EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0606

2007/606/KE,Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Awwissu 2007 li tistipula regoli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom li tistabbilixxi Strument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3769) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 241, 14.9.2007, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/10/2014; Imħassar b' 32014D0762

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/606/oj

14.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 241/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Awwissu 2007

li tistipula regoli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom li tistabbilixxi Strument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3769)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/606/KE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili (1), u partikolarment l-Artikolu 4(4) tagħha,

Billi:

(1)

Mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta’ assistenza fil-protezzjoni ċivili, minn issa 'l quddiem “il-Mekkaniżmu”, ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom (2). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom (3) tistipola regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan. Jeħtieġ li wieħed jirreferi għad-Deċiżjoni għad-definizzjonijiet ta’ l-Istati u l-pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw.

(2)

Id-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom tagħmel dispożizzjonijiet speċjali biex tiffinanzja ċerti riżorsi tat-trasport fil-każ ta’ emerġenza kbira sabiex jiġi ffaċilitat rispons rapidu u effettiv għaliha.

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri dwar it-talbiet magħmula mill-Istati parteċipanti biex jiksbu appoġġ finanzjarju mill-Komunità sabiex jittrasportaw l-għajnuna tagħhom lill-pajjiż effettwat u t-trattament ta’ dawn it-talbiet mill-Kummissjoni. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fir-rigward tal-ġbir jew l-identifikazzjoni tar-riżorsi, billi waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-appoġġ finanzjarju hija li jkunu ġew eżawriti l-possibbiltajiet l-oħra kollha biex jinstab it-trasport fl-ambitu tal-Mekkaniżmu. Sabiex jiġi żgurat rispons rapidu u effettiv tal-Komunità għall-emerġenzi l-kbar, jeħtieġ li jiġi stipulat perjodu li meta jiskadi, it-talbiet għall-finanzjament Komunitarju ikunu jistgħu jsiru eliġibbli.

(4)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, koerenza u effettività, jeħtieġ lil tiġi stabbilita l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fit-talbiet għall-appoġġ tat-trasport u tweġibiet relatati mill-Istati Parteċipanti u l-Kummissjoni.

(5)

Fejn tista' tiġi pprovduta assistenza finanzjarja Komunitarja skond id-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom, l-Istati parteċipanti għandu jkollhom l-għażla li jitlobu għotja jew servizzi ta’ trasport.

(6)

Jeħtieġ li tiġi ddefinita l-informazzjoni li għandha titqies sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji stipulati fil-punti (i) u (iii) ta’ l-Artikolu 4(20(c) tad-Deċiżjoni 2007/612/KE u li jiġu osservati l-prinċipji ta’ l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tar-Regolament Finanzjarju.

(7)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-ispejjeż eliġibbli minħabba li skond id-Deċiżjoni 2007/162/KE l-assistenza finanzjarja mill-Komunità tista' tieħu l-forma ta’ għotjiet jew kuntratt ta’ xiri pubbliku implimentati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(8)

Id-Deċiżjoni 2007/162/KE tipprovdi li l-Istati Membri li jitolbu appoġġ finanzjarju mill-Komunità għat-trasport ta’ l-assistenza tagħhom għandhom jirrimborsaw mill-inqas 50 % tal-fondi tal-Komunità li jkunu rċevew fi żmien 180 jum mill-intervent. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri għal dak il-għan. L-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni jridu jitqiesu bħala fondi li rċevewhom l-Istati Membri skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4 (3) tad-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom.

(9)

Peress li hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jipprovdu t-tagħmir u t-trasport għall-assistenza tal-protezzjoni ċivili li joffru fil-qafas tal-Mekkaniżmu, u billi l-Kummissjoni għandha biss rwol ta’ appoġġ fil-finanzjar ta’ riżorsi addizzjonali tat-trasport fuq talba ta’ l-Istati Membri, jeħtieġ lil jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità fir-rigward tal-kumpens għal ħsarat possibbli, billi jiġi pprovdut li l-Istat parteċipanti li jkun qed jitlob l-appoġġ tat-trasport għandu joqgħod lura milli jagħmel kwalunkwe talba għall-kumpens mill-Komunità meta ħsarat bħal dawn ikunu l-konsegwenza ta’ l-għoti ta’ appoġġ tat-trasport irregolat minn din id-Deċiżjoni, sakemm ma jkunux ġie ppruvat li dan kien ir-riżultat ta’ frodi jew każ serju ta’ mġiba ħażina.

(10)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skond il-fehma tal-Kumitat tal-Protezzjoni Ċivili,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Id-Deċiżjoni tistpula regoli għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet fil-qasam tat-trasport li huma eliġibbli għall-assistenza finanzjarja mill-Komunità skond l-Artikolu (4)(2)(b) u (c) u l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għar-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“Stat parteċipanti” għandha t-tifsira assenjata lilha fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom

(b)

“pajjiżi terzi” għandha t-tifsira assenjata lilha fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom

(ċ)

“Stat effetwat” tfisser l-Istat parteċipanti jew pajjiż terz effettwat minn emerġenza kbira li għalihom huwa attivat il-Mekkaniżmu.

(d)

“Stat parteċipanti li jitlob għal appoġġ tat-trasport” tfisser l-Istat parteċipanti, li jitlob appoġġ mill-Mekkaniżmu sabiex jittrasporta l-assistenza lill-Istat effettwat.

(e)

“assistenza tal-protezzjoni ċivili” tfisser skwadri tal-protezzjoni ċivili, esperti jew moduli bit-tagħmir tagħhom kif ukoll matrajali jew provvisti għall-għajnuna li jkunu meħtieġa biex itaffu l-konsegwenzi immedjati ta’ emerġenza.

Artikolu 3

Proċeduri applikabbli għal talbiet għall-appoġġ permezz tal-Mekkaniżmu għat-trasport ta’ l-assistenza u għal talbiet relatati

1.   Il-proċeduri pprovduti fl-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw kull meta jsiru talbiet mill-Istati parteċipanti għall-appoġġ permezz tal-Mekkaniżmu sabiex jittrasportaw l-assistenza tagħhom tal-protezzjoni ċivili lil Stat effettwat, minn hawn 'il quddiem “appoġġ għat-trasport”.

2.   Meta talba għall-appoġġ għat-trasport tinkludi talba għall-appoġġ finanzjarju, ta’ l-aħħar ma jkunx eliġibbli biex jitqies mill-Kummissjoni sakemm il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu tlestew.

3.   It-talbiet għandhom jinħarġu mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 12 u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-miktub. Għandhom ikollhom l-informazzjoni pprovduta fil-Parti A ta’ l-Anness.

4.   Kull talba għall-apoġġ għat-trasport skond din id-Deċiżjoni u tweġibiet relatati u skambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati parteċipanti u l-Kummissjoni għandhom jiġu trażmessi lil u pproċessati miċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni tal-Kummissjoni (MIC) stabbilit mid-Deċiżjoni 2004/277/KE, Euratom.

5.   It-talbiet jistgħu jintbagħtu bil-faks, bil-posta elettronika jew permezz tas-sistema komuni ta’ komunikazzjoni u informazzjoni f'emerġenza (CECIS) stabbilita mid-Deċiżjoni 2004/277/KE, Euratom. It-trażmissjoni ta’ talbiet li jinvolvu l-finanzjament Komunitarju bil-faks, il-posta elettronika jew iċ-CECIS huma aċċettati sakemm l-oriġinali ffirmati mill-awtorità kompetenti jiġu sussgwentement ipprovduti lill-Kummissjoni mill-aktar fis.

Artikolu 4

Talbiet għall-appoġġ għall-ġbir jew l-identifikazzjoni tar-riżorsi tat-trasport

1.   Il-Kummissjoni għandha, malli tirċievi talba għall-appoġġ mill-Mekkaniżmu għall-ġbir jew l-identifikazzjoni tar-riżorsi tat-trasport sabiex tiġi ttrasportata assistenza tal-protezzjoni ċivili lil Stat effettwat, tinnotifika minnufih lill-punti ta’ kuntatt maħtura mill-Istati parteċipanti skond il-punt (e) ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2001/792/KE, b'din it-talba.

2.   Fin-notifika, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati parteċipanti biex jipprovduha b'dettalji dwar kwalunkwe riżors tat-trasport li jistgħu jagħmlu disponibbli għall-Istat parteċipanti li qed jagħmel it-talba.

3.   Fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha wkoll tistipula perjodu li meta jiskadi, it-talbiet għall-finanzjament Komunitarju ikunu jistgħu jsiru eliġibbli. Il-perjodu m'għandux jaqbeż 24 siegħa min-notifika. Il-Kummissjoni tista' tqassar dak il-perjodu għal minimu ta’ 6 sigħat meta dan ikun meħtieġ sabiex twieġeb effettivament għal ħtiġijiet vitali u urġenti.

Artikolu 5

Tweġibiet għal talbiet għall-appoġġ għall-ġbir jew l-identifikazzjoni tar-riżorsi tat-trasport

1.   L-Istati Parteċipanti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mill-aktar fis dwar kwalunkwe riżors tat-trasport li jistgħu jagħmlu disponibbli fuq bażi volontarja bħala tweġiba għat-talba għall-appoġġ għall-ġbir jew l-identifikazzjoni tar-riżorsi tat-trasport. Din l-informazzjoni għandha jkollha l-elementi pprovduti fil-Parti B ta’ l-Anness.

2.   L-Istati Parteċipanti li m'għandhomx riżorsi tat-trasport xierqa disponibbli għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor l-informazzjoni dwar ir-riżorsi tat-trasport disponibbli u tibgħatha lill-Istat parteċipanti li qed jagħmel it-talba u lil Stati parteċipanti oħra mill-iktar fis possibbli.

4.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għadha tibgħat lill-Istati parteċipanti kull informazzjoni oħra li għandha dwar riżorsi tat-trasport disponibbli minn sorsi oħra, inkluż is-suq kummerċjali u għandha tiffaċilita l-aċċess ta’ l-Istati parteċipanti għal dawk ir-riżorsi addizzjonali.

5.   L-Istat parteċipanti li jkun qed jagħmel it-talba għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bis-soluzzjonijiet tat-trasport li jkun għażel u għandu jaħdem ma’ l-Istati parteċipanti li qed jagħtu dan l-appoġġ jew l-operatur identifikat mill-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati parteċipanti kollha dwar l-għażla magħmula mill-Istat parteċipanti li qed jagħmel it-talba., L-Istat għandu jżomm lill-Kummissjoni regolarment mgħarrfa dwar il-progress fil-għoti ta’ l-assistenza tal-protezzjoni ċivili tagħha.

Artikolu 6

Talba għal għotja

1.   Meta tkun ġiet identifikata soluzzjoni possibbli ta’ trasport imma l-finanzjament Komunitarju jkun meħtieġ biex jippermetti t-trasport ta’ l-assistenza tal-protezzjoni ċivili, l-Istat parteċipanti jista' jitlob għotja mill-Komunità.

2.   L-Istat parteċipanti għandu jindika fit-talba tiegħu liema perċentwal ta’ spejjeż eliġibbli se jirrimborsa. Dan il-perċentwal m'għandux ikun ta’ inqas minn 50 %. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istati parteċipanti kollha b'din it-talba.

3.   Il-Kummisssjoni tista' tikkonkludi ftehimiet strutturali ta’ sħubija kif definiti fl-Artikolu 162 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (5), ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati parteċipanti sabiex jiġu ffaċilitati l-proċeduri taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Talba għal servizz ta’ trasport

1.   F'każi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 6, l-Istati parteċipanti li jitolbu appoġġ tat-trasport għandhom jitolbu lill-Kummissjoni tqabbad servizzi ta’ trasport lil entitajiet privati jew oħrajn sabiex jittrasportaw l-assistenza tal-protezzjoni ċivili tagħhom lill-pajjiż effettwat.

2.   Malli tasal talba kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istati parteċipanti kollha bit-talba u għandha tgħarraf lill-Istati parteċipanti li qed jitlob servizz ta’ trasport dwar kull soluzzjoni ta’ trasport disponibbli u l-ispejjeż għalihom.

3.   Fuq il-bażi ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paregrafi 1 u 2, l-Istat parteċipanti għandu jikkonferma bil-miktub it-talba tiegħu għal servizz ta’ trasport u l-impenn tiegħu li jħallas lill-Kummissjoni lura skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10. L-Istat parteċipanti għandu jindika tiegħu liema perċentwal ta’ spejjeż eliġibbli se jirrimborsa. Dan il-perċentwal m'għandux ikun ta’ inqas minn 50 %.

4.   L-Istat parteċipanti għandu minnufih jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kull bidla fit-talba għal servizz ta’ trasport.

Artikolu 8

Deċiżjoni dwar il-finanzjament Komunitarju

1.   Għall-għanijiet tal-punt (ii) ta’ l-Artikolu 4(2)(c) tad-Deċiżjoni 2007/162/KE, kull possibbiltà oħra biex jinstab trasport taħt il-Mekkaniżmu għandha titqies li ġiet eżawrita meta l-proċeduri pprovduti fl-Artikolu 4 u 5 ta’ din id-Deċiżjoni ma jkunux irriżultaw f'arranġamenti fi żmien il-perjodu ffissat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4 (3) ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Sabiex jiġi ddeterminat jekk jintlaħqux il-kriterji stipulati fil-punti (i) u (iii) ta’ l-Artikolu 4(20(c) tad-Deċiżjoni 2007/612/KE u l-prinċipji ta’ l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tar-Regolament Finanzjarju, għandhom jitqiesu dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni li hemm fit-talba għall-finanzjament Komunitarju ppreżentata mill-Istat parteċipanti skond l-Artikolu 3(3);

(b)

il-ħtiġijiet espressi mill-Istat effettwat;

(ċ)

kull valutazzjoni tal-ħtiġijiet imwettqa minn esperti li jirrapurtaw lill-Kummissjoni waqt l-emerġenza;

(d)

tagħrif rilevanti u affidabbli disponibbli lill-Kummissjoni fi żmien id-deċiżjoni pprovduta mill-Istati parteċipanti u minn organizzazzjonijiet internazzjonali;

(e)

l-effiċjenza u l-effettività tas-soluzzjonijiet tat-trasport imfassla biex iwettqu t-twassil f'waqtu ta’ l-assistenza tal-protezzjoni ċivili.

(f)

azzjonijiet oħra meħuda mill-Kummissjoni.

3.   L-Istati parteċipanti għandhom jagħtu kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex jiġi vvalutat it-twettiq stipulat fl-Artikolu 4(2)(c) tad-Deċiżjoni 2007/162/KE. L-Istati parteċipanti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli malli jirċievu talba mill-Kummissjoni għal-informazzjoni bħal din.

4.   Id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet eliġibbli għall-assistenza finanzjarja skond l-Artikolu 4(2)(c) tad-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom għandha tistipula l-ammont massimu tal-finanzjament Komunitarju għal talba partikolari, filwaqt li tqis id-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji.

5.   Id-deċiżjonii dwar l-appoġġ finanzjarju għandha tiġi kkomunikata minnufih lill-Istat parteċipanti li qed jitlob l-appoġġ finanzjarju. Għandha tiġi wkoll ikkomunikata lill-Istati parteċipanti l-oħra.

Artikolu 9

Spejjeż eliġibbli

L-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju Komunitarju:

(a)

Spejjeż marbuta maċ-ċaqliq tar-riżorsi tat-trasport sal-punt fejn għandhom jaslu fit-territorju ta’ l-Istat parteċipanti li qed joffri l-assistenza tal-protezzjoni ċivili, inkluż l-ispejjeż għas-servizzi kollha, imposti, spejjeż loġistiċi u ta’ handling, spejjeż għall-fjuwil u għal akkomodazzjoni possibbli kif ukoll spejjeż indiretti bħat-taxxi, id-dazji in ġenerali u l-ispejjeż tat-tranżitu.

(b)

Spejjeż imġarrba mill-punt tat-tluq fit-territorju ta’ l-Istat li qed joffri l-assistenza tal-protezzjoni ċivili sad-destinazzjoni aħħarija, inkluż l-ispejjeż tas-servizzi kollha, imposti, spejjeż loġistiċi u ta’ handling, spejjeż għall-fjuwil u għall-akkomodazzjoni possibbli, kif ukoll spejjeż indiretti oħra bħat-taxxi, id-dazji in ġenerali, u l-ispejjeż tat-tranżitu.

(ċ)

Spejjeż meħtieġa għall-vjaġġ lura ta’ l-assi tat-trasport u kwalunkwe skwadra u t-tagħmir tagħhom.

L-ispejjeż kollha għandhom ikunu ġġustifikati kif xieraq.

Artikolu 10

Ħlas lura tal-finanzjament Komunitarju

1.   Għall-finanzjament mogħti mill-Kummissjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha toħroġ, fi żmien 90 jum minn meta tkun tlestiet operazzjoni ta’ trasport li għaliha jkun ingħata appoġġ finanzjarju Komunitarju, ordni ta’ rkupru lill-Istat parteċipanti li gawda mill-finanzjament Komunitarju għal ammont li jikkorispondi għad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ l-għoti u li jirrappreżenta mill-inqas 50 % tal-fondi rċevuti u minimu ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

2.   Għall-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha toħroġ, fi żmien 90 jum minn meta tkun tlestiet operazzjoni ta’ trasport li għaliha jkun ingħata appoġġ finanzjarju Komunitarju, ordni ta’ rkupru lill-Istati parteċipanti li gawdew mill-finanzjament Komunitarju għal ammont li jikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq talba għal servizzi ta’ trasport u li jirrappreżenta mill-inqas 50 % ta’ l-ispejjeż għat-trasport.

Artikolu 11

Kumpens għad-danni

L-Istat parteċipanti li jitlob l-appoġġ tat-trasport m'għandu jitlob l-ebda kumpens mill-Komunità għal ħsara kkawżata lill-proprjetà tiegħu jew lill-istaff tas-servizz tiegħu meta ħsara bħal din tkun il-konsewgenza ta’ l-għoti ta’ appoġġ tat-trasport irregolat minn din id-Deċiżjoni, sakemm ma jiġix ippruvat li dan huwa r-riżultat ta’ frodi jew każ serju ta’ mġiba ħażina.

Artikolu 12

Il-ħatra ta’ l-awtoritajiet kompetenti

L-Istati parteċipanti għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti awtorizzati li jitolbu jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni b'applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan fi żmien 60 jum wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni. Kull bidla f'din l-informazzjoni għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 8 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.

(2)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(3)  ĠU L 87, 25.3.2004, p. 20.

(4)  ĠU L 248, 16.09.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament emendat l-aħħar bir-regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111 28.4.2007, p. 13).


ANNESS

PARTI A

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Parteċipanti li jitolbu appoġġ ta' trasport għall-assistenza tal-protezzjoni ċivili

(1)

Diżastru/Emerġenza

(2)

Referenzi għal messaġġi maħruġa miċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni tal-Kummissjoni (MIC)

(3)

Stat/Organizzazzjoni li qed jagħmel it-talba

(4)

Reċipjent/benefiċjarju aħħari ta' l-assistenza ttrasportata

(5)

Dettalji ta' l-assistenza tal-protezzjoni ċivili li għandha tiġi ttrasportata inkluż deskrizzjoni preċiża ta' l-oġġetti, il-piż, id-daqs, il-volum, l-ispazju ta' art, imballaġġ b'referenza kif xieraq għal standards ta' imballaġġ ta' l-ajru, ta' l-art, marittimi, kull oġġett perikoluż, karatteristiċi tal-vetturi kif ukoll piż, daqs, volum, spazju ta' l-art kumplessivi u l-għadd ta' persunal li qed jivvjaġġa u ħtiġijiet oħra legali, doganali, tas-saħħa jew sanitarji rilevanti għat-trasport u t-twassil ta' l-assistenza.

(6)

Informazzjoni dwar kif l-assistenza tissodisfa il-ħtiġijiet tal-pajjiż effettwat b'referenza għat-talba jew il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-pajjiż effettwat.

(7)

Informazzjoni fejn disponibbli dwar l-eżistenza (jew l-assenza) ta' possibbiltajiet għal xiri u distribuzzjoni lokali disponibbli għat-tip(i) ta' assistenza li għandha tiġi ttrasportata fi kwantità suffiċjenti.

(8)

Raġuni(jiet) għala huma meħtieġa riżorsi ta' trasport addizzjonali għall-iżgurar ta' l-effettività tar-rispons tal-protezzjoni ċivili taħt il-Mekkaniżmu.

(9)

Informazzjoni dwar l-istat ta' aċċettazzjoni ta' din l-assistenza mill-Istat effettwat jew l-awtorità li qed tikkordina.

(10)

Rotta meħtieġa għat-trasport ta' l-assistenza.

(11)

Post/port ta' imbark u punt ta' kuntatt lokali.

(12)

Post/port ta' żbark u punt ta' kuntatt lokali.

(13)

Data/Ħin meta l-assistenza tkun lesta, ippakkjata u ppreparata għat-trasportazzjoni mill-port ta' l-imbark.

(14)

Informazzjoni dwar kull possibbiltà biex l-assistenza titressaq lejn post/port alternattiv ta' imbark/hub biex tkompli miexja

(15)

Informazzjoni addizzjonali (kif xieraq)

(16)

Informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet possibbli għall-ispejjeż tat-trasport

(17)

Informazzjoni dwar talba għall-finanzjament Komunitarju (meta applikabbli)

(18)

Awtorità Kompetenti/Firma

PARTI B

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Parteċipanti jew mill-Kummissjoni meta joffru appoġġ ta' trasport għall-assistenza tal-protezzjoni ċivili

(1)

Diżastru/Emerġenza

(2)

Stat li qed iwieġeb/Organizzazzjoni/punt ta' kuntatt

(3)

Referenzi għal messaġġi maħruġa miċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni tal-Kummissjoni (MIC) u ta' l-Istat Parteċipanti/Organizzazzjoni li jitolbu l-appoġġ tat-trasport.

(4)

Dettalji tekniċi ta' l-offerta għat-trasport li tinkludi tipi ta' riżorsi ta' trasport disponibbli, dati u ħinjiet tat-trasportazzjoni, l-għadd ta' ċaqliqiet jew ħarġiet meħtieġa.

(5)

Dettalji partikolari, limitazzjonijiet u modalitajiet li jikkonċernaw l-assistenza tal-protezzjoni ċivili li għandha tiġi ttrasportata inkluż deskrizzjoni preċiża ta' l-oġġetti, il-piż, id-daqs, il-volum, l-ispazju ta' art, imballaġġ, oġġetti perikolużi eventwali, tħejjija tal-vetturi, ħtiġijiet tal-handling, vjaġġar tal-persunal u ħtiġijiet oħra legali, doganali, tas-saħħa jew sanitarji rilevanti għat-trasport u t-twassil ta' l-assistenza.

(6)

Rotta proposta għat-trasport ta' l-assistenza.

(7)

Post/port ta' imbark u punt ta' kuntatt lokali.

(8)

Post/port ta' żbark u punt ta' kuntatt lokali.

(9)

Data/Ħin meta l-assistenza trid tkun lesta, ippakkjata u ppreparata għat-trasportazzjoni mill-port ta' l-imbark.

(10)

Informazzjoni dwar kull possibbiltà biex l-assistenza titressaq lejn post/port alternattiv ta' imbark/hub biex tibqa' għaddejja fuq ir-rotta

(11)

Informazzjoni addizzjonali (kif xieraq)

(12)

Informazzjoni dwar talbiet possibbli għal kontribuzzjonjiet għall-ispejjeż tat-trasport u dettalji dwar kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet partikolari marbuta ma' l-offerta.

(13)

Informazzjoni dwar it-talba għall-finanzjament Komunitarju (meta applikabbli)


Top