EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0581

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Awwissu 2006 dwar it-twaqqif ta' grupp ta' esperti dwar il-ħtiġijiet ta' politika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali

ĠU L 234, 29.8.2006, p. 29–32 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1267–1270 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/02/2012; Imħassar b' 32012D0215(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/581/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1267


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Awwissu 2006

dwar it-twaqqif ta' grupp ta' esperti dwar il-ħtiġijiet ta' politika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali

(2006/581/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea assenja lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-ħidma li jiżguraw li l-Unjoni għandha, permezz ta' iktar kooperazzjoni mill-qrib, tipprovdi liċ-ċittadini b' livell għoli ta' sigurtà fl-oqsma tal-ġustizzja, tal-ħelsien u tas-sigurtà permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, kemm dik organizzata kif ukoll dik li mhix.

(2)

Bil-ħsieb li tappoġġja l-iżvilupp ta' statistika ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali li tkun armonizzata u komparabbli, fundamentali għall-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-leġislazzjoni u l-politika tal-Komunità, kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' l-Aja (1), il-Kummissjoni għandha mnejn jkollha bżonn l-għarfien espert ta' rappreżentanti mill-Istati Membri u ta' speċjalisti miġbura f'korp konsultattiv.

(3)

Il-produzzjoni ta' l-istatistika tal-Komunità hija kkontrollata bir-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (2) u azzjonijiet li jistabbilixxu statistika tal-Komunità jitwettqu skond il-Programm Statistiku tal-Komunità u l-Programm Annwali tagħha (3) u skond il-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi tal-Prattika Ewropew adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta' Frar 2005 u mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2005 (4) dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji ta' l-istatistika.

(4)

Il-grupp espert għadnu jkun kompost minn individwi kompetenti sabiex jikkunsidraw il-ħtiġijiet fil-politika u sabiex jagħtu pariri dwar l-użu effettiv ta' indikaturi fil-qasam tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali.

(5)

Għandhom jitfasslu regoli dwar l-iżvelar ta' tagħrif minn membri tal-grupp ta' esperti, mingħajr preġudizzju lejn ir-regoli tal-Komunità dwar is-sigurtà kif stipulat fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (5).

(6)

Id-data kollha tat-tip personali relatata mal-membri tal-grupp ta' esperti għandha tkun pproċessata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' dak id-data (6).

(7)

Suċċessivament għandu jiġi stabbilit il-grupp ta' Esperti dwar il-ħtiġijiet fil-politika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali kif ukoll jiġu mfassla fid-dettall it-termini ta' referenza u l-istrutturi tiegħu.

(8)

L-ebda deċiżjoni ma' hi mibdula bit-twaqqif ta' dan il-grupp ta' esperti.

(9)

Is-sħubija ta' dan il-grupp ta' esperti tkun għal mandat inizjali ta' sentejn, imbagħad il-Kummissjoni tikkunsidra kemm ikun xieraq li tingħata estensjoni.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Grupp ta' esperti, il-grupp ta' Esperti dwar il-ħtiġijiet fil-politika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-grupp ta' esperti” huwa b'dan stabbilit mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompiti tal-grupp ta' esperti huma:

li jgħin lill-Kummissjoni sabiex tistabilixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u organizzazzjonijiet u korpi oħrajn relatati għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' l-EU għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u koerenti ta' l-UE sabiex titkejjel il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali (7);

li jgħin lill-Kummissjoni sabiex tidentifika il-ħtiġijiet fil-politika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali fuq il-livell ta' UE;

li jgħin lill-Kummissjoni sabiex tidentifika l-ħtiġijiet għall-iżvilupp ta' indikaturi komuni u strumenti mfassla għall-kejl tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali;

li jgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' indikaturi komuni u ħtiġijiet oħra fid-data;

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar riċerka rilevanti u l-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp jew riżultati li għandhom ikunu kkunsidrati fil-ħidma ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' l-UE ta' hawn fuq.

li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kollaborazzjoni mar-rappreżentanti mill-oqsma privati u akkademiċi jew oqsma rilevanti oħrajn sabiex ikun inkluż l-għarfien rilevanti u l-esperjenza fil-ħidma għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' l-UE ta' hawn fuq.

Artikolu 3

Il-Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta mal-grupp ta' esperti fuq kull kwistjoni relatata mal-kejl tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, b'mod speċifiku dwar l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet tal-politika fl-iżvilupp ta' statistiċi dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali.

Artikolu 4

Kompożizzjoni — Ħatra

(1)   Il-grupp ta' esperti għandu jkun magħmul minn massimu ta' 50 membru u għandu jinkludi mill-inqas 40 % tal-membri minn kull sess, li jintgħażlu minn:

(a)

Awtoritajiet pubbliċi nazzjonali fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' l-Istati Membri ta' l-UE, il-pajjiżi li ser jissieħbu, u l-pajjiżi Kandidati;

(b)

Korpi u netwerks ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom l-esperjenza rilevanti u l-għarfien espert li janalizzaw jew jiżviluppaw data dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali għal għanijiet ta' politika bħan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN); Iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (EMCDDA); Il-Eurojust; It-Task Force tal-Kapijiet tal-Pulizija Ewropew (EPCTF); l-Uffiċju tal-Pulizija Ewropea (Europol); L-Aġenżija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (FRONTEX) u l- Osservatorju Ewropew tar-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC); L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE);

(ċ)

Organizzazzjonijiet Internazzjonali u Organizzazzjonijiet mhux governattivi bl-esperjenza rilevanti u l-għarfien espert li janalizzaw jew jiżviluppaw data dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali għal għanijiet tal-politika. Dawn jikkonsistu minn dawn li ġejjin: il-Kunsill ta' l-Ewropa; il-Grupp tas-Sourcebook Ewropew; il-Fond tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF); L-Uffiċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Prevenzjoni tal-Kriminalità (UNODC); L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

(d)

Individwi b'għarfien espert li ġej minn riċerka akkademika jew mis-settur privat fil-qasam ta' l-analiżi jew il-kejl tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri wkoll jistgħu jsiru membri tal-grupp ta' esperti.

(2)   Il-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, l-Libertà u s-Sigurtà għandhom jaħtru l-membri tal-grupp ta' esperti minn fost speċjalisti b'kompetenza fl-oqsma msemmija f'Artikoli 2 u 4(1). Fir-rigward ta' punt 4.1 a, b u ċ il-membri għandhom jinħatru mill-awtoritajiet jew organizzazzjonijiet u fir-rigward ta' punt 4.1 d il-membri għandhom jinħatru minn fost dawk li jkunu wieġbu sejħa għall-applikazzjonijiet.

Kull Stat Membru, pajjiżi li ser jissieħeb u pajjiż Kandidat għandu jinnomina żewġ persuni (wieħed u waħda miż-żewġ sessi) għas-sħubija li minnhom il-Kummissjoni taħtar wieħed jew waħda. Membri alternattivi għall-membri tal-grupp ta' esperti għandhom jinħatru f'numru ugwali u skond l-istess kundizzjonijiet tal-membri. Membri alternattivi għandhom jibdlu membri assenti b'mod awtomatiku.

(3)   Il-membri għandom jinħatru skond 4.1 a, b u ċ bħala rappreżentattivi ta' awtorità pubblika jew organizzazzjoni mhux governattiva. Dawk skond 4.1 d għandhom jinħatru f'kapaċità personali u hu mistenni minnhom li jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.

(4)   Il-membri tal-grupp ta' esperti għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jinbidlu jew sa l-aħħar tal-mandat tagħhom.

(5)   Il-membri li ma għadhomx fil-pożizzjoni li jikkontribwixxu b'mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel u t-tieni punt ta' dan l-Artikolu jew ta' l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jistgħu jinbidlu għall-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom;

(6)   Il-membri maħtrua f'kapaċita personali (punt 3 hawn fuq) kull sena għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni fejn jistqarru li huma jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta' kull interess li jista' jaffettwa l-indipendenza tagħhom.

(7)   L-ismijiet tal-membri maħtura b'mod individwali ikunu ppubblikati fuq is-sit ta' l-internet tad-DĠ Ġustizzja, Libertà u Sigurtà u fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, serje Ċ. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operat

(1)   Il-Kummissjoni jkollha l-presidenza tal-grupp ta' esperti.

(2)   Il-Kummissjoni tikkordina l-ħidma tal-grupp ta' esperti ma' dawk tal-grupp ta' ħidma relevanti dwar Statistika dwar il-Kriminalità u l-Ġusitzzja Kriminali, li għandha tiġi stabbilita mill-Eurostat fil-kuntest tal-Programm Statistiku tal-Komunità bħala li tirrapreżenta l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali. Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-koerenza tal-ħidma taż-żewġ gruppi u għandha tagħmel ħilitha sabiex torganizza, fejn possibbli, laqgħat konġunti jew laqgħat li jseħħu fl-istess jum.

(3)   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-aspetti relevanti tal-ħidma tal-grupp ta' esperti max-xogħol ta' ħidmiet oħrajn relatati mal-Kummissjoni.

(4)   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu subgruppi, ta' mhux iktar minn 15-il membru, sabiex jeżaminaw il-mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta' referenza stabbiliti mill-grupp ta' esperti; kif ilestu l-ħidmiet tagħhom il-gruppi għandhom jinfirdu.

(5)   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jistieden esperti jew osservaturi, inklużi dawk minn pajjiżi terzi, b'kompetenza speċifika f'suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-grupp ta' esperti jew tas-subgrupp fejn dan ikun utli u/jew meħtieġ.

(6)   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-grupp ta' esperti jew tas-subgrupp ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni tittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.

(7)   Il-grupp ta' esperti u s-subgruppi tiegħu normalment għandhom jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni bi stedina mill-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-subgruppi tiegħu.

(8)   Il-grupp ta' esperti għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu fuq il-bażi tar-regoli standard ta' proċedura adottati mill-Kummissjoni (8).

(9)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jippubblikaw fuq l-Internet jew f'imkien ieħor, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta' ħidma tal-grupp ta' esperti.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta' l-għajxien imħallsa mill-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta' l-attivitajiet tal-grupp jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f'konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-rimborż ta' spejjeż għal esperti esterni.

Il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

L-ispejjeż għal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Applikabilità

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar is-7 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Franco FRATTINI

Viċi President tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1. Il-pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta' l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.

(2)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

(3)  2003-2007 Programm Statistiku tal-Komunità, kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 2367/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002, ĠU L 358, 31.12.2002, p. 1.

(4)  COM(2005) 217 finali u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji ta' l-istatistika.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, attwalment dwar il-Konsultazzjoni ta' bejn is-servizzi.

(8)  L-Anness III tad-dokument SEC(2005)1004.


Top