Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0644

Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 20 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu

ĠU L 263, 23.9.2006, p. 12–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 174–175 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/644/oj

5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

174


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta' Settembru 2006

li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu

(2006/644/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 149(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jagħti lill-Komunità l-kariga biex tiżviluppa dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri.

(2)

Bil-għan li tiġi żviluppata strateġija ġdida għall-Multilingwiżmu, skond il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Qafas ta’ Strateġija ġdid għall-Multilingwiżmu (1)”, il-Kummissjoni jista' jkollha bżonn tikkonsulta l-perizja ta' l-ispeċjalisti f'bord konsultattiv.

(3)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-multilingwiżmu u li jiġu definiti l-ħidmiet tiegħu u l-istruttura tiegħu.

(4)

Il-grupp għandu jgħin biex jipprovdi appoġġ u pariri fl-inżvilupp ta’ l-inizjattivi, kif ukoll jagħti impetus u ideat ġodda għal strateġija komprensiva għall-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-grupp għandu jkun magħmul minn bejn tmien u tnax-il membru.

(6)

Ir-Regoli dwar l-iżvelar ta’ l-informazzjoni mill-membri tal-grupp għandhom jiġu provduti, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom (2).

(7)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data  (3).

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu

Hawnhekk qed ikun stabblit Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Multilingwiżmu, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-grupp”.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompitu tal-grupp jkun li jġib skambju ta' ideat, esperjenza u prattiċi tajba fil-qasam tal-multilingwiżmu u li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni għal azzjonijiet f’dan il-qasam.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp fuq kull materja relatata mal-multilingwiżmu.

2.   Il-President tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li jkun mixtieq li jiġi kkonsultat il-Grupp fuq kwistjoni speċifika.

Artikolu 4

Għamla – Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn bejn tmien u tnax-il membru.

2.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost speċjalisti b’kompetenza fil-multilingwiżmu.

3.   Il-membri jinħatru f'kapaċità personali u hu mistenni minnhom li jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.

4.   Il-membri tal-grupp għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm ikunu sostitwiti jew sakemm il-mandat tagħhom jiġġedded.

5.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat jistgħu jiġu ssostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

6.   Il-membri maħtura f'kapaċità personali għandhom jiffirmaw kull sena dikjarazzjoni fejn jistqarru li huma jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta' kull interess li jista' jaffettwa l-indipendenza tagħhom.

7.   L-ismijiet tal-membri nominati mill-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati fis-sit ta' l-Internet tad-DĠ EAC. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (4).

Artikolu 5

Operat

1.   Il-grupp għandu jkun ippresjedut mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Multilingwiżmu.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw il-mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom gruppi simili għandhom jixxoljew.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidmiet tal-grupp meta dan ikun utli u/jew neċessarju.

4.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fix-xogħlijiet tal-grupp jew sotto-grupp ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni tittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Il-grupp u s-sotto-gruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħra tal-Kommissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-grupp u s-sotto-gruppi tiegħu.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika [fuq l-Internet], fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta' l-għajxien imħallsa mill-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-grupp jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta' spejjeż għal esperti esterni.

Il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

L-ispejjeż għal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Settembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Ján FIGEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM (2005) 596 finali.

(2)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Deċiżjoni hekk kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  F'każijiet sostanzjati sewwa, jistgħu jsiru eżenzjonijiet għar-regola li tiggverna l-pubblikazzjoni ta' l-ismijiet tal-membri.


Top