Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0436

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 436/2004 tat-8 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2000 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jirregola l-ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jkunu ġejjin mill-Brażil, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja

    ĠU L 72, 11.3.2004, p. 15–22 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/08/2005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/436/oj

    32004R0436



    Official Journal L 072 , 11/03/2004 P. 0015 - 0022


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 436/2004

    tat-8 ta' Marzu 2004

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2000 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jirregola l-ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jkunu ġejjin mill-Brażil, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta' Lulju 2001, dwar il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità fuq rapport li kien ġie adottat mill-Korp ta' Konċiljazzjoni tal-WTO li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ta' kontra d-dumping u kontra s-sussidji [1],

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni bl-iskop ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex Membri tal-Komunità Ewropea (ir-"Regolament Bażi") [2],

    Wara li kkunsidra l-proposta li għamlet il-Kummissjoni fuq parir tal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A. MIŻURI EŻISTENTI

    (1) Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1784/2000 tal-11 ta' Awissu 2000 impona dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta' ċerti aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jkunu ġejjin mill-Brażil, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja (ir-"Regolament Definittiv") [3]. Ir-Regolament Definittiv kien ippreċedut mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 449/2000 tat-28 ta' Frar 2000 li jimponi dazju proviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta' ċerti aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jkunu ġejjin mill-Brażil, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja u li jagħti għarfien lill-impenn imwiegħed minn manifattur fir-Repubblika Ċeka tal-prodott għall-esportazzjoni (ir-"Regolament Proviżorju") [4].

    B. IR-RAPPORTI ADOTTATI MILL-KORP TA' KONĊILJAZZJONI TAL-WTO

    (2) Fit-18 ta' Awissu 2003, il-Korp ta' Konċiljazzjoni (id-"DSB") tal-WTO adotta rapport tal-Korp ta' l-Appell (l-Appellate Body Report, l-"ABR") u rapport tal-Panel (il-Panel Report, il-"PR") kif modifikat mill-ABR dwar il-każ "Il-Komunitajiet Ewropej (KE) – id-dazji kontra d-dumping fuq aċċessorji ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli mill-Brażil" [5] (l-ABR u l-PR hawnhekk iżjed 'il quddiem huma msejħa r-"Rapporti").

    (3) Ir-Rapporti għamlu sejħa lill-Komunitajiet Ewropej biex il-miżura jġibuha konformi mal-Ftehim tal-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (l-"ADA") fir-rigward ta' l-aspetti li ġejjin:

    (i) l-Artikolu 2.4.2 ta' l-ADA: fit-"tnaqqis għal żero" tal-marġni negattivi tad-dumping fir-risoluzzjoni tiegħu dwar id-dumping.

    (ii) l-Artikoli 12.2 u 12.2.2 ta' l-ADA: fejn fir-risoluzzjonijiet proviżorji jew definittivi ppubblikati ma tkunx ingħatat notifika tal-fatt li l-Komunitajiet Ewropej ġibdu l-attenzjoni dwar, jew spjegaw, in-nuqqas tas-sinifikat tal-fatturi inġurjużi li ġejjin, elenkati fl-Artikolu 3.4 ta' l-ADA: il-pagi, il-produttività, ir-rendiment ta' l-investiment, il-fluss ta' flus in-negozju, il-fakultà tal-ġbir ta' kapital u l-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping.

    (iii) l-Artikolu 6.2 u 6.4 ta' l-ADA: fejn matul l-istħarriġ kontra d-dumping ma jkunx ġie żvelat lill-partijiet involuta t-tagħrif dwar il-fatturi inġurjużi elenkati fil-punt (ii) hawn fuq.

    (4) Il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid is-sejbiet billi qieset ir-rakkomandazzjonijiet li jidhru fir-Rapporti a bażi tat-tagħrif li nġabar fl-istħarriġ oriġinali li kien sar fl-1999/2000. Jekk ma jiġix iddikjarat mod ieħor l-eżami li sar, imsemmi fir-Regolament Definittiv, jibqa' validu. L-eżami li reġa' sar juri li d-dumping inġurjuż għadu jeżisti għalkemm f'livell kemmxejn aktar baxx.

    C. IL-PROĊEDURA

    (5) Wara l-adozzjoni ta' l-ABR mid-DSB il-partijiet involuta f'dan il-proċediment, jiġifieri l-manifattur Brażiljan tal-prodott għall-esportazzjoni u l-industrija Komunitarja (l-"IK"), irċevew l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet tal-kalkolu tad-dumping u l-fatturi inġurjużi msemmija taħt il-premessa 3(ii). Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzali li a bażi tagħhom il-ħsieb kien li jiġi emendat u kkonfermat ir-Regolament Definittiv. Huma ġew mogħtija wkoll perjodu li fih setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Il-partijiet involuta kollha ġew mogħtija l-opportunità li jinstemgħu mill-Kummissjoni. Madankollu, ħadd mill-partijiet involuta ma talab seduta għal dan is-smigħ.

    (6) Kull kumment li tressaq mill-partijiet involuta ġie kkunsidrat u, fejn kien xieraq, ġie rifless fl-osservazzjonijiet kif emendati.

    (7) Wieħed irid jiftakar li l-istħarriġ dwar id-dumping kopra l-perjodu mill-1 ta' April 1998 sal-31 ta' Marzu 1999 (il-Perjodu ta' l-Investigazzjoni, il-"PI"). L-istħarriġ irrelatat ma' l-andamenti rilevanti fil-kuntest ta' l-eżami tal-ħsarat kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 1995 sa tmiem il-PI (jiġifieri l-31 ta' Marzu 1999). Dan il-perjodu sejjer jissejjaħ il-"perjodu kkunsidrat".

    D. OSSERVAZZJONIJIET EMENDATI U KKONFERMATI

    1. IL-PRODOTT LI QED JISSEMMA HAWNHEKK U PRODOTT SIMILI

    (8) Il-prodott ikkonċernat jikkonsisti f'aċċessorji kkaminati ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jeħlu bil-kamin u li jinbiegħu taħt il-kodiċi tan-NM 73071910 (in-numri tal-kodiċi TARIC 7307191011 u 7307191019). Ir-Rapporti ma jeffettwawx l-osservazzjonijiet li jidhru fir-Regolament Definittiv fir-rigward tal-prodott li qed jisemma hawnhek u prodott simili.

    2. ID-DUMPING

    2.1. Daħla

    (9) Dawn li ġejjin huma d-dettalji bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti dwar l-osservazzjonijiet li reġgħu ġew eżaminati li għandhom x'jaqsmu mal-prattika tat-"tnaqqis għal żero" meta tiġi stabbilita l-medja meqjusa (li tqis il-kwantitajiet u l-valur tagħhom) tal-marġni tad-dumping.

    (10) Il-metodi l-oħra kollha li huma applikati biex isiru l-kalkoli huma dawk użati fl-istħarriġ oriġinali. Għal aktar dettalji, qed issir referenza għar-Regolament Proviżorju, u d-Definittiv.

    2.2. Il-Brażil

    (11) Wieħed irid jiftakar li fiż-żmien ta' l-istħarriġ oriġinali l-Indústria de Fundição Tupy Ltda kienet il-produttur waħdieni fil-Brażil magħruf li kien qed jesporta l-prodott ikkonċernat.

    (12) Rigward l-osservazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-valur normali, il-prezz ta' l-esportazzjoni u l-aġġustamenti li saru skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament Bażi, ma kienx meħtieġ li jkun hemm bdil. Għal aktar dettalji, qed issir referenza għall-premessi 20 sa 31 u 35 sa 49 tar-Regolament Proviżorju msemmi hawn fuq u għall-premessi 24 sa 27, 30, 31, 38 sa 43, 46 sa 48 u 51 sa 54 ta' dak Definittiv.

    (13) Kif hemm fir-Regolamenti, il-Proviżorju u d-Definittiv, il-medja meqjusa tal-valuri normali ta' kull xorta ta' prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità Ewropea kienet ipparagunata mal-medja meqjusa tal-prezz ta' l-esportazzjoni ta' kull xorta ta' prodott korrispondenti kkonċernat. B'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport, ma ġiex applikat xi "tnaqqis għal żero" fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping inġenerali.

    (14) Il-marġni rrivedut tad-dumping espress bħala perċentwal tal-prezz tal-cif (il-"cost, insurance, freight", l-ispiża, l-assigurazzjoni u l-ġarr) ta' l-importazzjoni fuq il-fruntiera Komunitarja hija:

    Indústria de Fundição Tupy Ltda: 32 %.

    (15) Il-livell ta' kooperazzjoni kien wieħed għoli. B'hekk, il-marġni residwu rrivedut tad-dumping huwa ffissat fl-istess livell bħal dak ta' l-Indústria de Fundição Tupy Ltda, jiġifieri 32 %.

    2.3. L-iżvelar

    (16) L-osservazzjonijiet dwar id-dumping ta' hawn fuq li ġew irriveduti bla ħsara għall-istħarriġ ta' bħalissa ġew żvelati lill-partijiet kollha involuta li ngħataw il-possibbiltà li jressqu l-fehmiet u l-kummenti tagħhom u li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    (17) Ħadd mill-partijiet ikkonċernati ma sab oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dumping.

    3. ID-DEFINIZZJONI TA' L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

    (18) L-osservazzjonijiet li jikkonċernaw id-definizzjoni ta' l-IK, miġbura fil-qosor fil-premessi 65 sa 68 tar-Regolament Definittiv, mhumiex qed jiġu effettwati mir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jidhru fir-Rapporti.

    4. IL-ĦSARA

    4.1. L-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati u l-kwotazzjoni ta' prezzijiet baxxi

    (19) L-osservazzjonijiet li jidhru fil-premessi 69 sa 94 tar-Regolament Definittiv mhux qed jiġu effettwati mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti.

    4.2. Il-qagħda ta' l-industrija Komunitarja

    4.2.1. Rimarka preliminari

    (20) Din il-parti turi l-osservazzjonijiet li ġew eżaminati mill-ġdid a bażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti li jikkonċernaw l-analasi tal-ħsara. Ir-Rapporti jikkonkludu li l-Komunità aġixxiet b'mod inkonsistenti ma' l-Artikoli 12.2 u 12.2.2 ta' l-ADA billi fir-risoluzzjonijiet proviżorji jew definittivi ppubblikati ma tatx notifika tal-fatt li l-Komunitajiet Ewropej ġibdu l-attenzjoni dwar, jew spjegaw, in-nuqqas tas-sinifikat tal-fatturi inġurjużi li ġejjin, elenkati fl-Artikolu 3.4 ta' l-ADA: il-pagi, il-produttività, ir-rendiment ta' l-investiment, il-fluss ta' flus in-negozju, il-fakultà tal-ġbir ta' kapital u l-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping. Wieħed irid jiftakar li dawn il-fatturi inġurjużi ġew eżaminati waqt l-istħarriġ oriġinali. Madankollu, peress li dak iż-żmien kienu meqjusa li mhumiex sinifikanti, u għalhekk ma ġewx inklużi fl-analasi li tressqet għad-disposizzjoni tal-pubbliku, dawn ġew stipulati biss f'nota interna mal-fajl.

    4.2.2. Il-qagħda ta' l-industrija Komunitarja kif imfissra fir-Regolamenti, il-Proviżorju u d-Definittiv

    (21) Wieħed irid jiftakar li fil-premessi 160 sa 161 tar-Regolament Proviżorju ġie konkluż li l-IK sofriet ħsara materjali fis-sens ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażi. Instab li l-qagħda ta' l-IK ħżienet waqt il-PI, b'mod partikolari minħabba waqgħa fil-produzzjuni, il-kapaċità tal-produzzjoni, il-bejgħ u s-sehem fis-suq. Barra dan, l-IK sofriet telf sinifikanti ta' impjiegi u waqgħa fl-investiment, kif ukoll żieda fil-ħażniet. Għal dik li hija l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, iż-żieda tagħha hija spjegata mit-tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni.

    4.2.3. L-eżami mill-ġdid ta' l-osservazzjonijiet tal-ħsarat fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjoni tad-DSB

    (22) Barra l-fatturi inġurjużi kif murija fil-premessi 150 sa 159 tar-Regolament Proviżorju, jiġifieri l-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem fis-suq, il-prezzijiet ta' l-oġġetti mibjugħa, il-ħażniet, ir-rata tal-qligħ, l-impjiegi u l-investiment, il-fatturi inġurjużi li ġejjin ġew analizzati, u, fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti, qed jiġu mfissra fid-dettal hawn taħt.

    4.2.3.1. Il-pagi

    (23) Il-kambjament fil-pagi, espressi bħala l-ispiża annwali totali tal-fattura fil-produzzjoni ta' l-oġġett ikkonċernat, kien kif ġej:

    Tabella 1 Il-pagi

    L-għajn tat-tagħrif: Il-kontijiet annwali ta' l-IK.

    | 1995 | 1996 | 1997 | 1998 | Il-PI |

    L-ispiża annwali totali tal-fattura (EUR '000) | 44730 | 48479 | 48375 | 46995 | 47132 |

    Indiċi | 100 | 108 | 108 | 105 | 105 |

    (24) Il-pagi żdiedu b'madwar 5 % bejn l-1995 u l-PI. Meta l-1996 tittieħed bħala l-punt tat-tluq, il-pagi naqsu b'madwar 3 %.

    (25) Dan il-fattur ġej bejn wieħed u ieħor mill-kambjament fil-pagi inġenerali fil-qasam u miċ-ċaqliq fl-impjiegi osservat fl-IK. Bejn l-1996 u l-PI dan il-fattur waqa' bi 3 % u dan kien konformi mal-kambjamenti fl-impjiegi msemmija fil-premessa (158) tar-Regolament Proviżorju (tnaqqis ta' 6 % bejn l-1995 u l-PI, waqgħa żgħira ta' madwar 1 % bejn l-1996 u l-PI).

    4.2.3.2. Il-produttività

    (26) Il-kambjament fil-produttività, imkejla fuq ir-rata tal-produzzjoni tal-persuni impjegati, kien kif ġej:

    Tabella 2 Il-produttività

    L-għajn tat-tagħrif: It-tweġibiet ta' kwestjonarju ta' l-IK li ġew ivverifikati.

    | 1995 | 1996 | 1997 | 1998 | Il-PI |

    Il-produzzjoni f'tunnellati metriċi kull impjegat | 21,58 | 19,47 | 19,76 | 20,84 | 20,82 |

    Indiċi | 100 | 90 | 92 | 97 | 96 |

    (27) Il-produttività telgħet u niżlet tul il-perjodu li ġie eżaminat iżda b'kollox iġġarbet waqgħa ta' 4 % tul il-perjodu ta' l-1995 u l-PI. Il-produttività żdiedet b'madwar 7 % bejn l-1996 u l-PI. Dan il-fattur huwa konformi maċ-ċifri ta' l-impjiegi u l-produzzjoni li ġa ġew imsemmija fil-premessi 150 u 158 tar-Regolament Proviżorju.

    4.2.3.3. Ir-rendiment ta' l-investiment (ir-return on investment, ir-"ROI")

    (28) Il-kambjament fir-ROI, li huwa kkalkulat billi jiġi diviż ir-riżultat finanzjarju ta' l-IK (il-qligħ jew it-telf) bl-ammont ta' l-investiment, kien kif ġej:

    Tabella 3 Ir-ROI

    L-għajn tat-tagħrif: It-tweġibiet ta' kwestjonarju ta' l-industriji komunitarji li ġew ivverifikati u l-kontijiet annwali tagħhom.

    | 1995 | 1996 | 1997 | 1998 | Il-PI |

    Ir-ROI | – 6,55 % | 3,72 % | – 2,78 % | – 0,70 % | – 2,72 % |

    (29) Ir-ROI inbidel minn -6,55 % għal -2,72 % bejn l-1995 u l-PI. Madankollu wieħed irid jiftakar, li, kif spjegat fil-premessa 157 tar-Regolament Proviżorju, ir-riżultat finanzjarju ta' l-IK ġie effettwat b'mod negattiv u b'manjiera eċċezzjonali mill-ispejjeż assoċjati ma' l-għeluq ta' impjant fl-1995. Barra dan, dik is-sena kienet ukoll ikaratterizzata mill-isforzi biex jiġu rristrutturati żewġ produtturi inklużi fid-definizzjoni ta' l-IK, b'mod partikolari bl-għan tar-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni u ta' l-investiment meħtieġ biex tiġi implimentata l-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent. Dan ħalla wkoll impatt negattiv fuq ir-riżultat finanzjarju ta' l-IK. A bażi ta' dan, huwa meqjus li s-sena 1995 ma kinitx rappreżentattiva tal-qagħda ta' l-IK u ma tistax titqies bħala bażi b'tifsira biex jiġu analizzati l-andamenti tar-ROI.

    (30) Din ir-rimarka tgħodd ukoll għal fatturi inġurjużi oħrajn li jinkludu r-riżultati finanzjarji ta' l-IK, p.e. il-fluss ta' flus in-negozju kif spjegat fil-premessa 33 hawn taħt.

    (31) Meta l-1996 titqabbel mal-PI, ir-ROI naqas b'6,4 fil-mija, minn 3,72 % għal -2,72 %. Il-biċċa l-kbira tal-bidla negattiva fir-ROI kienet konformi mal-bidla negattiva fir-rata tal-qligħ, li naqset bi 2,3 fil-mija matul l-istess perjodu.

    4.2.3.4. Il-fluss ta' flus in-negozju

    (32) Il-kambjament fil-fluss ta' flus in-negozju kien kif ġej:

    Tabella 4 Il-fluss ta' flus in-negozju

    L-għajn tat-tagħrif: Il-kontijiet annwali ta' l-IK.

    | 1995 | 1996 | 1997 | 1998 | Il-PI |

    Il-fluss ta' flus in-negozju (EUR '000) | 10522 | 12799 | 19339 | 12236 | 12205 |

    Indiċi | 100 | 122 | 184 | 116 | 116 |

    Indiċi | | 100 | 151 | 96 | 96 |

    (33) Ta' min jinnota li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat dejjem kien jgħodd 'il fuq minn 50 % tal-bejgħ totali ta' l-attività kollha ta' l-IK, kif irrapportat fil-kontijiet ivverifikati. It-tabella ta' hawn fuq turi l-fluss ta' flus in-negozju għall-prodott ikkonċernat ikkalkulat a bażi ta' allokazzjoni tal-bejgħ għas-snin mill-1995 sa l-1998. Peress li l-kontijiet ivverifikati ma kinux disponibbli għall-PI, il-fluss ta' flus in-negozju ġie kkalkulat a bażi tal-bejgħ totali u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li ġie ivverifikat matul l-istħarriġ. Kif spjegat fil-premessa (29), ir-riżultat finanzjarju miksub mill-IK fl-1995 ġie effetwat b'mod negattiv u b'manjiera eċċezzjonali mill-ispejjeż assoċjati ma' l-għeluq ta' impjant u r-ristrutturar u għalhekk dik is-sena ma tistax titqies bħala bażi rappreżentativa b'tifsira biex jiġu analizzati l-andamenti tal-fluss ta' flus in-negozju. Bejn l-1995 u l-1998 il-fluss ta' flus in-negozju żdiet b'madwar 16 % u baqa' stabbli matul il-PI. Meta l-1996 tittieħed bħala l-punt tat-tluq il-fluss ta' flus in-negozju naqas b'madwar 4 % sa tmiem il-PI. Instab, li l-biċċa l-kbira tal-kambjament negattiv fil-fluss ta' flus in-negozju kien konformi mal-kambjament negattiv fir-rata tal-qligħ.

    4.2.3.5. Il-fakultà tal-ġbir ta' kapital

    (34) Matul l-istħarriġ oriġinali ma kienx hemm xi pretensjoni mill-IK (lanqas xi indikazzjoni), li ltaqgħet ma' xi problemi biex tiġbor il-kapital meħtieġ għall-attività tagħha. Madankollu, jidher biċ-ċar li d-deterjorament sinifikanti fil-qagħda finanzjarja ta' l-IK (ara b'mod partikolari r-rata tal-qligħ, il-fluss ta' flus in-negozju u r-ROI), jista' jeffettwa b'mod negattiv il-fakultà tal-ġbir ta' kapital fil-futur qarib.

    4.2.3.6. Il-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping

    (35) Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-impatt fuq l-IK tal-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping, meta jitqiesu l-volum u l-prezzijiet ta' l-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, dan l-impatt ma jistax jingħadd li huwa negliġibbli. Din l-osservazzjoni għadha tgħodd minkejja t-tnaqqis fil-marġni tad-dumping għal wieħed mill-esportaturi kif spjegat fil-premessa 14.

    (36) Il-manifattur Brażiljan tal-prodott għall-esportazzjoni oġġezzjona għall-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-impatt tal-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping ma kienx negliġibbli. Skond il-produttur Brażiljan, id-differenza ta' kważi 50 % bejn il-marġni tad-dumping u l-marġni tal-bejgħ bi prezz imraħħas kien prova ta' differenza kbira ħafna f'kemm jiġi jqum ix-xogħol tal-produtturi tal-Komunità minn banda u dak ta' l-esportatur Brażiljan mill-banda l-oħra. Għalhekk, saret il-pretensjoni li anka jekk id-dumping jiġi eliminat totalment l-importazzjoni mill-Brażil xorta tibqa' b'mod sostanzjali taħt il-prezz mhux inġurjuż ta' l-industrija Komunitarja. Il-manifattur Brażiljan tal-prodott għall-esportazzjoni fl-aħħar sostna li fil-kuntest ta' suq sensittiv ħafna għall-prezzijiet, jidher bic-ċar li l-impatt tal-marġni effettiv tad-dumping huwa għaldaqstant negliġibbli, kuntrarju għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (37) Wieħed irid jiftakar li skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażi, il-fattur tal-"kobor tal-marġini effettiv tad-dumping" jiġi eżaminat fil-kwadru ta' l-analasi ta' l-istat li tkun fih l-industrija tal-pajjiż. F'dan il-kuntest, hija l-prattika konsistenti tal-Komunità li tiffissa l-marġni effettiv tad-dumping skond l-istat li tkun fih l-industrija tal-pajjiż wara li jitqiesu l-volum u l-prezzijiet ta' l-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat. Analasi bħal dak ipproponut mill-esportatur Brażiljan, jiġifieri paragun tal-marġni tad-dumping mal-marġni tal-bejgħ bi prezz imraħħas li jwassal għal konklużjonijiet dwar id-differenza f'kemm tiġi tqum il-produzzjoni bejn il-produtturi li jesportaw u l-industrija Komunitarja joħroġ bil-bosta 'il barra mill-kwadru stabbilit mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażi u jdaħħal element ta' rabta kawżali f'dan l-analasi. Jidher biċ-ċar li dan mhux meħtieġ mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażi u jxejjen id-distinzjoni bejn l-analasi ta' l-istat li tkun fih l-industrija Komunitarja minn banda u r-rabta kawżali bejn id-dumping u l-ħsara mill-banda l-oħra, fejn kull każ għandu jiġi kkunsidrat separatament. F'dan il-kuntest għandu jingħad ukoll li l-marġni tal-bejgħ bi prezz imraħħas jiġi kkalkulat għall-fini ta' l-applikazzjoni tar-"regola ta' l-anqas dazju" li fuqha jiġi ffissat id-dazju kontra d-dumping fil-livell jew tal-marġni tad-dumping jew tal-marġni inġurjuż skond liema minnhom ikun l-aktar baxx. Irid jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tar-"regola ta' l-anqas dazju" u għaldaqstant il-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ bi prezz imraħħas mhuwiex xi obbligu tal-WTO. Anka jekk wieħed jassumi - għall-grazzja ta' l-argument u bla ma jingħata għarfien lis-sustanza tal-pretensjoni ta' l-esportatur Brażiljan - li paragun bejn kemm jiġi jqum ix-xogħol tal-produttur li jesporta u l-produtturi tal-Komunitàhuwa possibbli f'dan il-kuntest, dan l-analasi seta' jissejjes biss fuq paragun tal-marġni tad-dumping mal-marġni tal-kwotazzjonjiet ta' prezzijiet baxxi (mhux dak tal-bejgħ bi prezzijiet imraħħsa). Madankollu l-livelli taż-żewġ marġni huma paragunabbli. Għalhekk, mingħajr id-dumping, id-differenza fil-prezzijiet bejn l-importazzjoni mill-Brażil u l-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja hija waħda minimali.

    (38) Għalhekk, l-argument kellu jitwarrab.

    4.2.4. Il-kummenti tal-manifattur tal-prodott għall-esportazzjoni fuq ċerti fatturi inġurjużi

    (39) Saret pretensjoni mill-manifattur Brażiljan tal-prodott għall-esportazzjoni li għal ċerti fatturi inġurjużi (ir-rata tal-qligħ, ir-ROI, il-fluss ta' flus in-negozju, il-fakultà tal-ġbir tal-kapital) is-sena 1995 ma ġietx ikkunsidrata fl-analasi ta' l-andamenti. Il-pretensjoni kienet tgħid li ma ngħatax kas ta' l-1995 għal dawk il-fatturi li b'mod ieħor kienu juri kambjament pożittiv. Skond il-manifattur Brażiljan tal-prodott għall-esportazzjoni dan kollu jikkostitwixxi teknika inkonsistenti u diskriminatorja u ma jissodisfax il-ħtieġa ta' xi skop u huwa eżami preġudikat kuntrarju għall-Artikoli 3.1 u 17.6 (i) ta' l-ADA.

    (40) L-ewwelnett irid jingħad, li fir-rigward tar-rata tal-qligħ, ma kinitx saret xi risoluzzjoni ġdida għall-fini ta' l-implimentazzjoni tar-Rapporti. Wieħed irid jiftakar li fl-ambitu tal-proċeduri ta' konċiljazzjoni, il-Brażil ippreżenta preċiżament l-istess argumenti bħal dawk imsemmija hawn fuq għal dik li hija r-rata tal-qligħ. L-argumenti ma kinux intlaqgħu mill-Panel u ma saret l-ebda rakkomandazzjoni fir-rigward ta' dan il-fattur. Il-fattur tar-"rata tal-qligħ" kien għalhekk ma reġax ġie eżaminat.

    (41) It-tieni, irid jingħad li - b'konformità ma' l-istħarriġ oriġinali - l-andamenti fir-rigward ta' l-indikaturi inġurjużi li ġew analizzati imma li ma tħabbrux pubblikament matul l-istħarriġ oriġinali, ġew analizzati sa mill-1995. Dan jgħodd ukoll għall-fattur tal-"fakultà tal-ġbir ta' kapital". B'mod partikolari għal żewġ fatturi inġurjużi (ir-ROI u l-fluss ta' flus in-negozju) ġie kkunsidrat li s-sena 1995 kienet sena eċċezzjonali u għaldaqstant ma setgħetx titqies li għandha xi tifsira għar-raġunijiet li ngħataw fid-dettal fil-premessi 29 u 33. Fill-fatt bosta rapporti tal-Panel u tal-Korp ta' l-Appell jirrikonoxxu li l-eżami tal-fatturi inġurjużi mhux ristrett għal xi paragun riġidu ta' bidu u ta' tmiem snin il-perjodu kkunsidrat. Irid jingħad ukoll li l-manifattur Brażiljan tal-prodott għall-esportazzjoni ma kkontestax is-sustanza tar-raġunament imfisser fil-premessa 29.

    (42) Dwar l-allegata inkonsistenza fit-teknika, irid jingħad dan li ġej. Huwa proprju għal raġunijiet ta' konsistenza ma' l-analasi ta' l-istħarriġ oriġinali, li huwa meħtieġ - għall-fini ta' l-implimentazzjoni tar-Rapporti – li l-fluss ta' flus in-negozju u r-ROI, li jinħarġu direttament mir-rata tal-qligħ, jiġu analizzati fuq l-istess bażi bħar-rata tal-qligħ ta' l-istħarriġ oriġinali li għalihom l-1995 tista' bir-raġun tiġi eskluża mill-analasi ta' l-andamenti skond il-konklużjonijiet tar-Rapporti. It-teknika magħżula mill-awtoritajiet tal-KE kienet għalhekk konsistenti u oġġettiva

    (43) Għalhekk, l-argumenti kellhom jitwarrbu.

    4.2.5. Il-konklużjoni fuq il-ħsara

    (44) A bażi ta' l-analasi ta' hawn fuq, qed jiġi konkluż li l-osservazzjonijiet dwar il-pagi, il-produttività, ir-rendiment ta' l-investiment u l-fluss ta' flus in-negozju kienu konformi ma' ċerti fatturi oħra li ġew analizzati u tħabbru pubblikament matul l-istħarriġ oriġinali. Fir-rigward tal-fakultà tal-ġbir ta' kapital, ma kinitx saret xi pretensjoni li l-IK iltaqgħet ma' xi diffikultà biex tiġbor il-kapital meħtieġ għall-attività tagħha. Madankollu, wieħed għandu jħares lejn dan il-fattur fid-dawl tad-degradazzjoni kontinwa fil-qagħda finanzjarja ta' l-IK. Fir-rigward tal-marġni tad-dumping, qed jiġi konkluż li, meta jitqiesu l-volum u l-prezzijiet ta' l-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, l-impatt tiegħu ma jistax jingħadd li huwa negliġibbli.

    (45) A bażi ta' dak li ngħad hawn fuq, qed jiġi kkonfermat li l-industrija Komunitarja sofriet ħsara materjali matul il-perjodu li ġie kkunsidrat.

    5. IL-KAWŻALITÀ

    (46) Il-kontenut u l-konklużjnijiet milħuqa fil-premessi 101 sa 114 tar-Regolament Definittiv mhumiex qed jiġu effettwati mir-Rapporti u mill-analisi tal-ħsara li reġgħet ġiet eżaminata.

    (47) L-esportatur Brażiljan jikkontendi li l-ħsara lill-industrija Komunitarja ma ġietx ikkaġunati mill-importazzjoni bl-iskop ta' dumping, imma min-nuqqas ta' produttività fl-industrija Komunitarja kif tixhed id-differenza ta' kważi 50 % bejn il-marġni tad-dumping u l-marġni tal-bejgħ bi prezz baxx u mill-fatt li saru sforzi fl-1995 biex l-industrija Komunitarja tgħaddi minn ristrutturazzjoni bl-għan li tiġi rrazzjonalizzata l-produzzjoni. Ix-xebh ta' dan l-argument ma' dak li sar fir-rigward tal-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping imsemmi hawn fuq fil-premessa 36 huwa evidenti. Barra minn hekk saret il-pretensjoni mill-esportatur Brażiljan li fil-waqt li l-Kummissjoni analizzat id-differenza f'kemm tiġi tqum il-produzzjoni, madankollu rristrinġiet dan l-analasi għad-differenzi li għandhom x'jaqsmu mal-konsum ta' l-enerġija marbuta mad-differenza fil-kwalità u l-proċessi tal-produzzjoni bejn l-aċċessorji ta' qalba sewda u qalba bajda.

    (48) Wieħed irid jiftakar li fl-ambitu tal-proċeduri ta' konċiljazzjoni, il-Brażil ippreżenta preċiżament l-istess argumenti bħal dawk imsemmija hawn fuq. L-argumenti ma ntlaqgħux mill-Panel u mill-Korp ta' l-Appell u l-ebda rakkomandazzjoni ma saret fir-rigward ta' l-analasi tar-rabta kawżali.

    (49) Għalhekk, l-argumenti msemmija fil-premessa 47 kellhom jitwarrbu.

    6. L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

    (50) Il-kontenut u l-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi 178 sa 186 tar-Regolament Proviżorju u 115 sa 117 tar-Regolament Definittiv mhumiex qed jiġu effettwati mir-Rapporti u mill-analisi tal-ħsara li reġgħet ġiet eżaminata.

    7. MIŻURI EMENDATI

    (51) Kif intwera hawn fuq, verifika sħiħa tal-fatti stabbiliti u l-konklużjonijiet milħuqa fl-istħarriġ oriġinali, wara li tqiesu ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li dehru fir-Rapporti, tagħti prova li għadu qed isir dumping b'mod inġurjuż b'importazzjoni mill-Brażil, minkejja li f'livell kemmxejn aktar baxx,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1784/2000 hawnhekk qed tiġi emendata kif ġej għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-Brażil:

    Pajjiż | Dazju definittiv (%) | Il-kodiċi addizzjonali TARIC |

    Il-Brażil | 32,0 | — |

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada ta' meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Marzu 2004.

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    D. Ahern

    [1] ĠU L 201, 26.07.01, p. 10.

    [2] ĠU L 56, 06.03.96, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1972/2002 (ĠU L 305, 07.11.02, p. 1).

    [3] ĠU L 208, 18.08.00, p. 8.

    [4] ĠU L 55, 29.02.00, p. 3.

    [5] Id-Dokument WT/DS219/10 tas-27 ta' Awissu 2003.

    --------------------------------------------------

    Top