EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0696

Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta’ Ottubru 2005 li temenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-limiti għall-eżami mill-ġdid min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal tal-Prim' Istanza

ĠU L 266, 11.10.2005, p. 60–61 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 296M, 26.10.2006, p. 13–14 (GA)
ĠU L 173M, 27.6.2006, p. 3–4 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/10/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/696/oj

27.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Ottubru 2005

li temenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-limiti għall-eżami mill-ġdid min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjonijiet mogħtija mit-Tribunal tal-Prim' Istanza

(2005/696/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 225(2) u (3) u t-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 245 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 140A (2) u (3) u t-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 160 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2003,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Frar 2004,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Frar 2005,

Billi:

(1)

L-Artikolu 225(2) u (3) tat-Trattat tal-KE, kif emendat mill-Artikolu 2 (punt 31) tat-Trattat ta' Nizza jistabbilixxi:

“(2)   Il-Qorti ta' Prim' Istanza hija kompetenti tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi magħmula kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awli ġurisdizzjonali stabbiliti bl-Artikolu 225a.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti ta' Prim' Istanza skond dan il-paragrafu jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tal-liġi tal-Komunità tiġi mittiefsa.

(3)   Il-Qorti ta' Prim' Istanza hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut.

Meta l-Qorti ta’ Prim' Istanza ikun jidhrilha li l-kawża teħtieg deċiżjoni li tista’ tikkomprometti l-unità jew il-koerenza tal-liġi tal-Komunità, tista’ tibgħat il-kawza għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza dwar kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti fl-Istatut, fejn hemm periklu serju għall-unita jew għall-koerenza tal-liġi tal-Komunità.”

(2)

L-Artikolu 140 A(2)(3) tat-Trattat tal-KEEA, kien emendat bl-istess mod mill-Artikolu 3 (punt 13) tat-Trattat ta' Nizza.

(3)

Ittieħed parzjalment kont ta' dawk l-emendi fl-Artikolu 62 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, skond liema: “Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 225(2) u (3) tat-Trattat tal-KE u l-Artikoli 140a(2) u (3) tat-Trattat tal-KEEA, l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista', meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta' preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt komunitarju, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza.”

“Il-proposta għandha ssir fi żmien xahar mill-għoti tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Fi zmien xahar minn meta tirċievi l-proposta magħmula mill-Avukat Generali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni.”.

(4)

B' konformità mad-dikjarazzjoni Nru 13 annessa ma' l-Att finali tat-Trattat ta' Nizza, huwa meħtieġ li jiġu adottati d-dispożizzjonijiet dwar l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza fuq deċiżjonijiet ta' l-awli ġurisdizzjonali u dwar kwistjonijiet preliminari, billi jiġi ppreċiżat:

“—

ir-rwol tal-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li jiġi assigurat il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom,

l-effett tal-proċedura tar-reviżjoni fuq il-karattru esekutorju tad-deċiżjoni tal-Qorti ta' Prim' Istanza,

l-effett tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-tilwima bejn il-partijiet.”

,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Bejn l-Artikoli 62 u 63 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu miżjuda l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 62a

Il-Qorti għandha tieħu deċiżjonijet fuq il-kwistjonijiet li huma soġġetti għal eżami mill-ġdid permezz ta' proċedura b' urġenza abbażi ta' inkartament li jkun intbagħatilha mill-Qorti tal-Prim' Istanza.

Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta' dan l-istatut kif ukoll, fil-każijiet previsti mill-Artikolu 225(2) tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 140A(2) tat-Trattat tal-KEEA, il-partijiet fil-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza għandhom id-dritt li jressqu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dikjarazzjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fi żmien stipulat għal dan il-għan.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali qabel ma tieħu deċiżjoni.

Artikolu 62 b

Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 225(2) tat-Trattat tal-KE u mill-Artikolu 140A(2) tat-Trattat tal-KEEA, bla ħsara għall-Artikoli 242 u 243 tat-Trattat tal-KE, il-proposta ta' eżami mill-ġdid u d-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid m' għandhomx natura sospensiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim' Istanza tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-Dritt Komunitarju, hija għandha tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza li tkun marbuta bil-punti ta' liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja; il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tindika liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim' Istanza għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. Madankollu, jekk, b'konsiderazzjoni tar-riżultat ta' l-eżami mill-ġdid, is-soluzzjoni tal-kwistjoni toħroġ minn konstatazzjonijiet ta' fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabli.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 225(3) tat-Trattat tal-KE u fl-Artikolu 140A(3) tat-Trattat tal-KEEA, fin-nuqqas ta' proposta ta' eżami mill-ġdid jew ta' deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Prim Istanza għall-kwistjonijiet li jkunu ġew imressqa lilha jkollhom effett minn meta jiskadu l-perijodi previsti għal dan il-għan mill-Artikolu 62, it-tieni sub-paragrafu. F'każ ta' ftuħ ta' proċedura ta' eżami mill-ġdid, ir-risposta jew risposti li jkunu soġġetti għal eżami mill-ġdid għandu jkollhom effett meta tintemm din il-proċedura, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim' Istanza tipperikola l-unità jew il-koerenza tad-Dritt Komunitarju, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal eżami mill-ġdid tieħu post dik tal-Qorti tal-Prim' Istanza.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ Ottubru 2005.

Ghall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


Top