EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1591

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1591/2006 ta’ l- 24 ta’ Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 51/2006 fir-rigward ta' dispożizzjonijiet dwar bastimenti li jwettqu sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat fl-Atlantiku tal-Grigal

ĠU L 296, 26.10.2006, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 116–117 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1591/oj

1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

116


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1591/2006

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 51/2006 fir-rigward ta' dispożizzjonijiet dwar bastimenti li jwettqu sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat fl-Atlantiku tal-Grigal

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 51/2006 (2) li jistabbilixxi għall-2006 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet marbuta ma' certi stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, ghall-bastimenti tal-Komunità, fl-ilmijiet fejn huma meħtiega l-limitazzjonijiet tal-qbid.

(2)

Il-Kummissjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) għamlet rakkomandazzjoni fi Frar 2004 fir-rigward ta' bastimenti li wettqu sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU). F'Mejju 2006 in-NEAFC għamlet rakkomandazzjoni sabiex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet fir-rigward tas-sajd IUU, fis-sens li l-bastimenti li ġew konfermati li wettqu sajd IUU m'għandhomx jitħallew jidħlu f'port tal-Komunità. L-implimentazzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni fis-sistema legali Komunitarja għandha tiġi żgurata.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 51/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt 13 ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 51/2006 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“13.   Bastimenti li jagħmlu sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat fl-Atlantiku tal-Grigal

13.1.

Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinforma lill-Istati Membri dwar bastimenti li jkunu jtajru bnadar ta' pajjiżi li ma jkunux Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali Futura fiż-Żoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni) li jkunu ġew avvistati jwettqu attivitajiet ta' sajd fiż-Żona Regolatorja tal-Konvenzjoni u li jkunu tniżżlu mill-Kummissjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) fuq lista provviżorja ta' bastimenti preżunti li jkunu qegħdin jimminaw ir-Rakkomandazzjonijiet stabbiliti taħt l-Konvenzjoni. Il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw għal dawn il-bastimenti:

(a)

bastimenti li jidħlu f'portijiet m'humiex awtorizzati jħottu fuq l-art jew jittrasbordaw fihom u għandhom jiġu ispezzjonati mill-awtoritajiet kompetenti. Tali ispezzjonijiet għandhom jinkludu d-dokumenti tal-bastiment, il-ġurnali ta' abbord, it-tagħmir tas-sajd tal-bastiment, il-qabdiet abbord u affarijiet oħra relatati ma' l-attivitajiet tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja tal-Konvenzjoni. L-informazzjoni dwar ir-riżultat ta' l-ispezzjonijiet għandha tiġi trasmessa immedjatament lill-Kummissjoni;

(b)

bastimenti tas-sajd, bastimenti ta' appoġġ, bastimenti ta' riforniment ta' karburant, bastimenti-kapijiet ta' skorta, u bastimenti tal-merkanzija li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru m'għandhom bl-ebda mod jgħinu l-bastimenti jew jipparteċipaw f'xi trasbord jew f'operazzjonijiet konġunti ta' sajd mal-bastimenti;

(ċ)

m'għandha ssir l-ebda fornitura lill-bastimenti fil-portijiet ta' provvisti, ta' karburant jew ta' servizzi oħra.

13.2.

Il-bastimenti li jkunu tniżżlu mill-Kummissjoni tas-Sajd ta' l-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) fuq lista ta' bastimenti konfermati li wettqu sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (bastimenti IUU) huma elenkati fl-Appendiċi 4. Addizzjonalment għall-miżuri msemmija fil-punt 13.1, il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw għal dawn il-bastimenti:

(a)

il-bastimenti IUU għandhom ikunu projbiti milli jidħlu f'port Komunitarju;

(b)

il-bastimenti IUU m'għandhomx ikunu awtorizzati sabiex jistadu fl-ilmijiet Komunitarji u l-kiri tagħhom għandu jkun projbit;

(ċ)

l-importazzjoni ta' ħut minn fuq bastimenti IUU għandha tkun projbita;

(d)

l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw l-konferiment tal-bandiera tagħhom lil bastimenti IUU u għandhom jinkoraġġixxu importaturi, trasportaturi u setturi oħra konċernati sabiex ma jinnegozjawx u ma jittrasbordawx ħut maqbud minn tali bastimenti.

13.3.

Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista ta' bastimenti IUU sabiex tkun konformi mal-lista IUU tan-NEAFC malli n-NEAFC tadotta lista IUU ġdida.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 24 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(2)  ĠU L 16, 20.1.2006, p. 1.


Top