Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1981

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1981/2003 tal-21 ta' Ottubru 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistiċi Komunitarji dwar id-dħul u kondizzjonijiet tal-ħajja (UE-SILC) fir-rigward ta' l-aspetti ta' fieldwork u l-proċeduri ta' imputazzjoni(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 298, 17.11.2003, p. 23–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1981/oj

32003R1981



Official Journal L 298 , 17/11/2003 P. 0023 - 0028


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1981/2003

tal-21 ta' Ottubru 2003

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistiċi Komunitarji dwar id-dħul u kondizzjonijiet tal-ħajja (UE-SILC) fir-rigward ta' l-aspetti ta' fieldwork u l-proċeduri ta' imputazzjoni [1]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar statistiċi Komunitarji dwar id-dħul u kondizzjonijiet tal-ħajja (UE-SILC) [2], u partikolarment l-Artikolu 15(2)(e) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistiċi Komunitarji dwar id-dħul u l-kondizzjonijiet tal-ħajja, li jkopri data tal-qasma tan-nofs u lonġitudinali li tista' tiġi pparagunata u li hi mogħtija fil-ħin dwar id-dħul u l-livell u komposizzjoni ta' povertá u esklużjoni soċjali fuq livelli nazzjonali u ta' l-Unjoni Ewropea.

(2) Skond l-Artikolu 15(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1177/2003, miżuri ta' l-implimentazzjoni huma meħtieġa biex jiġu armonizzati metodi u tifsiriet li jirrigwardaw l-aspetti ta' fieldwork u l-proċeduri ta' imputazzjoni.

(3) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aspetti ta' fieldwork, inklużi numri tad-dar u ta' l-identifikazzjoni personali, ir-regoli u l-linji gwida għall-applikazzjoni ta' sostituzzjonijiet u l-proċeduri ta' imputazzjoni, għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ghandu jidhol fis-seħħ fl-20-il jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 21 Ottubru 2003.

Għall-Kummissjoni

Pedro Solbes Mira

Membru tal-Kummissjoni

[1] (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

[2] ĠU L 165, tat-3.7.2003, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

1. DEFINIZZJONIJIET

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-komponent lonġitudinali ta’ l-UE-SILC:

(a) Kampjun inizjali: jirreferi għall-kampjun ta’ djar jew persuni fil-ħin li hu magħżul għal inklużjoni fl-UE-SILC.

(b) Persuni tal-kampjun: jfisser il-membri kollha jew sottosett tagħhom tad-djar fil-kampjun inizjali li huma ‘il fuq minn ċerta etá.

(ċ) Limitu ta’ l-etá użat għad-definizzjoni ta’ persuni tal-kampjun:

Fil-każ ta’ panel ta’ erba’ snin, dan il-limitu ta’ l-etá m’għandux ikun ogħla minn 14-il sena. F’pajjiżi li għandhom panel ta’ erba’ snin li jużaw kampjun ta’ indirizzi jew djar, il-membri tad-dar kollha li għandhom 14-il sena jew aktar fil-kampjun inizjali għandhom ikunu persuni tal-kampjun. F’pajjiżi li għandhom panel ta’ erba’ snin li jużaw kampjun ta’ persuni, dan għandu jfisser l-għażla ta’ mill-inqas persuna waħda hekk għal kull dar.

Il-limitu ta’ l-etá minima msejjaħ hawn fuq għandu jkun aktar baxx fil-każ ta’ dewmien aktar twil tal-panel. Għal dewmien tal-panel li jaqbeż it-tmien snin, membri ta’ kull etá fil-kampjun inizjali għandhom ikunu persuni tal-kampjun, u tfal li twieldu minn nisa tal-kampjun matul iż-żmien li l-omm hi fil-panel għandhom jiġu inklużi bħala persuni tal-kampjun.

(d) Dar tal-kampjun: ifisser dar li tkun tinsab fiha mill-inqas persuna waħda tal-kampjun. Dar tal-kampjun għandha tiġi inkluża fl-UE-SILC għall-kollezzjoni jew kompilazzjoni ta’ informazzjoni ddettaljata fejn tkun tinsab fiha mill-inqas persuna tal-kampjun waħda ta’ 16-il sena jew aktar.

(e) Residenti flimkien (persuni mhux tal-kampjun): huma r-residenti kollha ta’ dak il-ħin ta’ dar tal-kampjun barra minn dawk imfissrin hawn fuq bħala persuni tal-kampjun.

(f) Membri tad-dar ta’ dak il-ħin: ifisser membri ta’ dak il-ħin tad-data fil-ħin tal-kollezzjoni jew kompilazzjoni tad-data. Il-kondizzjonijiet għall-klassifikazzjoni ta’ persuna bħala membru tad-dar huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1980/2003 [1] dwar definizzjonijiet u definizzjonijiet aġġornati.

(g) Persuna li kienet membru tad-dar: jirreferi għal persuna li bħalissa mhijiex membru tad-dar u ma kenitx irreġistrata bħala membru tad-dar f’dik id-dar fl-istadju ta’ qabel, imma li għexet fid-dar għal mill-inqas tlett xhur matul il-perjodu ta’ referenza tad-dħul.

(h) Id-dar intiera:

Dar tal-kampjun hi kkunsidrata intiera (sħiħa) jekk tibqa’ bħala dar waħda, mingħajr ma tifforma dar addizzjonali u mingħajr ma tisparixxi d-dar, anki jekk seta’ kien hemm tibdiliet fil-komposizzjoni tagħha mill-istadju ta’ qabel minħabba mewtijiet,

(i) Dar inizjali/split-off:

Dar tal-kampjun mill-istadju x hu meqjus li ġie "maqsum" jekk il-persuni tal-kampjun tiegħu mill-istadju x għandhom ir-residenza tagħhom fil-ħin ta’ l-istadju x + 1 f’aktar minn dar waħda privata fit-territorji nazzjonali inkluż

Meta qasma seħħet, waħda (u waħda biss) mid-djar li rriżultaw għandha tiġi ddefinita bħala d-dar "inizjali", filwaqt li waħda jew aktar mill-oħrajn huma msejħin djar "li nqasmu".

L-approċċ li ġej għandu jiġi wżat sabiex tiġi magħmula distinzjoni bejn djar "inizjali" u "li nqasmu":

- jekk kwalunkwe persuna tal-kampjun ta’ l-istadju x għadha tgħix fl-istess indirizz bħall-istadju ta’ l-aħħar, imbagħad id-dar tiegħu/tagħha għandha tiġi ddefinita bħala d-dar "inizjali". Il-persuni tal-kampjun kollha li ċċaqalqu għandhom jifformaw waħda jew aktar djar "li nqasmu",

- jekk l-ebda persuna tal-kampjun ma tgħix fl-indirizz ta’ l-aħħar stadju, imbagħad id-dar tal-persuna tal-kampjun li kellha n-numru ta’ persuni l-aktar baxx fir-reġistru għall-aħħar stadju għandha tkun id-dar inizjali. Fejn din il-persuna m’għadhiex ħajja jew f’dar privata fit-territorju nazzjonali tal-popolazzjoni target, id-dar inizjali għandha tkun id-dar tal-persuna tal-kampjun bin-numru ta’ persuni l-aktar baxx.

(j) Fużjoni:

Persuni tal-kampjun minn djar tal-kampjun differenti mill-istadju ta’ qabel jingħaqdu flimkien biex jifformaw dar ġdida.

Għall-komponent tal-qasma tan-nofs u lonġitudinali ta’ l-UE-SILC, id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika:

(k) In-numru tal-persuna: tirreferi għan-numru mogħti fir-"reġistru tad-dar" lill-persuna l-ewwel darba li hu/hi rreġistrat/a bħala membru tad-dar. Fil-komponent tat-taqsima tan-nofs, u fi djar ġodda fil-komponent lonġitudinali, għandu jikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-linja tal-persuna fir-"reġistru tad-dar".

2. NUMRI TA’ IDENTIFIKAZZJONI GĦAL PERSUNI U DJAR

2.1. Numru ta’ identifikazzjoni tad-dar

1. Fil-komponent tal-qasma min-nofs, in-numru ta’ identifikazzjoni stabbilit tad-dar (ID) hu numru sekwenzali.

2. Fil-komponent lonġitudinali, in-numru ta’ identifikazzjoni tad-dar (ID) hu kompost min-numru tad-dar u n-numru maqsum. In-numru tad-dar hu numru sekwenzali. In-numru maqsum għall-ewwel stadju għandu dejjem jieħu l-valur "00".

Fejn id-dar tibqa’ intiera, għandha żżomm in-numru tad-dar u n-numru maqsum minn stadju wieħed sa dak li jmiss.

Fil-każ ta’ qasma, id-dar inizjali għandha żżomm in-numru tad-dar u n-numru maqsum minn stadju wieħed sa dak li jmiss. Id-djar l-oħra, jiġifieri djar li nqasmu, għandhom iżommu l-istess numru tad-dar, imma għandhom jiġu mogħtija n-numru maqsum li qiegħed għad-disposizzjoni li jmiss fis-sekwenza.

Fil-każ ta’ fużjoni ta’ żewġt idjar tal-kampjun, jekk id-dar ġdida għadha f’indirizz ta’ qabel, għandha żżomm in-numru tad-dar u n-numru maqsum tad-dar li kienet f’dak l-indirizz fl-istadju ta’ qabel. Jekk id-dar ġdida hi f’indirizz ġdid, in-numru tad-dar u n-numru maqsum tad-dar tal-persuna tal-kampjun li issa għandha n-numru ta’ persuni l-aktar baxx fir-"reġistru tad-dar" għandu jiġi wżat.

2.2. Numru ta’ identifikazzjoni personali

1. Fil-komponenti tal-qasma tan-nofs u lonġitudinali, in-numru ta’ identifikazzjoni personali hu kompost mill-ID tad-dar u n-numru tal-persuna.

2. Fil-komponent lonġitudinali, in-numru tal-persuna għal kwalunkwe persuna ġdida fid-dar għandu jiġi kostrutt permezz taż-żjieda ta’ 1 ma’ l-ogħla numru tal-persuna wżat, għas-snin kollha ta’ l-istħarriġ u l-ID tad-dar.

3. Għall-komponent lonġitudinali, l-ID tad-dar għandu jkun in-numru ta’ identifikazzjoni tad-dar fejn il-persuna tidher għall-ewwel darba fil-panel.

4. Fil-komponent lonġitudinali, l-ID personali għandu jibqa’ l-istess matul it-tul ta’ żmien li l-persuna hi fl-istħarriġ.

3. INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI MIĠBURA

1. Fid-dar inizjali, l-informazzjoni sħiħa meħtieġa għal membri tad-dar bħalissa, l-informazzjoni bażika għal membri tad-dar ta’ qabel u l-informazzjoni bażika dwar membri tad-dar fl-istadju ta’ qabel li m’għadhomx membri tad-dar għandha tiġi miġbura.

2. Fid-dar li nqasmet, l-informazzjoni sħiħa meħtieġa għal membri tad-dar bħalissa biss għandha tiġi miġbura.

3. L-informazzjoni sħiħa meħtieġa għal membri tad-dar bħalissa, l-informazzjoni bażika għal membri tad-dar ta’ qabel u l-informazzjoni bażika dwar membri tad-dar fl-istadju ta’ qabel li m’għadhomx membri tad-dar hi stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1983/2003 [2] fil-lista ta’ varjabbli primarji fit-target.

4. Fejn persuna tal-kampjun hi fl-istħarriġ għal aktar minn sena waħda, informazzjoni għandha tiġi miksuba dwar jekk dik il-persuna baqgħat fl-istess indirizz jew maret toqgħod f’indirizz ieħor minn sena waħda għal dik li tmiss.

4. MIN IWIEĠEB GĦALL-KWESTJONARJU TAD-DAR

1. Informazzjoni ta’ l-intervista fir-rigward tad-dar sħiħa u informazzjoni ġenerali dwar kull membru tad-dar għandha tiġi mogħtija minn (wieħed jew aktar) mil-membri tad-dar. Il-persuna li twieġeb tad-dar għandha tiġi magħżula skond il-prijoritajiet li ġejjin:

- Il-prijorità 1: il-persuna responsabbli għall-akkommodazzjoni.

- Il-prijorità 2: membru tad-dar li għandu 16-il sena jew aktar, li għandu l-aħjar posizzjoni biex jagħti l-informazzjoni.

2. Għat-tieni stadju u dawk ta’ wara tal-komponent lonġitudinali ta’ UE-SILC, il-persuna li twieġeb tad-dar għandha tiġi magħżula skond il-lista ta’ prijoritajiet li ġejja:

- Il-prijorità 1: il-persuna li twieġeb tad-dar fl-aħħar stadju.

- Il-prijorità 2: "persuna tal-kampjun" li għandha 16-il sena jew aktar, waqt li tiġi mogħtija prijoritá lill-persuna responsabbli għall-akkommodazzjoni jew li qiegħda fl-aħjar posizzjoni biex tagħti l-informazzjoni.

- Il-prijorità 3: "persuna mhux tal-kampjun" li għandha 16-il sena jew aktar.

5. KAMPJUN TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI

1. Kull Stat Membru għandu jsegwi proċeduri xierqa biex ikabbar ir-rati ta’ tweġiba li nkisbu, skond "l-aqwa prattiċi" proprji. Fil-każ ta’ stħarriġ permezz ta’ intervista, mill-inqas tlett sejħiet lura għandhom jiġu magħmulin qabel dar jew individwu huma aċċettati bħala li ma wieġbux, kemm-il darba hemm raġunijiet konklużivi (bħal tiċħid definittiv biex jikkoperaw, ċirkostanzi li jqiegħdu fil-perikolu s-sigurtá ta’ l-intervistatur, eċċ.) għaliex dan ma jistax jiġi magħmul.

2. L-UE-SILC għandu jkun ibbażat fuq l-għażla u l-implimentazzjoni ta’ kampjun tal-probabbiltá. Bħala regola, l-unitajiet imniżżlin fl-istħarriġ għandhom ikunu l-istess unitajiet eżat bħal dawk li ntagħżlu għall-iskop skond id-disinn tat-teħid tal-kampjuni, jiġifieri mhux issostitwiti minn unitajiet oħrajn.

3. Reġistri għandhom jinżammu tar-riżultati ta’ kull dar u persuna li ntagħżlu għall-kampjun, li jagħmlu distinzjoni bejn (i) unitajiet eliġibbli mniżżlin b’suċċess, (ii) unitajiet eliġibbli mhux imniżżlin b’suċċess, (iii) unitajiet li ntagħżlu li ma nstabux li huma eliġibbli għall-istħarriġ u (iv) unitajiet mhux imniżżlin b’suċċess fejn l-istatus ta’ eliġibbiltá ma setatx tiġi ddeterminata. Raġunijiet għan-nuqqas li jiġu mniżżlin b’suċċess unitajiet eliġibbli għandhom jiġu rreġistrati, bl-identifikazzjoni ta’ mill-inqas il-kategoriji ewlenin bħal nuqqas ta’ kuntatt, tiċħid u inkapaċitá għal tweġiba (per eżempju minħabba mard). Ċirkostanzi ta’ unitajiet li nstabu li mhumiex eliġibbli jew fil-kategorija ta’ eliġibbiltá mhux ċerta għandhom ukoll jiġu rreġistrati.

4. Ir-rata ta’ prokura (proxy) għandha tinżamm limitata kemm hu possibbli għall-varjabbli personali tad-dħul u għal kwalunkwe varjabbli meħtieġa għal mill-inqas membru tad-dar wieħed ta’ 16-il sena jew aktar.

5. Fil-komponent tal-qasma tan-nofs u fl-ewwel sena ta’ kull panel li jikkostitwixxi l-komponent lonġitudinali, sostituzzjonijiet ikkontrollati jistgħu jitħallew biss fejn ir-rata tat-tweġibiet taqa’ taħt is-60 % u waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin isseħħ:

- indirizz mhux ikkuntattjat minħabba l-fatt li ma jistax jinstab jew mhux aċċessibbli,

- indirizz ikkuntattjat imma intervista mhux kompluta minħabba l-fatt li d-dar tiċħad li tikkopera, d-dar intiera hi temporanjament barra mid-dar jew id-dar ma tistax twieġeb.

L-ebda sostituzzjonijiet m’għandhom jitħallew għat-tieni stadju u stadji ta’ wara ta’ panel fil-komponent lonġitudinali.

Proċeduri għandhom jiġu segwiti biex jiġi assigurat li l-proċess ta’ sostituzzjoni hu kkontrollat sa l-ogħla estent possibbli. Dawn jinkludu l-użu ta’ disinn li jassigura li sostituti huma magħżula sabiex jaqblu mil-viċin ma’ l-unitajiet sostitwiti għal karatteristiċi importanti. Is-sostituzzjonijiet għandhom jitħallew biss wara sforzi speċjali ġew magħmulin biex jikkonvinċu ċaħdiet, u sejħiet lura sskedati b’mod xieraq ġew magħmulin lil oħrajn li ma wieġbux. Dar m’għandhiex tiġi ssostitwita minn dar oħra mhux tal-kampjun fl-istess indirizz.

6. DEWMIEN TA’ L-ISTĦARRIĠ U T-TEĦID TA’ ŻMIEN

1. L-intervall bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza tad-dħul u l-ħin ta’ l-intervista għall-persuna li twieġeb in kwistjoni għandu jkun limitat għal tmien xhur sa fejn hu possibbli. Dan japplika kemm għall-kampjuni tad-dar kif ukoll għall-kampjuni personali, u irrespettivament ta’ jekk il-perjodu ta’ referenza użat hu stabbilit fit-termini ta’ dati tal-kalendarju għall-kampjun sħiħ jew jekk hu perjodu ta’ referenza li jinbidel stabbilit skond it-teħid ta’ żmien ta’ l-intervista għad-dar jew persuna in kwistjoni.

2. B’ eċċezzjoni għall-paragrafu 1, jekk il-varjabbli tad-dħul huma miġburin minn reġistri l-intervall bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza tad-dħul u l-ħin ta’ l-intervista għall-varjabbli ta’ bħalissa għandu jkun limitat għal 12-il xahar.

3. Fejn id-data kollha huma miġbura permezz ta’ intervisti fil-qasam u perjodu ta’ referenza tad-dħul stabbilit hu wżat, id-dewmien totali tal-ġbir tad-data tal-kampjun għandu jiġi llimitat għal erba’ xhur sa fejn hu possibbli.

4. Fejn id-data huma miġbura permezz ta’ intervisti fil-qasam bl-użu ta’ perjodu ta’ referenza għad-dħul li jinbidel u d-dewmien tal-fieldwork jaqbeż it-tlett xhur, il-kampjun totali ta’ kull sena għandu jiġi maqsum approssimattivament b’mod ugwali bejn ix-xhur ta’ fieldwork. F’dan il-każ, id-dewmien totali tal-fieldwork għall-komponent tal-qasma tan-nofs u kull stadju tal-komponent lonġitudinali m’għandux jaqbeż 12-il xahar.

5. Għall-komponent lonġitudinali, il-ġbir jew kompilazzjoni ta’ data, għal unitá mogħtija (dar jew persuna), bejn stadji suċċessivi għandha tinżamm viċin kemm hu possibbli għal 12-il xahar.

7. PROĊEDURI TA’ IMPUTAZZJONI

7.1. Tipi ta’ data li mhijiex hemm

1. Kopertura u żbalji ta’ l-għażla tal-kampjun: per eżempju, fejn unitajiet fil-popolazzjoni target mhumiex irrappreżentati fil-kwadru tat-teħid tal-kampjuni, jew fejn il-probabbiltajiet ta’ l-għażla ta’ l-unitá huma mfixxklin, jew iseħħu żbalji ta’ l-għażla tal-kampjun oħrajn.

2. Nuqqas ta’ tweġiba ta’ l-unitá: jirreferi għal assenza ta’ informazzjoni dwar unitajiet sħaħ (djar u/jew persuni) li ntagħżlu fil-kampjun.

3. Nuqqas ta’ tweġiba ta’ l-unitá parzjali:

jiddeskrivi s-sitwazzjoni fejn xi wħud imma mhux il-membri tad-dar kolha eliġibbli u li ntagħżlu għall-intervista individwali ġew imniżżlin b’suċċess

4. Oġġett b’nuqqas ta’ tweġiba: jirreferi għas-sitwazzjoni fejn unitá tal-kampjun ġiet imniżżla b’suċċess, imma mhux l-informazzjoni kollha meħtieġa giet miksuba.

7.2. Karatteristiċi ta’ proċedura ta’ imputazzjoni

Żewġ tipi ta’ approċċ (li jistgħu jiġu wżati flimkien) setgħu jiġu applikati għad-data:

- Imputazzjoni: tirreferi għall-ġenerazzjoni ta’ informazzjoni li mhijiex hemm fuq il-bażi ta’ relazzjonijiet statistiċi interni għad-data stabbilita.

- Mudellar: jagħmel użu minn relazzjonijiet sostantivi u informazzjoni esterna għad-data stabbilita.

Il-proċedura applikata għad-data għandha żżomm varjazzjoni ta’ u korrelazzjoni bejn varjabbli. Metodi li jinkorporaw "komponenti ta’ l-iżball" fil-valuri imputati għandhom ikunu preferibbli għal dawk li sempliċiment jimputaw valur previst.

Metodi li jieħdu in kunsiderazzjoni l-istruttura ta’ korrelazzjoni (jew karatteristiċi oħrajn tad-distribuzzjoni konġunta tal-varjabbli) għandhom ikunu preferibbli għall-approċċ marġinali jew univarjat.

[1] Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[2] Ara l-paġna 34 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

Top