Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1931R(01)

Korriġendum għar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen ( ĠU L 405 tat-30.12.2006 )

ĠU L 29, 3.2.2007, p. 3–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1931/corrigendum/2007-02-03/oj

3.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


Korriġendum għar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen

( Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 405 tat-30 ta' Diċembru 2006 )

Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 għandu jaqra hekk:

REGOLAMENT (KE) Nru 1931/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta' Diċembru 2006

li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn immaniġġjar integrat tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea” ġiet sottolinejata l-ħtieġa li jkunu żviluppati regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera sabiex ikun konsolidat il-qafas legali tal-Komunità dwar il-fruntieri esterni. Din il-ħtieġa ġiet konfermata mill-Kunsill fit-13 ta' Ġunju 2002, bl-approvazzjoni tal-“Pjan għall-immaniġġjar tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea”, sussegwentement appoġġjata mill-Kunsill Ewropew f’Sivilja fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2002.

(2)

Huwa fl-interess tal-Komunità mkabbra li tiżgura li l-fruntieri mal-ġirien tagħha ma' jkunux ostaklu għall-kummerċ, għall-iskambji soċjali u kulturali jew għall-kooperazzjoni reġjonali. Għandha għalhekk tiġi żviluppata sistema għat-traffiku lokali tal-fruntiera.

(3)

Is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera tikkostitwixxi deroga mir-regoli ġenerali dwar il-kontroll fil-fruntiera ta' persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (2).

(4)

Il-Komunità għandha għalhekk tħejji l-kriterji u l-kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati meta jiġi faċilitat il-qsim tal-fruntieri esterni fuq l-art ta’ l-Istati Membri lir-residenti tal-fruntiera taħt ir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Tali kriterji u kondizzjonijiet għandhom jiżguraw bilanċ bejn fuq naħa waħda l-iffaċilitar tal-qsim tal-fruntiera għar-residenti bona fide li jkollhom raġunijiet leġittimi biex jaqsmu ta’ spiss il-fruntiera esterna fuq l-art ta’ l-Istati Membri u, fuq in-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tkun prevenuta l-immigrazzjoni illegali kif ukoll it-theddid potenzjali għas-sigurtà li jqajjmu l-attivitajiet kriminali.

(5)

Bħala regola ġenerali, biex jiġi evitat l-abbuż, permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandu jinħareġ biss lil persuni li jkunu ilhom mill-inqas sena joqogħdu leġittimament fiż-żona ta' mal-fruntiera. Ftehim bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ġirien jistgħu jipprovdu għal perjodu itwal ta' residenza. F'każi eċċezzjonali u debitament ġustifikati, bħal dawk li għandhom x'jaqsmu ma' minuri, bidliet fl-istat ċivili jew wirt ta' art, dawk il-Ftehim bilaterali jistgħu wkoll jipprovdu għal perjodu iqsar ta' residenza.

(6)

Il-permess għat-traffiku lokali tal-fruntiera għandu jinħareġ lil residenti tal-fruntiera indipendentement minn jekk ikunux suġġetti għar-rekwiżit ta' viża skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (3). Minħabba f'hekk, dan ir-Regolament għandu jittieħed flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 (4) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001, li għandu l-għan li jeżenta lil residenti tal-fruntiera li jibbenefikaw mis-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera stabbilita f'dan ir-Regolament mill-obbligu tal-viża. B'konsegwenza, dan ir-Regolament jista' jidħol fis-seħħ biss flimkien mad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament emendatorju.

(7)

Il-Komunità għandha tistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħruġ ta’ permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għal residenti tal-fruntiera. Dawn il-kriterji u l-kundizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-kundizzjonijiet tad-dħul imposti fuq ir-residenti tal-fruntiera, li jaqsmu fruntiera esterna fuq l-art taħt ir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

(8)

Id-dritt tal-moviment liberu li jgawdu ċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom, u d-drittijiet ekwivalenti li jgawdu ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-familji tagħhom li bis-saħħa ta' Ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda u l-pajjiżi terzi konċernati, fuq in-naħa l-oħra, m'għandhomx ikunu affettwati mit-twaqqif ta’ regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-livell tal-Komunità. Madanakollu, meta l-qsim tal-fruntiera ikun faċilitat taħt sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera lil residenti tal-fruntiera u dan iwassal għall-kontroll anqas sistematiku, il-qsim tal-fruntiera għandu, bħala regola, jiġi faċilitat ukoll għal kull persuna li tgawdi mid-dritt Komunitarju tal-libertà tal-moviment li tkun residenti fiż-żona tal-fruntiera.

(9)

Għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu jew jikkonkludu, jekk ikun hemm bżonn b'mod bilaterali, Ftehim ma’ pajjiżi terzi ġirien dejjem jekk tali Ftehim iżommu mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(10)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-arranġamenti speċifiċi applikati f’Ceuta u Melilla, kif imsemmija fid-Dikjarazzjoni mir-Renju ta’ Spanja dwar l-ibliet ta’ Ceuta u Melilla fl-Att Finali tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 (5).

(11)

Għandhom jiġu imposti penali kif previst fil-liġi nazzjonali, mill-Istati Membri fuq ir-residenti tal-fruntiera li jabbużaw mis-sistema ta' traffiku lokali tal-fruntiera kif stabbilita minn dan ir-Regolament.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-Rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.

(13)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fudamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(14)

Peress illi l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta’ l-Istati Membri, jaffettwaw direttament l-acquis tal-Komunità dwar il-fruntieri esterni u ma jistgħux għaldaqstant jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jistgħu għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan il-għan.

(15)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress illi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropew, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' dakil-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara d-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament jekk hix ser timplementah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(16)

Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma' l-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (6), li huma fl-ambitu imsemmi fl-Artikolu 1 punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (7).

(17)

Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen, li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq sabiex jieħu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta’ Schengen (8). Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu, u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(18)

Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-diżpożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tipparteċipax, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda sabiex tieħu sehem f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (9). Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(19)

Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera rigward l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE meħud flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2004/849/KE (10) u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2004/860/KE (11).

(20)

L-Artikoli 4(b) u 9(ċ) ta' dan ir-Regolament huma dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huma marbuta b’xi mod ieħor miegħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni 2003.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta’ l-Istati Membri u jintroduċi permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għal dak il-għan.

2.   Dan ir-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jikkonkludu jew iżommu Ftehim bilaterali ma’ pajjiżi terzi ġirien għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera stabbilita b'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja u nazzjonali applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar:

(a)

soġġorni fit-tul;

(b)

aċċess għal u eżerċizzju ta’ attività ekonomika;

(ċ)

aspetti doganali u taxxa.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzonijiet li ġejjin:

1)

‘fruntiera esterna fuq l-art’ tfisser fruntiera komuni fuq l-art bejn Stat Membru u pajjiż terz ġar miegħu;

2)

‘żona tal-fruntiera’ tfisser żona li ma testendix aktar minn 30 kilometru mill-fruntiera. Id-distretti amministrattivi lokali li għandhom jitqiesu bħala ż-żona tal-fruntiera għandhom jiġu speċifikati mill-Istati konċernati fil-Ftehim bilaterali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13. Jekk parti minn tali distrett tkun tinsab aktar minn 30 kilometru bogħod mil-linja tal-fruntiera, iżda mhux aktar minn 50, għandha xorta waħda titqies bħala parti miż-żona tal-fruntiera;

3)

‘traffiku lokali tal-fruntiera’ tfisser il-qsim regolari tal-fruntiera esterna fuq l-art ta' Stat Membru minn persuni residenti fil-fruntiera, għal soġġorn fiż-żona tal-fruntiera għal, per eżempju, raġunijiet soċjali jew kulturali jew raġunijiet ekonomiċippruvati, jew għal raġunijiet familjari, għal perjodu ta' mhux aktar mil-limiti ta' żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament;

4)

‘persuni li jgawdu mid-dritt Komunitarju tal-moviment liberu’ tfisser:

(i)

ċittadini ta’ l-Unjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni u li jeżerċita d-dritt tal-moviment liberu li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE (12);

(ii)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, li bis-saħħa ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u dawk il-pajjiżi terzi, fuq in-naħa l-oħra, jgawdu d-drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għad-dritt ta' ċittadini ta’ l-Unjoni.

5)

‘ċittadin ta' pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin ta' l-Unjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat KE u li m'hix koperta mill-punt 4;

6)

‘residenti tal-fruntiera’ tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ilhom residenti legalment fiż-żona tal-fruntiera ta' pajjiż ġar ta’ Stat Membru għal perjodu speċifikat fil-Ftehim bilaterali msemmija fl-Artikolu 13, li għandu jkun mill-inqas sena. F'każi eċċezzjonali u debitament ġustifikati speċifikati fil-Ftehim bilaterali, perjodu ta' residenza ta' inqas minn sena jista' wkoll ikun ikkunsidrat biżżejjed;

7)

‘permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera’ tfisser dokument speċifiku kif introdott mill-Kapitolu III, li jintitola lil residenti tal-fruntiera li jaqsmu fruntiera esterna fuq l-art taħt is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera;

8)

‘il-Konvenzjoni ta’ Schengen’ tfisser il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (13).

KAPITOLU II

SISTEMA TA’ TRAFFIKU LOKALI TAL-FRUNTIERA

Artikolu 4

Kundizzjonijiet tad-dħul

Ir-residenti tal-fruntiera jistgħu jaqsmu l-fruntiera esterna fuq l-art ta’ Stat Membru ġar taħt ir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera, sakemm dawn:

(a)

ikollhom fil-pussess tagħhom permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera u, jekk ikun meħtieġ mill-Ftehim bilaterali relevanti msemmija fl-Artikolu 13, dokument jew dokumenti validi ta' l-ivvjaġġar;

(b)

ma jkunux persuni li fir-rigward tagħhom tkun introdotta twissija fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul;

(ċ)

ma jkunux meqjusa bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn ma tkun ġiet introdotta l-ebda twissija fid-database nazzjonali ta' Stat Membru għall-finijiet ta' ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet.

Artikolu 5

Tul ta' żmien tas-soġġorn fiż-żona tal-fruntiera

Il-Ftehim bilaterali msemmija fl-Artikolu 13 għandhom jispeċifikaw it-tul massimu permissibbli ta' kull soġġorn bla interruzzjoni skond is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera, li m'għandux ikun ta' aktar minn tliet xhur.

Artikolu 6

Kontrolli tad-dħul u l-ħruġ

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli tad-dħul u tal-ħruġ fuq residenti tal-fruntiera biex jiżguraw li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

2.   M'għandu jsir l-ebda timbru tad-dħul u tal-ħruġ fuq il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera bħala parti mis-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għall-Artikolu 15.

KAPITOLU III

PERMESS TAT-TRAFFIKU LOKALI TAL-FRUNTIERA

Artikolu 7

Introduzzjoni ta' Permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera

1.   Qiegħed jiġi hawn introdott permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

2.   Il-validità territorjali tal-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandha tkun limitata għaż-żona tal-fruntiera ta' l-Istat Membru li jkun ħarġu.

3.   Il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandu jkollu fuqu r-ritratt tal-persuna li f'isimha jkun maħruġ il-permess u għandu jkun fih għall-inqas it-tagħrif li ġej:

(a)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u l-post tar-residenza tal-persuna li f'isimha jkun maħruġ il-permess;

(b)

l-awtorità li tkun ħarġitu, id-data tal-ħruġ u l-perjodu tal-validità;

(ċ)

iż-żona tal-fruntiera li fiha tkun awtorizzata li tiċċaqlaq il-persuna li f'isimha jkun maħruġ il-permess;

(d)

in-numru(i) tad-dokument jew dokumenti validi ta' l-ivvjaġġar li jawtorizzaw lill-persuna li f'isimha jkunu maħruġa biex taqsam il-fruntieri esterni, kif ipprovdut fl-Artikolu 9(a).

Għandu juri b'mod ċar li l-persuna li f'isimha jkun maħruġ m'hix awtorizzata li tiċċaqlaq barra miż-żona tal-fruntiera u li kwalunkwe abbuż ikun soġġett għal penali previsti fl-Artikolu 17.

Artikolu 8

Karatteristiċi ta' sigurtà u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera

1.   Il-karatteristiċi ta' sigurtà u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi tar-residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi (14).

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kampjun tal-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera imfassal skond paragrafu 1.

Artikolu 9

Kundizzjonijiet tal-ħruġ

Il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera jista' jinħareġ lil residenti tal-fruntiera li:

(a)

għandhom fil-pussess tagħhom dokument jew dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi, kif imsemmi fl-Artikolu 17(3)(a) tal-Konvenzjoni ta' Schengen, li jintitolhom jaqsmu l-fruntieri esterni;

(b)

jippreżentaw dokumenti li jippruvaw l-istat tagħhom ta' residenti tal-fruntiera, u li jippruvaw l-eżistenza ta' raġunijiet leġittimi biex jaqsmu l-fruntiera esterna fuq l-art ta' spiss taħt ir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera;

(ċ)

m'humiex persuni li dwarhom ġiet introdotta twissija għall-iskopijiet ta' ċaħda tad-dħul fis-SIS;

(d)

ma jkunux meqjusa bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fil-każi fejn ma ġiet introdotta l-ebda twissija fid-database nazzjonali ta' Stat Membru għall-finijiet ta' ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet.

Artikolu 10

Validità

Il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandu jkun validu għal perjodu minimu ta’ sena u għal perjodu massimu ta’ ħames snin.

Artikolu 11

Ħlasijiet tal-ħruġ

Il-ħlasijiet li jikkorrispondu ma' l-ispejjeż amministrattivi għall-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera m'għandhomx jaqbżu l-ħlasijiet mitluba għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal viżi ta' aktar minn dħul wieħed li jinħarġu għal perjodu qasir.

Il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera jista' jinħareġ bla ħlas.

Artikolu 12

Arranġamenti tal-ħruġ

1.   Il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera jista' jinħareġ jew mill-konsolati jew minn kwalunkwe awtorità amministrattiva ta' l-Istati Membri indikata fil-Ftehim bilaterali msemmija fl-Artikolu 13.

2.   L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru ċentrali tal-permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera li jkunu saru applikazzjonijiet għalihom, dawk li jkunu nħarġu, dawk li tkun imtawwla il-validità tagħhom, dawk kanċellati u dawk mħassra u għandhom jindikaw punt ta' kuntatt nazzjonali li jkun responsabbli biex jipprovdi mingħajr dewmien, fuq talba minn Stati Membri oħra, tagħrif dwar il-permessi mdaħħla f'dak ir-reġistru.

KAPITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI TAS-SISTEMA TA’ TRAFFIKU LOKALI TAL-FRUNTIERA

Artikolu 13

Ftehim bilaterali bejn Stati Membri u pajjiżi terzi ġara

1.   Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jikkonkludu Ftehim bilaterali ma' pajjiżi terzi ġirien skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

L-Istati Membri jistgħu wkoll iżommu l-Ftehim bilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi ġirien dwar traffiku lokali tal-fruntiera. L-Istati Membri konċernati għandhom jemendaw il-Ftehim, safejn dawn ikunu inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament, b'tali mod illi jeliminaw l-inkompatibbiltajiet stabbiliti.

2.   L-Istati Membri konċernati għandhom jikkonsultaw il-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Ftehim ma’ dan ir-Regolament qabel jikkonkludu jew jemendaw xi Ftehim bilaterali dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera ma’ pajjiżi terzi ġirien.

Jekk il-Kummissjoni tqis il-Ftehim inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament, għandha tinnotifika lill-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jemenda l-Ftehim fuq tul ta' żmien raġonevoli b’tali mod illi jelimina l-inkompatibbiltajiet stabbiliti.

3.   Fejn il-Komunità jew l-Istat Membru konċernat ma jkunux ikkonkludew Ftehim ġenerali ma' pajjiż terz dwar dħul mill-ġdid, il-Ftehim bilaterali dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera ma' dak il-pajjiż terz għandhom ikunu jinkludu dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid ta' persuni li jinstab li jagħmlu użu abbużiv mis-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera kif stabbilit minn dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Trattament paragunabbli

Fil-Ftehim bilaterali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pajjiżi terzi jagħtu, lil persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju tal-moviment liberu u lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti b'mod leġittimu fiż-żona tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru konċenat, trattament mill-inqas paragunabbli għal dak mogħti lil residenti tal-fruntiera tal-pajjiż terz konċernat.

Artikolu 15

Faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntiera

1.   Il-Ftehim bilaterali msemmija fl-Artikoli 13 jista' jkun fihom dispożizzjonijiet għall-iffaċilitar tal-qsim tal-fruntiera li bihom l-Istati Membri:

(a)

jistabbilixxu postijiet speċifiċi ta’ qsim tal-fruntiera miftuħa biss għar-residenti tal-fruntiera;

(b)

jirriservaw korsiji speċifiċi għar-residenti tal-fruntiera fil-postijiet ordinarji ta’ qsim tal-fruntiera; jew

(ċ)

b'kont meħud taċ-ċirkustanzi lokali, u fejn eċċezzjonalment ikun hemm rekwiżit ta’ natura speċjali, jawtorizzaw lir-residenti tal-fruntiera biex jaqsmu l-fruntiera esterna fuq l-art f'postijiet oħra definiti li mhumiex postijiet ta' qsim awtorizzati, u barra l-ħinijiet stabbiliti.

2.   Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jiffaċilita l-qsim tal-fruntiera għar-residenti tal-fruntiera skond il-paragrafu 1, tali tħaffif għandu jkun bħala regola estiż għal kull persuna li tgawdi d-dritt Komunitarju għall-moviment liberu, li hi residenti fiż-żona tal-fruntiera.

3.   Fil-postijiet ta' qsim tal-fruntiera msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, kif ukoll fil-korsiji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, persuni li jaqsmu l-fruntiera esterna fuq l-art ta' spiss u li jkunu magħrufa mal-gwardjani tal-fruntiera minħabba li jaqsmu regolarment il-fruntiera għandhom normalment ikunu suġġetti biss għal spezzjonijiet saltwarji.

Minn żmien għal żmien għandhom isiru fuq dawn il-persuni kontrolli bir-reqqa, mingħajr ma jkunu avżati u f'intervalli irregolari.

4.   Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jiffaċilità l-qsim tal-fruntiera għal residenti tal-fruntiera skond kif jitlob il-paragrafu 1 (ċ):

(a)

flimkien mat-tagħrif mitlub minn Artikolu 7(3), il-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għandu jkun fih dettalji tal-post u ċ-ċirkustanzi li fihom tista' tinqasam il-fruntiera esterna fuq l-art;

(b)

l-Istat Membru inkwistjoni għandu jagħmel kontrolli saltwarji u jagħmel sorvejlanza regolari bil-għan li jevita qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Ceuta u Melilla

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jaffettwaw l-arranġamenti speċifiċi li japplikaw għall-ibliet ta’ Ceuta u Melilla, kif imsemmi fid-Dikjarazzjoni mir-Renju ta’ Spanja dwar l-ibliet ta’ Ceuta u Melilla fl-Att Finali tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen.

Artikoli 17

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull użu ħażin tas-sistema ta’ traffiku lokali tal-fruntiera, kif stabbilit b’dan ir-Regolament u kif implementat bil-Ftehim bilaterali msemmija fl-Artikoli 13, jkun soġġett għall-penali kif previst fil-liġi nazzjonali.

2.   Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ kanċellazzjoni jew revoka tal-permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu nota ta' kull każ ta' abbuż mis-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera u tal-penali imposti skond il-paragrafu 1. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat kull sitt xhur lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

Artikolu 18

Rapport dwar is-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera

Sad-19 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-ħidma tas-sistemi ta’ traffiku lokali tal-fruntiera, kif stabbilit f'dan ir-Regolament u implimentat mill-Ftehim bilaterali konklużi skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat bi proposti leġiżlattivi xierqa, skond il-każ.

Artikolu 19

Notifika ta' Ftehim bilaterali

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-Ftehim kollha msemmija fl-Artikolu 13 kif ukoll bi kwalunkwe denunzja jew emendi għal, dawk il-ftehim.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tagħrif notifikat skond il-paragrafu 1 disponibbli għall-Istati Membri u għall-pubbliku billi tippubblikah fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea jew permezz ta' kwalunkwe mezzi xierqa oħra.

Artikolu 20

Emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 136(3) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“3.

Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għal Ftehim bilaterali dwar traffiku lokali tal-fruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen (*).

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih ikun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta' Frar 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2006.

(2)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 851/2005 (ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3).

(4)  Ara paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 69.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(8)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2004/926/KE (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).

(9)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78).

(12)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u joqogħdu liberament fit-territorji ta' l-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(13)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18).

(14)  ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.


Top