Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0803(01)

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/803/PESK tal- 25 ta' Novembru 2004 dwar il-varar ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

    ĠU L 353, 27.11.2004, p. 21–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 169–170 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/803(2)/oj

    7.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    169


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2004/803/PESK

    tal-25 ta' Novembru 2004

    dwar il-varar ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali, l-Artikolu 17 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta’ Lulju 2004 il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti b’mod unanimu adotta r-Riżoluzzjoni 1551 (2004) li tilqa’ l-intenzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li tagħti bidu għal missjoni ta’ l-UE fil-Bosnja u Ħerzegovina, inkluż komponent militari, minn Diċembru 2004, taħt it-termini stabbiliti fl-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2004 mill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Irlanda u l-President tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea lill-Presidenza tal-Kunsill ta’ Sigurtà. Il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda wkoll li l-ftehim dwar l-istatus tal-forzi li attwalment jinsabu fl-Appendiċi B għall-Anness 1.A tal-Ftehim ta’ Paċi għandhom japplikaw b’mod provviżorju fir-rigward tal-missjoni proposta ta’ l-UE u tal-forzi tagħha, anke mill-punt tar-rafforzament tagħhom fil-Bosnja u Ħerzegovina, b’antiċipazzjoni tal-konverġenza tal-partijiet ma’ dawk il-ftehim għal dak il-għan.

    (2)

    Fit-22 ta’ Novembru 2004 l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti b’mod unanimu adotta r-Riżoluzzjoni 1575 (2004), li inter alia tawtorizza l-Istati Membri biex permezz ta’ jew b’koperazzjoni ma’ l-UE jistabbilixxu għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar forza multinazzjonali ta’ stabbilizzazzjoni (EUFOR) bħala suċċessur legali għal SFOR taħt kmand u kontroll unifikat, li sejra twettaq il-missjonijiet tagħha fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Anness 1-A u l-Anness 2 tal-Ftehim ta’ Paċi f'koperazzjoni mal-preżenza tal-Kwartier Ġenerali tan-NATO skond l-arranġamenti miftehma bejn in-NATO u l-UE kif komunikat lill-Kunsill tas-Sigurtà li jirrikonoxxu li l-EUFOR ser ikollha r-rwol prinċipali bħala stabbilizzatur tal-paċi taħt l-aspetti militari tal-Ftehim ta’ Paċi, u bir-rikonoxximent li l-Ftehim ta’ Paċi u d-disposizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet pertinenti preċedenti tiegħu għandhom japplikaw għal u fir-rigward ta' kemm l-EUFOR kif ukoll tal-preżenza tan-NATO hekk kif applikaw għal u fir-rigward ta’ l-SFOR u li għalhekk ir-riferimenti fil-Ftehim ta’ Paċi, b’mod partikolari fl-Anness 1-A u l-appendiċi tiegħu, u f'riżoluzzjonijiet pertinenti għall-IFOR u/jew għall-SFOR, għan-NATO u għall-NAC għandhom minn hawn 'il quddiem jinqraw fis-sens li japplikaw, skond il-każ, għall-preżenza tan-NATO, għall-EUFOR, għall-Unjoni Ewropea u għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà u għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea rispettivament.

    (3)

    Konformement ma' l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fil-finanzjament ta’ l-operazzjoni.

    (4)

    Fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002 il-Kunsill Ewropew ta’ Kopenhagen adotta Dikjarazzjoni li stqarret li l-arranġamenti “Berlin Plus” u l-implimentazzjoni tagħhom sejrin japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri ta’ l-UE li huma wkoll jew membri tan-NATO jew partijiet fil-“Partnership for Peace”, u li konsegwentement ikkonkludew arranġamenti bilaterali ta’ sigurtà man-NATO,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina, ALTHEA, għandha tingħata bidu fit-2 ta’ Diċembru 2004.

    Artikolu 2

    Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni ta’ l-UE huwa b’dan awtorizzat, b’effett immedjat, jagħti l-ordni ta’ attivazzjoni (ACTORD) sabiex jiġi eżegwit l-ispjegament tal-forzi, qabel it-Trasferiment ta’ Awtorità wara l-wasla tagħhom fit-teatru ta’ l-operazzjoni, u tinbeda l-eżekuzzjoni tal-missjoni fit-2 ta’ Diċembru 2004.

    Artikolu 3

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 ta’ l-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK, din id-Deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm il-Kunsill jiddeċiedi li jtemm l-operazzjoni militari ta' l-UE fil-Bosnja u Ħerzegovina.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussel, nhar il-25 ta' Novembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. J. BRINKHORST


    (1)  ĠU L 252, 28.7.2004, p. 10


    Top