Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0701

Deċizjoni tal-Kunsill tal- 11 ta' Ottubru 2004 li temenda r-Regoli ta' Procedura tal-Kunsill

ĠU L 319, 20.10.2004, p. 15–16 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 1–2 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/701/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Ottubru 2004

li temenda r-Regoli ta' Procedura tal-Kunsill

(2004/701/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 207(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Energija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 12 ta' l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ma' l-Unjoni Ewropea u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea (1),

Billi :

(1)

L-Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, r-Repubblika ta' l-Estonja, r-Repubblika ta' Ċipru, r-Repubblika tal-Latvja, r-Repubblika tal-Litwanja, r-Repubblika ta' l-Ungerija, r-Repubblika ta' Malta, r-Repubblika tal-Polonja, r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ma' l-Unjoni Ewropea u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea emenda, b'effett mill-1 ta' Novembru 2004, id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Energija Atomika u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-ippeżar ta' voti fil-Kunsill.

(2)

Skond l-Artikolu 205(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Artikolu 118(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' L-Energija Atomika, it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 34(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni msemmi hawn fuq, meta deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, membru tal-Kunsill jista' jitlob li ssir verifika li l-Istati Membri li jiffurmaw il- maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni. Jeħtieg li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet.

(3)

Biex isir dan, jeħtieg li tigi stabbilita, skond id-data mogħtija mill-Ufficju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, iċ-ċifra tal-popolazzjoni totali għal kull Stat Membru għal perijodu ta' sena u li jigi provdut aġġornament annwali ta' dawn iċ-ċifri.

(4)

Il-punt IV, A, tar-Rakkomandazzjonijiet għaċ-Ċensiment ta' Popolazzjoni u Djar ta' l-2000 fir-Reġjun tal-KEE, imħejjija b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Uffiċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, jiddefinixxi l-kunċett ta' popolazzjoni totali ta' Stat.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċeduta tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004 (2004/338/CE, Euratom) (2) huwa emendat kif ġej:

1)

Paragrafu 5 ġdid għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 11:

“5.

Meta deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata, u jekk membru tal-Kunsill hekk jitlob, għandha ssir verifika li l-Istati Membri li jiffurmaw din il-maġġoranza kwalifikata jirrappreżentaw mill-inqas 62 % tal-popolazzjoni totali ta' l-Unjoni kkalkolata abbażi taċ-ċifri tal-popolazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' l-Anness IIa.”

2)

Wara l-Anness II, jiddaħħal l-Anness li ġej:

“ANNESS IIa

REGOLI DETTALJATI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-IPPEŻAR TAL-VOTI FIL-KUNSILL

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 205(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Artikolu 118(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Energija Atomika, it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 34(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-popolazzjoni totali ta' kull Stat Membru għall-perijodu mill-1 ta' Novembru 2004 sal-31 ta' Diċembru 2005 hija kif ġej:

Stat Membru

Popolazzjoni (x1 000 )

Il-Ġermanja

82 531,7

Franza

61 684,7

Ir-Renju Unit

59 651,5

L-Italja

57 888,2

Spanja

42 345,3

Il-Polonja

38 190,6

L-Olanda

16 258,0

Il-Greċja

11 041,1

Il-Portugall

10 474,7

Il-Belġju

10 396,4

Ir-Repubblika Ċeka

10 211,5

L-Ungerija

10 116,7

L-Isvezja

8 975,7

L-Awstrija

8 114,0

Id-Danimarka

5 397,6

Is-Slovakkja

5 380,1

Il-Finlandja

5 219,7

L-Irlanda

4 027,5

Il-Litwanja

3 445,9

Il-Latvja

2 319,2

Is-Slovenja

1 996,4

L-Estonja

1 350,6

Ċipru

730,4

Il-Lussemburgu

451,6

Malta

399,9

Totali

458 599,0

Livell minimu (62 %)

284 331,4

Artikolu 2

1.   Qabel l-1 ta' Settembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Ufficju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej id-data dwar il-popolazzjoni totali tagħhom kif kienet fl-1 ta' Jannar tas-sena attwali.

2.   B'effett mill-1 ta' Jannar ta' kull sena, il-Kunsill għandu, skond id-data disponibbli lill-Ufficju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej fit-30 ta' Settembru tas-sena ta' qabel, jemenda ċ-ċifri stabbiliti fl-Artikolu 1. Din id-Deċizjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 2

Din id-Deċizjoni għandha tieħu effett fil-jum li tkun ippubblikata fil-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2004.

Magħmula fil-Lussemburgu, nhar il-11 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. BOT


(1)  ĠU L 236 ta' 23.9.2003, p. 33.

(2)  ĠU L 106 tal-15.4.2004, p. 22.


Top