EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1289

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1289/2005 ta’ l- 4 ta' Awwissu 2005 li jiftaħ investigazzjoni rigward il-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 408/2002 dwar l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinjati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan jew le, u jagħmel tali importazzjoni suġġetta għar-reġistrazzjoni

ĠU L 204, 5.8.2005, p. 7–10 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 281–284 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1289/oj

18.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

281


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1289/2005

ta’ l-4 ta' Awwissu 2005

li jiftaħ investigazzjoni rigward il-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 408/2002 dwar l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinjati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan jew le, u jagħmel tali importazzjoni suġġetta għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b' mod partikolari l-Artikoli 13(3), 14(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2)

It-talba tressqet fis-27 ta’ Ġunju 2005 permezz ta’ l-Eurometaux f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 45 % tal-produzzjoni Komunitarja ta’ ċerti ossidi taż-żingu.

B.   PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat bl-evitar possibbli tal-miżuri huwa l-ossidu taż-żingu (formula kimika ZnO) b'livell ta' purezza ta' mhux naqas minn 93 % ta' ossidu taż-żingu li oriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, normalment iddikjarat taħt il-kodiċi NM 2817 00 00 (“il-prodott ikkonċernat”). Din il-kodiċi qed tingħata biss għall-informazzjoni.

(4)

Il-prodott investigat huwa l-ossidu taż-żingu (il-formula kimika ZnO) b'livell ta' purezza ta' mhux anqas minn 93 % ta' ossidu taż-żingu kkunsinjat mill-Każakstan (“il-prodott investigat”) normlament iddikjarat taħt l-istess kodiċi bħall-prodott ikkonċernat.

C.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibilment qed jiġi evitati huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 408/2002 (2) kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1623/2003 (3).

D.   BAŻI

(6)

It-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie, li l-miżuri ta’ l-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta’ trasbord via l-Każakstan ta’ ċerti ossidi taż-żingu.

(7)

L-evidenza sottomessa hija:

 

It-talba turi li bidla sinifikanti fit-tendenzi tal-kummerċ, li jinvolvu esportazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Każakstan fil-Komunità, seħħet wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u li għaliha mhemmx biżżejjed raġuni jew ġustifikazzjoni għajr impożizzjoni ta’ dazju għal din il-bidla. Din il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ tidher li ħierġa mit-trasbord ta’ ċerti ossidi taż-żingu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina via l-Każakstan.

 

Aktar minn hekk, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat qed jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta’ l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu mill-Każakstan jidhru li ħadu post l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

 

Finalment, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet ta’ ċerti ossidi taż-żingu huma iddampjati fir-rigward tal-valur normali preċedentement stabbilit għal ċerti ossidi taż-żingu.

 

Jekk il-prassi ta’ l-evitar tal-miżuri via l-Każakstan koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, apparti t-trasbord, tkun identifikata fil-proċess ta’ l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri din il-prassi wkoll.

E.   PROĊEDURA

(8)

Fid-dawl ta’ dak li ngħad hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-ftugħ ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinjati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan jew le, suġġetta għar-reġistrazzjoni, b’konformità ma’ l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Kwestjonarji

(9)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta' esportaturi/produtturi fil-Każakstan, l-esportaturi/produtturi u l-assoċjazzjoni ta' l-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-importaturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi fil-Komunità li kkooperaw fl-investigazzjoni li waslet għall-miżuri eżistenti u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Każakstan. Eventwalment tista’ tintalab informazzjoni wkoll lill-industrija tal-Komunità.

(10)

F’kull każ, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien mhux aktar tard mil-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 3 sabiex jitolbu kwestjonarju fi żmien il-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, peress li l-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(11)

L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Każakstan se jiġu nnotifikati bil-ftugħ ta’ l-investigazzjoni.

(b)   Il-ġbir ta' l-informazzjoni u s-smigħ tas-seduti

(12)

Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna li jwasslu fehmiethom bil-miktub u li jissottomettu evidenza bi provi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' l-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

(c)   Eżenzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ importazzjoni jew miżuri

(13)

Ladarba l-evitar possibbli tal-miżuri jseħħ barra l-Komunità, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, b’konformità ma' l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill- produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li mhumiex relatati ma kwalunkwe produttur suġġett għall-miżuri u li ma jinstabux li huma involuti fl-evitar tal-prassi kif definita fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jissottomettu talba bil-provi dovuti fi ħdan il-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Fid-dawl tal-fatt li eżenzjoni tista’ tingħata biss lill-kumpaniji li jistgħu jiġu ttrattati individwalment, il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom juri li jilħqu l-kriterji għal trattament individwali kif indikat fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, applikazzjonijiet bi provi dovuti għandhom jiġu sottomessi fuq il-bażi tal-formoli ta’ applikazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni, u fi ħdan il-limitu ta' żmien speċifiku indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

(15)

Kif mistqarr hawn fuq, jekk il-prassi ta’ l-evitar tal-miżuri via l-Każakstan koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, apparti t-trasbord, ikun identifikat fil-proċess ta’ l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri din il-prassi wkoll. Minħabba l-fatt li l-prassi ta' l-immuntar tista' tiġi identifikata, ikun meħtieġ li, fit-twettiq ta' l-eżaminazzjoni ta' l-operazzjoni ta’ mmuntar, b’konformità mad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, biex jiddetermina jekk il-kumpanija li titlob l-eżenzjoni toperax skond il-kundizzjonijet ta’ l-ekonomija tas-suq i.e. li tilħaq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, applikazzjonijiet bi provi dovuti għandhom jiġu sottomessi fuq il-bażi tal-formoli ta’ applikazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni, u fi ħdan il-limitu ta' żmien speċifiku indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(16)

Skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjoni tal-prodott investigat għandu jkun suġġett għar-reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni twassal għas-sejba ta’ evitar tal-miżuri, dazji anti-dumping ta’ somma xierqa jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerti ossidi taż-żingu kkunsinjati mill-Każakstan.

G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

(17)

Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw lilhom infushom mal-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha tingħata kont matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fil-Każakstan jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjoni jew miżuri, u jissottomettu formoli ta’ applikazzjoni bi provi dovuti għal (i) trattament individwali skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u (ii) li juri li l-kumpanija topera skond il-kundizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq, i.e. li tilħaq il-kriterja stipulata fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Il-formula ta’ applikazzjoni msemmija l-aħħar teħtieġ tiġi sottomessa biss minn kumpaniji involuti f’operazzjonijiet ta’ mmuntar,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni,

(18)

Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependu minn dik il-parti li trid tippreżenta lilha nnifisha fi ħdan il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

(19)

Fil-każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu taż-żmien, jew tfixkel b'mod sinifikattiv l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, affermattivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

(20)

Fejn jinstab li xi parti interessata tat informazzjoni falza jew li tiżgwida, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment, u r-riżultati huma għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli konformi ma' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Investigazzjoni hija hawnhekk miftuħa skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti ossidi taż-żingu (il-formula kimika ZnO) b’purezza ta’ mhux anqas minn 93 % ossidu taż-żingu, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 2817 00 00 (il-Kodiċi TARIC 2817000013) ikkunsinjati mill-Każakstan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Każakstan jew le, qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 408/2002.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma hawnhekk ordnati, skond l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, li jieħdu l-passi meħtieġa biex jirreġistraw l-importazzjoni fil-Komunità identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, skond ir-Regolament, tista’ tqabbad l-awtoritajiet doganali biex iwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward ta’ importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti manifatturati minn produtturi li applikaw għall-eżenzjoni tar-reġistrazzjoni u nstabu li mhumiex qed jevitaw id-dazji anti-dumping.

Artikolu 3

1.   Kwestjonarji jew formuli ta’ applikazzjoni oħra għandhom jiġu mitluba mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

2.   Jekk il-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati għandhom jitqiesu waqt l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw il-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom, u jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għajr jekk jiġi speċifikat mod ieħor.

3.   Il-produtturi fil-Każakstan li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjoni jew miżuri għandhom jissottomettu talba bil-provi dovuti fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tabliet bi provi dovuti għal trattament individwali u, kif xieraq, talbiet li l-kumpanija topera taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, għandhom jiġu sottomessi wkoll fi żmien l-istess 40 jum stipulati bħala limitu ta’ żmien.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fi żmien l-istess 40 jum tal-limitu taż-żmien.

5.   Kull informazzjoni marbuta mal-kwistjoni, kull talba għas-smigħ jew għal kwestjonarju kif ukoll kull talba għall-eżenzjoni trid issir bil-miktub (mhux f’format elettroniku, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u trid tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika, it-telefown, il-faks u/jew in-numri tat-telefown tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha miktuba, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza ppreżentata mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali se jiġu magħmula identifikabbli bħala “Limitat” (4) u, konformi ma' l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, se jkunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li se tkun magħmula identifikabbli “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate B

Office: J-79 5/16

B-1049 Brussel

Fax (+322) 295 65 05

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar il-4 ta' Awwissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 62, 5.3.2002, p. 7.

(3)  ĠU L 232, 18.9.2003, p. 1.

(4)  Dan ifisser li d-dokument huwa għall-użu intern biss. Huwa mħares b'konformità ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43). Dan huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping).


Top