EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0436

2005/436/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Ġunju 2005 dwar koperazzjoni Komunitarja ma’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura b’mod partikolari dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer

ĠU L 151, 14.6.2005, p. 26–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 135–136 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/05/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/436/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

135


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Ġunju 2005

dwar koperazzjoni Komunitarja ma’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura b’mod partikolari dwar l-attivitajiet mwettqa mill- Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer

(2005/436/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-infiq fil-qasam veterinarju (1), u b' mod partikolari l-Artikoli 12 u 13 tagħha,

Billi:

(1)

Fil-kuntest ta’ mxiji kbar tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer (FMD) fl-aħħar tas-Snin Ħamsin kemm fi ħdan il-Komunità kif ukoll fil-pajjiżi qrib, ġiet stabbilita l-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer (EUFMD) fi ħdan il-qafas ta’ l-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)

Fis-Snin Sittin, minħabba għadd ikbar ta’ theddidiet bid-dħul ta’ varjetijiet eżotiċi ta’ l-FMD fl-Ewropa, il-pajjiżi membri ta’ l-EUFMD issejħu biex jistabbilixxu Fond Fiduċjarju bil-għan li jitwettqu l-miżuri ta’ emerġenza fil-Balkani, li jikkostitwixxu ir-rotta prinċipali għad-dħul tal-marda. Iktar tard dan il-fond ġie maqsum bejn il-Fond Fiduċjarju 911100MTF/003/KEE appoġġjat minn dawk il-pajjiżi li fl-istess żmien kienu Stati Membri tal-Komunità u bejn il-Fond Fiduċjarju 909700MTF/004/MUL appoġġjat minn pajjiżi membri ta’ l-EUFMD li f’dak iż-żmien ma kienux jew mhumiex Stati Membri tal-Komunità.

(3)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li temenda d-Direttiva 85/511/KEE li tintroduċi miżuri Komunitarji ta’ kontroll għall-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, id-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi sanitarji ta’ l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali bovini u l-ħnieżer u d-Direttiva 72/462/KEE dwar problemi ta’ spezzjonijiet sanitarji u veterinarji waqt l-importazzjoni ta’ l-annimali bovini u l-ħnieżer u laħam jew prodotti tal-laħam friski minn pajjiżi terzi (2), fl-1991, waqaf it-tlaqqim profilattiku kontra l-FMD madwar il-Komunità kollha.

(4)

Fl-istess żmien, id-Deċiżjoni 90/424/KEE pprovdiet speċifikament għall-possibilità biex tappoġġja miżuri għall-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari bil-ħsieb li jitħarsu ż-żoni li qegħdin f’riskju fi ħdan il-Komunità.

(5)

Bl-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri Komunitarji ta’ kontroll għall-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE u 91/665/KEE u li temenda d-Direttiva 92/46/KEE (3) l-Istati Membri kkonfermaw mill-ġdid il-projbizzjoni tat-tilqim profilattiku waqt li ġiet estiża l-possibilità għall-użu tat-tilqim ta’ emerġenza kontra l-FMD.

(6)

Numru ta’ tifqigħat ta’ l-FMD rraportati mill-1992 ’l hawn b’mod partikolari f’partijiet tal-Komunità ħdejn il-pajjiżi infettati endemikament u mxija kbira f’ċerti Stati Membri fl-2001 jitolbu għal livell għoli ta’ għarfien u tħejjija għall-mard, inkluż il-kooperazzjoni internazzjonali.

(7)

Barra minn hekk, ġew irreġistrati tifqigħat u f’ċerti każi mxiji ta’ natura gravi f’pajjiżi ħdejn l-Istati Membri li jistgħu jheddu l-istatus tas-saħħa tal-bhejjem suxxettibbli fil-Komunità.

(8)

Minħabba li qed jitfaċċaw topotipi virali ġodda u d-deterjorament tal-miżuri ta' kontroll, il-Komunità, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-EUFMD u bl-użu tal-Fond Fiduċjarju 911100MTF/003/KEE, assistiet il-kampanji għat-tilqim ta’ emerġenza fit-Turkija u t-Transkawkażja.

(9)

Bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/300/KE tat-30 ta’ Marzu 2001 dwar il-kooperazzjoni tal-Komunità ma’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura b’mod partikolari rigward l-attivitajiet mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea għall-kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer (4) il-Kummissjoni kkonkludiet “Il-Ftehim ta’ Implimentazzjoni MTF/INT/003/EEC911100 (TFEU970089129) dwar Attivitajiet Permanenti Ffinanzjati mill-KE mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea FAO għall-Kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer” li ġiet mħaddma b’suċċess sal-31 ta’ Diċembru 2004.

(10)

Il-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti nhar id-29 ta’ Novembru 2003 iffirmaw Ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv, li pprovda ambjent favorevoli biex jiffaċilita li jseħħ il-Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Komunitajiet Ewropej u l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmat fis-17 ta’ Lulju 2003.

(11)

Jidher xieraq li għandu jiġġedded il-Ftehim ta’ Implimentazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali u, meta wieħed iqis il-Komunità mkabbra, tiġi ffissata l-kontribuzzjoni Komunitarja lill-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE fil-livell massimu ta’ 4.5 miljun Euro għal perjodu ta' erba' snin. Il-baġit tal-Fond Fiduċjarju għall-2005 għandu jkun magħmul mill-bilanċ finali tal-fondi tiegħu disponibbli fil-25 ta’ Jannar 2005 u kontribuzzjoni Komunitarja sabiex jinġabar ammont ekwivalenti għal 2 miljun EUR f’USD. Sussegwentement in-nefqa għandha tiġi rkuprata permezz ta’ trasferimenti annwali.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-bilanċ tal-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE (TFEU 970089129) se jiġi ffissat għal USD 55 284 kif stabbilit fir-rapport finali adottat bil-71 Sessjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda ta’ l-Ilsien u d-Dwiefer (EUFMD) fil-25 ta’ Jannar 2005 ġewwa Ruma.

2.   Sa mill-1 ta' Jannar 2005, l-obbligu finanzjarju tal-Komunità lejn il-Fond imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat għall-massimu ta' 4 500 000 EUR għal perjodu ta' erba' snin.

3.   L-ewwel pagament ta’ l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 għas-sena 2005 se jikkonsisti minn:

a)

il-bilanċ imsemmi fil-paragrafu 1, u

b)

kontribuzzjoni Komunitarja ta’ l-ammont meħtieġ biex jintlaħaq it-total ta’ l-ekwivalenti ta’ EUR 2 000 000 f’USD.

4.   In-nefqiet mġarrba mill-Fond Fiduċjarju matul is-snin 2005, 2006, 2007 u 2008 se jiġi rkuprati mill-kontribuzzjonijiet Komunitarji annwali pagabbli fl-2006, l-2007, l-2008 u l-2009 rispettivament. Madankollu, dawn it-trasferimenti se jkunu suġġetti għall-eżistenza ta’ fondi disponibbli fil-Baġit tal-Kummissjoni.

5.   Il-kontribuzzjonijiet Komunitarji annwali msemmija fil-paragrafu 4 se jkunu bbażati fuq rapport finanzjarju ppreżentat mill-EUFMD sew lis-Sessjoni Annwali tal-Kumitat Eżekuttiv jew inkella lis-Sessjoni Ġenerali bi-annwali ta’ l-EUFMD, appoġġjati b’dokumentazzjoni ddettaljata bi qbil mar-regoli ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura.

Artikolu 2

1.   Ftehim ta’ Implimentazzjoni dwar l-użu u t-tħaddim tal-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE (TFEU 970089129) si jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu ta' erba' snin, li jibda mill-1 ta' Jannar 2005.

2.   Il-Fond Fiduċjarju msemmi fl-Artikolu 1 se jitħaddem bi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-EUFMD bi qbil mal-Ftehim ta’ Implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu numru 1 ta’ dan l-Artikolu.

Magħmul fi Brussell, nhar it-13 ta’ Ġunju 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 13.

(3)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 102, 12.4.2001, p. 71. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/953/KE (ĠU L 330, 6.12.2002, p. 39).


Top