li jithallsu mil-utenti tan-networks pubbliċi tat-telefonija mobbli, bħal studenti, vjaġġaturi fuq negozju u turisti, meta jużaw it-telefon ċellulari tagħhom meta jkunu msiefra fi ħdan il-Komunità huwa kwistjoni ta’ tħassib għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, kif ukoll għall-konsumaturi u l-istituzzjonijiet Komunitarji. It-tariffi bl-imnut eċċessivi qed jirriżultaw minn tariffi bl-ingrossa għoljin imposti mill-operatur tan-network ospitanti barrani u wkoll, f’bosta każijiet, minn qligh għoli fuq il-bejgħ bl-imnut li jiġu imposti mill-operatur tan-network tal-klijent stess. It-tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa spiss ma jigix mghoddi lill-klijent li jixtri bl-imnut. Għalkemm xi operaturi dan l-aħħar daħħlu skemi ta' tariffi li joffru lill-klijent kondizzjonijiet aktar favorevoli u prezzijiet aktar baxxi, tibqa’ l-evidenza li r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet mhijiex dik li soltu jkun hemm fi swieq kompletament kompetittivi.

    (2)

    Il-ħolqien ta' żona soċjali, edukattiva u kulturali Ewropea bbażata fuq il-mobbiltà ta' l-individwi għandha tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn in-nies sabiex tinħoloq “Ewropa għaċ-Ċittadini” reali.

    (3)

    Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati(Direttiva ta' Aċċess) (3), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi(Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (4), id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) (5), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti rigward networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi(Direttiva dwar is-Servizz Universali) (6) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (7) (minn hawn 'il quddiem kollettivament imsejħa l-“kwadru regolatorju ta’ l-2002 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi”) ghandhom l-ghan li joħolqu suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fi ħdan il-Komunità filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ kompetizzjoni msaħħa.

    (4)

    Dan ir-Regolament mhuwiex miżura iżolata, iżda għandu jikkomplementa u jappoġġa, sa fejn hu konċernat ir-roaming madwar il-Komunità, ir-regoli previsti mill-qafas regolatorju ta' l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dak il-qafas ma pprovdiex lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b'għodda suffiċenti sabiex jieħdu azzjoni effettiva u deċiżiva rigward il-prezzijiet tas-servizzi tar-roaming fi ħdan il-Komunita u għalhekk ma ma jiżgurax il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern għas-servizzi tar-roaming. Dan ir-Regolament huwa mezz adegwat kif tiġi korretta din is-sitwazzjoni.

    (5)

    Il-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa bbażat fuq il-prinċipju li għandhom jiġu imposti obbligi regolatorji ex ante biss fejn ma jkunx hemm kompetizzjoni effettiva, jipprevedi proċess ta’ analiżi perjodika tas-suq u ta' reviżjoni ta’ l-obbligi mil-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jwassal għal obbligi ex ante imposti fuq operaturi indikati bħala detenturi ta' setgħa sinifikanti fis-suq. L-elementi li jikkostitwixxu dan il-proċess jinkludu d-definizzjoni ta' swieq rilevanti skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (8) dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u s-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli ghal regolazzjoni ex ante skont id-Direttiva 2002/21 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “r-Rakkomandazzjoni”), l-analiżi tas-swieq definiti skond il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-istima tas-setgħa sinfikanti fis-suq fil-kwadru regolatorju Komunitarju għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (9), l-indikazzjoni ta’ l-operaturi b’setgħa sinifikanti fis-suq, u l-impożizzjoni ta’ obbligi ex ante fuq l-operaturi hekk indikati.

    (6)

    Ir-Rakkomandazzjoni tidentifika bħala suq rilevanti suxxettibli għar-regolamentazzjoni ex ante s-suq nazzjonali bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli. Madankollu, il-ħidma li saret mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (kemm individwalment kif ukoll fi ħdan il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej) fl-analiżi tas-swieq nazzjonali bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali wriet li għadu ma kienx possibbli għal awtorità regolatorja nazzjonali li tindirizza b’mod effettiv il-livell għoli tat-tariffi bl-ingrossa għar-roaming madwar il-Komunità minħabba d-diffikultà fl-identifikazzjoni ta' impriżi b’setgħa sinifikanti fis-suq fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tar-roaming internazzjonali, inkluża n-natura transkonfinali tiegħu.

    (7)

    Fir-rigward tal-forniment bl-imnut tas-servizzi internazzjonali tar-roaming, ir-Rakkomandazzjoni ma tidentifika l-ebda suq bl-imnut għar-roaming internazzjonali bħala suq rilevanti, minħabba, fost oħrajn, il-fatt li s-servizzi internazzjonali tar-roaming fil-livell tal-bejgħ bl-imnut ma jinxtrawx indipendentement iżda jikkostitwixxu element wieħed biss minn pakkett bl-imnut usa’ mixtri mill-klijenti mingħand il-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

    (8)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali inkarigati mill-protezzjoni u l-promozzjoni ta' l-interessi tal-klijenti ta' telefonija mobbli normalment residenti fit-territorju tagħhom ma jistgħux jikkontrollaw l-imġiba ta' l-operaturi tan-network miżjur, li jinsab fi Stati Membri oħra, u li fuqu jiddipendu dawk il-klijenti meta jużaw is-servizzi tar-roaming internazzjonali. Dan l-ostakolu jista' jkollu l-effett li jnaqqas l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri bbażati fuq il-kompetenza residwa tagħhom sabiex jadottaw ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.

    (9)

    Hemm għalhekk pressjoni sabiex l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw il-livell tat-tariffi tar-roaming internazzjonali, iżda l-mekkaniżmu għall-intervent regolatorju ex ante mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali previst mill-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi deher li ma kienx biżżejjed sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaġixxu b’mod deċisiv fl-interess tal-konsumatur f’dan il-qasam speċifiku.

    (10)

    Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamentazzjoni u s-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi Ewropej ta' l-2004 (10) talbet lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa inizjattivi ġodda li jnaqqsu l-ispejjeż għoljin tat-traffiku tal-telefonija mobbli transkonfinali, filwaqt li l-Kunsill Ewropew tat-23 u ta' l-24 ta’ Marzu 2006 kkonkluda li teżisti l-ħtieġa ta' linji politiċi ibbażati fuq teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) iffukata, effikaċi u integrata, sew fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali, għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u għall-produttività u nnota f’dan il-kuntest l-importanza, għall-kompetittività, tat-tnaqqis fit-tariffi tar-roaming.

    (11)

    Il-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet apparenti dak iż-żmien, kien immirat lejn it-tneħħija ta' l-ostakoli kollha għall-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-qasam li dan il-qafas armonizza, inter alia, fir-rigward ta' miżuri li jolqtu it-tariffi tar-roaming. Madankollu, dan m'għandux iżomm milli jiġu adattati regoli armonizzati pari passu ma’ kunsiderazzjonijiet oħra sabiex jinstabu l-mezzi l-aktar effikaċi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li jittejbu l-kondizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

    (12)

    Jeħtieġ għalhekk li jiġi emendat il-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikolari d-Direttiva Kwadru, sabiex ikun possibbli distakk mir-regoli li diversament ikunu applikabbli, partikolarment jeħtieġ li l-prezzijiet fl-offerti ta’ servizz jiġu determinati permezz ta’ ftehim kummerċjali fin-nuqqas ta’ setgħa sinifikanti fis-suq, u sabiex b’hekk tiġi akkomodata l-introduzzjoni ta’ obbligi regolatorji komplementari li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi tar-roaming madwar il-Komunita.

    (13)

    Is-swieq tar-roaming bl-imnut u bl-ingrossa juru karatteristiċi uniċi li jiġġustifikaw miżuri eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-mekkaniżmi li jkunu diversament disponibbli taħt il-qafas regolatorju ta’ l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    (14)

    L-obbligi regolatorji għandhom jiġu imposti kemm fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut, kif ukoll fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa sabiex ikunu protetti l-interessi tal-klijenti tar-roaming, billi l-esperjenza wriet li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi tar-roaming madwar il-Komunità jistgħu ma jkunux riflessi fi prezzijiet bl-imnut inqas għar-roaming, minħabba li ma jkunx hemm inċentivi sabiex dan iseħħ. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni sabiex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġi indirizzat il-livell ta’ l-ispejjeż bl-ingrossa marbuta ma’ l-għoti ta’ dawn is-servizzi jista' jissogra li jostakola l-funzjonament korrett tas-suq tar-roaming madwar il-Komunità.

    (15)

    Huwa meħtieġ li dawn l-obbligi regolatorji jidħlu fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, filwaqt li jipprovdu lill-operaturi kkonċernati b'perjodu raġonevoli sabiex jadattaw il-prezzijiet u l-offerti ta' servizz tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità, u li japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha.

    (16)

    Għandu jiġi applikat approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-networks pubbliċi ta' telefonija mobbli terrestri li jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi telefoniċi tar-roaming disponibbli madwar il-Komunita meta jagħmlu jew meta jirċievu sejħiet bil-vuċi, sabiex b’hekk jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi mobbli u jitħarsu kemm l-inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur. Fid-dawl tan-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati, dan l-approċċ komuni huwa meħtieġ sabiex l-operaturi mobbli jkunu jistgħu joperaw taħt qafas regolatorju koerenti msejjes fuq kriterji stabbiliti oġġettivament.

    (17)

    L-approċċ l-aktar effikaċi u proporzjonat għar-regolamentazzjoni tal-livell tal-prezzijiet sabiex isiru u jiġu riċevuti sejħiet intra-Komunitarji bir-roaming huwa t-twaqqif fuq livell Komunitarju ta’ tariffa medja massima kull minuta fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u l-limitazzjoni ta' tariffi fil-livell ta' mnut, permezz ta' l-introduzzjoni ta' Ewrotariffa. Huwa meħtieġ li t-tariffa bl-ingrossa medja ghanda tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi fi ħdan il-Komunita matul perjodu speċifikat.

    (18)

    L-Ewrotariffa għandha tiġi ffissata f'livell li jiggarantixxi marġini suffiċjenti għall-operaturi u li jinkoraġġixxi offerti tar-roaming kompetittivi b'rati aktar baxxi. L-operaturi għandhom joffru b'mod attiv Ewrotariffa lill-klijenti tar-roaming kollha tagħhom, b'xejn u b'mod ċar u trasparenti.

    (19)

    Dan l-approċċ regolatorju għandu jiżgura li t-tariffi bl-imnut għar-roaming madwar il-Komunità jipprovdu riflessjoni aktar raġonevoli ta' l-ispejjeż sottostanti involuti fl-għoti tas-servizz milli kien il-każ. L-Ewrotariffa massima li tista' tiġi offruta lill-klijenti tar-roaming għandha għalhekk tirrifletti marġini raġonevoli fuq l-ispiża bl-ingrossa sabiex jingħata servizz ta' roaming, filwaqt li l-operaturi jkollhom il-liberta li jikkompetu billi jiddifferenzjaw l-offerti tagħhom u jadattaw l-istrutturi tal-prezzijiet tagħhom għall-kondizzjonijiet tas-suq u għall-preferenzi tal-konsumaturi. Dan l-approċċ regolatorju m'għandux japplika għal servizzi ta' valur miżjud.

    (20)

    Dan l-approċċ regolatorju għandu jkun sempliċi sabiex wieħed jimplimentah u jimmonitorjah sabiex inaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-operaturi li fuqhom huma imposti r-rekwiżiti tiegħu, u għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali inkarigati mis-superviżjoni u l-infurzar tiegħu. Għandu jkun ukoll trasparenti u li jinftiehem mill-ewwel mill-klijenti mobbli kollha fi ħdan il-Komunita. Barra minn hekk għandu jipprovdi ċertezza u prevedibbilta għall-operaturi li jipprovdu servizzi tar-roaming bl-ingrossa u bl-imnut. Għalhekk huwa xieraq li f'dan ir-Regolament ikun hemm speċifikat il-livell f'termini monetarji tat-tariffi massimi kull minuta fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.

    (21)

    L-ogħla tariffa medja ghal kull minuta fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa kif speċifikata għandha tqis l-elementi differenti involuti meta ssir sejħa bir-roaming madwar il-Komunita', b'mod partikolari l-ispiża sabiex toriġina u tispiċċa sejħa fuq networks tat-telefonija mobbli, u inklużi l-overheads, is-signalling u t-tranżitu. L-aktar benchmark adatta għall-oriġini ta' sejħa u għat-terminazzjoni ta' sejħa għandha tkun ir-rata medja ta' terminazzjoni fuq network ta’ telefonija mobbli għall-operaturi ta’ networks tat-telefonija mobbli fil-Komunita bbażata fuq informazzjoni provduta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u ppubblikata mill-Kummissjoni. L-ogħla tariffa medja massima għal kull minuta stabbilita b'dan ir-Regolament għandha għalhekk tiġi determinata b'kont meħud tar-rata medja ta' terminazzjoni fuq networks tat-telefonija mobbli, li toffri benchmark għall-ispejjeż involuti. L-ogħla tariffa medja massima għal kull minuta fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa għandha tonqos kull sena sabiex tqis it-tnaqqis fir-rati ta' terminazzjoni mobbli imposti minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali minn żmien għal żmien.

    (22)

    L-Ewrotariffa applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut għandha tipprovdi lill-klijenti tar-roaming l-assigurazzjoni li ma jiġix impost fuqhom prezz eċċessiv meta jagħmlu jew jirċievu sejħa bir-roaming regolata, filwaqt li tħalli lill-operaturi tal-pajjiż ta' l-oriġini marġni biżżejjed sabiex jiddifferenzjaw il-prodotti li joffru lill-klijenti.

    (23)

    Il-konsumaturi kollha għandhom ikollhom l-għażla, mingħajr tariffi u prekondizzjonijiet addizzjonali, ta' tariffa sempliċi tar-roaming li ma teċċedix ir-rati regolati. Marġini raġonevoli bejn l-ispejjez bl-ingrossa u prezzijiet bl-imnut għandu jiżgura li l-operaturi jkunu jistgħu jkopru l-ispejjeż tar-roaming speċifiċi tagħhom fil-livell ta' mnut inklużi ishma adegwati ta' spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni u sussidji ta' l-apparat ta' l-idejn u li jibqagħlhom residwu adegwat li jrendi profitt raġonevoli. Ewrotariffa hija mezz adegwat li jipprovdi kemm lill-konsumatur bil-protezzjoni kif ukoll lill-operatur bil-flessibilta. Il-livelli massimi ta' l-Ewrotariffa għandhom jonqsu kull sena, pari passu mal-livell bl-ingrossa.

    (24)

    Il-klijenti tar-roaming ġodda għandhom jiġu infurmati bis-sħiħ dwar il-firxa ta' tariffi li jeżistu għar-roaming fi ħdan il-Komunita, inklużi t-tariffi li huma konformi ma' l-Ewrotariffa. Il-klijenti tar-roaming eżistenti għandhom jingħataw l-opportunita li jagħżlu tariffa ġdida konformi ma' l-Ewrotariffa jew kwalunkwe tariffa ta' roaming oħra fi żmien speċifiku. Għall-klijenti tar-roaming li għadhom m'għamlux l-għażla tagħhom f'dan iż-żmien, huwa xieraq li jkun hemm distinzjoni bejn dawk li diġa għażlu tariffa speċifika jew pakkett speċifiku ta' roaming qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u dawk li għadhom ma għażlux. Dawn ta' l-aħħar għandhom jingħataw awtomatikament tariffa li tikkonforma ma' dan ir-Regolament. Il-klijenti tar-roaming li diġa jibbenefikaw minn tariffi jew pakketti speċifiċi ta' roaming li jissodisfaw ir-rekwiżiti individwali tagħhom u li huma għażlu fuq din il-bażi, għandhom jibqgħu fuq it-tariffa jew pakkett li kienu għażlu qabel jekk, wara li jkunu ġew imfakkra dwar il-kondizzjonijiet attwali tat-tariffi, huma jonqsu milli jesprimu għażla fil-perjodu ta' żmien rilevanti. Dawn it-tariffi jew pakketti speċifiċi ta' roaming jistgħu jinkludu, per eżempju, rati fissi ta' roaming, tariffi mhux pubbliċi, tariffi bi ħlasijiet fissi ta' roaming miżjuda, tariffi bi ħlasijiet għal kull minuta aktar baxxi mill-Ewrotariffa massima jew tariffi bi ħlasijiet ta' installazzjoni.

    (25)

    Il-fornituri bl-imnut tas-servizzi tar-roaming madwar il-Komunita għandhom ikollhom perjodu li fih jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom sabiex jikkonformaw mal-limiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (26)

    Bl-istess mod, il-fornituri tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa madwar il-Komunita għandhom ikollhom perjodu ta' adattament sabiex jikkonformaw mal-limiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (27)

    Ladarba dan ir-Regolament jipprevedi li d-Direttivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju ta' l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura speċifika adottata għar-regolamentazzjoni ta' tariffi tar-roaming madwar il-Komunita għal sejħiet telefoniċi mobbli bil-vuċi, u ladarba l-fornituri ta' servizzi ta' roaming madwar il-Komunita kollha jistgħu jkunu meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jagħmlu tibdiliet fit-tariffi tagħhom ta' roaming bl-imnut sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, dawn il-bidliet m'għandhom jagħtu lill-klijenti tat-telefonija mobbli ebda dritt, taħt il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu il-qafas regolatorju ta' l-2002 għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jirtiraw mill-kuntratti tagħhom.

    (28)

    Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika offerti innovattivi lill-konsumaturi li jkunu aktar favorevoli mill-Ewrotariffa massima definita f’dan ir-Regolament, iżda minflok għandu jinkoraġġixxi li jsiru offerti innovattivi lill-klijenti tar-roaming b'rati aktar baxxi. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix li jiġu introdotti mill-ġdid tariffi tar-roaming f'każijiet fejn dawn tneħħew kompletament, u lanqas ma jirrikjedi li jiġu miżjuda tariffi eżistenti ta' roaming għal-livell tal-limiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (29)

    Il-fornituri tal-pajjiż ta' l-oriġini jistgħu joffru rata fissa kull xahar li tkun ekwa u tinkludi kollox, li għaliha ma jkunu japplikaw ebda limiti tat-tariffi. Din ir-rata fissa tista' tkopri s-servizzi ta' roaming ta' komunikazzjoni bil-vuċi u/jew tad-data madwar il-Komunità (inklużi Short Messaging Service (SMS) u Multimedia Messaging Service (MMS)).

    (30)

    Sabiex jiġi żgurat li l-utenti kollha tat-telefonija mobbli bil-vuċi jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti ta’ l-iffissar tal-prezzijiet bl-imnut għandhom japplikaw irrispettivament minn jekk il-klijenti tar-roaming ikollhomx kuntratt imħallas minn qabel jew wara mal-fornitur tal-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, u irrispettivament minn jekk il-fornitur tal-pajjiż ta' l-oriġini ikollux in-network tiegħu, ikunx operatur ta' network mobbli virtwali jew ikunx rivenditur ta' servizzi ta' telefonija mobbli bil-vuċi.

    (31)

    Fejn il-fornituri Komunitarji ta' servizzi ta' telefonija mobbli jsibu li l-benefiċċji ta' interoperabbilta u ta' konnettivita “end-to-end” għall-klijenti tagħhom huma pperikolati mit-terminazzjoni, jew mit-theddida ta' terminazzjoni, ta' l-arranġamenti tar-roaming tagħhom ma' operaturi tan-network tat-telefonija mobbli fi Stati Membri oħra, jew ma jkunux kapaċi jipprovdu lill-klijenti tagħhom b'servizz fi Stat Membru ieħor bħala riżultat ta' nuqqas ta' ftehim ma' mill-inqas fornitur ta' network bl-igrossa wieħed, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fejn meħtieġ, jagħmlu użu, mis-setgħat taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva ta' Aċċess sabiex jiżguraw aċċess u interkonnettivita adegwati sabiex jiggarantixxu din il-konnettivita end-to-end u l-interoperabbilta tas-servizzi, b'kont meħud ta' l-għanijiet ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru, b'mod partikolari l-ħolqien ta' suq uniku li jiffunzjona b'mod sħiħ għas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

    (32)

    Sabiex titjieb it-trasparenza tal-prezzijiet bl-imnut meta jsiru jew jiġu riċevuti sejħiet tar-roaming regolati fi ħdan il-Komunità u sabiex il-klijenti tar-roaming ikunu megħjuna jieħdu deċiżjonijiet dwar l-użu tat-telefons ċellulari tagħhom meta jkunu msiefra, il-fornituri tas-servizzi ta' telefonija mobbli għandhom jgħinu lill-klijenti tar-roaming tagħhom jiksbu faċilment informazzjoni bla ħlas dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli għalihom meta dawn jagħmlu jew jirċievu sejħiet fi Stat Membru miżjur. Barra minn hekk, il-fornituri għandhom jagħtu lill-klijenti tagħhom, fuq talba u bla ħlas, informazzjoni addizzjonali dwar it-tariffi għal kull minuta jew unità ta' data (inkluża l-VAT) meta jsiru jew jiġu riċevuti sejħiet bil-vuċi kif ukoll sabiex jintbagħtu u jiġu riċevuti SMS, MMS u servizzi oħra ta’ komunikazzjoni ta’ data fl-Istat Membru miżjur.

    (33)

    It-trasparenza teħtieġ ukoll li l-fornituri jipprovdu informazzjoni dwar tariffi tar-roaming, b'mod partikolari fuq l-Ewrotariffa u r-rata fissa li tinkludi kollox, jekk dawn joffru tali tariffa, meta jsiru abbonamenti u kull meta jkun hemm bidla fit-tariffi tar-roaming. Il-fornituri tal-pajjiż ta' l-oriġini għandhom jipprovdu informazzjoni dwar tariffi tar-roaming permezz ta' mezzi adegwati bħal invoices, l-internet, riklami televiżivi jew posta diretta. Fornituri tal-pajjiż ta' l-oriġini għandhom jiżguraw li l-klijenti tar-roaming kollha tagħhom ikunu konxji tad-disponibbilta ta' tariffi regolati u għandhom jibagħtu komunikazzjoni ċara u mingħajr preferenza lil dawn il-klijenti fejn jiddeskrivu l-kondizzjonijiet ta' l-Ewrotariffa u d-dritt li jaqilbu minnha jew għaliha.

    (34)

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jkunu responsabbli għat-twettiq tal-kompiti skond il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ l-2002 għandhom ikollhom is-setgħat meħtieġa sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-obbligi taħt dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom. Għandhom ukoll jimmonitorjaw żviluppi fl-iprezzar tas-servizzi bil-vuċi u tad-data għall-klijenti tat-telefonija mobbli li jużaw ir-roaming fi ħdan il-Komunità, inklużi, fejn xieraq l-ispejjeż speċifiċi marbuta mas-sejħiet roaming li saru u li ġew riċevuti fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità u l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu rkuprati b’mod adegwat fuq is-suq bl-ingrossa, u li ma jsirx użu ta' traffic steering b'mod li jillimita l-għażla bi ħsara lill-klijenti. Għandhom jiżguraw ukoll li informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun disponibbli għall-partijiet interessati u jippubblikaw ir-riżultati ta' monitoraġġ bħal dan kull sitt xhur. Għandha tiġi provduta informazzjoni separata dwar il-klijenti korporattivi, dawk li jħallsu wara (post-paid) u dawk li jħallsu bil-quddiem (pre-paid).

    (35)

    Ir-roaming fil-pajjiż fir-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità fejn liċenzji għat-telefonija mobbli ikunu distinti minn dawk maħruġa fir-rigward tal-bqija tat-territorju nazzjonali jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fir-rati ekwivalenti għal dak prattikat fis-suq Komunitarju tar-roaming. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament m'għandhiex twassal għal prezzijiet inqas favorevoli għal klijenti li jużaw servizzi ta' roaming fil-pajjiż meta mqabbla ma’ klijenti li jużaw servizzi ta’ roaming mifruxa madwar il-Komunità. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali konsistenti mal-liġi Komunitarja.

    (36)

    Fid-dawl tal-fatt li, minbarra t-telefonija bil-vuċi, is-servizzi l-ġodda tal-komunikazzjoni mobbli tad-data qed jiksbu aktar importanza, dan ir-Regolament għandu jagħmilha possibbli li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi tas-suq f’dawk is-servizzi wkoll. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha timmonitorja s-suq għal servizzi ta' roaming ta’ komunikazzjoni mobbli ta’ data, inklużi l-SMS u l-MMS.

    (37)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ penali li jiġu applikati fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament.

    (38)

    Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri sabiex jiġi stabbilit approċċ komuni li jiżgura li l-utenti tan-networks pubbliċi tat-telefonija mobbli meta jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għar-roaming madwar il-Komunità meta jagħmlu jew jirċievu sejħiet, sabiex b’hekk jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi mobbli, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri b'mod sigur, armonizzat u f'waqtu u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (39)

    Dan l-approċċ komuni għandu jiġi stabbilit għal perjodu limitat. Dan ir-Regolament jista', fid-dawl ta’ reviżjoni li titwettaq mill-Kummissjoni, jiġi estiż jew emendat. Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-effikaċja ta' dan ir-Regolament u l-kontribut li jagħmel lejn l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern kif ukoll teżamina l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq fornituri iżgħar ta’ telefonija mobbli fil-Komunità u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tar-roaming mifrux madwar il-Komunità,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-networks pubbliċi tat-telefonija mobbli li jkunu msiefra fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi tar-roaming madwar il-Komunità meta jagħmlu u jirċievu sejħiet, sabiex b’hekk isir kontribut għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern waqt li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-telefonija mobbli u jitħarsu kemm l-inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-tariffi li jistgħu jiġu imposti mill-operaturi tat-telefonija mobbli għall-għoti ta’ servizzi tar-roaming internazzjonali għal sejħiet bil-vuċi li joriġinaw u jitterminaw fi ħdan il-Komunità u japplikaw kemm għat-tariffi miġbura bejn l-operaturi tan-network fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll għat-tariffi miġbura mill-fornitur fil-pajjiż ta’ oriġini fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.

    2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli mmirati sabiex tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet u jittejjeb l-għoti ta' informazzjoni dwar it-tariffi lill-utenti ta’ servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità.

    3.   Dan ir-Regolament huwa miżura speċifika fis-sens ta’ l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva Kwadru.

    4.   Il-limiti tat-tariffi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma espressi f’Euro. Fejn it-tariffi regolati mill-Artikoli 3 u 4 ikunu denominati f’muniti oħrajn, il-limiti inizjali skond dawk l-Artikoli għandhom jiġu determinati f’dawk il-muniti billi jiġu applikati ir-rati referenzjali tal-kambju prevalenti fi 30 ta’ Ġunju 2007, kif pubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Għall-finijiet tat-tnaqqis sussegwenti f’dawk il-limiti previsti fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4(2), il-valuri riveduti għandhom jiġu determinati billi jiġu applikati r-rati referenzjali tal-kambju pubblikati xahar qabel id-data li minnha japplikaw il-valuri riveduti.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva ta' Aċċess, fl-Artikolu 2 tad-Direttiva Kwadru, u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali.

    2.   Addizzjonalment għad-definizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Ewrotariffa” tfisser kwalunkwe tariffa li ma teċċedix it-tariffa massima, prevista fl-Artikolu 4, li fornitur tal-pajjiż ta' oriġini jista’ jimponi għall-provvista ta’ sejħiet roaming regolati konformement ma’ dak l-Artikolu;

    (b)

    “fornitur tal-pajjiż ta' oriġini” tfisser impriża li tipprovdi lil klijent tar-roaming b’servizzi pubbliċi ta' telefonija mobbli terrestri permezz tan-network tiegħu stess jew bħala operatur jew rivenditur ta’ servizz ta' network ta’ telefonija mobbli virtwali;

    (ċ)

    network tal-pajjiż ta' oriġini” tfisser network pubbliku tat-telefonija mobbli terrestri li jinsab fi Stat Membru u li jintuża minn fornitur tal-pajjiż ta' oriġini għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta' telefonija mobbli terrestri lil klijent tar-roaming;

    (d)

    roaming madwar il-Komunità” tfisser l-użu ta' telefon ċellulari jew apparat ieħor minn klijent tar-roaming sabiex jagħmel jew jirċievi sejħiet intra-Komunitarji meta jkun fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih jinsab in-network tal-pajjiż ta' oriġini tiegħu, permezz ta’ arranġamenti bejn l-operatur tan-network tal-pajjiż ta' oriġini u l-operatur tan-network miżjur;

    (e)

    “sejħa roaming regolata” tfisser sejħa permezz tat-telefonija mobbli bil-vuċi magħmula minn klijent tar-roaming, li toriġina fuq network miżjur u li tittermina fuq network telefoniku pubbliku fi ħdan il-Komunità jew riċevuta minn klijent tar-roaming, li toriġina f’network telefoniku pubbliku fi ħdan il-Komunità u tittermina f'network miżjur;

    (f)

    “klijent tar-roaming” tfisser klijent ta’ fornitur ta’ servizzi pubbliċi ta' telefonija mobbli terrestri, permezz ta’ network pubbliku ta’ telefonija mobbli terrestri li jinsab fil-Komunità, li l-kuntratt jew l-arranġament tiegħu mal-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini tiegħu jippermetti l-użu ta’ telefon ċellulari jew apparat ieħor sabiex jagħmel jew jirċievi sejħiet fuq network miżjur permezz ta’ arranġamenti bejn l-operatur tan-network tal-pajjiż ta' oriġini u l-operatur tan-network miżjur;

    (g)

    network miżjur” tfisser network pubbliku ta’ telefonija mobbli terrestri li jinsab fi Stat Membru li mhuwiex dak tan-network tal-pajjiż ta' oriġini u li jippermetti klijent tar-roaming li jagħmel jew jirċievi sejħiet permezz ta’ arranġamenti ma’ l-operatur tan-network tal-pajjiż ta' oriġini.

    Artikolu 3

    Tariffi bl-ingrossa għal sejħiet roaming regolati

    1.   It-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ network miżjur jista’ jimponi lill-operatur tan-network ta’ klijent tar-roaming għal sejħa roaming regolata li toriġina minn dak in-network miżjur, bl-inklużjoni, inter alia, ta’ l-ispejjeż ta’ l-oriġini, tat-tranżitu, u tat-terminazzjoni, m’għandhiex tkun iktar minn EUR 0,30 kull minuta.

    2.   Din it-tariffa medja bl-ingrossa għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkulata fuq perjodu ta’ tnax-il xahar jew kwalunkwe perjodu iqsar li jista' jkun fadal qabel ma jiskadi dan ir-Regolament. It-tariffa medja massima bl-ingrossa għandha tonqos għal EUR 0,28 u EUR 0,26, fi 30 ta’ Awissu 2008 u fi 30 ta’ Awissu 2009 rispettivament.

    3.   It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi jiġi diviż id-dħul totali, mir-roaming, magħmul bl-ingrossa min-numru totali ta’ minuti roaming mibjugħa bl-ingrossa għall-provvista ta’ sejħiet roaming bl-ingrossa fi ħdan il-Komunità mill-operatur rilevanti fil-perjodu rilevanti. L-operatur ta’ network miżjur għandu jkun permess jagħmel distinzjoni bejn tariffi fil-ħinijiet peak u tariffi fil-ħinijiet off-peak.

    Artikolu 4

    Tariffi bl-imnut għal sejħiet roaming regolati

    1.   Il-fornituri tal-pajjiż ta' oriġini għandhom jagħmlu disponibbli u joffru attivament lill-klijenti tar-roaming kollha tagħhom, b’mod ċar u trasparenti, Ewrotariffa kif prevista fil-paragrafu 2. Din l-Ewrotariffa m'għandha tinvolvi l-ebda abbonament assoċjat jew tariffa oħra, fissa jew rikorrenti, u tista' tkun kombinata ma' kwalunkwe tariffa bl-imnut.

    Meta jagħmlu din l-offerta, il-fornituri tal-pajjiż ta' oriġini għandhom ifakkru lil kull klijent tar-roaming tagħhom li, qabel 30 ta’ Ġunju 2007, kienu għażlu tariffa roaming speċifika jew pakkett speċifiku dwar il-kondizzjonijiet applikabbli għal dik it-tariffa jew pakkett.

    2.   It-tariffa bl-imnut (eskluża l-VAT) ta’ Ewrotariffa, li l-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini jista' jimponi lill-konsumaturi tiegħu tar-roaming għall-provvista ta' sejħiet roaming tista’ tvarja għal kull sejħa roaming iżda m'għandiex taqbeż EUR 0,49 kull minuta għal kull sejħa magħmula jew EUR 0,24 kull minuta għal kull sejħa riċevuta. Il-limitu fil-prezz għal sejħiet magħmula għandu jonqos għal EUR 0,46 u EUR 0,43, u għal sejħiet iriċevuti għal EUR 0,22 u EUR 0,19 fi 30 ta’ Awissu 2008 u fi 30 ta’ Awissu 2009.

    3.   Il-klijenti tar-roaming kollha għandhom jiġu offruti tariffa kif stabbilit fil-paragrafu 2.

    Il-klijenti tar-roaming kollha attwali għandhom jingħataw l-opportunità, sa 30 ta' Lulju 2007 li jagħżlu deliberatament l-Ewrotariffa jew kwalunkwe tariffa roaming oħra, u għandhom jingħataw perjodu ta' xahrejn sabiex jgħarrfu lill-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom dwar l-għażla tagħhom. It-tariffa mitluba għandha tiġi attivata mhux aktar tard minn xahar wara li tiġi riċevuta t-talba tal-klijent mill-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini.

    Il-klijenti tar-roaming li f'dak il-perjodu ta’ xahrejn ma jkunux għarrfu l-għażla tagħhom għandhom jiġu awtomatikament provduti b’Ewrotariffa kif stabbilit fil-paragrafu 2.

    Madankollu, il-klijenti tar-roaming li, qabel 30 ta’ Ġunju 2007 kienu diġà għamlu għażla deliberata ta’ tariffa jew pakkett roaming speċifiku differenti mit-tariffa roaming li kienu jingħataw kieku ma jagħmlux tali għażla, u li jonqsu milli jesprimu għażla skond dan il-paragrafu, għandhom jibqgħu fuq it-tariffa jew pakkett magħżulin qabel.

    4.   Kwalunkwe klijent tar-roaming jista' jitlob, fi kwalunkwe punt wara li jkun tlesta l-proċess stabbilit fil-paragrafu 3, li jibdel għal jew minn Ewrotariffa. Kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien ġurnata ta’ xogħol mir-riċezzjoni tat-talba u mingħajr ħlas u ma għandhiex tinvolvi kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet relatati ma’ elementi oħrajn ta’ l-abbonament. Fornitur tal-pajjiż ta' oriġini jista’ jdewwem tali bidla sa meta t-tariffa roaming preċedenti tkun effettiva għal perjodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx tliet xhur.

    Artikolu 5

    L-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 3 u 6

    1.   L-Artikolu 3 għandu japplika minn 30 ta’ Awissu 2007.

    2.   L-Artikolu 6(1) u (2) għandu japplika minn 30 ta’ Settembru 2007.

    Artikolu 6

    It-trasparenza tat-tariffi bl-imnut

    1.   Sabiex klijent tar-roaming jiġi notifikat dwar il-fatt li jkun suġġett għal tariffi tar-roaming meta jagħmel jew jirċievi telefonata, kull fornitur tal-pajjiż ta' oriġini għandu, ħlief meta l-klijent ikun innotifika lill-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini tiegħu li ma jirrikjedix dan is-servizz, jipprovdi lill-klijent, b'mod awtomatiku, permezz ta’ Servizz ta’ Messaġġi, mingħajr dewmien żejjed u mingħajr ħlas, meta jidħol fi Stat Membru li mhuwiex dak tan-network tal-pajjiż ta' oriġini tiegħu, bl-informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet dwar it-tariffi tar-roaming (inkluża l-VAT) li japplikaw għal dak il-klijent sabiex jagħmel u jirċievi sejħiet fl-Istat Membru miżjur.

    Din l-informazzjoni personalizzata bażika għandha tinkludi t-tariffi massimi li għalihom il-klijent jista' jkun suġġett taħt l-iskema ta’ tariffi tiegħu għal sejħiet li jsiru fil-pajjiż miżjur u lejn l-Istat Membru tan-network tal-pajjiż ta' oriġini tiegħu, kif ukoll għal sejħiet riċevuti. Għandha tinkludi wkoll in-numru mingħajr ħlas imsemmi fil-paragrafu 2 għall-aċċess għal informazzjoni aktar dettaljata.

    Klijent li jkun avża li huwa m’għandux bżonn is-Servizz ta’ Messaġġ awtomatiku għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini sabiex jerġa’ jipprovdi s-servizz.

    Il-fornituri tal-pajjiż ta' oriġini għandhom jipprovdu din l-informazzjoni personalizzata bażika dwar prezzijiet lill-klijenti neqsin mid-dawl jew li jkollhom vista parzjali b’mod awtomatiku, permezz ta’ sejħa bil-vuċi, mingħajr ħlas, jekk huma jitolbu dan.

    2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, il-klijenti għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu u jirċievu, mingħajr ħlas, aktar informazzjoni personalizzata dettaljata dwar il-prezzijiet tar-roaming applikabbli għal sejħiet bil-vuċi, SMS, MMS u servizzi oħrajn ta’ komunikazzjoni tad-data, permezz ta’ sejħa telefonika mobbli bil-vuċi jew SMS. Talba bħal din għandha ssir fuq numru mingħajr ħlas assenjat għal dan il-għan mill-fornitur tal-pajjiż ta' oriġini.

    3.   Il-fornituri tal-pajjiż ta' oriġini għandhom jagħtu lill-utenti kollha informazzjoni sħiħa dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli, b’mod partikolari dwar l-Ewrotariffa, meta jsiru l-abbonamenti. Huma għandhom ukoll jipprovdu lill-klijenti tar-roaming tagħhom aġġornamenti perjodiċi dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli mingħajr dewmien żejjed kull darba li jkun hemm bidla f’dawn it-tariffi.

    Il-fornituri tal-pajjiż ta' oriġini għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li l-klijenti tar-roaming kollha tagħhom isiru jafu dwar id-disponibbiltà ta’ l-Ewrotariffa. Għandhom jikkomunikaw, b’mod partikolari, lill-klijenti tar-roaming kollha sa 30 ta' Lulju 2007 il-kondizzjonijiet relatati ma’ l-Ewrotariffa b’mod ċar u imparzjali. Huma għandhom wara dan ifakkru fihom, f’intervalli raġonevoli, permezz ta' messaġġ lill-klijenti kollha li jkunu għażlu tariffa oħra.

    Artikolu 7

    Superviżjoni u infurzar

    1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkontrollaw u jissorveljaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom.

    2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 4, b’mod li jippermetti lill-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għaliha.

    3.   Bħala preparazzjoni għar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 11, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l-iżviluppi fil-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut għall-provvista lill-klijenti tar-roaming ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bil-vuċi u tad-data, inklużi SMS u MMS, anke fir-reġjuni l-aktar periferiċi msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ukoll ikunu konxji tal-każ partikolari ta’ roaming involontarju fir-reġjuni konfinali ta’ Stati Membri viċini u jissorveljaw jekk ikunx qieghed isir użu ta' traffic steering b'mod żvantaġġuż għall-klijenti. Għandhom jikkomunikaw ir-riżultati ta’ dan lill-Kummissjoni, inkluż informazzjoni separata dwar klijenti korporattivi, klijenti post-paid u klijenti pre-paid, kull sitt xhur.

    4.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jesiġu mill-impriżi suġġetti għall-obbligi taħt dan ir-Regolament li jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-impriżi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni minnufih meta mitluba, u skond l-iskadenzi u l-livell ta’ dettall meħtieġa mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

    5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jintervjenu fuq inizjattiva tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, għandhom meta jkun meħtieġ jużaw is-setgħat taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva ta' Aċċess sabiex jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati sabiex ikunu garantiti l-konnettività end-to-end u l-interoperabbiltà tas-servizzi ta' roaming.

    6.   Fejn awtorità regolatorja nazzjonali ssib li seħħ ksur ta’ l-obbligi stabbiliti fir-Regolament, għandha jkollha s-setgħa tesiġi it-terminazzjoni immedjata ta' tali ksur.

    Artikolu 8

    Riżoluzzjoni ta' disputi

    1.   Fil-każ ta’ disputa konnessa ma’ l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament bejn l-impriżi li jipprovdu networks jew servizzi għal komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru, għandhom japplikaw il-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' tilwim stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva Kwadru.

    2.   Fil-każ ta' disputa mhux riżolta li tinvolvi klijent jew utent finali u li tikkonċerna kwistjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli l-proċeduri extra-ġudizzjarji għar-riżoluzzjoni ta' disputi stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar Servizz Universali.

    Artikolu 9

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, propozjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet mhux aktar tard minn 30 ta’ Marzu 2008 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emendament sussegwenti li jinċidi fuqhom.

    Artikolu 10

    L-emendament tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru)

    Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru):

    “5.   Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kull miżura speċifika adottata għar-regolamentazzjoni tar-roaming internazzjonali fuq networks pubbliċi ta’ telefonija mobbli fi hdan il-Komunità.”

    Artikolu 11

    Reviżjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar minn 30 ta’ Diċembru 2008. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b’mod partikolari jekk inkisbux l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għandha tirrivedi l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni bil-vuċi u tad-data, inklużi SMS u MMS, lill-klijenti tar-roaming, u tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni ta' dawn is-servizzi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tuża l-informazzjoni provduta skond l-Artikolu 7(3).

    2.   Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tara jekk, fid-dawl ta' l-iżviluppi fis-suq u fir-rigward kemm tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-protezzjoni tal-konsumatur, ikunx meħtieġ li jiġi estiż it-tul ta' dan ir-Regolament aktar mill-perjodu stabbilit fl-Artikolu 13 jew li jiġi emendat, b'kont meħud ta' l-iżviluppu fit-tariffi għal servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli bil-vuċi jew tad-data fil-livell nazzjonali u l-effetti ta’ dan ir-Regolament fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi iżgħar, indipendenti jew li għadhom jibdew. Jekk il-Kummissjoni issib li teżisti din il-ħtieġa, għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 12

    Rekwiżiti ta’ notifika

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 30 ta’ Awissu 2007 bl-identità ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-kompiti taħt dan ir-Regolament.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ u skadenza

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu jiskadi 30 ta’ Ġunju 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 27 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. MERKEL


    (1)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 42.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2007.

    (3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

    (4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

    (5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

    (6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

    (7)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2006/24/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

    (8)  ĠU L 114, 8.5.2003, p. 45.

    (9)  ĠU C 165, 11.7.2002, p. 6.

    (10)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 143.


    Top