EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0407

407/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2007 tas- 16 ta’ April 2007 li jimponi miżuri anti-dumping definittivi u li jirrilaxxa d-dazju provviżjorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu frawli ffriżati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ĠU L 100, 17.4.2007, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 339–351 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/04/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/407/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

339


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 407/2007

tas-16 ta’ April 2007

li jimponi miżuri anti-dumping definittivi u li jirrilaxxa d-dazju provviżjorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu frawli ffriżati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b' mod partikolari l-Artikoli 9 u 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri Provviżorji

(1)

Fit-18 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1551/2006 (2) (ir-Regolament provviżorju'), imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ frawli ffriżati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

2.   Proċediment sussegwenti

(2)

Wara impożizzjoni ta' dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta' ċertu frawli ffriżati mir-RPĊ, il-partijiet kollha rċevew informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kien ibbażat ir-Regolament proviżorju. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet f'relazzjoni ma' din l-informazzjoni.

(3)

Xi partijiet interessati ressqu kummenti bil-miktub. Dawk il-partijiet li talbu li jagħmlu dan, ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu oralment. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi min-naħa tal-partijiet ġew eżaminati, u, fejn dan kien f'loku, is-sejbiet proviżorji ġew modifikati skond dan.

(4)

Il-partijiet kollha interessati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha kien intenzjonat li jiġu imposti l-miżuri definittivi u jiġu rilaxxati l-ammonti żgurati permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju impost bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1551/2006 (l-iskopertura finali). Il-partijiet interessati ġew mogħtija wkoll perjodu fejn setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din l-iskopertura. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi min-naħa tal-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn dan kien f'loku, il-konklużjonjiet ġew immodifikati skond dan.

3.   Il-partijiet ikkonċernati bil-proċediment

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex kull informazzjoni li ħasset li hi meħtieġa għall-iskop tas-sejbiet definittivi tagħha. B'żieda maż-żjarat ta' verifikazzjoni li jkunu saru fil-propjetajiet tal-kumpanniji msemmija fil-premessa (8) tar-Regolament proviżorju, għandu jiġi notat li wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, twettqet żjara fuq il-post fil-propjetajiet ta' l-utenti u l-importaturi tal-Komunità li ġejjin:

 

Importaturi/negozjanti

BS Foods BV, Gennep, l-Olanda

Skogsmat AB, Karlstad, l-Iżvezja

 

Utenti/proċessuri

Agrana Frucht GmbH & Co KG, Gleisdorf, l-Awstrija

Agrana, S.A. Neuilly sur Seine, Franza

Dairy Fruits A/S, Odense, id-Danimarka

Groupe Danone, Pariġi, Franza

Materne S.A.S., Limonest, Franza

Rudolf Wild GmbH & Co. KG, Eppelheim, il-Ġermanja

Schwartauer Werke GmbH & Co KGaA, Bad Schwartau, il-Ġermanja

Yoplait France S.A.S., Boulogne, Franza

4.   Perjodu ta' investigazzjoni (PI)

(6)

Ta’ min isemmi li l-perjodu ta’ l-investigazzjoni kontra d-dumping u l-ħsara (“PI”) kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005. L-istħarriġ ta' tendenzi relevanti għall-analiżi ta' ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sat-tmiem tal-PI (il-'perjodu kkunsidrat').

(7)

Parti waħda interessata għamlet mistoqsijiet dwar kemm huwa adatt il-perjodu ta' investigazzjoni magħżul billi saħqet li s-sena 2005 ma kinitx rappreżentattiva minħabba li l-prezzijiet ta' l-importazzjoni kienu baxxi b'mod mhux normali. Madankollu, l-għażla tal-PI saret skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Bażiku illi jipprevedi li l-PI għandu normalment ikopri perjodu ta' mhux anqas minn sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċediment. Għalhekk, il-partikolaritajiet kollha allegati fir-rigward tas-sena 2005 ma kinux riflessi fl-għażla tal-PI, imma ġew eżaminati fl-analiżi tal-kawżalità.

(8)

Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, il-perjodu ta' investigazzjoni (“PI”) kif ddettaljat fil-premessa (11) tar-Regolament proviżorju huwa hawnhekk ikkonfermat.

5.   Prodott ikkonċernat u prodott simili

(9)

Qed jiġi mfakkar li, fil-premessa (13) tar-Regolament proviżorju, il-prodott konċernat kien definit bħala frawli, nejjin jew imsajrin bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma, friżati, kemm jekk biż-żieda ta’ zokkor jew ta’ xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu jew mingħajrha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bħalissa klassifikabbli fi ħdan il-kodiċijiet NM 0811 10 11, 0811 10 19 u 0811 10 90.

(10)

Xi partijiet interessati argumentaw li hemm differenzi sinifikanti fit-termini ta' l-użu u l-kwalità bejn it-tipi differenti ta' frawli ffriżati. Huma saħqu għall-istess raġuni li l-frawli ffriżati ta' oriġini Ċiniża ma setgħux jiġu kumparati ma' dawk prodotti mill-industrija tal-Komunità.

(11)

Fil-premessa (15) tar-Regolament proviżorju, kien dikjarat li l-investigazzjoni uriet, minkejja differenzi fil-varjetajiet, kwalità, daqs u post-ipproċessar, it-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat, kif ukoll frawli friżati prodotti u mibjugħa fis-suq tal-Komunità mill-industrija tal-Komunità, kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u bijoloġiċi u bażikament huma użati għall-istess skopijiet. Għalhekk kienu kunsidrati li jikkostitwixxu prodott uniku wieħed. Minħabba li ħadd minn dawk il-partijiet interessati ma pprovda xi evidenza addizzjonali biex jissostanzja l-istqarrija u li ma nstab ebda fatt ġdid, din l-istqarrija hija rrifjutata.

(12)

Peress li ma waslu l-ebda kummenti oħra rigward id-definizzjoni tal-prodott u l-prodott simili, il-kontenut u l-konklużjonijiet proviżorji tal-premessi (12) sa (16) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

B.   DUMPING

1.   It-Trattament ta’ l-Ekonomija tas-Suq

(13)

Ma wasal l-ebda kumment li kien biżżejjed biex jibdel is-sejbiet dwar it-trattament ta' l-ekonomija tas-suq. Għalhekk, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (17) sa (26) tar-Regolament proviżorju huma konfermati.

2.   Trattament Individwali

(14)

It-tliet produtturi esportaturi li ġew miċħuda t-trattament individwali (“TI”) argumentaw li din id-deċiżjoni għandha tiġi riveduta. Qed jiġi mfakkar li t-tliet kumpanniji in kwestjoni ma ssodisfawx il-kriterji (b) u (e) taħt l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Il-kriterju (b) jobbliga li l-prezzijiet u l-kwantitajiet ta' esportazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ jiġu ddeterminati b'mod ħieles. Il-kriterju (e) jobbliga li l-indħil ta' l-Istat mhux tali li jippermetti skartar tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħatawlhom rati individwali ta' dazju.

(15)

Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mit-tliet kumpanniji in kwestjoni ma kienu biżżejjed biex jibdlu d-deċiżjoni meħuda fl-istadju proviżorju. B'mod partikulari, instab li l-kumpanniji konċernati kienu esposti għall-interferenza ta' l-istat li llimitathom li jiddeterminaw b'mod ħieles il-kwantitajiet ta' l-esportazzjoni (kriterju (b)).

(16)

Aktar minn hekk, l-interferenza ta' l-istat, sa ċertu punt ipprevaliet b'mod li x'aktarx iseħħ skartar tal-miżuri jekk esportaturi individwali kellhom jingħataw rati individwali ta' dazju (kriterju (e)).

(17)

uqqas ta' aktar kummenti relatati mas-sejbiet dwar l-IT, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (27) u (28) tar-Regolament proviżorju huma konfermanti.

3.   Valur normali

(18)

Wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri proviżorji, ma wasal ebda kumment li kien biżżejjed biex jibdel id-deċiżjoni biex it-Turkija tintuża bħala pajjiż analogu. Id-deċiżjoni hija għalhekk konfermata. Qed jiġi mfakkar li għall-iskop ta' l-istabbiliment tal-valuri normali, il-prezzijiet tal-frawli tat-Turkija ġew aġġustati biex jieħdu kont tal-kwalità aħjar tagħhom meta mqabbla mal-frawli Ċiniżi (ara premessi 39 u 44 tar-Regolament proviżorju).

(19)

Fin-nuqqas ta' aktar kummenti relatati mas-sejbiet dwar il-valur normali, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (29) sa (42) tar-Regolament proviżorju huma konfermati.

4.   Prezz ta' l-Esportazzjoni

(20)

Fin-nuqqas ta' aktar kummenti relatati mas-sejbiet dwar il-prezz ta' l-esportazzjoni, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (43) tar-Regolament proviżorju huma konfermati.

5.   Paragun

(21)

Qed issir referenza għall-premessa (44) tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta' xi kumment li seta' jbiddel is-sejbiet ddikjarati f'dik il-premessa s-sejbiet proviżorji huma hawnhekk konfermati.

6.   Marġini ta' dumping

(22)

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, il-marġini tad-dumping finalment determinat, muri bħala persentaġġ tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huwa:

 

Yantai Yongchang Foodstuff 0 %

 

Dandong Junao Foodstuff 31.1 %

 

Il-Kumpanniji l-oħra kollha 66.9 %

C.   DANNU

1.   Produzzjoni tal-Komunità

(23)

Peress li ma ġie sottomess ebda kumment, is-sejbiet proviżorji rigward il-produzzjoni totali tal-Komunità kif stabbilita fil-premessa (51) tar-Regolament proviżorju hija hawnhekk ikkonfermata.

2.   Definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità

(24)

Peress li ma ġie sottomess ebda kumment, id-definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità kif stabbilita fil-premessi (52) u (53) tar-Regolament proviżorju hija hawnhekk ikkonfermata.

3.   Teħid ta' kampjuni għal skopijiet ta' valutazzjoni tad-dannu

(25)

Qed jiġi mfakkar li fid-dawl tan-numru kbir ta' produtturi ta' frawli ffriżati fil-Komunità, kampjun ta' tmien produtturi intgħażlu għall-valutazzjoni tad-dannu. Parti interessata qalet li l-kampjun tal-produtturi tal-Komunità ma kienx rappreżentattiv minħabba li l-produtturi kollha magħżula kienu fil-Polonja. Ġie stabbilit li kampjun ibbażat fuq l-akbar volum ta' produzzjoni għandu jieħu kont tal-post ġeografiku tal-produtturi sabiex ikun rappreżentattiv.

(26)

Qed jiġi mfakkar li l-premessa (54) tar-Regolament proviżorju tissottolinea li l-għażla tal-kampjun saret skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku li jipprevedi li kampjun jista' jintgħażel abbażi ta’ l-akbar volum ta' produzzjoni rappreżentattiv li tista' tiġi investigata fiż-żmien disponponibbli.

(27)

Għalhekk, għażla ta' kampjun ibbażata fuq dan il-metodu jkollha l-ewwel tieħu kont tar-rappreżentittività f'termini ta' volum ta' produzzjoni. M'huwiex meħtieġ li l-kampjun ikopri wkoll ċertu rappreżentazzjoni ġeografika; din tista', imma b'mod ċar m'għandhiex għalfejn tkun, kunsiderazzjoni anċillarja.

(28)

Aktar minn hekk, minħabba li l-produzzjoni tal-frawli ffriżati sa ċertu punt hija konċentrata fil-Polonja, mhux biss f'termini ta' volum imma wkoll f'termini ta' numru ta' produtturi, konsiderazzjoni tal-post ġeografiku f'dan il-każ ma tipprevenix li l-għażla tal-kampjuni tikkonsisti biss fi produtturi Pollakki. Dan l-argument huwa għalhekk irrifjutat.

(29)

Peress li ma ġew sottomessi ebda kummenti oħra, l-għażla tal-kampjun għal skopijiet ta' dannu fil-premessi (54) u (55) tar-Regolament proviżorju hija hawnhekk konfermata.

4.   Konsum Komunitarju

(30)

Peress li ma ġie sottomess ebda kumment, il-kalkolazzjoni tal-konsum tal-Komunità kif stabbilit fil-premessi (56) sa (59) tar-Regolament proviżorju hija hawnhekk ikkonfermata.

5.   Importazzjonijiet fil-Komunità mill-pajjiżi kkonċernati

5.1.   Il-volum u s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

(31)

Peress li ma ġie sottomess ebda kumment, il-kalkolazzjoni tal-volum u s-sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati kif stabbilit fil-premessi (60) u (61) tar-Regolament proviżorju hija hawnhekk ikkonfermata.

5.2.   Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet u t-tnaqqis sostanzjali fil-prezz (undercutting)

(32)

Parti waħda saħqet li għall-iskop ta' l-analiżi tat-tnaqqis fil-prezzijiet, irid isir aġġustament li jqis id-differenzi kwalitattivi bejn il-frawli ffriżati prodotti mill-industrija tal-Komunità u dawk tal-produtturi esportaturi. Madankollu, ġie nnutat, fl-istadju proviżorju, li kienu biss uħud mit-tranżazzjonijiet ta' bejgħ tal-produtturi esportaturi li tqiesu fil-kalkolazzjoni ta' tnaqqis tal-prezzijiet u bejgħ taħt il-prezz. Bejgħ ta' esportazzjonijiet ta' kwalità baxxa ma ġewx meqjusa minħabba li prodotti li għandhom kwalità tant baxxa m'humiex prodotti u lanqas mibjugħa mill-industrija tal-Komunità. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-aġġustament mitlub ma kienx ġustifikat. Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra, il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati u l-prezz tas-sejbiet dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet kif stabbilit fil-premessi (62) sa (64) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

6.   Is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja

(33)

Xi partijiet interessati qalu li l-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità żdiedu fl-2006 għal madwar EUR 1 000 għal kull tunnellata u dan għandu jiġi rifless fl-analiżi tad-dannu. Madankollu għandu jiġi mfakkar li l-PI kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005 u li l-perjodu li għalih ġew eżaminati x-xejriet relevanti tal-valutazzjoni tad-dannu, kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-tmiem tal-PI. F’dawn iċ-ċirkostanzi, movimenti fil-prezz wara l-PI ma tqisux fl-analiżi tad-dannu, b'konformità ma’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku. Is-sinifikat taż-żieda fil-prezzijiet fl-2006 huwa madankollu kkunsidrat hawn taħt, f’sezzjoni D. Kawżazzjoni (premessi (51)-(54)).

(34)

Ebda parti interessata ma ddubitat il-figuri jew l-interpretazzjoni tagħhom f’relazzjoni mas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità kif preżentata fil-premessi (66) sa (85) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, is-sejbiet kif stabbiliti f’dawn il-premessi tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk konfermati.

6.1.   Data dwar il-produzzjoni ġenerali tal-Komunità

(35)

Ebda parti interessata ma ddubitat il-figuri jew l-interpretazzjoni tagħhom f’relazzjoni mad-data makroekonomika tal-produzzjoni ġenerali tal-Komunità kif ippreżentata fil-premessi (86) sa (88) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, is-sejbiet kif stabbiliti f’dawn il-premessi tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

7.   Konklużjoni dwar id-dannu

(36)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, qed ikun ikkonfermat li l-industrija tal-Komunità sofriet dannu materjali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

D.   KAWŻAZZJONI

1.   Kummenti mill-partijiet interessati

(37)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, partijiet interessati varji qalu li d-dannu materjali li sofriet l-industrija tal-Komunità kien ikkawżat minn fatturi oħra. Numru minn dawn l-istqarrijiet kienu diġà ġew indirizzati fir-Regolament proviżorju. Kull argument ġdid, huwa kkunsidrat, fejn meħtieġ, hawn taħt.

2.   L-impatt ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(38)

Intqal li ebda kunsiderazzjoni suffiċjenti ma ngħatat lill-importazzjonijiet mill-Marokk bħala kawża tad-dannu. Parti minnhom iddubitat l-interpretazzjoni tal-figuri taħt il-premessa (99) tar-Regolament proviżorju, u indikat li l-prezz Marokkin għal matul il-PI kien aktar baxx mill-prezz ta’ l-industrija tal-Komunità sabiex tifdi l-ispejjeż. Dan ġie meqjus bħala li kkontribwixxa għad-dannu.

(39)

Qed jiġi mfakkar li t-tabella li hemm fil-premessa (99) tar-Regolament proviżorju turi li l-prezz Marokkin kien b’mod konsistenti ferm ogħla minn dak ta’ l-industrija tal-Komunità. L-esportaturi Marokkini ukoll ġew affetwati bil-prezzijiet baxxi ta’ l-esportaturi Ċiniżi u kellhom jirrispondu billi jnaqqsu l-prezzijiet għall-Komunità. Dan huwa kkonfermat bit-tnaqqis fil-volumi ta’ l-importazzjonijiet tal-frawli ffriżati li joriġinaw mill-Marokk. Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

3.   L-impatt taċ-ċaqliq fil-kambju

(40)

Matul il-PI, iż-Zloty tilef fil-valur tiegħu kontra l-Euro. Xi partijiet interessati qalu li t-tnaqqis fil-prezz li sofriet l-industrija tal-Komunità kien jidher anqas drammatiku kieku l-kalkoli ġew analizzati permezz taż-Zloty minflok f'Euros. Bejn l-2004 u l-2005, iż-Zloty fil-fatt tilef madwar 10 % tal-valur tiegħu. Madankollu, meta jiġu vvalutati x-xejriet tal-prezzijiet tal-Komunità f'dawn is-sentejn, in-nuqqas fil-prezz f'Euro kien madwar 35 %.

(41)

Meta wieħed iqis id-differenzi fit-tibdil tal-valur tal-munita b’madwar 10 % u n-nuqqas fil-prezz li ammonta għal 35 %, it-tnaqqis taż-Zloty kontra l-Euro ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kawża ewlenija tat-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità. Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

4.   L-impatt ta’ l-allegati defiċjenzi strutturali jew deċiżjonijiet ta’ negozju spekulattiv mill-industrija tal-Komunità

(42)

Xi partijiet interessati żviluppaw aktar l-argument li kien diġà ġie indirizzat fir-Regolament proviżorju fil-premessi (106) sa (110), li d-dannu sar mill-industrija nnfisha minħabba deċiżjonijiet żbaljati minn negozjanti u diffikultajiet strutturali li ltaqgħet magħhom l-industrija tal-Komunità. Għal dan il-għan, intuża rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-frott artab u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar u dokument ta’ ħidma tal-personell anness dwar l-istess suġġett (3) kif ukoll riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ frott artab u ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar adottat fit-12 ta’ Ottubru 2006 (4), sabiex jappoġġaw dawn l-argumenti.

(43)

Għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ħadet kont tar-rapport fis-sejbiet proviżorji kif tagħti xhieda r-referenza fil-premessa 138 tar-Regolament proviżorju. Filwaqt li r-rapport u r-riżoluzzjoni jipprovdu sfond ta’ informazzjoni importanti dwar is-settur ta’ frott aħmar fil-Komunità, għandu jiġi nnutat li t-tnejn jiffokaw fuq il-problemi li jaffaċċjaw dawk li jkabbru frawli friski u mhux fuq l-industrija tal-Komunità (li tiffriżah). Fi kwalunkwe każ, la r-rapport u lanqas ir-riżoluzzjoni ma jikkonkludu li l-problemi li qed taffaċċja l-industrija tal-Komunità huma dovuti għan-nuqqasijiet strutturali fl-industrija tal-Komunità.

(44)

Intqal ukoll li l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE irriżultat fir-rilokazzjoni tal-ħaddiema Pollakki għal pajjiżi b’pagi ogħla u għalhekk l-industrija kellha problemi oħra fil-forma ta’ żieda fl-ispejjeż tax-xogħol fis-suq domestiku. Barra minn hekk, minħabba restrizzjonijiet ġodda fil-fruntieri, l-industrija tal-Komunità ma tistax tkompli tiddependi fuq ħaddiema b’pagi baxxi li jiġu minn pajjiżi mhux membri ta’ l-UE mill-pajjiżi ġirien. Saru suġġerimenti li dawn l-iżviluppi kellhom effetti negattivi sinifikanti fuq industrija li tiddependi fuq xogħol intensiv.

(45)

Dawn l-iżviluppi wasslu għal żieda fl-ispejjeż tax-xogħol tal-bdiewa. Madankollu, din iż-żieda possibbli hija relatata direttament ma' l-ispejjeż tal-bdiewa u mhux ma’ l-ispejjeż ta' l-industrija tal-Komunità (li jiffriżaw). Għalhekk, hemm biss rabta parzjali bejn iż-żieda fl-ispejjeż tal-bdiewa u l-ispejjeż ta’ l-industrija tal-Komunità. Aktar minn hekk, skond ir-rapport u l-karta tal-personell tal-Kummissjoni kif imsemmi fil-premessa (42), jidher li minkejja ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-frawli friski naqsu flok żdiedu wara l-adeżjoni tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea. Minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ niżlu, ma setax kien hemm effett fuq l-industrija tal-Komunità taż-żieda fl-ispejjeż li qed jaffaċċjaw il-bdiewa tal-frawli friski. Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

(46)

Parti minnhom qalet li l-investimenti u r-ristrutturar magħmula mill-industrija tal-Komunità sabiex tittejjeb l-effiċjenza affettwat b’mod negattiv il-profittabilità u l-fluss tal-flus. Madankollu kull spiża li kellha taffaċċja l-industrija tal-Komunità f’termini ta’ investimenti ma tibdilx il-fatt li l-prezzijiet waqgħu b’mod sinifikanti għal livell li jagħmel dannu matul il-perjodu tal-PI u kienu l-prezzijiet baxxi li kellhom l-akbar impatt fuq il-profittabilità ta’ l-industrija tal-Komunità. Fil-fatt, l-investimenti li saru kkontribwew għal aktar effiċjenza mill-industrija tal-Komunità, kif iddikjarat fil-premessa (81) tar-Regolament proviżorju. Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

(47)

Intqal ukoll li d-dannu li sofriet l-industrija tal-Komunità kien ikkaġunat minnha stess minħabba li l-kwalità tal-prodott kien aktar baxx minn dak li joriġina minn Spanja u Kalifornja. Għal dan il-għan, għandu jiġi nnutat li Spanja u Kalifornja t-tnejn jipproduċu b’mod ewlieni għas-suq frisk u ma kien hemm ebda indikazzjoni li turi li l-industrija tal-Komunità tilfet sehem mis-suq apparagun ta’ dawn il-produtturi. L-importazzjonijiet tal-frawli ffriżati mill-Istati Uniti kienu anqas minn 200 tunnellata matul il-PI u dan ma setax kellu impatt sostanzjali fuq il-profitabbiltà ta’ l-industrija tal-Komunità. Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

(48)

F’kull avveniment, rigward id-defiċjenzi strutturali allegati ta’ l-industrija tal-Komunità, m’hemm ebda evidenza li turi defiċjenzi simili min-naħa ta’ dik l-industrija. Dan l-argument kellu għalhekk jiġi rifjutat. Il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi 106 sa 110 tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

5.   Dannu kkawżat mill-industrija tal-Komunità stess minħabba l-livelli tal-prezzijiet stabbiliti minnha stess

(49)

Fil-kuntest ta’ l-allegazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ negozju spekulattivi min-naħa ta’ l-industrija tal-Komunità, kif imsemmi fil-premessi 108 u 110 tar-Regolament proviżorju, utent minnhom qal li l-prezzijiet fis-suq tal-Komunità ma kinux stabbiliti mill-importazzjonijiet Ċiniżi imma b’mod predominanti mill-industrija tal-Komunità peress li għandha l-akbar sehem mis-suq. Din il-parti allegat li x-xejra ta’ tnaqqis fil-prezz kienet stabbilita mill-industrija tal-Komunità nnfisha u mhux minn importazzjonijiet Ċiniżi dumped.

(50)

Huwa ċar li l-industrija tal-Komunità żammet sehem tas-suq fil-PI ta’ 59 % u għalhekk kellha rwol ewlieni fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq. Madankollu, anke jekk is-sehem ta’ l-industrija tal-Komunità kien għoli, wieħed ma jistax jiċħad li l-importazzjonijiet bi prezz baxx mir-RPĊ, li qatgħu l-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità b’6 %, kellhom impatt negattiv fuq il-prezzijiet tas-suq. Dawk l-importazzjonijiet dumped ħallew effett ġenerali ta' tnaqqis fil-prezzijiet fil-Komunità u rnexxielhom ukoll iżidu s-sehem tagħhom tas-suq minn 4 % fl-2002 għal 20 % fil-PI. Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

6.   In-natura ċiklika tal-frawli ffriżati u l-impatt tad-daqs tal-ħsad

(51)

Il-frawli ffriżati huma prodott agrikolu sensittiv u l-investigazzjoni wriet li d-disponibbiltà tal-frawli friski hija ta’ importanza ewlenija għall-prezz tal-frawli ffriżati. Għadd ta’ partijiet interessati argumentaw li b’mod partikolari ħsad debboli fl-2003 kien kawża ewlenija tad-dannu li nstab fil-PI. Xi partijiet interessati qalu wkoll li l-prezz tal-frawli tipikament isegwi ċiklu ta’ erba’ snin fejn iż-żieda fil-prezz twassal għal produzzjoni żejda u imbagħad għal waqgħa fil-prezzijiet. Intqal li l-2005 immarkat punt baxx f’dan iċ-ċiklu u li prezzijiet partikolarment baxxi esperjenzati f'dik is-sena kienu r-riżultat ta’ dan il-bdil naturali. Il-varjazzjonijiet fil-prezz setgħu jiġu osservati wkoll għal perjodu qabel l-2002 u dan l-argument kien appoġġjat aktar permezz ta' żieda ta' +/-20 % fil-prezz li kien hemm fl-2006, jiġifieri is-sena wara l-PI.

(52)

Aktar analiżi tal-prezzijiet tal-frawli ffriżati wara l-perjodu kkonċernat indikat li l-bdil fil-prezzijiet sar ukoll matul perjodu sinifikanti ta' żmien qabel l-2002. Pereżempju, matul il-kampanja ta' l-2001, il-ħsad abbundanti wassal għal prezzijiet baxxi. Dawn il-prezzijiet baxxi imbagħad wasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-frawli friski fis-snin ta' wara, u ippermettew li l-prezzijiet jerġgħu jistabbilixxu ruħhom. Analiżi tax-xejriet jappoġġaw stqarrijiet li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat jimxu f'ċiklu, u huma influwenzati bit-temp u bid-daqs tal-prodott.

(53)

Ta' min wieħed ifakkar ukoll li l-volum ta' l-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b'380 % bi prezzijiet li naqsu bi 38 % matul il-perjodu kkunsidrat u li dan kellu effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija tal-Komunità li rrappurtat telf li mhux sostenibbli.

(54)

Għalkemm il-bdil naturali fil-prezzijiet tal-frawli ffriżati u l-impatt fuq id-daqs tal-ħsad ċertament li kellu impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità, dan fih innifsu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-unika jew il-kawża ewlenija tad-dannu li sofriet l-industrija tal-Komunità.

7.   Konklużjoni dwar il-kawżazzjoni

(55)

Kif konkluż fil-premessi (97) u (98) tar-Regolament proviżorju l-investigazzjoni wriet li kien hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ u d-dannu osservat mill-industrija tal-Komunità.

(56)

L-investigazzjoni wriet ukoll li hemm korrelazzjoni bejn il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità u l-bdil fil-prezzijiet man-natura ċiklika kif ukoll il-varjazzjonijiet staġjonali fil-ħsad. Din il-konklużjoni hija appoġġata b'data minn qabel u matul il-perjodu kkunsidrat, kif ukoll bi żviluppi wara l-PI.

(57)

Anke jekk dawn il-varjazzjonijiet ċikliki setgħu aggravaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija tal-Komunità, il-kobor tal-waqgħa fil-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità, u x-xejra negattiva li dehret fl-analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità kif deskritta fil-premessi (66) sa (85) tar-Regolament proviżorju, ma jistgħux jiġu attribwiti biss għal “xejriet ta' bidla naturali”. L-analiżi ta' l-impatt tan-natura ċiklika tal-prodott u d-daqs tal-ħsad għalhekk ma jappoġġjawx l-argumenti li dawn il-fatturi kienu sinifikanti biżżejjed biex jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet dumped u d-dannu li sofriet l-industrija tal-Komunità.

(58)

Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, u fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-kawżazzjoni, il-konklużjonijiet milħuqa fil-Premessi (113) sa (114) tar-Regolament proviżorju huma konfermati.

E.   L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

(59)

Sar analiżi, fid-dawl tal-kummenti u l-elementi addizzjonali pprovduti mill-partijiet interessati wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-konklużjoni proviżorja li l-impożizzjoni tal-miżuri ma kinitx tmur kontra l-interess tal-Komunità baqgħet valida. Bħal fil-każ proviżorju, id-determinazzjoni ta' l-interess tal-Komunità kien ibbażat fuq l-apprezzament ta' l-interessi differenti kollha involuti, jiġifieri dawk ta' l-industrija tal-Komunità, l-importaturi, proċessuri/utenti u bdiewa.

(60)

Il-Kummissjoni fil-fatt ikkuntattjat numru sinifikanti ta' partijiet interessati biex tikseb l-opinjonijiet tagħhom. B'żieda ma' l-industrija tal-Komunità, ir-rappreżentanti tad-ditti ewlenin kollha li hemm fis-suq kif ukoll assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-utenti instemgħu u twettqu verifiki fuq il-post.

2.   L-interess ta' l-industrija tal-Komunità u l-industrija ta' prodotti ta' livell għoli

(61)

Fl-istadju preliminari, l-investigazzjoni wriet li l-produzzjoni tal-Komunità ġiet immanifatturata minn numru kbir ta' produtturi fl-industrija ta' l-iffriżar li timpjega madwar 2 700 ruħ għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Hemm ukoll rabta parzjali bejn is-sitwazzjoni ta' l-industrija ta' l-iffriżar u l-bdiewa li jfornu l-frawli minħabba li dawn ta' l-aħħar ikabbru biss tip ta' frawli destinati għall-iffriżar u dawk li jiffriżaw huma l-uniku suq għal dan il-prodott.

(62)

Qed jiġi mfakkar li l-produtturi tal-Komunità sofrew dannu sostanzjali fil-perjodu kkunsidrat u rrappurtaw telf ta' 12,5 % bħala konsegwenza ta' l-importazzjonijiet dumped. Dan it-telf ġie rrappurtat minkejja l-fatt li l-industrija tal-Komunità naqqset l-ispejjeż billi naqqset il-prezzijiet li kienet tħallas lill-bdiewa tal-frawli friski. Il-prezz imħallas għall-frawli friski kien aktar baxx mill-prezz ta' l-ispejjeż tal-bdiewa għall-produzzjoni u għalhekk ma jkunx sostenibbli la għall-bdiewa u lanqas għall-industrija tal-Komunità fuq perjodu twil ta' żmien. Jekk il-prezz tal-frawli ffriżati jerġa' jaqa' għal livell aktar baxx li ma jagħmilx dannu l-konsegwenzi jkunu tnejn. L-industrija tal-Komunità ssofri telf finanzjarju imma tkun qed tirriskja wkoll li jispiċċa l-forniment ta' frawli friski fuq terminu twil ta' żmien minħabba li l-prezzijiet li jkunu jistgħu jiġu mħallsa lill-bdiewa jkunu tant baxxi li dawn il-bdiewa jkunu qed jirriskjaw li jfallu. Qed jiġi mfakkar li n-numru stmat ta' produtturi kummerċjali ta' frawli friski fil-Polonja kien 96 700 fl-2002 li 80 000 minnhom kienu involuti fi frawli għal aktar ipproċessar. Għalkemm huwa possibbli li dan in-numru naqas bħala konsegwenza tal-konsolidazzjoni tas-settur madankollu huwa ċar li t-tkabbir tal-frawli hija attività importanti ekonomika għal numru kbir ta' bdiewa fil-Polonja. Intqal li s-settur tat-tkabbir tal-frawli fil-Polonja huwa ta' importanza ewlenija għal numru ta' reġjuni fil-pajjiż li huma karatterizzati minn numru għoli ta' qgħad u li n-nuqqas ta' impożizzjoni ta' miżuri żżid aktar il-qgħad. Intqal ukoll li dawn il-bdiewa ma jistgħux jibdlu għal ħxejjex li jħallu aktar qligħ minħabba li l-kundizzjonijiet tal-ħamrija huma adatti għat-tkabbir tal-frawli.

(63)

Kif iddikjarat fir-Regolament proviżorju (premessa 139), il-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa mill-2004 'il quddiem tant kienu baxxi li l-produzzjoni ma kinitx koperta.

(64)

Barra minn hekk, kif appoġġat mir-rapport tal-Kummissjoni msemmi fil-premessa (42), il-bdiewa Pollakki tal-frawli jikkostitwixxu industrija frammentata u x'aktarx ma jistgħux jilħqu swieq apparti dawk ta' l-industrija lokali ta' l-iffriżar. Konsegwentement, is-sitwazzjoni finanzjarja li qed tiddeterjora ta' l-industrija ta' l-iffriżar ikollha impatt sostanzjali fuq il-bdiewa. Il-fatt li wara l-PI il-prezzijiet tas-suq żdiedu mill-ġdid għal livelli li ma jikkawżawx dannu u li l-livelli ta' l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu, jista' joħloq xi dubju dwar il-ħtieġa tal-miżuri biex jirremedjaw is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità imma m'hemm ebda indikazzjoni li tbassar li din iż-żieda se tkun permanenti, jew ta' natura dejjiema.

(65)

F'dawn iċ-ċirkostanzi huwa ċar li l-industrija tal-Komunità u l-bdiewa jibbenefikaw mill-addozzjoni tal-miżuri anti-dumping u l-miżuri jista' jkollhom effett ta' stabbilizzazzjoni fuq is-suq tal-Komunità. Il-prezzijiet tal-frawli ffriżati ma jaqgħux bħala riżultat ta' l-importazzjonijiet tal-frawli li joriġinaw mir-RPĊ. Għalhekk il-produtturi tal-Komunità jkunu jistgħu jżidu l-prezzijiet tagħhom u jiksbu marġini ta' profitt raġonevoli. Dan x'aktarx li jkollu effetti pożittivi fuq l-industrija ta' prodotti ta' livell għoli. Ġie għalhekk konkluż li l-impożizzjoni tal-miżuri tkun fl-interess ta' l-industrija tal-Komunità u l-bdiewa tal-frawli.

3.   L-interessi ta' importaturi li mhumiex relatati

(66)

Wara s-sejbiet fl-istadju preliminari ta' l-investigazzjoni, il-Kummissjoni żaret żewġ importaturi oħra tal-prodott ikkonċernat. Dawk l-impurtaturi jimpurtaw il-prodotti kkonċernati mir-RPĊ għalkemm kull wieħed minnhom jinnegozja wkoll il-frawli prodotti fl-UE, li jirrappreżentaw 50-60 % tax-xirjiet rispettivi tagħhom. Għandu jiġi nnutat, madankollu, li l-kummerċ fil-frawli ffriżati jikkostitwixxi parti mill-attivitajiet tagħhom ta' negozju u jagħti kont għal madwar 30-50 % tal-bejgħ taghhom. L-importazzjonijiet mir-RPĊ jirrappreżentaw madwar 14 % ta' l-importazzjonijiet kollha tal-prodott konċernat. L-importaturi huma għalhekk meqjusa li huma rappreżentattivi. Iż-żewġ importaturi esprimew oppożizzjoni għall-miżuri anti-dumping.

(67)

Il-konklużjoni proviżorja milħuqa fir-Regolament proviżorju, jiġifieri li l-effetti fuq l-importaturi miż-żieda fil-prezzijiet ta' l-importazzjoni m'humiex mistennija li jkunu sostanzjali, hija hawnhekk konfermata.

4.   L-interessi ta’ l-utenti u l-konsumaturi

4.1.   Livell ta' kooperazzjoni

(68)

Kif innutat fil-premessa (127) tar-Regolament proviżorju, ir-rispons mill-utenti u l-proċessuri kien limitat sa mill-bidu. Fl-istadju preliminari tal-proċediment il-Kummissjoni kellha taffaċċja xi diffikultajiet fil-ġbir u l-verifika tad-data li tissostanzja l-istqarrijiet ta' l-industrija ta' l-utenti. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni ġeddet l-isforzi tagħha biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni. Saru visti supplimentari fuq il-post fil-postijiet ta' tmien kumpanniji utenti. Minn dawn, id-data li ppermettiet valutazzjoni ta' l-impatt sinifikanti setgħet tinkiseb minn ħames kumpanniji. Inġabru wkoll informazzjoni u data supplimentari. B'din l-informazzjoni supplimentari, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu analiżi ġdida ta' l-effetti potenzjali li l-impożizzjoni tal-miżuri jkollhom fuq l-utenti tal-Komunità.

(69)

Parti waħda interessata argumentat li din il-kooperazzjoni m'għandhiex tiġi kunsidrata li ma kinitx sottomessa fi ħdan il-limiti ta' żmien stabbilit fin-Notifika tal-Bidu. F'dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li l-kumpanniji li kkooperaw għamlu lilhom infushom pubbliċi u pprovdew kummenti dwar il-miżuri proviżorji skond ir-regoli stabbiliti fir-regolament Bażiku.

(70)

L-informazzjoni vverifikata fil-post tirrigwarda madwar 9 % tal-livell ta' konsum ġenerali tal-Komunità. B'żieda ma' dan, is-setturi differenti ta' l-utenti kienu rappreżentati: produtturi ta' preparazzjonijiet tal-frawli użati bħala tħejjijiet għal prodotti oħra (eż. jogurts), produtturi tal-jogurts, u produtturi tal-ġamm tal-frawli. Finalment, kien hemm l-assoċjazzjonijiet li jikkooperaw li jirrappreżentaw madwar 80 % tal-konsum fil-Komunità ta' frawli ffriżati. L-għarfien ta' livell simili ta' rappreżentanza huwa konsistenti mal-prattika ġenerali. Għalhekk, l-argument dwar in-nuqqas ta' rappreżentanza kellu jiġi rrifjutat.

4.2.   L-ispiża ta' l-impatt tal-miżuri

(71)

L-industrija ta' l-utenti qalet li l-Kummissjoni jmissha tevalwa l-impatt tal-miżuri mhux biss billi tanalizza żieda possibbli fil-prezz ta' frawli impurtati miċ-Ċina. Il-miżuri jkollhom impatt usa' fuq is-suq inkluż frawli ffriżati minn sorsi oħra.

(72)

Fil-fatt, l-investigazzjoni intensifikata wriet li l-miżuri x'aktarx jipprovokaw żieda ġenerali fil-prezz, mhux limitata għal madwar 34,2 % għall-frawli Ċiniżi (livell ta’ dazju proviżorju). Dawn jistgħu wkoll iwasslu għal żieda fil-prezz għall-industrija tal-Komunità b’madwar 19 %, sal-livel ikkalkulat li ma jagħmilx dannu. Żieda simili fil-prezz fil-fatt tista’ tidher li ma tistax tiġi evitata minħabba, kontra dak li jiġri f’setturi oħra u fid-dawl tal-limitazzjonijiet imposti bit-temp u bir-riżultati tal-prodotti, strateġiji oħra bħal espansjoni tas-suq f'termini ta’ volumi jidhru li ma jkunux għażla għall-industrija tal-Komunità. Finalment, minħabba li l-industrija tal-Komunità u l-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien jirrappreżentaw madwar 80 % tal-konsum tal-Komunità, x’aktarx li pajjiżi oħra li jesportaw il-frawli ffriżati lill-Komunità ukoll iżidu l-prezzijiet tagħhom sabiex jagħmlu bħall-“bejjiegħa ewlenin”.

(73)

Fir-rigward ta' attivitajiet ta’ l-utenti relatati mal-frawli, taħt dawn iċ-ċirkostanzi l-impożizzjoni tad-dazju fil-livell stabbilit mill-miżuri proviżorji jkun ifisser żieda fl-ispiża tal-kontributi ta’ l-utenti b’madwar 6 %. Fil-fatt, numru ta’ utenti jiġu f'pożizzjoni li jibdew jitilfu. Il-konklużjonijiet ġew ibbażati fuq attivitajiet relatati mal-frawli, minħabba li l-investigazzjoni tiffoka fuq frawli ffriżati bħala l-prodott ikkonċernat u ma tikkonċernax attivitajiet oħra tal-kumpanniji involuti. Ukoll għall-iskop li jitwettaq analiżi tad-dannu u d-dumping irid jiġi żgurat li attivitajiet simili jiġu kkomparati, jiġifieri attivitajiet relatati mal-prodott li qed jiġi investigat.

It-tabella t'hawn taħt turi l-impatt fuq l-ispejjeż ta’ l-utenti verifikati:

Kumpanija

Profitt propju (PI) 2005 (*)

Profitt fl-2005 (PI) ibbażat fuq jekk il-prezzijiet tal-frawli ta' kull oriġini jiżdiedu skond il-formula speċifikata fil-premessa 74 u l-prezzijiet tal-bejgħ ma jinbidlux (*)

Profitt bħal fil-kolonna preċedenti iżda fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid propju rrekordjati (jew żieda) għall-2006 (*)

Sehem tal-prodotti tal-frawli fid-dħul tal-kumpanija (2005)

Profitt ġenerali tal-kumpanija (2005)

Kumpanija A

Bejn + 2 % u + 4 %

Bejn – 4 % u – 6 %

Bejn –3,0  % u –5,0  %

Bejn 25 % u 30 %

Bejn +2,5  % u +5,0  %

Kumpanija B

Bejn +1,0  % u +2,5  %

Bejn –1,0  % u –2,5  %

Madwar 0 %

Bejn 12 % u 17 %

Bejn +4,0  % u +5,5  %

Kumpanija C

Madwar 0 %

Madwar – 1 %

Bejn + 2 % u + 4 %

Bejn 5 % u 10 %

Madwar 0 %

Kumpanija D

Bejn +12,0  % u +14,0  %

Bejn +4,0  % u +8,0  %

Bejn +3,0  % u +5,0  %

Bejn 10 % u 15 %

Bejn +5,0  % u +8,0  %

Kumpanija E

Bejn +3,0  % u +5,0  %

Bejn –4,0  % u –6,0  %

Bejn –7,0  % u –9,0  %

Bejn 18 % u 23 %

Madwar 1 %

(74)

Il-produtturi li jikkooperaw fil-preparazzjonijiet tal-frawli u l-ġamm ikunu l-aktar affettwati b’żieda fil-prezzijiet tal-frawli. Dan huwa dovut għall-fatt li l-importanza relattiva tal-frawli fir-riċetta tal-ġamm hija ferm akbar minn dik ta’ ingredjenti oħra. Għall-kumpanniji in kwestjoni, id-deterjorazzjoni tal-marġini ta’ profitt tagħhom tkun bejn 7 u 8 punti perċentwali, li għal tnejn minnhom twassal għal telf ta’ madwar 5 %.

(75)

Għall-produtturi tal-jogurt li kkooperaw l-importanza relattiva ta’ l-ispejjeż tal-frawli fl-ispiża tagħhom tal-produzzjoni hija anqas, minħabba li l-ispiża tal-prodotti tal-ħalib hija miżjuda mal-kalkolazzjoni tar-riċetta. Minkejja dan, instab li l-marġini tal-profitt tagħhom, ġeneralment kien baxx. Għalhekk, anke jekk l-ispiża total għall-produzzjoni tal-jogurt tiżdied biss bi 2 %, ikun biżżejjed biex profitt ta’ madwar 1 % jiddawwar f’telf ta' madwar 1 %.

(76)

Konsegwentement, l-impatt tal-miżuri fuq l-industrija ta’ l-utenti f'termini taż-żieda fl-ispiża tista’ tkun akbar milli stmata fl-analiżi li twassal għall-miżuri proviżorji. Madankollu kif muri hawn taħt fis-sezzjoni 4.4, l-impatt ta’ l-ispiża x’aktarx li jinħass anqas fuq medda twila ta’ żmien.

4.3.   Inabbiltà li ż-żidiet fl-ispejjeż jiġu mgħoddija fil-katina tad-distribuzzjoni

(77)

Assoċjazzjoni waħda ta’ l-utenti qalet li d-dazji jagħmlu ħsara fil-kompetittività internazzjonali ta' l-utenti tal-frawli friski bbażati fil-Komunità. Intqal li d-dazji ma jistgħux jiġu mgħoddija lill-klijenti tagħhom (bejjiegħa u distributuri) minħabba li bosta utenti kkonkludew kuntratti fuq medda twila ta’ żmien bi prezzijiet fissi għal dawn il-klijenti. Dawn il-prezzijiet fissi jfissru li l-utenti jġorru r-riskju ta’ xi żidiet addizzjonali fil-prezz. Bosta utenti qalu u pprovdew evidenza li kienu taħt pressjoni fir-rigward tal-prezz minn bejjiegħa/distributuri kbar u kien ikun ferm diffiċli li jgħollu l-prezzijiet tagħhom. Intqal li l-kuntratti bejn l-utenti u s-settur tal-bejgħ jistabbilixxu l-prezzijiet għal perjodi ta’ bejn 6 xhur u sena. Għalhekk, l-utenti qed jgħidu li ma jkollhom l-ebda għażla ħlief li jassorbu l-ispejjeż addizzjonali huma stess. Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq irid jiġi rikonoxxut li l-utenti x’aktarx li jkollhom jassorbu ż-żieda fl-ispejjeż, għall-anqas għal medda qasira ta’ żmien. L-investigazzjoni madankollu żvelat ukoll li minkejja l-effetti negattivi tal-miżuri dwar il-profitabbiltà għall-prodotti li jinkorporaw il-prodott konċernat, il-profitabbiltà ġenerali tal-kumpanniji utenti tibqa’ pożittiva għall-maġġoranza ta’ l-utenti.

(78)

Sakemm l-ispejjeż jistgħu jiġu mgħoddija, dan jista’ jkollu ċertu effett fuq il-prezzijiet tal-konsumatur. Fil-fatt il-preparazzjonijet tal-frott, speċjalment jogurts, huma parti mid-dieta ewlenija ta’ parti kbira tal-konsumaturi. It-togħma tal-frawli tifforma 20 %-30 % tas-suq tal-jogurt u minkejja l-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur għamlu sottomissjonijiet f’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm żieda fil-prezz għall-konsumaturi, għall-anqas fuq żmien medju għal żmien fit-tul. Dan jgħodd ukoll għall-ġammijiet.

4.4.   In-natura temporanja ta’ l-impatt fuq l-utenti

(79)

Taħt sezzjoni 4.2 u 4.3 ġie muri li l-impożizzjoni tal-miżuri x’aktarx li jkollha impatt fuq il-materjali li jużaw l-utenti u l-utenti qalu wkoll li din iż-żieda fl-ispejjeż ikollhom iġorruha huma sakemm idum il-kuntratt mas-settur tal-bejgħ. Wieħed madankollu jista’ jassumi li din l-inabilità li tiġi mgħoddija ż-żieda fl-ispejjeż hija temporanja minħabba li l-kuntratti huma limitati biż-żmien.

4.5.   Disponibbiltà tal-fornimenti ta’ l-industrija tal-Komunità

(80)

Bosta utenti qalu li l-forniment ta' frawli Pollakki tal-varjetà Senga sengana huwa essenzjali għall-volum kif ukoll għall-kwalità tal-produzzjoni tal-firxa sħiħa derivata mill-frawli ffriżati. Għalhekk il-periklu tad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità ikollha impatt negattiv konsiderevoli fuqhom. Ma jistax jiġi eskluż li fis-sitwazzjoni tad-disponibilità limitata jew indisponibbiltà tal-frawli Pollakki fis-suq, l-utenti jkollhom jaffaċċaw problemi serji sabiex isibu sorsi alternattivi ta’ forniment għat-tip ta’ frawli li jiġi prodott fil-Polonja. Fil-fatt jidher improbabbli li sorsi alternattivi simili jistgħu jinstabu minħabba li l-utenti nfushom qalu li l-kwalità li tinstab il-Polonja ma tista’ tinstab imkien ieħor. Barra minn hekk ma jistax jiġi eskluż li f’sitwazzjoni ta’ tnaqqis ta’ kompetizzjoni fis-suq l-utenti xorta jkollhom jaffaċċjaw żieda fil-prezz.

5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(81)

L-investigazzjoni uriet li mhux biss il-produtturi tal-Komunità li jimpjegaw 2 700 persuna imma hemm ukoll madwar 80 000 bidwi li huma ftit jew wisq dipendenti fuq il-frawli għall-għixien tagħhom u li jibbenefikaw mill-impożizzjoni tal-miżuri.

(82)

Kif iddettaljat fil-premessa (133) tar-Regolament proviżorju, l-industrija ta’ l-utenti indikat li l-forniment tal-prodott ikkonċernat mill-industrija tal-Komunità huwa essenzjali għall-utenti sabiex ikopru l-firxa sħiħa u jipprovdu prodott ta’ kwalità għolja fis-suq. L-investigazzjoni wriet li n-natura ċiklika tal-materja prima għall-industrija tal-Komunità, jiġifieri l-varjazzjonijiet fil-pjanti tal-frawli għandhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet li huwa kkonfermat bl-iżviluppi wara l-PI. Minkejja dan, kif iddettaljat fil-premessa proviżorja tar-Regolament, (74) il-prezzijiet tant kienu tbaxxew fl-aħħar parti tal-perjodu kkunsidrat u fil-PI li l-industrija tal-Komunità ġiet sfurzata tħallas anqas mill-ispejjeż tal-prezzijiet tal-produzzjoni lill-bdiewa meta jixtru frawli friski. Dan irriżulta fi twaqqif fil-produzzjoni tal-frawli fost xi bdiewa. Anke jekk il-prezzijiet telgħu fl-2006, jidher ċar li l-forniment tal-frawli friski għall-industrija tal-Komunità, u dan ġie estiż għall-utenti, jista’ jkollu il-problemi jekk ix-xejra tal-prezzijiet baxxi kif deher fil-perjodu kkunsidrat terġa’ sseħħ.

(83)

L-investigazzjoni intensifikata fil-fatt uriet li l-impatt tad-dazju anti-dumping fuq l-utenti f'dan il-każ ikun sinifikanti. Id-dazju jirriżulta fi tnaqqis tal-profitabbiltà u anke telf finanzjarju, uħud minnu qawwi, għal numru ta' utenti, speċjalment minħabba li din iż-żieda fil-prezz ma tistax tiġi trasferita għal-livell tad-distributur/xerrej fuq medda qasira ta' żmien. Dawn l-effetti madankollu jidhru anqas meta wieħed iħares lejn il-profitabbiltà ġenerali ta' l-utenti investigati.

(84)

L-industrija ta' l-utenti argumentat li hija l-eżistenza tal-kuntratti bi prezzijiet fissi ma' l-industrija ta' l-utenti li ma tippermettix lill-industrija ta' l-ipproċessar li tgħaddi ż-żieda fl-ispiża fil-każ tal-miżuri lis-settur tal-bejgħ. Meta wieħed jikkunsidra li dawn il-kuntratti jdumu għal perjodu ta' żmien limitat madankollu wieħed irid jassumi li l-inabbiltà li dawn l-ispejjeż jiġu mgħoddija ddum biss għal perjodu ta' bejn 6-12-il xahar.

(85)

Għalhekk jidher li l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi jkollha impatt materjali fuq utenti ta' frawli ffriżati imma dan l-impatt x'aktarx li jkun ta' natura temporanja. B'kuntrast ma' dan, l-effetti negattivi fuq l-industrija tal-Komunità u fuq il-bdiewa tkun sostanzjali u ta' natura dejjiema jekk il-miżuri ma jiġux imposti u jerġa' jiġri li jaqgħu l-prezzijiet.

(86)

Fuq il-bażi ta' dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż li m’hemmx raġunijiet konvinċenti gћaliex m’gћandhomx jiġu imposti d-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ frawli ffriżati li joriġinaw mir-RPĊ.

F.   IMPOŻIZZJONI TA' MIŻURI DEFINITTIVI

1.   Forma ta' miżuri definittivi

(87)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward ta' dumping, ħsara, kawża u interess tal-Komunità, miżuri definittivi anti-dumping għandhom jiġu imposti sabiex jipprevjenu milli jiġi kkaġunat aktar dannu lill-industrija tal-Komunità mill-importazzjonijiet li jirriżultaw minn esportazzjonijiet dumped.

(88)

Il-miżuri anti-dumping jistgħu jieħdu forom differenti. Filwaqt li l-Kummissjoni tuża diskrezzjoni kbira meta tagħżel il-forom tal-miżuri, l-iskop jibqa' li jiġu eliminati l-effetti ta' ħsara tad-dumping. Dazju ad valorem stabbilit skond ir-regola ta' dazju anqas, bejn 0 % għall-produttur esportatur li jingħata l-MES, 12,6 % għall-produttur esportatur li jingħata l-IT u 34,2 % għall-kumpanniji l-oħra kollha ġie stabbilit fir-Regolament Proviżorju.

(89)

Wara l-adozzjoni tal-miżuri proviżorji, kif muri fil-premessa (50), il-prezz tal-prodott konċernat fis-suq tal-Komunità żdied b'+/–20 %, fl-2006, is-sena ta' wara l-perjodu ta' l-investigazzjoni. Minħabba li l-prodott ikkonċernat huwa omoġenju u sabiex jiġi evitat li l-miżuri jkunu ta' piż sproporzjonat f'dawn iċ-ċirkostanzi, qed ikun ikkunsidrat li prezz minimu ta' l-importazzjoni, minn issa 'l quddiem il-“PMI”, ikun l-aktar forma ta' miżura adatta f'dan il-każ. Wieħed għandu jinnota li l-iskop tal-prezz minimu ta' l-importazzjoni huwa l-istess bħal dak tad-dazju ad valorem, jiġifieri biex ineħħu l-effetti ta’ ħsara tad-dumping. Taħt din il-forma ta' dazju, ebda dazju ma jista' jitħallas għal importazzjonijiet meħuda fil-prezz tal-fruntieri tal-Komunità CIF li huma ugwali jew aktar mill-minimu tal-prezz ta' l-importazzjoni. Jekk l-importazzjonijiet jiddaħħlu bi prezz aktar baxx, id-differenza bejn il-prezz u l-PMI, trid jitħallas.

(90)

Fir-rigward tal-livell tal-prezz minimu ta' l-importazzjoni, dan ġie stabbilit fuq il-bażi ta' l-istess sejbiet, notevolment l-istess marġini ta' dumping u bejgħ taħt il-prezz kif stabbilit fir-Regolament proviżorju.

(91)

Waqt li jiġi stabbilit il-PMI, tqiesu kemm il-marġini tad-dumping misjub kif ukoll l-ammonti ta' dazji meħtieġa biex jeliminaw id-dannu li tkun qed issofri l-industrija tal-Komunità.

2.   Livell ta' eliminazzjoni ta' danni

(92)

Skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju definittiv għandu jkun stabbilit fil-livell ta' dumping jew marġini ta' dannu skond liema hu l-aktar baxx. Għalhekk kellu jiġi stabbilit prezz li ma jagħmilx dannu jew, PMI li ma jagħmlix dannu sabiex tapplika din ir-regola. Dan il-PMI li ma jagħmilx dannu imbagħad ġie kkumparat ma' kumpanija speċifika li kellha PMI mhux dumped li kien ibbażat fuq il-valur normali aġġustat mal-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità.

(93)

Għall-iskopijiet tal-kalkolazzjoni tal-prezz li ma jagħmilx dannu, kellu jittieħed kont tal-livell ta' dazji meħtieġa sabiex l-industrija tal-Komunità tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni u tikseb profitt qabel it-taxxa li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli minn industrija ta' dan it-tip taħt ċirkostanzi normali ta' kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta' kummenti mill-partijiet interessati l-istess kunsiderazzjonijiet kif stipulati fil-premessa (144) tar-Regolament proviżorju ġew użati sabiex jiddeterminaw il-marġini ta' profitt ta' 6,5 %.

(94)

Il-frawli ffriżati huma importanti taħt tliet kodiċijiet differenti fin-Nomenklatura Magħquda (“kodiċijiet NM”) b'livelli differenti ta' dazji doganali, li jiddependu fuq l-ammont ta' zokkor jew materjali li jagħmlu l-prodott ħelu fl-oġġetti impurtati. Sabiex jittieħed kont tal-livelli differenti tad-dazji doganali, kellhom jiġu stabbiliti PMI distinti għal kull kodiċi NM.

(95)

Kif stabbilit taħt il-premessa 153 tar-Regolament proviżorji, produttur esportatur wieħed Ċiniż instab li ma kienx qed jesporta frawli ffriżati bi prezz dumped. Sussegwentement, ebda miżura anti-dumping ma se tiġi applikata fuq l-esportazzjonijiet ta' dik il-kumpanija.

(96)

Fil-każijiet l-oħra kollha, PMI li ma jagħmilx dannu ta' 684,20 EUR, li huwa applikabbli għall-esportazzjonijiet Ċiniżi kollha, instab li huwa aktar baxx mill-PMIs rispettivi mhux dumped. Il-PMI għalhekk ġie stabbilit fil-livell ta' PMI li ma jagħmilx danni għall-esportazzjonijiet l-oħra kollha mir-RPĊ.

(97)

Fejn l-importazzjonijiet jiddaħħlu bil-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF li huwa ugwali, jew ogħla mill-PMI, ebda dazju ma jrid jitħallas. Bil-maqlub, jekk l-importazzjonijiet jiddaħħlu taħt il-prezz tal-PMI, dazju li jikkorrispondi mal-prezz li propjament jitħallas u l-PMI irid jitħallas.

3.   Ġbir definittiv tad-Dazji Proviżorji

(98)

Id-dazji proviżorji fil-forma ta' dazji ad valorem li jvarjaw bejn 0 u 34,2 % għall-prodotti importati li applikaw matul il-perjodu mid-19 ta' Ottubru 2006 għandhom jiġu rilaxxati. Il-kollezzjoni definittiva ta' dazji ad valorem tkun sproporzjonata għat-tneħħija tad-dumping ta’ ħsara minħabba li l-prezzijiet matul dan il-perjodu kienu b'mod sinifikanti aktar minn dawk tal-PMI.

4.   Infurzabbiltà tal-PMI

(99)

Sistema ta' dazju taħt il-PMI jista' jkun aktar diffiċli li tiġi infurzata u aktar vulnerabbli għal dikjarazzjoni ħażina tal-valur tad-dwana ta' l-oġġetti minn forom oħra tal-miżura. Fil-fatt, fid-dawl tar-riskju potenzjali li jeżisti għall-arranġamenti ta' kumpens f'dan is-settur tas-suq, jeħtieġ li tiġi introdotta sistema doppja ta' miżuri. Din is-sistema doppja hija magħmula minn PMI u dazju fiss. Skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju fiss kien kalkolat fuq il-baż tal-marġini ta' dannu medju mkejjel u dan instab li kien aktar baxx mill-marġini ta' dumping medju mkejjel. Biex jiġi żgurat ir-rispett effettiv tal-PMI, l-importaturi għandhom ikunu konxji li meta jinħass xieraq, verifikazzjoni post-importazzjoni li (i) il-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità li verament ġie mħallas mill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità (prezz post-importazzjoni) huwa anqas mill-prezz nett fil-fruntieri tal-Komunità qabel id-dazju, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni doganali; u (ii) il-prezz post-importazzjoni huwa aktar baxx mill-PMI, dazju fiss għandu japplika retrospettivament għat-tranżazzjonijiet relevanti, sakemm l-applikazzjoni ta' dazju fiss flimkien mal-prezz post-importazzjoni jwassal għal ammont li jibqa' taħt il-PMI (prezz propjament imħallas flimkien mad-dazju fiss). F'każ simili ammont ta' dazju ekwivalenti għad-differenza bejn il-PMI u l-prezz post-importazzjoni għandu japplika. L-Awtoritajiet Doganali għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta' dikjarazzjoni ħażina.

(100)

F'dan il-kuntest, u sabiex jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet li tqajmu, l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ddaħħal fis-seħh żewġ kolonni speċifiċi biex jiġi żgurat li l-miżuri jkomplu jkunu relevanti filwaqt li wkoll rispettati b'mod sħiħ. L-ewwel nett, qed issir referenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (5), inter alia, l-Artikolu 78, li skond liema l-awtoritajiet doganali jistgħu jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data relatata ma' operazzjonijiet ta' importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward ta' l-oġġetti kkonċernati jew għal operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dawn l-oġġetti. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-post tad-dikjarant, ta' kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f'dawk l-operazzjonijiet f'kapaċità kummerċjali jew ta' kull persuna oħra li jkollha f'idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jeżaminaw ukoll l-oġġetti.

(101)

It-tieni, sabiex ikun hemm l-aħjar salvagwardja kontra kull assorbiment possibbli tal-miżuri, partikolarment bejn kumpanniji relatati, il-Kummissjoni hawnhekk qed tinnotifika l-intenzjoni tagħha li immedjatament tibda reviżjoni taħt l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku u tista' tissottoponi l-importazzjonjiet għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, jekk issib xi evidenza ta' komportament simili.

(102)

Il-Kummissjoni se toqgħod, inter alia, fuq informazzjoni mis-sorveljanza ta' l-importazzjoni pprovduta mill-Awtoritajiet Doganali nazzjonali, kif ukoll informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skond l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv anti-dumping qed jiġi impost fuq importazzjonijiet ta' frawli, msajra jew mhux imsajra permezz ta' ilma jagħli, iffriżat, kemm jekk fihom zokkor miżjud jew dolċifikanti oħra, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fi ħdan il-kodiċijiet NM 0811 10 11, 0811 10 19 u 0811 10 90.

2.   L-ammont ta' dazju anti-dumping definittiv fir-rigward ta' Yantai Yongchang Foodstuff għandu jkun:

Kumpanija

Dazju Definittiv

Kodiċi TARIC addizzjonali

Yantai Yongchang Foodstuff

0,0  %

A779

3.   Għall-kumpanniji l-oħra kollha, l-ammont ta' dazju anti-dumping definittiv impost għandu għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta' l-importazzjoni ffissat fil-paragrafu 4 u l-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju jekk dan ta' l-aħħar huwa aktar baxx minn dak ta' qabel. M'għandu jinġabar ebda dazju fejn il-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità huwa ugwali jew ogħla mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni korrispondenti ffissat fil-paragrafu 4.

4.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 3, il-prezz minimu ta' l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella hawn taħt għandu japplika. Fejn jinstab li, wara verifikazzjoni post-importazzjoni, il-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità li ġie mħallas mill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità (prezz post-importazzjoni) huwa taħt il-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni doganali u l-prezz post-importazzjoni huwa aktar baxx mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni, id-dazju fiss anti-dumping stabbilit bħala adatt fil-kolonni 3 jew 4 tat-tabella hawn taħt għandu japplika, sakemm l-applikazzjoni tad-dazju fiss stabbilit bħala adatt fil-kolonna 3 jew 4 flimkien mal-prezz post-importazzjoni jwasslu għal ammont (prezz propjament imħallas flimkien ma' dazju fiss) li jibqa' taħt il-prezz minimu ta' l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella hawn taħt. F'każijiet simili, ammont ta' dazju ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu ta' importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella hawn taħt u l-prezz post-importazzjoni għandu japplika. Fejn dazju anti-dumping simili jinġabar b'mod retrospettiv, għandu jinġabar b'mod nett ta' kull dazju anti-dumping imħallas qabel, ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezz minimu ta' l-importazzjoni.

Kodiċi NM u preżentazzjoni tal-frawli

Prezz minimu ta' l-importazzjoni EUR/tunnella għall-piż nett tal- prodott

Dazju fiss EUR/tunnellata piż nett tal-prodott, applikabbli għal Dandong Junao Foodstuff (kodiċi TARIC addizzjonali A780 )

Dazju fiss EUR/tunnellata piż nett tal-prodott, applikabbli għall-kumpanniji l-oħra kollha (kodiċi TARIC addizzjonali A999 )

Frawli nejjin jew imsajrin bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma, friżati, biż-żieda ta’ zokkor jew ta’ xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu b'kontenut ta' zokkor li jaqbeż it-13 % bil-piż (NM 0811 10 11 )

496,8

62,6

169,9

Frawli nejjin jew imsajrin bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma, friżati, biż-żieda ta’ zokkor jew ta’ xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu b'kontenut ta' zokkor li ma jaqbiż it-13 % bil-piż (NM 0811 10 19 )

566,3

71,3

193,7

Frawli nejjin jew imsajrin bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma, friżati, biż-żieda ta’ zokkor jew ta’ xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu (NM 0811 10 90 )

598

75,3

204,5

5.   F'każijiet fejn l-oġġetti ġarrbu ħsara qabel ma ddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni libera u għalhekk, il-prezz li tħallas attwalment jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (6), l-ammont tad-dazju anti-dumping, maħdum abbażi tal-paragrafi 3 u 4 hawn fuq, irid jitnaqqas b'persentaġġ li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz imħallas attwalment jew li għandu jitħallas.

6.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dażju doganali.

Artikolu 2

L-ammonti żgurati permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skond ir-Regolament (KE) Nru 1551/2006 fuq importazzjonijiet tal-frawli, nejjin jew imsajrin bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma, friżati, kemm jekk biż-żieda ta’ zokkor jew ta’ xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu jew mingħajrha u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 16 ta’ April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

Horst SEEHOFER


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 287, 18.10.2006, p. 3.

(3)  Rapport tat-28 ta’ Ġunju 2006 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-frott artab u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar (COM(2006) 0345), u dokument ta’ ħidma tal-personell anness dwar l-istess suġġett, “Reviżjoni tas-settur tal-frott artab u ċ-ċirasa intenzjonati għall-ipproċessar fl-UE” (SEC(2006) 838).

(4)  It-test adottat fis-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2006, parti 2 Edizzjoni Proviżorja, P-6 TA PROV(2006) 10-12, PE 378/421, p. 69.

(*)  Għal attività relatata mal-frawli biss.

(5)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


Top