Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2076

    2076/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni tal- 5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi l-arranġamenti tranżijonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nri 833/2004, 854/2004 u 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nri 853/2004 u 854/2004 Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83–88 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 156–161 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32009R1162

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2076/oj

    2.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    156


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta' Diċembru 2005

    li jistabbilixxi l-arranġamenti tranżijonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nri 833/2004, 854/2004 u 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nri 853/2004 u 854/2004

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benessri tal-annimali (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 tar-Regolamenti (KE) Nri 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), 853/2004, 854/2004 u 882/2004 se jinvolvi bidliet konsiderevoli għar-regoli u l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-operaturi tal-ikel u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-applikazzjoni ta’ wħud minn dawn il-miżuri b’effett immedjat mill-1 ta’ Jannar 2006 għandha mnejn tippreżenta diffikultajiet prattiċi f’ċerti każijiet. Għalhekk għandu jkun previst perjodu biex tkun possibbli tranżizzjoni mingħajr tfixkil għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli u l-proċeduri l-ġodda.

    (2)

    Hu adatt li t-tul taż-żmien tal-perjodu tranżizzjonali jiġi ffissat billi tiġi kkunsidrata l-ewwel reviżjoni tal-qafas regolatorju l-ġdid dwar l-iġjene skedata fl-ewwel erba’ snin.

    (3)

    Għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni għal perjodu tranżizzjonali li matulu ċerti rekwiżiti stabbiliti f’dawn ir-Regolamenti jista’ jkunu progressivament implimentati. Bl-għan li jiġi armonizzat l-avviċinament, il-perjodu tranżizzjonali għandu fit-teorija jdum erba’ snin iżda, fejn iġġustifikat, ikun iqsar. Id-dispożizzjoni għandha ssir ukoll għall-possibbiltà jew reviżjoni ta’ kull wieħed mill-arranġamenti fid-dawl tal-esperjenza akkwistata.

    (4)

    Bħala arranġament tranżizzjonali ta’ standard, għandu jkompli jkun possibbli li jitpoġġew fis-suq prodotti qabel l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. L-arranġament għandu japplika għall-perjodu tranżizzjonali kollu, sakemm l-iskadenza tal-prodott hi iqsar.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jeskludi mill-ambitu tiegħu l-forniment dirett mill-produttur ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam minn tjur u lagomorfi lill-konsumatur finali jew lill-stabbiliment bl-imnut li jissupplixxi direttament lill-konsumatur finali bħala laħam frisk. Id-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE (5) dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-laħam frisk tat-tjur u d-Direttiva tal-Kunsill 91/495/KEE (6) dwar saħħa pubblika u problemi ta’ saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ laħam tal-fenek u laħam tal-kaċċa mrobbi ppermettew ukoll lill-Istati Membri jidderogaw mir-rekwiżiti ġenerali għal tali skop mingħajr ma jillimitawh għal-laħam frisk. Din il-possibbiltà għandha tinżamm matul il-perjodu tranżizzjonali.

    (6)

    Il-ħidma ta’ stabbilimenti ta’ approvazzjoni, b’mod partikolari dawk li ma kellhomx għalfejn jiġu approvati skont ir-regoli applikabbli preċedenti iżda li kienu jistgħu jpoġġu fis-suq il-produzzjoni tagħhom fis-suq nazzjonali biss, tpoġġi piż kbir fuq l-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni għal arranġament tranżizzjonali biex jagħmilha possibbli li stabbilimenti ta’ din ix-xorta jkomplu bi tqegħid fis-suq tas-swieq nazzjonali tagħhom sakemm dawn ikunu fil-fatt approvati.

    (7)

    L-arranġament tranżizzjonali li jkopri l-użu tal-materjal għal tgeżwir u ppakkjar u t-tagħmir ta’ mmarkar fil-punt 6 tat-Taqsima I għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu jiġi rivedut sabiex jiġu ssikkati r-regoli preċedenti dwar l-użu tat-tagħmir ta’ mmarkar filwaqt li jagħti kunsiderazzjoni adatta għall-aspettattivi tal-operaturi tal-kummerċ tal-ikel li jikkonċernaw it-tolleranza rigward l-użu tal-materjal ta’ mmarkar li nxtara qabel l-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament għandhom għalhekk jitħassru u jiġi adottat arranġament ġdid skont dan ir-Regolament. Minħabba r-riskju ta’ abbuż ta’ arranġament tranżizzjonali ta’ din ix-xorta, it-tul taż-żmien għandu jkun limitat u tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li tagħmir qadim ta’ mmarkar li ma jkunx konformi mar-regoli l-ġodda jitneħħa kemm jista’ jkun possibbli u mhux aktar tard mill-aħħar tal-perjodu tranżizzjonali. L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 għandhom ikun emendati skont dan.

    (8)

    Ir-rekwiżiti sanitarji għall-importazzjoni ta’ ikel li joriġina minn annimali mhux se jkunu kompletament armonizzati għal ċerti tipi ta’ prodotti u l-kundizzjonijiet applikabbli ta’ importazzjoni għal prodotti ta’ din ix-xorta matul il-perjodu tranżizzjonali għandhom ikunu ċari.

    (9)

    Id-dispożizzjoni dwar l-informazzjoni tal-katina alimentari hi rekwiżit ġdid dwar l-operaturi tan-negozji tal-ikel. Perjodu tranżizzjonali għandu jkun introdott għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-katina alimentari. B’mod partikolari, kurrent mingħajr tfixkil ta’ informazzjoni mill-irziezet għall-biċċeriji għandu jiffaċilita permezz ta’ arranġament tranżizzjonali billi jillaxka r-rekwiżit li tintbagħat l-informazzjoni fi żmien 24 siegħa qabel il-wasla tal-annimali fil-biċċerija.

    (10)

    It-Taqsima III tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tirrikjedi li l-veterinarju uffiċjali jew il-veterinarju approvat li jiffirma ċ-ċertifikat li jakkumpanja l-annimali bid-dwiefer mhux domestiċi li jittrabbew fl-irziezet mir-razzett għall-biċċerija. Id-Direttiva 91/495/KEE tiħtieġ il-firma tas-servizz veterinarju. Din id-dispożizzjoni għandha tinżamm matul il-perjodu tranżizzjonali.

    (11)

    Iċ-ċertifikat meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 854/2004 fil-Kapitolu X Parti B tal-Anness I hu aktar iddettaljat miċ-ċertifikat li kien preskritt qabel. Iċ-ċertifikat li jservi ta’ mudell stabbilit fl-Anness III tad-Direttiva 91/495/KEE għandu jkun aċċettat matul il-perjodu tranżizzjonali.

    (12)

    It-Taqsima V tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tirrikjedi li l-materja prima għal-laħam ikkapuljat li tissodisfa ċerti kriterji u tistabbilixxi rekwiżiti dwar it-tikketti. Il-kriterji ta’ kompożizzjoni tal-laħam ikkapuljat fir-rigward b’mod partikolari tal-kontenut tax-xaħam u tat-tessut konnettiv: il-proporzjon tal-proteini fil-laħam għandu jiġi vvalutat. Filwaqt li jkun għadu pendenti r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni, hu adatt li jinżammu l-kriterji korrenti stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 94/65/KE (7) li tistabbilixxi r-rekwiżiti għal produzzjoni u tpoġġija fis-suq ta’ laħam kapuljat u preparati tal-laħam.

    (13)

    Minkejja l-prinċipju ġenerali stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li bih l-operaturi tan-negozji tal-ikel ma għandhomx jużaw, fejn meħtieġ mill-iġjene, kull sustanza oħra għajr ilma għax-xorb, id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-użu ta’ ilma nadif għall-ilma tal-ħut huma ddefiniti fil-Kapitolu VII tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u fil-Parti II tal-Kapitolu I u l-Kapitoli III u IV tat-Taqsima VIII tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, b’mod partikolari dwar it-trattament tal-ħut fuq il-bastimenti. Billi l-użu ta’ ilma nadif ma jirrappreżentax riskju għas-saħħa pubblika sakemm dan jissodisfa d-definizzjoni stipulata fir-Regolament (KE) Nru 852/2004, u bl-għan li jippermetti l-istabbilimenti bbażati fuq l-art li jittrattaw il-prodotti tas-sajd li jadattaw progressivament, l-iskop tad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu jiġi estiż għal tali stabbilimenti matul il-perjodu tranżizzjonali.

    (14)

    Il-Parti III(1)(a) tal-Kapitolu II tat-Taqsima IX tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistipula li l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimmanifatturaw prodotti tal-ħalib għandhom jiżguraw li l-ħalib nej tal-baqar jissodisfa kriterju ta’ limitu qabel l-ipproċessar. Konformità ma’ dan il-limitu hi partikolarment importanti għas-sikurezza tal-ikel fejn il-ħalib kellu jiġi ttrattat bis-sħana u ma kienx ipproċessat f’ħin definit minn qabel. Bħala miżura tranżizzjonali, il-verifika ta’ konformità ma’ dan il-kriterju immedjatament qabel l-ipproċessar għandha tkun limitata għal tali ċirkustanzi.

    (15)

    It-Taqsima X tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistipula regoli dwar l-iġjene għall-bajd u l-prodotti tal-bajd. Skont il-Kapitolu I (2), il-bajd għandu jkun miżmum u trasportat f’temperatura kostanti li hi l-aħjar biex tiġi żgurata l-aqwa konservazzjoni tal-proprjetajiet iġjeniċi tagħhom. Mill-1 ta’ Jannar 2006 l-Istati Membri kienu awtorizzati li japplikaw standards ta’ temperaturi kkontrollati fit-territorju tagħhom għal faċilitajiet ta’ ħżien ta’ bajd u biex jittrasportaw minn faċilità għal oħra, għandu jkun ċar li dawn l-istandards ikunu jistgħu japplikaw fuq bażi tranżizzjonali jekk ikunu għadhom awtorizzati mill-awtorità kompetenti. Dan se jagħti lill-operaturi żmien biżżejjed biex jadattaw l-attivitajiet u l-proċeduri tagħhom għal standards ta’ temperaturi li jistgħu jkunu meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.

    (16)

    Skont il-Parti II (1) tal-Kapitolu II tat-Taqsima X tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, bajd imxaqqaq jista’ jintuża għall-manifattura ta’ prodotti tal-bajd soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Bħala ftehim tranżizzjonali, għandha ssir dispożizzjoni biex din il-possibbiltà tiġi estiża għal stabbilimenti oħra li jipproduċu bajd likwidu fejn huma jikkonformaw mal-istess kundizzjonijiet.

    (17)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jirrikjedi l-istaff awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti biex iwettaq impenji ta’ awżiljarji uffiċjali sabiex jitħarrġu u jikkwalifikaw bl-istess mod bħall-awżiljarji uffiċjali. Matul il-perjodu tranżizzjonali, hu adatt li jkun permess lill-awtoritajiet kompetenti żmien għall-ippjanar u biex jiġi organizzat taħriġ addizzjonali u kwalifika tal-istaff tal-biċċeriji li jassistu fil-kontrolli uffiċjali, u biex konsegwentement jillimitaw ir-rekwiżit biex jiġi żgurat li l-istaff tal-biċċeriji jitħarreġ għall-impenji speċifiċi li huma għandhom il-permess li jwettqu.

    (18)

    L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jirrikjedi li l-laboratorji li jwettqu analiżi tal-kampjuni meħuda waqt kontrolli uffiċjali jkunu akkreditati. Il-laboratorji, li skont il-leġiżlazzjoni preċedenti ma kinux meħtieġa li jkunu akkreditati, għandu mnejn ikun jinħtiġilhom żmien addizzjonali biex jakkwistaw akkreditament sħiħ, billi l-akkreditament hu proċess intrikat u laborjuż. Hu xieraq li jingħata lil-laboratorji ta’ din ix-xorta żmien addizzjonali li jippermettilhom biex jirranġaw ħalli jingħatalhom l-akkreditament.

    (19)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONI ĠENERALI

    Artikolu 1

    Perjodu tranżizzjonali

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament qed jiġi stabbilit perjodu tranżizzjonali ta’ erba’ snin li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2009 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-perjodu tranżizzjonali”).

    L-arranġamenti tranżizzjonali stipulati f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-perjodu tranżizzjonali, ħlief fejn stipulat mod ieħor fl-Artikoli 5 u 8.

    KAPITOLU II

    ARRANĠAMENTI TRANŻIZZJONALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 853/2004

    Artikolu 2

    Ħażniet ta’ ikel li joriġina mill-annimali

    1.   Bla ħsara għal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, u b’mod partikolari d-Direttiva 2000/13/KE (8) fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ ttikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel li joriġina mill-annimali prodott qabel l-1 ta’ Jannar 2006 jistgħu jitqiegħdu fis-suq bil-kundizzjoni li dawn ikollhom, kif adatt, il-marki stipulati fl-Atti elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    2.   Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, li għalihom l-operatur ta’ negozji tal-ikel kien iddefinixxa skadenza fuq l-ixkaffi li tkun itwal mill-perjodu tranżizzjonali, jistgħu jibqgħu fis-suq sal-aħħar tal-iskadenza tagħhom fuq l-ixkaffi.

    Artikolu 3

    Forniment dirett ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam mit-tjur u l-lagomorfi

    B’deroga mill-Artikolu 1(3)(d) u bla ħsara għall-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-forniment dirett, mill-produttur, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam mit-tjur u lagomorfi maqtula fir-razzett għall-konsumatur aħħari jew lill-stabbilimenti tal-imnut lokali li jissupplixxu b’mod dirett laħam ta’ din ix-xorta lill-konsumatur aħħari.

    Artikolu 4

    Tqegħid ta’ ikel minn oriġini tal-annimali fis-suq nazzjonali sakemm l-approvazzjoni tal-istabbilimenti tkun għadha pendenti

    B’deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li qabel l-1 ta’ Jannar 2006 setgħu jqiegħdu ikel li joriġina mill-annimali fis-suq nazzjonali tagħhom jistgħu jkomplu jpoġġu prodotti ta’ din ix-xorta f’dan is-suq b’marka nazzjonali li ma tistax tkun mifxula mal-marki stipulati fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 sakemm l-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, japprovaw l-istabbilimenti li jittrattaw tali prodotti.

    Ikel ta’ oriġini mill-annimali li jkollu fuqu marki nazzjonali ta’ din ix-xorta jista’ jitqiegħed fis-suq biss fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru fejn jiġi prodott.

    Artikolu 5

    Materjali ta’ tgeżwir, ippakkjar u tikketti li jkollhom fuqhom marki stampati minn qabel dwar is-saħħa jew l-identifikazzjoni

    L-operaturi tan-negozji tal-ikel jista’ jkomplu sal-31 ta’ Diċembru 2007 jagħmlu użu minn ħażniet ta’ materjali ta’ tġeżwir, ippakkjar u tikketti li jkollhom fuqhom marki stampati minn qabel dwar is-saħħa jew l-identifikazzjoni li nxtraw minnhom qabel l-1 ta’ Jannar 2006.

    Artikolu 6

    Tagħmir ta’ mmarkar

    L-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkomplu jużaw tagħmir ta’ mmarkar li kienu mgħammra bih fl-31 ta’ Diċembru 2005 sakemm dan jiġi sostitwit jew sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-perjodu tranżizzjonali, bil-kundizzjoni li n-numru approvat tal-istabbiliment ikkonċernat jibqa’ l-istess.

    Meta t-tagħmir jinbidel, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-irtirar tiegħu sabiex dan ma jkunx jista’ jintuża aktar.

    Artikolu 7

    Kundizzjonijiet sanitarji għall-importazzjoni

    1.   L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet tal-ikel li joriġina mill-annimali li għalih ma ġew stabbiliti ebda kundizzjonijiet sanitarji armonizzati għall-importazzjoni, inklużi listi ta’ pajjiżi terzi u partijiet minn pajjiżi terzi u ta’ stabbilimenti li minnhom jistgħu jsiru importazzjonijiet.

    Sakemm l-armonizzazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-importazzjonijiet għadha pendenti prodotti ta’ din ix-xorta, importazzjonijiet ta’ din ix-xorta għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet sanitarji dwar l-importazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimportaw ikel li fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti u prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali għandhom ikunu eżentati mill-obbligu stipulat f’dan l-Artikolu.

    Sakemm l-iżvilupp ta’ avviċinament ibbażat fuq ir-riskju għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet sanitarji armonizzati dwar l-importazzjonijiet u l-verifiki ta’ prodotti tal-ikel ta’ din ix-xorta jkun għadu pendenti, l-importazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-regoli armonizzati tal-Komunità fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2006 fejn applikabbli, u f’każijiet oħra mar-regoli nazzjonali implimentati mill-Istati Membri qabel din id-data.

    Artikolu 8

    Informazzjoni dwar il-katina alimentari

    1.   B’deroga mir-rekwiżiti stipulati fit-Taqsima III tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-Istati Membri għandhom b’mod progressiv jimplimentaw dawn ir-rekwiżiti f’diversi setturi flimkien mas-settur tat-tjur fejn dawn għandhom japplikaw immedjatament, sabiex is-settur tal-majjali fl-Istati Membri jkun kopert mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-katina tal-ikel sal-aħħar tat-tieni sena tranżizzjonali, u s-setturi tal-laħam taż-żwiemel u tal-vitella tal-għoġġiela sal-aħħar tat-tielet sena.

    L-Istati Membri li japplikaw dan l-arranġament tranżizzjonali għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu sal-aħħar ta’ kull sena.

    2.   B’deroga mir-rekwiżiti stipulati fil-punt 2 tat-Taqsima III tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jikkonċerna d-dispożizzjoni dwar l-informazzjoni tal-katina alimentari għall-operaturi tal-biċċeriji mhux anqas minn 24 siegħa qabel, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti tali informazzjoni li tintbagħat lill-operatur tal-biċċeriji ma’ annimali ta’ kull speċi li għandha x’taqsam magħhom u fiċ-ċirkustanzi kollha fejn din ma tkunx ta’ ħsar għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    Madankollu, kull punt ta’ informazzjoni dwar il-katina alimentari, li tagħrif dwarha jista’ jirriżulta fi tfixkil serju tal-attività tal-biċċerija, għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-operatur tal-biċċerija f’waqtu qabel ma jaslu l-annimali fil-biċċerija.

    Artikolu 9

    Laħam ta’ annimali bid-dwiefer li mhumiex domestiċi li jittrabbew fl-irziezet

    B’deroga mir-rekwiżiti stipulati fil-punt (3)(j) tat-Taqsima III tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 15, li jiċċertifika li kien hemm riżultat tajjeb waqt l-ispezzjoni ante-mortem, jinħareġ u jiġi ffirmat mis-servizz veterinarju.

    Artikolu 10

    Rekwiżiti dwar kriterji tal-kompożizzjoni u t-tikketti għal-laħam ikkappuljat

    1.   B’deroga mir-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu II (1) tat-Taqsima V tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operatur ta’ negozju tal-ikel għandu jiċċekkja l-materja prima li tiddaħħal fl-istabbiliment biex jiżgura konformità mal-isem tal-prodott fit-tabella hawn taħt fir-rigward tal-prodott aħħari.

    Tabella: Kriterji tal-kompożizzjoni ċċekkjati abbażi ta’ medja maħduma kuljum

     

    Kontenut ta’ xaħam

    Tessut konnettiv: il-proporzjon tal-proteini fil-laħam

    laħam ikkapuljat dgħif

    ≤ 7 %

    ≤ 12

    ikkapuljat taċ-ċanga pura

    ≤ 20 %

    ≤ 15

    laħam ikkapuljat li fih il-majjal

    ≤ 30 %

    ≤ 18

    laħam ikkapuljat ta’ speċijiet oħrajn

    ≤ 25 %

    ≤ 15

    2.   B’deroga mir-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu IV tat-Taqsima V tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, it-tikketta għandha turi wkoll il-kliem li ġej:

    “perċentwali ta’ xaħam taħt …”,

    “tessut konnettiv: il-proporzjon tal-proteini fil-laħam taħt …”

    3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq nazzjonali tagħhom laħam ikkapuljat li ma jikkonformax ma’ dawn il-kriterji taħt marka nazzjonali li ma tistax tkun mifxula mal-marki stipulati fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    Artikolu 11

    Użu ta’ ilma nadif

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u l-Kapitolu III(A)(1) tat-Taqsima VIII tal-Anness III għar-Regolament, is-silġ użat biex jitkessħu l-prodotti tas-sajd jista’ jsir minn ilma nadif fi stabbilimenti fuq l-art.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u l-Kapitolu III(A)(2) u (3) tat-Taqsima VIII tal-Anness III għar-Regolament, l-operaturi tan-negozji tal-ikel fi stabbilimenti, inklużi bastimenti, li jittrattaw prodotti tas-sajd jista’ jużaw ilma nadif.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u l-Kapitolu IV(1) tat-Taqsima VIII tal-Anness III għar-Regolament, l-operaturi tan-negozji tal-ikel fi stabbilimenti fuq l-art jistgħu jużaw ilma nadif għat-tkessiħ wara t-tisjir tal-krustaċji u molluski.

    Artikolu 12

    Ħalib nej u prodotti tal-ħalib

    B’deroga mir-rekwiżit stipulat fil-Kapitolu II(III)(1)(a) tat-Taqsima IX tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-għadd ta’ mikrobi fil-ħalib nej tal-baqar għandhu japplika biss fejn ħalib ta’ din ix-xorta għandu jitgħalla u li ma kienx trattat b’dan il-mod fil-perjodu ta’ aċċettazzjoni speċifikat fil-proċeduri abbażi tal-HACCP applikati mill-operaturi tan-negozji tal-ikel.

    Artikolu 13

    Bajd u prodotti tal-bajd

    1.   L-Istati Membri li, qabel l-1 ta’ Jannar 2006, applikaw rekwiżiti nazzjonali dwar it-temperatura għall-faċilitajiet ta’ ħżin tal-bajd u għall-vetturi li jġorru l-bajd bejn faċilitajiet ta’ ħżin ta’ din ix-xorta jista’ jkomplu japplikaw dawn ir-rekwiżiti.

    2.   L-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu jużaw bajd imxaqqaq għall-produzzjoni ta’ bajd likwidu fi stabbiliment approvat għal dan l-għan, bil-kundizzjoni li l-istabbiliment ta’ produzzjoni jew iċ-ċentru tal-ippakkjar ikun wassalhom direttament u jitkissru minnufih.

    KAPITOLU III

    ARRANĠAMENTI TRANŻIZZJONALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 854/2004

    Artikolu 14

    Taħriġ tal-istaff tal-biċċeriji li jassisti fil-kontrolli uffiċjali

    B’deroga mill-Artikolu 5(6)(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 u tal-Kapitolu III(A)(a) tat-Taqsima III tal-Anness I għar-Regolament, l-istaff tal-biċċerija awtorizzat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq impenji speċifiċi ta’ awżiljarji uffiċjali għandu jitħarreġ biss bl-istess mod ta’ uffiċjali awziljarji fir-rigward tal-inkarigi speċifiċi li huma awtorizzati li jwettqu u ma għandux ikun meħtieġ li dawn jgħaddu mill-istess eżami bħall-awżiljarji uffiċjali.

    L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li taħriġ ta’ din ix-xorta jkun sodisfaċenti qabel ma tawtorizza l-istaff tal-biċċerija li jassumi l-inkarigi tal-awżiljarji uffiċjali.

    Hi għandha tiċċekkja li t-taħriġ addizzjonali u l-organizzazzjoni neċessarja għall-istaff tal-biċċeriji biex jikkwalifikaw mill-proċedura tal-eżami li tapplika għall-awżiljarji tkun applikata malajr kemm jista’ jkun possibbli u mhux aktar tard sal-aħħar tal-perjodu tranżizzjonali.

    Artikolu 15

    Ċertifikazzjoni ta’ stabbilimenti li użaw staff li jassisti fil-kontrolli uffiċjali fil-biċċeriji

    B’deroga mit-tieni paragrafu tal-Kapitolu III(A)(a) tat-Taqsima III tal-Anness I tar-Regolament 854/2004, stabbilimenti li jixtiequ jużaw l-istaff tagħhom biex jassisti fil-kontrolli uffiċjali għandhom, matul il-perjodu tranżizzjonali, ikunu eżentati mir-rekwiżit li jipproċessaw ċertifikazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment, bil-kundizzjoni li l-istabbiliment juri li ta bidu u li qed isegwi ċ-ċertifikazzjoni skont standards internazzjonali, bħalma huma l-istandards rilevanti EN ISO dwar l-immaniġġjar tal-kwalità jew tas-sikurezza tal-ikel.

    Artikolu 16

    Ċertifikat li jservi ta’ mudell għall-ikel minn annimali mhumiex domestikati li jitrabbew fl-irziezet

    B’deroga mill-Kapitolu VII (A)(4) tat-Taqsima IV tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, iċ-ċertifikat li jservi ta’ mudell stipulat fl-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 91/495/KEE (10) jista’ jintuża għall-ġarr mir-razzett għall-biċċerija ta’ annimali bid-dwiefer li mhumiex domestiċi li jitrabbew fl-irziezet.

    Artikolu 17

    Kundizzjonijiet sanitarji għall-importazzjoni

    Il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 ma għandux japplika għall-importazzjonijiet tal-ikel li joriġina mill-annimali li għalih ma ġew stabbiliti ebda kundizzjonijiet sanitarji armonizzati għall-importazzjoni, inklużi listi ta’ pajjiżi terzi u partijiet minn pajjiżi terzi u ta’ stabbilimenti li minnhom jistgħu jsiru importazzjonijiet.

    Sakemm l-armonizzazzjoni futura tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-importazzjonijiet għadha pendenti prodotti ta’ din ix-xorta, importazzjonijiet ta’ din ix-xorta għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet sanitarji dwar l-importazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    KAPITOLU IV

    ARRANĠAMENTI TRANŻIZZJONALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 882/2004

    Artikolu 18

    Akkreditament tal-laboratorji

    B’deroga mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtorità kompetenti tista’ taħtar laboratorju mhux akkreditat, bil-kundizzjoni li l-laboratorju:

    (a)

    juri li ta bidu u qed isegwi l-proċeduri neċessarji ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004;

    (b)

    jipprovdi lill-awtorità kompetenti garanziji sodisfaċenti li l-iskemi tal-kwalità tal-kontroll għall-analiżijiet li hu qed iwettaq għall-fini ta’ kontrolli uffiċjali huma applikati sal-1 ta’ Jannar 2006.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 19

    Reviżjoni

    L-arranġamenti tranżizzjonali, inklużi l-kundizzjonijiet tagħhom, stipulati f’dan ir-Regolament jista’ jiġu riveduti kull ħin fid-dawl tal-esperjenza akkwistata fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti u tar-Regolamenti (KE) Nri 853/2004, 854/2004 u 882/2004.

    Artikolu 20

    Emenda għar-Regolament (KE) Nru 853/2004

    It-Taqsima I(B)(6) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, it-tielet subparagrafu qed jitħassar.

    Artikolu 21

    Emenda għar-Regolament (KE) Nru 854/2004

    Fil-punt (6) fit-Taqsima I, il-Kapitolu III tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004, it-tieni sentenza qed titħassar.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 5 ta' Diċembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, ikkoreġut bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

    (2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206, ikkoreġut bil-ĠU L ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83.

    (3)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1, ikkoreġut bil-ĠU L ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1

    (4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1, ikkoreġut bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 3.

    (5)  ĠU L 55, 8.3.1971, p. 23.

    (6)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 41.

    (7)  ĠU L 368, 31.12.1994, p. 10.

    (8)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

    (9)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33, ikkoreġut bil-ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12.

    (10)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 41.


    Top