Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0501

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2007 tas- 7 ta’ Mejju 2007 li jemenda l-Anness I mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

    ĠU L 119, 9.5.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/501/oj

    9.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 119/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 501/2007

    tas-7 ta’ Mejju 2007

    li jemenda l-Anness I mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Bit-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea żdied b'mod sinifikanti n-numru ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME, small and medium-sized enterprises) li jużaw l-aluminju mhux maħdum u mhux legat għall-produzzjoni ta’ prodotti industrijali nofshom lesti u lesti. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tas-suq fl-Unjoni Ewropea nbidlet b'mod sinifikanti minħabba f'takeovers ta’ industriji Komunitarji minn holdings industrijali globali u ż-żieda fil-konċentrazzjoni ta’ manifatturi ta’ l-aluminju fis-suq dinji. Fl-istess waqt l-ispejjeż ta’ l-elettriku, fattur ta’ spiża importanti fil-produzzjoni ta’ l-aluminju mhux legat, żdiedu b'mod drammatiku u l-iżvilupp ta’ l-ekonomija dinjija wassal għal nuqqas fil-provvista ta’ l-aluminju grezz.

    (2)

    Dawn il-fatturi wasslu għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet ta’ aluminju grezz u eskludew fil-biċċa l-kbira utenti indipendenti żgħar u ta’ daqs medju ta’ aluminju mhux legat mix-xiri ta’ dan il-prodott mingħajr dazju. Il-pagament ta’ dazji doganali ta’ 6 % għall-materja prima bażika għandu għaldaqstant l-effett li l-kompetittività ta’ tali kumpanniji tinsab f'riskju u joħloq il-periklu li numru akbar minn dawn il-kumpanniji ma jkunux jistgħu ikampaw.

    (3)

    L-eliminazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji mis-suq Komunitarju ċertament twassal għat-tnaqqis tal-kompetizzjoni f'dan is-suq għal prodotti ta’ l-aluminju nofshom lesti. Barra minn hekk tali eliminazzjoni jkollha effetti negattivi fuq l-impjiegi fil-Komunità speċjalment f'xi żoni rurali ta’ l-Istati Membri l-ġodda tal-Komunità. Is-sospensjoni parzjali tad-dazju doganali għall-aluminju mhux legat għaldaqstant itejjeb sa ċertu punt il-kompetittività tas-SME u għalhekk itejjeb il-kompetizzjoni għall-prodotti ta’ l-aluminju nofshom lesti u lesti fis-suq Komunitarju.

    (4)

    Din is-sitwazzjoni għandha titqies ma’ l-impatt ta’ sospensjoni ta’ dazju doganali fuq l-impjanti ta’ manifattura ta’ aluminju mhux legat li għadhom jeżistu fil-Komunità u fil-pajjiżi b'arranġament tariffarju preferenzjali ma’ l-Unjoni Ewropea. Dawn l-impjanti kważi kollha jappartjenu direttament jew indirettament lil holdings industrijali maġġuri li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea. L-aluminju prodott f'dawn l-impjanti u fornut bla dazju huwa użat prinċipalment sabiex jiġi trasformat ulterjorment fi ħdan kumpanniji relatati ma’ dawn il-holdings. Huwa biss sehem relattivament żgħir ta’ aluminju mhux legat, mhux suġġett għad-dazju, li huwa disponibbli għas-SME indipendenti. Madankollu meta jittieħed kont tal-livell għoli relattiv tar-rata konvenzjonali tad-dazju doganali ta’ 6 %, is-sospensjoni parzjali awtonoma ta’ dan id-dazju ser ikollha impatt fuq ir-reddittività tal-produzzjoni u fuq l-operazzjonijiet sussegwenti ta’ trasformazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji minħabba żieda fil-pressjoni tal-prezz fuq il-prodotti li jirriżultaw minn transformazzjoni kif ukoll fuq l-aluminju grezz mibjugħ fis-suq miftuħ lil kumpanniji indipendenti.

    (5)

    Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni jidher għaldaqstant kunsiljabbli li tiġi sospiża parzjalment ir-rata awtonoma ta’ dazju doganali. Dan jippermetti lis-SME indipendenti sabiex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u sabiex jibbenefikaw minn żieda sinifikanti fil-kompetittività.

    (6)

    Din is-sospensjoni parzjali tad-dazju doganali awtonomu għal aluminju mhux maħdum u mhux legat hija kunsiljabbli sabiex jiġi bbilanċjat l-interess ekonomiku ta’ l-operaturi kkonċernati.

    (7)

    B’kont meħud tal-bidliet futuri eventwalment possibbli fis-sitwazzjoni tas-suq ta’ l-aluminju mhux maħdum u mhux legat, huwa kunsiljabbli li tiġi prevista reviżjoni wara tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (8)

    Ladarba s-sospensjoni parzjali għandha tkopri l-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7601 10 00 u minħabba l-karattru permanenti tal-miżura, huwa meħtieġ li l-Anness I mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1) jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness I mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, it-test fil-kolonna 3 għall-kodiċi NM 7601 10 00 fit-Taqsima XV tal-Kapitolu 76 tat-Tieni Parti (Skeda ta’ Dazji Doganali) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “6 (*)

    Artikolu 2

    Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista jaġġusta d-dazju doganali awtonomu ta’ 3 % għall-aluminju mhux maħdum u mhux legat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 7601 10 00.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 7 ta’ Mejju 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. SEEHOFER


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 301/2007 (ĠU L 81, 22.3.2007, p. 11).


    Top