This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006D1013
2006/1013/EC: Commission Decision of 22 December 2006 granting a derogation requested by Germany pursuant to Council Directive 91/676/EEC concerning the protection of waters against pollution caused by nitrates from agricultural sources (notified under document number C(2006) 7075)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Diċembru 2006 li tagħti deroga mitluba mill-Ġermanja skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 7075)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Diċembru 2006 li tagħti deroga mitluba mill-Ġermanja skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 7075)
ĠU L 382, 28.12.2006, p. 1–4
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 866–869
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013: This act has been changed. Current consolidated version: 13/10/2009
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Validity extended by | 32009D0753 | ||||
Modified by | 32009D0753 | Sostituzzjoni | artikolu 11 | DATEFF |
5.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
866 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-22 ta' Diċembru 2006
li tagħti deroga mitluba mill-Ġermanja skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 7075)
(Il-verżjoni bil-Ġermaniż biss hija awtentika)
(2006/1013/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tagħha,
Billi:
(1) |
Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika fuq kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax il-kisba ta' l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun ġustifikat fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal ta' tkabbir u għelejjel b'rata ta' assorbiment tan-nitroġenu għolja. |
(2) |
Il-Ġermanja ressqet talba lill-Kummissjoni għal deroga skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE. |
(3) |
Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tal-Ġermanja li tawtorizza l-applikazzjoni ta' 230 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem fuq mergħat għal użu intensiv f'farms speċifiċi. Madankollu, l-applikazzjoni tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fuq għelejjel li jitkabbru f'dawn il-farms ma jaqbiżx il-170 kg/ha nitroġenu għal kull ettaru fis-sena. |
(4) |
Madwar 13 500 farm, 500 000 ettaru u 11 600 tunnellata fis-sena nitroġenu li jikkorrispondu rispettivament għal 2,4 % f'farms, 2,9 % f'Raba' Maħdum u 0,7 % f'nitroġenu totali mid-demel jitqiesu potenzjalment koperti mid-deroga. Dawn jinsabu prinċipalment fil-Bavarja (Oberbayern), fil-Baden Württemburg (Tübingen) fis-Sassonja ta' Isfel (Luneburg, Weser-Ems) u fix-Schleswig-Holstein. |
(5) |
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE, l-Ordinanza dwar il-Fertilizzanti ta' l-10 ta' Jannar 2006 emendata l-aħħar fit-27 ta' Settembru 2006, ġiet adottata u tapplika bl-istess mod għad-deroga li ntalbet. |
(6) |
Id-dejta għall-kwalità ta' l-ilma mressqa mill-Ġermanja flimkien mat-Tielet Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati 2000-2003 u mat-talba għal deroga turi tnaqqis fil-konċentrazzjoni ta' nitrati fl-ilmijiet tal-wiċċ ta' 83 % ta' l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ u konċentrazzjoni stabbli għal 9 % ta' l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ meta mqabbla mal-perjodu 1991-1994. Għal li għandu x'jaqsam ma' l-ilma tal-pjan (l-ilma ta' taħt l-art), is-sistema ta' monitoraġġ stabbilita għall-finijiet ta' valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE turi li l-konċentrazzjoni ta' nitrati qiegħda tonqos f'madwar 50 % ta' l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ u hija stabbli f'madwar 15 % ta' l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ. |
(7) |
L-għadd ta' bhejjem naqas, partikolarment fir-rigward ta' l-għadd ta' bhejjem ta' l-ifrat (-25 %). L-ammont ta' nitroġenu mid-demel kull ettaru kull sena naqas bi 11 % bejn l-1991-1993 u l-2002-2004; l-eċċess ta' nitroġenu naqas minn 120 għal 101 kg għal kull ettaru fl-istess perjodu. |
(8) |
Il-Ġermanja, f'konformità mal-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, timplimenta programm ta' azzjoni fit-territorju kollu tagħha. |
(9) |
Id-dokumenti anċillari li tressqu fin-notifika mressqa mill-Ġermanja juru li l-proposta għal ammont ta' 230 kg għal kull ettaru fis-sena ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem hija ġustifikata għall-mergħat għal użu intensiv fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi bħalma huma staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'assorbiment għoli ta' nitroġenu. |
(10) |
Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba tal-Ġermanja, tqis li l-ammont propost ta' 230 kg għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem mhux se jippreġudika l-ksib ta' l-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KE, jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti. |
(11) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata b'kunnessjoni mal-programm ta' azzjoni preżenti li huwa fis-seħħ għall-perjodu bejn l-2006 sa l-2009. |
(12) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Tingħata d-deroga mitluba mill-Ġermanja permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Frar 2006, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta' demel mill-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) |
“farms tal-bhejjem ta' l-ifrat” tfisser azjendi b'aktar minn tliet bhejjem ħajjin, li minnhom mill-inqas żewġ terzi tal-bhejjem huma bhejjem ta' l-ifrat, |
(b) |
“mergħat għal użu intensiv” tfisser għelieqi maħduma bħala mergħa permanenti jew temporanja (ġeneralment temporanja tfisser inqas minn erba' snin), b'talanqas erba' qatgħat fis-sena jew tliet qatgħat u mergħa. |
Artikolu 3
Ambitu ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tapplika każ b'każ u f'kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6, għall-farms tal-bhejjem ta' l-ifrat u hija limitata għall-mergħat għal użu intensiv.
Artikolu 4
Awtorizzazzjoni u impenn annwali
(1) Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.
(2) Flimkien ma' l-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6.
(3) L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 juri li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikoli 5 u 6 mhumiex sodisfatti, l-applikant għandu jkun infurmat minnufih. F'dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.
Artikolu 5
Applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra
(1) L-ammont ta' demel tal-bhejjem li jingħata kull sena f'mergħa għal użu intensiv, inkluż dak mill-bhejjem stess, f'farms tal-bhejjem ta' l-ifrat, ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 230 kg nitroġenu għal kull ettaru, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 9.
(2) L-ammont totali tan-nitroġenu għandu jkun konformi mad-domanda għan-nutrienti ta' l-għalla u jqis il-provvista mill-ħamrija.
(3) Kull farm għandu jżomm pjan ta' fertilizzazzjoni b'deskrizzjoni tat-tinwib u l-għoti ppjanat ta' demel u fertilizzanti tan-nitroġenu u tal-fosfat. Dan għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-1 ta' Frar.
Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:
(a) |
l-għadd ta' bhejjem ħajjin, deskrizzjoni tas-sistema ta' kif jinżammu u jinħażnu, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel; |
(b) |
kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas kwalunkwe telf fiż-żamma u l-ħażna) u l-fosfru mid-demel li jiġi prodott fil-farm; |
(ċ) |
it-tinwib u l-medda ta' art għall-mergħat għal użu intensiv u għal kull għalla, flimkien ma' tpinġija ta' mappa fejn huma indikati l-għelieqi u fejn jinsabu; |
(d) |
ir-rekwiżiti prevedibbli li jkollhom l-għelejjel f'termini ta' nitroġenu u ta' fosfru; |
(e) |
l-ammont u t-tip ta' demel li jingħata barra l-artijiet tal-farm jew fil-farm; |
(f) |
il-kontribut mill-mineralizzazzjoni netta ta' materja organika fil-ħamrija, il-kwantità ta' l-ammont ta' nitroġenu preżenti fil-ħamrija fil-bidu ta' l-istaġun tat-tkabbir u l-kontribut tar-residwi ta' l-għelejjel u ta' l-għelejjel leguminużi; |
(g) |
l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru mid-demel fuq kull għalqa (taqsimiet tal-farm li huma omoġenji f'dak li jirrigwarda ż-żrigħ u t-tip ta' ħamrija); |
(h) |
l-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru b'fertilizzanti kimiċi kif ukoll fertilizzanti oħrajn fuq kull għalqa. |
Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli attwali.
(4) Kull farm għandha tħejji kontijiet tal-fertilizzazzjoni. Dawn għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.
(5) Kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għandha taċċetta li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 4, il-pjan ta' fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontroll.
(6) Għandha titwettaq analiżi tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-ħamrija għal kull farm li tibbenefika minn deroga individwali għallinqas darba kull erba' snin għal kull żona omoġenja tal-farm, fir-rigward tat-tinwib u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Għandha tinħtieġ analiżi waħda għal kull 5 ettari ta' raba'.
(7) L-eċċess ta' fosfat tal-farm matul is-sena ta' qabel, ikkalkolat skond il-proċedura stabbilita fit-Taqsimiet 5 u 6 ta' l-Ordinanza dwar il-Fertilizzanti ta' l-10 ta' Frar 2006, ma għandux jaqbeż l-20 kg għal kull ettaru.
(8) Ma għandux jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-koltivazzjoni tal-mergħa.
(9) Meta jingħata d-demel għandhom jintużaw tekniki ta' applikazzjoni b'emissjonijiet baxxi.
Artikolu 6
Ġestjoni ta' l-artijiet
Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għall-mergħa għal użu intensiv għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:
(a) |
Mergħa temporanja għandha tinħarat fir-rebbiegħa. |
(b) |
Il-mergħa għal użu intensiv ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan mhux se japplika għas-silla f'mergħa b'inqas minn 50 % ta' silla. |
Artikolu 7
Miżuri oħra
Il-Ġermanja għandha tiggarantixxi li l-użu tad-deroga għandha tkun bla ħsara għall-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja oħra.
Artikolu 8
Monitoraġġ
(1) L-awtorità kompetenti għandha tħejji u taġġorna kull sena mapep li juru l-perċentwal ta' farms, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal ta' raba' kopert minn deroga individwali f'kull Komunità. Kull sena, dawk il-mapep għandhom jitressqu lill-Kummissjoni u, għall-ewwel darba, fi tmiem l-2007.
(2) L-impatt tad-deroga fuq il-kwalità ta' l-ilma għandu jkun ivvalutat permezz ta' netwerk ta' monitoraġġ għat-teħid ta' kampjuni ta' l-ilma tal-pjan tal-wiċċ u tal-baxx. Għal dan il-għan, in-netwerk ta' monitoraġġ ta' l-ilma tal-pjan stabbilita għall-finijiet ta' kontroll tat-tniġġis agrikolu u n-netwerk ta' monitoraġġ ta' l-ilmijiet tal-wied se jissaħħu f'distretti bi 3 % jew aktar ta' farms li jibbenefikaw minn derogi individwali fuq numru totali ta' farms.
(3) Stħarriġ u analiżi tan-nutrienti għandhom jipprovdu d-dejta dwar l-użu lokali tar-raba', it-tinwib u l-prattiki agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Dik id-dejta tista' tintuża għal kalkoli bbażati fuq mudelli tal-kobor tal-lissija tan-nitrati u tat-telf tal-fosfru minn mergħa għal użu intensiv fejn jiġi applikat sa 230 kg nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru fis-sena.
(4) Għandhom ikunu stabbiliti punti ta' monitoraġġ fil-postijiet fejn jinġabar l-ilma li fihom jippredominaw l-attivitajiet agrikoli biex tkun provduta dejta dwar il-konċentrazzjoni ta' nitroġenu fl-ilma tal-ħamrija u t-telf korrispondenti li jgħaddi miż-żona ta' l-għeruq għall-ilma tal-pjan, kif ukoll it-telf ta' nitroġenu minħabba l-ħolqien ta' wied u tnixxija taħt wiċċ l-art, kemm jekk f'kundizzjonijiet tad-deroga kif ukoll jekk le.
Artikolu 9
Kontrolli
(1) L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-farms kollha li jibbenefikaw minn deroga individwali għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kwantità massima ta' 230 kg nitroġenu mid-demel tal-bhejjem, għal kull ettaru fis-sena, mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-fertilizazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru, u mal-kundizzjonijiet ta' l-użu ta' l-art.
(2) Għandu jkun stabbilit programm ta' spezzjonijiet ta' l-għelieqi bbażat fuq l-analiżi tar-riskju, riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u riżultati ta' kontrolli każwali ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet ta' l-għelieqi għandhom jindirizzaw talanqas 3 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.
Artikolu 10
Rappurtaġġ
(1) L-awtorità kompetenti għandha tressaq ir-riżultati tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni kull sena, b'rapport konċiż dwar l-evoluzzjoni tal-kwalità ta' l-ilma u l-prattika ta' valutazzjoni. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni dwar kif titwettaq il-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga permezz ta' kontrolli fuq livell ta' farms u għandu jinkludi informazzjoni dwar farms mhux konformi fuq il-bażi ta' riżultati ta' spezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post. L-ewwel rapport għandu jitressaq sa Ġunju 2008 u wara, kull sena sax-xahar ta' Ġunju.
(2) Ir-riżultati miksuba b'dan il-mod se jitqiesu mill-Kummissjoni fir-rigward ta' talba ġdida eventwali għal deroga.
Artikolu 11
Applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta' Azzjoni Ġermaniż (l-Ordinanza dwar il-Fertilizzanti ta' l-10 ta' Jannar 2006 kif emendata mill-Ordinanza dwar il-Fertilizzanti tas-27 ta' Settembru 2006) għall-perjodu ta' applikazzjoni mill-2006 sa l-2009.
Artikolu 12
Din id-Deċiżoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussel, 22 ta' Diċembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.