Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007G1129(01)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura

    ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 287/1


    RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-16 ta' Novembru 2007

    dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura

    (2007/C 287/01)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    1)

    Filwaqt li jfakkar l-objettivi assenjati lill-Komunità Ewropea, b'mod partikolari mill-Artikolu 151 tat-Trattat,

    2)

    Filwaqt li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali,

    3)

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura f'Dinja li qed tiġi Gglobalizzata (1),

    4)

    filwaqt li jfakkar il-Konklużjonijiet tiegħu ta' l-24 ta' Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-setturi kulturali u kreattivi għall-kisba ta' l-objettivi ta' Lisbona (2),

    5)

    b'kont meħud ta' l-esperjenza miksuba mill-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħidma tal-Kunsill ta' l-2002-2004 u l-2005-2007 (3),

    6)

    b'kont meħud tar-riżultati ta' l-Ewwel Forum Kulturali għall-Ewropa, li nżamm f'Lisbona fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007,

    7)

    konvint li l-kultura u l-ispeċifiċità tagħha, inkluż il-multilingwiżmu huma elementi ċentrali tal-proċess Ewropew ta' integrazzjoni bbażat fuq valuri komuni u wirt komuni — proċess li jirrikonoxxi, jirrispetta u jippromovi d-diversità kulturali u r-rwol trasversali tal-kultura,

    8)

    filwaqt li jisħaq li l-kultura u l-kreattività huma strumenti importanti għall-iżvilupp personali, il-koeżjoni soċjali, it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività,

    9)

    filwaqt li jikkondividi l-fehma li r-rwol tal-kultura għandha tiġi rikonoxxuta aħjar fl-Aġenda ta' Lisbona fiċ-ċiklu l-ġdid li ser tidħol fih fl-2008,

    10)

    filwaqt li jikkunsidra li l-kultura għandu jkollha rwol importanti fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE bħala mezz għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali,

    11)

    filwaqt li jissottolinja l-konnessjoni importanti bejn il-kultura u l-iżvilupp, u jilqa' rwol aktar pro-attiv mill-Istati Membri u l-Komunità Ewropea fil-kuntest ta' l-assistenza esterna rispettiva tagħhom, sabiex jitħaddan il-ħolqien ta' settur kulturali dinamiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'kont meħud tas-suġġeriment mill-Kummissjoni biex tittejjeb il-mobilizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-finanzjament favur aċċess imtejjeb tal-popolazzjoni lokali għall-kultura, u ta' prodotti kulturali ta' dawk il-pajjiżi għas-swieq Ewropej,

    12)

    filwaqt li jisħaq l-importanza tat-titjib tad-djalogu interkulturali fil-livell internazzjonali, inkluż ma' pajjiżi f'sitwazzjoni ta' fraġilità, u li jiġu inklużi atturi mhux governattivi sabiex jiġi promoss għarfien u fehim akbar,

    AĠENDA EWROPEA GĦALL-KULTURA

    1.

    JILQA' l-proposta tal-Kummissjoni li titfassal Aġenda Ewropea għall-Kultura, li hija kkunsidrata bħala pass importanti lejn l-iżvilupp sostnut tal-kooperazzjoni fil-qasam kulturali u fit-tkabbir tal-koerenza u l-viżibbiltà ta' l-azzjoni Ewropea f'dan il-qasam, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol trasverali tal-kultura;

    Objettivi strateġiċi

    2.

    JAPPROVA t-tliet objettivi strateġiċi mniżżla fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bi ħsieb li tiġi mfassla l-Aġenda Ewropea għall-Kultura kondiviża, jiġifieri:

    a.

    il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali;

    b.

    il-promozzjoni tal-kultura bħala katalizzatur għal kreattività fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività;

    ċ.

    il-promozzjoni tal-kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Unjoni;

    Objettivi Speċifiċi

    3.

    JAQBEL li dawk it-tliet objettivi strateġiċi jiġu speċifikati kif ġej:

    A.

    FIR-RIGWARD TAL-PROMOZZJONI TAD-DIVERSITÀ KULTURALI U TAD-DJALOGU INTERKULTURALI:

    it-tħeġġiġ tal-mobilità ta' l-artisti u ta' professjonisti oħra fil-qasam kulturali,

    il-promozzjoni tal-wirt kulturali, notament permezz tal-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-kollezzjonijiet u t-tħaddin tal-proċess ta' diġitizzazzjoni, bil-ħsieb li jittejjeb l-aċċess pubbliku għad-diversi forom ta' espressjonijiet kulturali u lingwistiċi,

    il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali bħala proċess sostenibbli li jikkontribwixxi għall-identità, iċ-ċittadinanza u l-koeżjoni soċjali Ewropea, inkluż permezz ta' l-iżvilupp tal-kompetenzi interkulturali taċ-ċittadini;

    B.

    FIR-RIGWARD TAL-PROMOZZJONI TAL-KULTURA BĦALA KATALIZZATUR TAL-KREATTIVITÀ:

    il-promozzjoni ta' użu aħjar tas-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni, b'mod partikolari permezz tat-tħeġġiġ ta' l-edukazzjoni ta' l-arti u l-parteċipazzjoni attiva f'avvenimenti kulturali bil-ħsieb li tiġi żviluppata l-kreattività u l-innovazzjoni,

    il-promozzjoni tad-disponibbiltà ta' kapaċitajiet ta' ġestjoni, ta' negozju u taħriġ intraprenditorjali speċifikament imfassla lill-professjonisti fl-oqsma kulturali u kreattivi,

    it-tħaddin ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' industriji kulturali u kreattivi, inkluż is-settur awdjoviżiv, biex b'hekk jiġi massimizzat il-potenzjal tagħhom, b'mod partikolari dak ta' l-SMEs, notament permezz ta' użu aħjar mill-programmi u l-inizjattivi eżistenti u permezz ta' l-istimulazzjoni ta' sħubiji kreattivi bejn is-settur kulturali u setturi oħra, inkluż fil-kuntest ta' l-iżvilupp lokali u reġjonali;

    Ċ.

    FIR-RIGWARD TAL-KULTURA BĦALA ELEMENT VITALI TAR-RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI:

    it-titjib tar-rwol tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE u l-politika ta' żvilupp ta' l-UE,

    il-promozzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali u l-kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tagħha fil-livell internazzjonali,

    it-tħaddin tad-djalogu interkulturali u l-interazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili ta' l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi terzi,

    it-tħeġġiġ ta' aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kulturali ta' l-Istati Membri ta' l-UE, inkluż istituzzjonijiet kulturali, f'pajjiżi terzi u ma' l-omologi tagħhom f'dawk il-pajjiżi;

    Sussidjarjetà u flessibbiltà

    4.

    JISĦAQ li azzjoni skond dawn l-objettivi għandu jkollha valur miżjud Ewropew reali u għandha titwettaq b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, u li dawn il-linji gwida komuni fil-livell ta' l-UE ma jippreġudikawx id-definizzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' l-objettivi politiċi nazzjonali tagħhom;

    5.

    JISSOTTOLINJA li dawn l-objettivi għandhom ikunu kkunsidrati bħala qafas flessibbli għall-iggwidar ta' azzjoni futura fil-qasam kulturali;

    METODI TA' ĦIDMA

    Djalogu mas-settur kulturali

    6.

    JAQBEL li djalogu kontinwu, mibni fuq diversi livelli u flessibbli mal-partijiet interessati kulturali u f'konsultazzjoni mas-settur fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew) huwa essenzjali kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' Aġenda Ewropea għall-Kultura;

    7.

    JILQA' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika interlokuturi rappreżentattivi mis-settur u li twettaq studju tas-settur, sabiex tistabbilixxi kanali ta' komunikazzjoni u biex tistruttura d-djalogu mal-partijiet interessati;

    8.

    JAQBEL minħabba l-impatt pożittiv ta' l-ewwel Forum Kulturali li nżamm f'Lisbona fis-26 u s-27 ta' Settembru 2007 li l-interazzjoni ma' u fis-soċjetajiet ċivili kemm fil-livelli nazzjonali kif ukoll dak Ewropew hija element maġġuri fil-ġbir tal-fehmiet tal-partijiet interessati fil-kuntest ta' l-eżerċizju regolari ta' rappurtar;

    Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni

    9.

    JIKKUNSIDRA li l-approċċ il-ġdid propost mill-Kummissjoni għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura, jiġifieri l-użu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC) b'mod speċifikament adattat u b'kont meħud ta' l-ispeċifiċitajiet tas-settur, ser jipprovdi qafas flessibli u li ma jorbotx għall-istrutturar tal-kooperazzjoni madwar l-objettivi strateġiċi ta' l-Aġenda Ewropea għall-Kultura u għat-tħaddin ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattiki;

    10.

    JIDDEĊIEDI li:

    a)

    l-OMC ser tiġi applikata bl-użu ta' approċċ flessibbli adattat għall-qasam kulturali, b'rispett sħiħ għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri, inkluż dawk ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom u skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri fl-azzjonijiet u l-proċeduri kkonċernati ser tkun volontarja;

    b)

    fl-implimentazzjoni ta' l-OMC, ser tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż finanzjarju u amministrattiv fuq id-diversi setturi, skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fit-Trattat KE (4);

    ċ)

    l-objettivi ta' l-Aġenda Ewropea għall-Kultura ser jiġu implimentati permezz ta' pjanijiet ta' ħidma triennali li jkopru numru limitat ta' oqsma prijoritarji, li l-Kunsill jiddetermina bħala xierqa għall-qafas ta' l-OMC fil-perijodu ta' żmien korrispondenti. Abbażi ta' dawk l-oqsma ta' prijorità, il-Kummissjoni ser tipproponi azzjonijiet speċifiċi għall-pjanijiet ta' ħidma li ser jiġu diskussi, supplimentati, aġġornati u, fejn hu meħtieġ, endorsjati mill-Kunsill tal-Ministri;

    d)

    il-Kunsill, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jkollu rwol ċentrali fl-iżgurar tal-kontinwità u s-segwitu ta' l-oqsma prijoritarji għall-azzjoni u fiż-żamma tal-momentum tal-proċess;

    e)

    wara li tkun ikkonsultat lill-korp kompetenti tal-Kunsill [il-Kumitat dwar l-Affarijiet Kulturali] il-Kummissjoni ser tħejji rapport dwar il-progress li għandu jiġi sottomess lill-Kunsill abbażi, fost affarijiet oħra, ta' l-informazzjoni pprovduta volontarjament mill-Istati Membri skond il-prinċipji mniżżla f'10a) u b) hawn fuq;

    f)

    sabiex jissaħħu l-għarfien u l-viżibbiltà ġenerali tal-kooperazzjoni kulturali fil-livell Ewropew, l-atturi kulturali u l-pubbliku ġenerali ser jiġu informati dwar l-objettivi u l-azzjonijiet prijoritarji tal-pjan ta' ħidma;

    11.

    JAQBEL, f'konformità mal-Paragrafu 10ċ, li l-pjan ta' ħidma għall-perijodu 2008-2010 ser jikkonċentra fuq l-oqsma prijoritarji għall-azzjoni mniżżla fl-Anness;

    12.

    Il-Kunsill jista', f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jirrevedi l-applikazzjoni ta' l-OMC fil-qasam kulturali fid-dawl tal-progress li jkun sar, u b'konsiderazzjoni ta' l-eżerċizzju ta' rappurtar u evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu e) hawn fuq;

    13.

    Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jinżammu informati bl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħidma;

    Aspetti orizzontali

    14.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma tagħha fil-qasam ta' l-istatistika kulturali f'termini ta' definizzjonijiet u metodoloġiji bil-ħsieb li tinkiseb il-komparabbiltà tad-data statistika biex jiġu appoġġati t-tfassil tal-politika u l-azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza;

    15.

    JILQA' l-ħolqien mill-Kummissjoni ta' grupp bejn is-servizzi biex ikun żgurat aħjar li l-aspetti kulturali jiġu kkunsidrati fl-azzjoni tagħha f'dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, kif stabbilit mill-Artikolu 151(4) tat-Trattat tal-KE;

    16.

    JIRRAKKOMANDA, li l-interazzjoni bejn l-aspetti kulturali u l-linji politiċi l-oħra tal-Komunità tissaħħaħ, permezz tal-koordinazzjoni bejn il-konfigurazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill dwar kwistjonijiet li għandhom impatt fuq il-kultura u permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu effettiv u koerenti għar-rappurtar regolari dwar u s-segwitu ta' aspetti kulturali taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat;

    17.

    JISTIEDEN lill-Kunsill Ewropew biex jadotta dawn il-konklużjonijiet li jipprovdu qafas għal Aġenda Ewropea għall-Kultura.


    (1)  9496/07 u d-dokument ta' ħidma li jakkumpanjah li jelenka l-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam tal-kultura (Doc. 9496/07 ADD1).

    (2)  9021/07

    (3)  ĠU C 162, 6.7.2002 u 13839/04

    (4)  L-Artikolu 5 tiegħu hekk kif interpretat mill-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità anness għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, notament il-Punt 9 tiegħu.


    ANNESS

    OQSMA PRIJORITARJI GĦALL-AZZJONI GĦALL-PERIJODU 2008-2010

    Skond id-dispożizzjonijiet tal-Paragrafi 10 ċ) u 11 ta' hawn fuq, l-oqsma prijoritarji li ġejjin ser jiġu mmirati fil-kuntest ta' l-objettivi strateġiċi ta' l-Aġenda Ewropea għall-Kultura:

    it-titjib tal-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ta' l-artisti u ta' professjonisti oħra fil-qasam kulturali,

    il-promozzjoni ta' l-aċċess għall-kultura, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-wirt kulturali, il-multilingwiżmu, id-diġitizzazzjoni, it-turiżmu kulturali, sinerġiji ma' l-edukazzjoni, speċjalment l-edukazzjoni ta' l-arti u l-mobbiltà akbar tal-kollezzjonijiet,

    l-iżvilupp ta' data, statistika u metodoloġiji komparabbli fis-settur kulturali u t-titjib tal-komparabbiltà tagħhom,

    il-massimizzazzjoni tal-potenzjal ta' l-industriji kulturali u kreattivi, b'mod partikolari dak ta' l-SMEs,

    il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' l-Espressjonijiet Kulturali.


    Top