Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1811

    1811/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1811/2004 tal- 11 ta’ Ottubru 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2287/2003 rigward in-numru ta' jiem fuq il-baħar għal bastimenti li jistadu għall-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana u l-użu ta' tartaruni tal-qiegħ fl-ibħra madwar l-Azores, il-Gżejjer Kanarji u Madeira

    ĠU L 319, 20.10.2004, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 38–39 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/06/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R0492

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1811/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    38


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1811/2004

    tal-11 ta’ Ottubru 2004

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2287/2003 rigward in-numru ta' jiem fuq il-baħar għal bastimenti li jistadu għall-bakkaljaw fil-Baħar tat-Tramuntana u l-użu ta' tartaruni tal-qiegħ fl-ibħra madwar l-Azores, il-Gżejjer Kanarji u Madeira

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Skond rapporti xjentifiċi reċenti, u b'mod partikolari r-rapporti tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), fl-Atlantiku nstabu u ġew irreġistrati fuq mappi abitati tal-fond li huma sensittivi ħafna. F'dawk l-abitati jgħixu komunitajiet bijoloġiċi importanti u differenti ħafna u huma kkunsidrati li jeħtieġu protezzjoni prijoritarja. B'mod partikolari, huma definiti bħala abitati ta' interess Komunitarju fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-abitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2). Barra minn dan, sikek tal-qroll tal-fond kienu reċentement inklużi f'lista ta' abitati fil-perikolu fil-qafas tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu tal-Grigal ta' l-Atlantiku (“Konvenzjoni OSPAR”).

    (2)

    Skond evidenza xjentifika, l-irkupru mill-ħsara ta' dawn l-abitati magħmula mit-tagħmir tat-tkarkir li jitkarkar mal-qiegħ huwa jew impossibbli jew diffiċli ħafna u bil-mod. L-ibħra madwar l-Azores, il-Gżejjer Kanarji u Madeira għandhom bosta abitati tal-fond magħrufin jew potenzjali li sa ftit ilu kienu ppreservati mit-tkarkir. Għalhekk huwa xieraq li jiġi pprojbit l-użu tat-tartaruni tal-qiegħ u tagħmir simili fl-ibħra madwar l-Azores, il-Gżejjer Kanarji u Madeira fejn dawn l-abitati għadhom fi status ta' konservazzjoni favorevoli.

    (3)

    Informazzjoni xjentifika ġdida tindika li l-qabdiet ta' merluzz maqbud f'sajd magħmul skond il-kondizzjonijiet speċifiċi fil-punt 17 ta' l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2287/2003 tad-19 ta' Diċembru 2003 li jiffissa għas-sena 2004 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, applikabbli f'ibħra Komunitarji u, għal bastimenti Komunitarji, f'ibħra fejn huma meħtieġa limitazzjonijiet ta' qabdiet (3), x'aktarx li jkunu baxxi u konsegwentament dan is-sajd huwa ta' riskju addizzjonali żgħir għall-irkupru tal-merluzz. Għaldaqstant żieda fin-numru ta' jiem ta' sajd għall-bakkaljaw huwa ġustifikat.

    (4)

    Sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda Komunitarji, huwa importanti li dan is-sajd isir disponibbli malajr kemm jista' jkun. Għalhekk, huwa imperattiv li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2287/2003 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 2287/2003 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1.

    Fl-Anness IV għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “19.   Projbizzjoni ta' tkarkir fl-ibħra madwar l-Azores, il-Gżejjer Kanarji u Madeira

    Il-bastimenti għandhom jiġu pprojbiti milli jużaw kwalunkwe xibka tat-tkarkir tal-qiegħ jew xbieki ta' rmonk simili li joperaw f'kuntatt ma' qiegħ il-baħar f'ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri fiż-żoni fi ħdan linja li tgħaqqad il-koordinati li ġejjin:

    a)

    L-Azores

    Latitudni 36° 00′ T

    lonġitudni 23° 00′ P

    Latitudni 42° 00′ T

    lonġitudni 23° 00′ P

    Latitudni 42° 00′ T

    lonġitudni 34° 00′ P

    Latitudni 36° 00′ T

    lonġitudni 34° 00′ P

    b)

    Il-Gżejjer Kanarji u Madeira

    Latitudni 27° 00′ T

    lonġitudni 19° 00′ P

    Latitudni 26° 00′ T

    lonġitudni 15° 00′ P

    Latitudni 29° 00′ T

    lonġitudni 13° 00′ P

    Latitudni 36° 00′ T

    lonġitudni 13° 00′ P

    Latitudni 36° 00′ T

    lonġitudni 19° 00′ P”

    2.

    Fl-Anness V dan li ġej għandu jiżdied fil-punt 6:

    “(g)

    B'deroga min-numru ta' jiem imsemmija fil-punt (a), Tabella I, ‘Ġabra ta' tagħmir tas-sajd imsemmi fil-punt 4a’, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-jiem massimi preżenti fiż-żona u assenti mill-port għal 12 għal bastimenti li għandhom installat VMS u li għandhom permessi speċjali tas-sajd, imsemmijin fil-punt 17(b) ta' l-Anness IV, li huma validi għal xahar kalendarju jew aktar.

    Tali bastimenti

    għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-post u l-ħin li fihom ser isir l-iżbark tal-ħut ta' l-inqas erba' sigħat qabel tali żbark,

    jistgħu jaggregaw il-jiem biss kif stabbilit fil-punt (b) għall-perijodu li fih jinżamm mingħajr interruzzjoni permess tas-sajd speċjali msemmi fil-punt 17(b) ta' l-Anness IV,

    jistgħu jittrasferixxu jiem kif imsemmi fil-punt 10 lil bastimenti li jibbenefikaw minn żieda ta' jiem ta' sajd skond dan il-punt biss.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Ottubru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. R. BOT


    (1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    (3)  ĠU L 344, 31.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1691/2004 (ĠU L 305, 1.10.2004, p. 3).


    Top