EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0039

Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 74/408/KEE dwar vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sedili, l-ankoraġġi u r-restrizzjonijiet għar-ras tagħhom Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 255, 30.9.2005, p. 143–145 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2014; Impliċitament imħassar minn 32009R0661

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/39/oj

30.9.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

143


ID-DIRETTIVA 2004/39/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 74/408/KEE dwar vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sedili, l-ankoraġġi u r-restrizzjonijiet għar-ras tagħhom

(Test b'rilevanza ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2) ,

Billi:

(1)

Ir-riċerka wriet li l-użu ta' ċinturini tas-sigurtà u ta' sistemi ta' restrizzjoni jista' jikkontribwixxi għal tnaqqis sostanzjali fin-numru ta' mwiet u fil-gravità tal-korrimenti fil-każ ta' aċċident, anki dak ta' qlib ta' karozza. L-installazzjoni tagħhom fil-kategoriji kollha ta' vetturi ikun żgur pass importanti 'l quddiem sabiex tiżdied is-sigurtà fit-toroq u b'konsegwenza jiġu salvati iktar ħajjiet.

(2)

Jista' jinkiseb benefiċċju sostanzjali għas-soċjetà, li kieku l-vetturi kollha jkunu mgħammra b'ċinturini tas-sigurtà.

(3)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Frar 1986 dwar miżuri komuni sabiex jitnaqqsu l-aċċidenti fit-toroq, bħala parti mill-programm tal-Komunità għas-sigurtà fit-toroq (3), il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li jsir obbligatorju għal kull passiġġier, inklużi t-tfal, l-użu taċ-ċinturin tas-sigurtà, ħlief f'vetturi tas-servizz pubbliku. Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn karrozzi tal-linja tat-trasport pubbliku u vetturi oħra rigward l-installazzjoni obbligatorja ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' restrizzjoni.

(4)

Skond id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/EEC tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (4) , is-sistema Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip ġiet implementata biss għall-vetturi ġodda kollha tal-kategorija M1 mill-1 ta' Jannar 1998. B'konsegwenza, il-vetturi biss tal-kategorija M1 tat-tip approvat wara dik id-data għandhom ikunu mgħammra b'sedili, ankoraġġi tas-sedili u restrizzjonijiet għar-ras li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 74/408/KEE (5).

(5)

Sa meta s-sistema Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip tiġi estiża għall-kategoriji kollha ta' vetturi, għandha tibqa' meħtieġa l-installazzjoni ta' sedili u ankoraġġi ta' sedili kompatibbli ma' l-installazzjoni ta' ankoraġġi ta' ċinturini tas-sigurtà, fl-interess tas-sigurtà fit-toroq, f'vetturi li jaqgħu f'kategoriji oħra minbarra l-kategorija M1.

(6)

Id-Direttiva 74/408/KEE diġa tipprovdi għad-dispożizzjonijiet tekniċi u amministrattivi kollha li jippermettu l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ta' kategoriji oħra minbarra l-kategorija M1. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jeħtieġux l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet ulterjuri.

(7)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/37/KE tas-17 ta' Ġunju 1996 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 74/408/KEE (6), diversi Stati Membri diġa għamlu obbligatorji d-dispożizzjonijiet li hemm fiha fir-rigward ta' ċerti kategoriji oħra ta' vetturi minbarra dawk tal-kategorija M1. Għaldaqstant, il-manifatturi u l-fornituri tagħhom żviluppaw it-teknoloġija xierqa.

(8)

Ir-riċerka wriet li mhux possibbli tipprovdi sedili li jħarsu lejn il-ġenb tal-vettura b'ċinturini tas-sigurtà li jiżguraw l-istess livell ta' sigurtà lill-okkupanti daqs sedili li jħarsu 'l quddiem. Għal raġunijiet ta' sigurtà, jeħtieġ li dawk is-sedili jiġu projbiti f'ċerti kategoriji ta' vetturi.

(9)

Id-dispożizzjonijiet li jippermettu sedili li jħarsu lejn il-ġenb mgħammra b'ċinturini ta' żewġ punti ta' ankoraġġ f'ċerti klassijiet ta' vettura tal-kategorija M1 għandhom ikunu ta' natura temporanja, sa meta tidħol fis-seħħ leġislazzjoni Komunitarja li tirriforma d-Direttiva 70/156/EEC u testendi s-sistema Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip lill-vetturi kollha, inklużi vetturi tal-kategorija M1.

(10)

Id-Direttiva 74/408/KEE għandha tiġi emendata fejn dan huwa meħtieġ.

(11)

Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fit-toroq bl-installazzjoni obbligatorja taċ-ċinturini tas-sigurtà f'ċerti kategoriji ta' vetturi, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista', għalhekk, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 74/408/KEE

Id-Direttiva 74/408/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej mal-paragrafu 1:

“Vetturi tal-kategorija M2 u M3 għandhom ikunu suddiviżi fi klassijiet kif definit fis-sezzjoni 2 ta' l-Anness I mad-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2001 li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi wżati għat-trasport ta' passiġġieri li jkollhom aktar minn tmien sedili b'żjieda mas-sedil tas-sewwieq (*).

(*)  ĠU L 42, tat-13.2.2002, p. 1.”"

(b)

il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal sedili li jħarsu lura.”

2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“L-Artikolu 3a

1.   Għandha tkun projbita l-installazzjoni ta' sedili li jħarsu lejn il-ġenb tal-vettura f'vetturi tal-kategoriji M1, N1, M2 (tal-klassi III jew B) u M3 (ta' klassi III jew B).

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ambulanzi jew għal vetturi elenkati fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 70/156/KEE.

3.   Barra minn hekk, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal vetturi tal-kategorija M3 (tal-klassi III jew B) ta' massa teknikament permissibbli, b'tagħbija massima ta' aktar minn għaxar tunnellati metriċi, li fihom sedili li jħarsu lejn il-ġenb ikunu raggruppati flimkien fin-naħa ta' wara tal-vettura sabiex jiffurmaw berlina integrata ta' mhux aktar minn għaxar sedili. Sedili bħal dawn li jħarsu lejn il-ġenb għandhom ikunu mgħammra għall-inqas b'restrizzjonijiet għar-ras u b'ċinturin ta' żewġ punti ta' ankoraġġ u b'retractor li jkollhom approvazzjoni tat-tip skond id-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE (**). L-ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà tagħhom għandhom jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE (***).

Din l-eżenzjoni għandha jkollha effett għal ħames snin minn 20 Ottubru 2005. Din l-eżenzjoni tista' tiġi estiża jekk tkun disponibbli statistika affidabbli dwar l-aċċidenti u jekk ikun sar żvilupp ulterjuri tas-sistemi ta' restrizzjoni.

(**)  ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95. Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003."

(***)  ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 6. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/38/KE (ĠU L 187, tas-26.7.1996, p. 95).”"

3)

L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 1.1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.1.

Il-ħtiġijiet ta' dan l-Anness ma japplikawx għal sedili li jħarsu lura, jew għal kwalunkwe restrizzjoni għar-ras installata fuq tali sedili.”

(b)

Il-punt 2.3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.3.

‘Sedil’ tfisser struttura li tista' tkun jew ma tkunx integrata ma' l-istruttura tal-vettura, kompluta bit-tapizzerija, maħsuba sabiex takkomoda persuna waħda adulta. It-terminu jkopri kemm sedil individwali kif ukoll parti minn sedil-bank maħsub sabiex jakkomoda persuna waħda.

Skond l-orjentazzjoni tiegħu, sedil huwa definit kif ġej:

2.3.1.

‘Sedil li jħares 'il quddiem’ tfisser sedil li jista' jintuża waqt li l-vettura qiegħda f'moviment u li jħares lejn in-naħa ta' quddiem tal-vettura b'tali mod li l-pjan vertikali ta' simmetrija tas-sedil jifforma angolu ta' inqas minn + 10o jew - 10o mal-pjan vertikali ta' simmetrija tal-vettura;

2.3.2.

‘Sedil li jħares lura’ tfisser sedil li jista' jintuża waqt li l-vettura qiegħda f'moviment u li jħares lejn in-naħa ta' wara tal-vettura b'tali mod li l-pjan vertikali ta' simmetrija tas-sedil jifforma angolu ta' inqas minn + 10o jew - 10o mal-pjan vertikali ta' simmetrija tal-vettura;

2.3.3.

‘Sedil li jħares lejn il-ġenb’ tfisser sedil li, fir-rigward ta' l-allinjament tiegħu mal-pjan vertikali ta' simmetrija tal-vettura, ma jaqa' taħt ebda waħda mid-definizzjonijiet mogħtija f'2.3.1. jew 2.3.2. hawn fuq;”

(ċ)

Il-punt 2.9. għandu jiġi mħassar.

4)

Fl-Anness III, il-punt 2.5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.5.

‘Sedil’ tfisser struttura li x'aktarx tkun ankrata ma' l-istruttura tal-vettura, inkluża t-tapizzerija u l-aċċessorji ta' l-installazzjoni tagħha, maħsuba sabiex tintuża f'vettura u li takkomoda persuna adulta waħda jew aktar.

Skond l-orjentazzjoni tiegħu, sedil huwa definit kif ġej:

2.5.1.

‘Sedil li jħares 'il quddiem’ tfisser sedil li jista' jintuża waqt li l-vettura qiegħda f'moviment u li jħares lejn in-naħa ta' quddiem tal-vettura b'tali mod li l-pjan vertikali ta' simmetrija tas-sedil jifforma angolu ta' inqas minn + 10o jew - 10o mal-pjan vertikali ta' simmetrija tal-vettura;

2.5.2.

‘Sedil li jħares lura’ tfisser sedil li jista' jintuża waqt li l-vettura qiegħda f'moviment u li jħares lejn in-naħa ta' wara tal-vettura b'tali mod li l-pjan vertikali ta' simmetrija tas-sedil jifforma angolu ta' inqas minn + 10o jew - 10o mal-pjan vertikali ta' simmetrija tal-vettura;

2.5.3.

‘Sedil li jħares lejn il-ġenb’ tfisser sedil li, fir-rigward ta' l-allinjament tiegħu mal-pjan vertikali ta' simmetrija tal-vettura, ma jaqa' taħt ebda waħda mid-definizzjonijiet mogħtija f'2.5.1. jew 2.5.2. hawn fuq;”

5)

L-Anness IV għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 1.1. għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“1.1.

Il-ħtiġijiet stabbiliti f'dan l-Anness japplikaw għal vetturi tal-Kategoriji N1, N2 u N3 u għal dawk tal-Kategoriji M2 u M3 mhux koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Anness III. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.5 ta' l-Anness IV, il-ħtiijiet japplikaw ukoll għal sedili li jħarsu lejn il-ġenb tal-kategoriji kollha ta' vetturi.”

(b)

il-punt 2.4, għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“2.4.

Is-sedili kollha li jistgħu jinqalbu 'l quddiem jew li għandhom dahar li jingħalaq 'il quddiem għandhom jissakkru awtomatikament fil-pożizzjoni normali. Din il-ħtieġa ma tapplikax għal sedili installati fl-ispazji maħsuba għal siġġijiet tar-roti ta' vetturi tal-kategorija M2 jew M3 tal-klassi I, II jew A.”

L-Artikolu 2

Implementazzjoni

1.   Minn 20 April 2006, fir-rigward tas-sedili, l-ankoraġġi u r-restrizzjonijiet għar-ras tagħhom, li jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, fir-rigward ta' xi tip ta' vettura;

(b)

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, bejgħ jew il-bidu ta' l-użu ta' vetturi ġodda.

2.   Minn 20 October 2006, fir-rigward tas-sedili, l-ankoraġġi u r-restrizzjonijiet għar-ras tagħhom li ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura:

(a)

ma jibqgħux jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE;

(b)

jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

3.   Minn 20 October 2007, fir-rigward tas-sedili, l-ankoraġġi u r-restrizzjonijiet għar-ras tagħhom li ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jikkunsidraw bħala mhux aktar validi, għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, iċ-ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda;

(b)

jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, bejgħ jew il-bidu ta' l-użu ta' vetturi ġodda, ħlief f'każijiet fejn jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 70/156/KEE.

L-Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel 20 April 2006. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2.   Għandhom japplikaw dawn il-miżuri minn 21 April 2006.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 5

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasbourg, nhar is-7 ta' Settembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  ĠU C 80, tat-30.3.2004, p. 6.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2003 (ĠU C 91 E, tal-15.4.2004, p. 487), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Jannar 2005 (ĠU C 111 E, tal-11.5.2005, p. 33), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005.

(3)  ĠU C 68, ta' l-24.3.1986, p. 35.

(4)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/104/KE (ĠU L 337, tat-13.11.2004, p. 13).

(5)  ĠU L 221, tat-12.8.1974, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adezzjoni 2003.

(6)  ĠU L 186, tal-25.7.1996, p. 28.


Top