Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0667

2007/667/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Ottubru 2007 li tawtorizza l-użu ta' l-annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom fil-Ġermanja wara konferma uffiċjali tal-preżenza tal-BSE (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4648)

ĠU L 271, 16.10.2007, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/667/oj

16.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 271/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ Ottubru 2007

li tawtorizza l-użu ta' l-annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom fil-Ġermanja wara konferma uffiċjali tal-preżenza tal-BSE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4648)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(2007/667/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jippreskrivi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerti enċifalopatiji sponġiformi li jittieħdu (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' l-enċifalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSEs) fl-annimali. L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi għall-miżuri ta' eradikazzjoni li jridu jiġu applikati meta tkun ġiet ikkonfermata b'mod uffiċjali l-preżenza ta' TSE. Dawn il-miżuri jikkonsistu b'mod partikolari fil-qatla u l-qerda totali ta' l-annimali u l-prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew identifikati li huma ta' riskju “annimali bovini ta' riskju”) minħabba rabta epidemjoloġika ma' l-annimali affettwati.

(2)

Il-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni talba għal deċiżjoni biex jitħalla l-użu ta' annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom b'deroga mill-punt (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(3)

Il-miżuri ta' kontroll mibgħuta mill-Ġermanja jipprovdu għal restrizzjoni stretta ta' moviment u traċċabilità ta' l-annimali bovini b'mod li l-livell attwali ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-annimal mhux fil-periklu.

(4)

Fuq il-bażi ta' stima favorevoli tar-riskju, il-Ġermanja għandha għalhekk titħalla tuża annimali bovini ta' riskju sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   B'deroga mill-punt (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-Ġermanja tista' tuża annimali bovini msemmija fit-tieni u t-tielet inċiż ta' punt 1(a) ta' l-Anness VII ta' dan ir-Regolament sa tmiem il-ħajja produttiva tagħhom bil-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-annimali bovini msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

ikunu traċċabbli b'mod permanenti fid-database elettroniku stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(b)

jitħarrku mill-azjenda taħt sorveljanza uffiċjali biss u għal skopijiet ta' qerda;

(ċ)

ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew ma jiġux esportati lil pajjiżi terzi.

3.   Il-Ġermanja għandha twettaq kontrolli regolari biex tivverifika l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Deċiżjoni.

4.   Il-Ġermanja għandha żżomm il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra infurmati dwar l-użu ta' l-annimali bovini kif imsemmi fil-paragrafu 1 permezz tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

Il-Ġermanja għandha wkoll tippreżenta tagħrif relatat fir-rapport annwali stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 727/2007 tal-Kummissjoni (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 8).

(2)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.


Top