Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0475

2007/475/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Ġunju 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda mill-Italja skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

ĠU L 180, 10.7.2007, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/475/oj

10.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 180/5


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Ġunju 2007

dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Komunità, tal-miżuri meħuda mill-Italja skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

(2007/475/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, (1) u b'mod partikulari l-Artikolu 3a(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva 89/552/KEE,

Billi:

(1)

B'ittra fl-10 ta’ Mejju 1999, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE.

(2)

Il-Kummissjoni ivverifikat, fi żmien tliet xhur minn din in-notifika, jekk miżuri bħal dawn humiex kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, b'mod partikulari dwar il-proporzjon tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta’ konsultazzjoni nazzjonali.

(3)

Fl-eżami tagħha, il-Kummissjoni qieset id-dejta disponibbli fil-media Taljana.

(4)

Il-lista, ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà inklużi fil-miżuri Taljani, tfasslet b'mod ċar u trasparenti.

(5)

Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-attivitajiet elenkati fil-miżuri Taljani laħqu minn ta’ l-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, kunsidrati bħala indikaturi ta’ min joqgħod fuqhom ta’ l-importanza ta’ l-avvenimenti għas-soċjetà: (i) reżonanza ġenerali u speċjali fi ħdan l-Istat Membru, u mhux sempliċement sinifikat għal dawk li normalment isegwu l-isport jew attività kkonċernata; (ii) importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b'mod partikulari bħala katalista għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u kienu jarawh udjenzi televiżivi kbar.

(6)

Numru sinifikanti ta’ avvenimenti elenkati fil-miżuri Taljani, fosthom l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, it-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-futbol f'logħob li jinvolvi t-tim nazzjonali Taljan, kif ukoll il-finali ta’ dawn it-turnej, jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ avvenimenti tradizzjonalment ikkunsidrati ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà, kif jissemmew b'mod espliċitu fi premessa 18 tad-Direttiva 97/36/KE. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja għax huma partikolarment popolari mal-pubbliku ġenerali, mhux biss ma’ dawk li normalment isegwu avvenimenti sportivi. Barra minn hekk, dawn għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni Taljana, meta titqies il-kontribuzzjoni importanti għall-ftehim bejn il-popli u l-importanza ta’ l-isport għas-soċjetà Taljana b'mod sħiħ u għall-kburija nazzjonali, peress li jipprovdu l-okkażjoni biex sportivi Taljani ewlenin ikollhom suċċess f'dawn il-kompetizzjonijiet internazzjonali mill-aktar importanti.

(7)

L-avvenimenti elenkati, l-oħra, tal-futbol għandhom reżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni Taljana, meta titqies l-importanza tal-futbol għas-soċjetà Taljana kollha kemm hi u għall-kburija nazzjonali, peress li jipprovdu l-okkażjoni lil timijiet Taljani li jkunu ta’ suċċess, f'logħbiet ta’ futbol ta’ livell għoli li jiġbdu lejhom attenzjoni internazzjonali.

(8)

Il-Giro d'Italia għandu reżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u huwa meqjus bħala attività kulturali distinta ta’ importanza bħala katalista għall-identità kulturali nazzjonali, mhux biss minħabba l-importanza tiegħu bħala sport ta’ livell għoli iżda wkoll bħala okkażjoni fejn l-Italja tiġi reklamata bħala pajjiż.

(9)

Ir-reżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u l-importanza kulturali u distinta ġeneralment rikonoxxuta tal-Grand Prix tal-Formula Wieħed tal-Karozzi għall-poplu Taljan toħroġ mill-fatt li karozzi Taljani kellhom ħafna suċċessi fit-tlielaq tal-Formula Wieħed.

(10)

Il-festival tal-kant ta’ San Remo għandu reżonanza ġenerali u speċjali fl-Italja u għandu importanza kulturali u distinta ġeneralment rikonoxxuta għall-identità kulturali Taljana bħala avveniment “ta' kultura popolari” li jifforma parti mill-kultura tradizzjonali Taljana.

(11)

Il-miżuri Taljani jidhru li huma proporzjonati sabiex jiġġustifikaw id-deroga mill-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li servizzi jiġu pprovduti abbażi ta’ raġuni predominanti ta’ interess pubbliku, li għandha tiżgura aċċess wiesgħa għall-pubbliku għal xandiriet ta’ avvenimenti ta’ importanza ewlenija għas-soċjetà.

(12)

Il-miżuri Taljani huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għall-fatt li d-definizzjoni ta’ xandâra kwalifikati li jxandru avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu kompetizzjoni attwali u potenzjali għall-kisba tad-drittijiet tax-xandir ta’ dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ avvenimenti elenkati mhux sproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni għas-swieq l-aktar popolari tat-televiżjoni bla ħlas u bi ħlas.

(13)

Wara komunikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda mill-Italja u l-konsultazzjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 23a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, id-Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni u l–Kultura informa lill-Italja permezz ta’ ittra fil-5 ta’ Lulju 1999, li l-Kummissjoni Ewropea ma hi bi ħsiebha toġġezzjona għall-ebda waħda mill-miżuri notifikati.

(14)

Fis-7 ta’ Settembru 1999, emenda għall-miżuri Taljani ġiet notifikata lill-Kummssjoni. Din l-emenda ma introduċietx tibdil għall-avvenimenti elenkati.

(15)

Il-miżuri Taljani ġew ippubblikati fis-Serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (2) skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE. Ir-rettifika ta’ dik il-pubblikazzjoni ġiet sussegwentement ippubblikata fis-Serje “Ċ” tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (3)

(16)

Mis-sentenza tal-Qorti ta’ Prim Istanza Każ T-33/01 Infront WM v Kummissjoni jirriżulta, li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE huma kompatibbli mal-liġi tal-Komunità, tikkostitwixxi deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE, li għalhekk trid bilfors tiġi addottata mill-Kummissjoni. Għalhekk, hemm bżonn li permezz ta’ din id-Deċiżjoni jiġi dikjarat li l-miżuri notifikati mill-Italja huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità. Il-miżuri, kif imniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-miżuri notifikati mill-Italja lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Mejju 1999 skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE kif ippubblikati fis-Serje “Ċ” tal- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej 277 tat-30 ta’ Settembru 1999 (rettifika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Ċ 208 ta’ l-26 ta’ Lulju 2001), huma kompatibbli mal-liġijiet tal-Komunità.

Artikolu 2

Il-miżuri, kif imniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tal-30.7.1997, p. 60).

(2)  ĠU Ċ 277, 30.09.1999, p. 3

(3)  ĠU Ċ 208, 26.7.2001, p. 27.


ANNESS

Pubblikazzjoni skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni.

Il-miżuri meħuda mill-Italja li għandhom jiġu ppubblikati skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552/KEE jinsabu fis-siltiet li ġejjin mid-Deċiżjoni Nru. 8/1999 ta' l-Awtorità tal-Komunikazzjonijiet tad-9 ta' Marzu 1999, kif emendata bid-Deċiżjoni tagħha Nru. 172/199 tat-28 ta' Lulju 1999.

“Artikolu 1

1.   Din id-Deċiżjoni tikkonċerna x-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti kkunsidrati ta' importanza ewlenija għas-soċjetà.

2.   ‘Avveniment ta' importanza ewlenija għas-soċjetà’ jfisser avveniment ta' sports jew mhux li jissodisfa minn ta' l-anqas tnejn minn dawn l-erba' kriterji:

(a)

l-avveniment u r-riżultati tiegħu huma ta' interess speċjali u mifrux ma' l-Italja kollha, jinteressa nies minbarra dawk li soltu jaraw dan it-tip ta' avveniment fuq it-televiżjoni;

(b)

l-avveniment huwa magħruf ferm mill-pubbliku ġenerali, għandu sinifikat kulturali partikulari u jsaħħaħ l-identità kulturali Taljana;

(c)

l-avveniment jinvolvi tim nazzjonali f'dixxiplina sportiva speċifika f'turnew internazzjonali;

(d)

l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u kienu jarawh udjenzi kbar fl-Italja.

Artikolu 2

1.   L-Awtorità elenkat il-lista ta' l-avvenimenti li ġejjin ikkunsidrati ta' importanza ewlenija għas-soċjetà li ma għandhomx jiġu trasmessi mix-xandâra tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni Taljana fuq bażi esklussiva u taħt forma enkriptjata, sabiex jippermetti li proporzjon sostanzjali (aktar minn 90%) tal-pubbliku Taljan jarahom fuq it-televiżjoni bla ħlas u mingħajr il-bżonn li jħallas għal xi apparat tekniku ieħor.

(a)

l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa;

(b)

il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol u l-logħbiet kollha li fihom ikun hemm it-tim nazzjonali Taljan;

(c)

il-finali tal-Kampjonati Ewropej tal-futbol u l-logħbiet kollha li fihom ikun hemm it-tim nazzjonali Taljan;

(d)

il-logħbiet tal-futbol kollha li fihom ikun hemm it-tim nazzjonali Taljan f'pajjiżu u barra mill-pajjiż f'kompetizzjonijiet uffiċjali;

(e)

il-finali u s-semi finali taċ-Champions League u tat-tazza UEFA fejn ikun hemm tim Taljan involut;

(f)

il-kompetizzjonji taċ-ċikliżmu, Giro d'Italia;

(g)

il-Grand Prix Taljana tal-Formula Wieħed;

(h)

il-festival tal-kant ta' San Remo.

2.   L-avvenimenti msemmija f'paragrafu 1(b) u (ċ) hawn fuq għandhom jintwerew b'mod sħiħ u dirett. Għal avvenimenti oħrajn, ix-xandâra tat-televiżjoni huma ħielsa li jiddeċiedu dwar arranġamenti oħra għal trasmissjonijiet mhux enkriptjati.”


Top