EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1788

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib

ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123–136 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2008; Imħassar b' 32007R1234

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1788/oj

32003R1788



Official Journal L 270 , 21/10/2003 P. 0123 - 0136


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003

tad-29 ta’ Settembru 2003

li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-aktar l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal-31 ta’ Marzu 1984, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [2], kien daħħal skema ta’ taxxa miżjuda f’dak il-qasam mit-2 ta’ April 1984. L-iskema ġiet imtawla ħafna drabi, l-aktar bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi taxxa miżjuda fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [3] u aktar riċenti, sal-31 ta’ Marzu 2008, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3950/92 li jwaqqaf taxxa miżjuda fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [4].

(2) Biex dawn it-tnejn igawdu mil-lezzjoni li ħadu u biex tkun imħaffa u ċċarata din l-iskema, ir-Regolament (KEE) Nru 3950/92 għandu jitħassar, waqt li r-regoli li jikkontrollaw l-iskema mtawla għandhom ikunu organizzati u ċċarati mill-ġdid.

(3) L-għan ewlieni ta’ l-iskema huwa li jitnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib u ż-żejjed strutturali li jirriżulta, biex b’hekk jintlaħaq bilanċ aħjar fis-suq. Għalhekk, din għandha tibqa’ tgħodd għal seba’ perjodi konsekuttivi oħra ta’ tnax-il xahar-il wieħed li jibdew mill-1 ta’ April 2008. Dawk il-perjodi għandhom jiżdiedu mal-perjodi li hemm imsemmija diġà fir-Regolament (KEE) Nru 3950/92.

(4) Il-metodu addottat fl-1984, li bih tkun applikata t-taxxa għall-kwantitajiet ta’ ħalib li jkun inġabar jew inbiegħ għall-konsum dirett ’il fuq minn ċertu limitu ta’ garanzija, għandu jinżamm. Dan il-limitu ta’ garanzija huwa ffissat għal kull Stat Membru bħala kwantità totali garantita għall-kontenut ta’ referenza tax-xaħam fil-ħalib.

(5) It-taxxa għandha tkun stabbilita fuq livell disswassiv u għandha titħallas mill-Istati Membri jekk il-kwantità tar-referenza nazzjonali tkun inqabżet. L-Istat Membru, imbagħad, għandu jaqsam il-piż tal-ħlas fost il-prodotturi li jkunu wasslu biex jinqabeż il-limitu. F’rabta ma’ l-Istat Membru, dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantità disponibbli tagħhom.

(6) L-Istati Membri għandhom iħallsu lill-FAEGG, it-Taqsima tal-Garanziji, it-taxxa li tkun tikkorrispondi għaż-żejjed ta’ l-ammont nazzjonali tagħhom. Din għandha titnaqqas b’rata fissa ta’ 1 % biex jitqiesu l-każijiet ta’ falliment jew in-nuqqas ta’ ħila definittiva min-naħa ta’ ċerti produtturi milli jikkontribwixxu għall-ħlas tat-taxxa dovuta.

(7) L-Istati Membri għandu jkollhom ċertu żmien biex jallokaw it-taxxa ħalli din tkun tista’ titħallas bejn il-produtturi u biex din iħallsuha lit-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG. Jekk dawn ma jkunux jistgħu jilħqu ż-żmien stabbilit, għandu jkun żgurat li l-ammonti dovuti jkunu disponibbli fit-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG, billi jnaqqsuhom mir-rifużjonijiet ta’ kull xahar magħmula lill-Istati Membri. Dan jinvolvi deroga mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2040/2000 tas-26 ta' Settembru 2000 dwar id-dixxiplina fl-estmi [5].

(8) Ir-Regolament (KEE) Nru 3950/92 jipprovdi li jkun hemm differenza bejn it-twassil u l-bejgħ dirett. L-esperjenza wriet li t-tmexxija għandha tkun imħaffa billi jkun ristrett it-twassil għall-ħalib sħiħ, waqt li jitħallew barra il-prodotti l-oħra tal-ħalib. Għalhekk, il-bejgħ dirett għandu minn issa ’l quddiem jinkludi l-bejgħ u t-trasferiment dirett tal-ħalib lill-konsumaturi, kif ukoll il-bejgħ u t-trasferimenti kollha ta’ prodotti oħra tal-ħalib.

(9) Għal kull kwantità ta’ referenza individwali għat-twassil għandu jkun hemm rata rappreżentattiva ta’ xaħam li tkun taqbel u li tkun stabbilita b’referenza għar-rati eżistenti u li jkunu jistgħu jinbidlu fi qbil ma’ regoli li għad iridu jkunu definiti. Ir-regoli jridu jkunu stabbiliti biex jiżguraw li d-differenza bejn il-medja tat-toqol tal-kontenuti rappreżentattivi individwali tax-xaħam u l-kontenut tar-referenza nazzjonali tax-xaħam li jkollu x’jaqsam tibqa’ waħda minima.

(10) Għandha titwaqqaf proċedura ħafifa biex taqsam il-kwantitajiet individwali tar-referenza bejn it-twassil u l-bejgħ dirett, b’obbligu li din tipprovdi lill-Kummissjoni bit-tagħrif meħtieġ biex tkun tista’ ssir dik l-allokazzjoni u tkun tista’ tinħadem it-taxxa. Din l-allokazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-kwantitajiet tar-referenza miżmuma mill-produtturi għall-perjodu ta’ tnax-il xahar li jibda fl-1 ta’ April 2003. L-għadd tal-kwantitajiet allokati lill-produtturi mill-Istati Membri ma jistax jaqbeż il-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali. Il-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali għandhom jitwaqqfu għall-perjodu ta’ ħdax il-xahar mill-1 ta’ April 2004, waqt li jqisu l-komponenti differeneti ta’ l-iskema ta’ qabel.

(11) Huwa meħtieġ li jitwaqqaf il-mod kif għandu jitqies il-kontenut tax-xaħam fil-ħalib meta tkun qed titfassal id-dikjarazzjoni definittiva tal-kwantitajiet li jkunu mwassla. Għandu jkun imlissen b’qawwa li taħt l-ebda ċirkustanza l-korrezzjonijiet individwali ’l isfel tal-kontenut tax-xaħam fil-ħalib imwassal jew is-separazzjoni tal-ħalib fil-komponenti differenti tiegħu ma jistgħu jwasslu biex ikun hemm tnaqqis fil-ħlas tat-taxxa għal kull kwantità li tkun f’ammonti ikbar mill-kwantità totali garantita fi Stat Membru. Minħabba l-kwantitajiet kkonċernati li wieħed jista’ jinjorahom, m’hemmx għalfejn li jkun meqjus il-kontenut tax-xaħam għall-bejgħ dirett.

(12) Biex ikun żgurat li l-iskema tkun qed taħdem tajjeb, il-kontribuzzjoni għat-taxxa dovuta mill-produtturi għandha tinġabar mix-xerrejja, li jkunu fl-aħjar posizzjoni biex jagħmlu t-transazzjonijiet meħtieġa. Għalhekk dawn għandhom jingħataw il-mezzi biex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu tabilħaqq jiġbru din il-kontribuzzjoni. Bil-maqlub ta’ dan, kull ammont miġbur li jkun jaqbeż it-taxxa dovuta mill-Istat Membru għandu jintuża biex dan jiffinanzja l-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u/jew jitħallas lura lil ċerti kategoriji ta’ produtturi jew lil dawk li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni mhux tas-soltu. Madankollu, fejn jinsab li l-ebda taxxa mhi dovuta mill-Istat Membru, kull avvanzi li jkunu nġabru għandhom jitħallsu lura.

(13) L-esperjenza wriet li biex titħaddem din l-iskema tippresupponi l-preżenza ta’ riżerva nazzjonali li bis-saħħa tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi l-produtturi jkunu jistgħu jiksbu kwantitajiet żejda jew li produtturi ġodda jkunu jistgħu jibdew, u li jkunu mgħammra mill-ġdid bi kwantitajiet li, għal-liema raġuni jkun, ma jkunux jew m’għadhomx aktar allokati individwalment. Biex l-Istat Membru jkun jista’ jilqa’ għal sitwazzjonijiet speċjali li jkunu stabbiliti bi kriterji oġġettivi, dan għandu jkun awtorizzat li jagħmel allokazzjonijiet għar-riżerva nazzjonali bi tnaqqis ġenerali fil-kwantitajiet tar-referenza kollha jew bi tnaqqis mit-trasferimenti definittivi ta’ dawn il-kwantitajiet.

(14) Biex ikun żgurat li l-amministrazzjoni ta’ l-iskema tibqa’ flessibbli, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jallokaw mill-ġdid il-kwantitajiet tar-referenza mhux użati fit-tmiem ta’ perjodu, jew lokalment jew bejn ix-xerrejja.

(15) L-użu tal-kwantitajiet tar-referenza min-naħa tal-produtturi jista’ jfixkel il-produzzjoni tal-ħalib milli din tiżviluppa kif suppost. Biex ma jkunx hemm problemi bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu li, fil-każijiet fejn ma jkunx hemm ħidma jew fejn ikun hemm nuqqas ta’ użu sostanzjali fuq perjodu twil ta’ żmien, il-kwantitajiet tar-referenza mhux użati għandhom imorru fir-riżerva nazzjonali biex dawn ikunu allokati mill-ġdid lil produtturi oħra. Madankollu, għandha ssir diżposizzjoni għall-każijiet fejn il-produtturi li temporanjament ma jkunux jistgħu jipproduċu jkunu jixtiequ jerġgħu jissuktaw bil-produzzjoni tagħhom.

(16) It-trasferiment temporanju ta’ partijiet mill-kwantitajiet individwali ta’ referenza fi Stati Membri li jkunu awtorizzaw dan wera li dan saħħaħ l-effettività ta’ l-iskema. Madankollu, dan il-mekkaniżmu m’għandux jitħaddem fejn jista’ jmur kontra x-xejriet strutturali u l-aġġustamenti li jkunu saru. Lanqas m’għandhom id-diffikultajiet amministrattivi li jinħolqu minħabba f’hekk ikunu stamti anqas. Lanqas il-produtturi ta’ qabel li jkunu rrinunzjaw il-produzzjoni m’għandhom jitħallew iżommu l-kwota tagħhom lil hinn miż-żmien li jkun verament meħtieġ biex din tkun ittrasferita għal produttur li ma jkunx attiv.

(17) Meta l-iskema ddaħħlet fl-1984, il-prinċipju stabbilit kien li meta razzett jinbiegħ, jingħata b’ċens jew ikun mgħoddi b’wirt, il-kwantità tar-referenza li tikkorrispondi tiġi ttrasferita lix-xerrej, lill-kerrej jew werriet flimkien ma’ l-art li għandha x’taqsam. Ikun xieraq li din id-deċiżjoni oriġinali tinbidel. Madankollu, id-diżposizzjonijiet nazzjonali biex ikunu mħarsa l-interessi leġittmi tal-partijiet għandhom jitħaddmu fil-każijiet kollha ta’ trasferiment fejn il-partijiet ma jkunux fi ftehim.

(18) Biex jissuktaw ir-ristrutturar tal-produzzjoni tal-ħalib u t-tijib fl-ambjent, għandhom isiru xi ftit eċċezzjonijiet għall-prinċipju li l-kwantitajiet tar-referenza huma marbutin ma rziezet, u l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jżommu l-għażla miftuħa biex iħaddmu programmi ta’ ristrutturar nazzjonali jew reġjonali. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati wkoll li jorganizzaw it-trasferiment tal-kwantitajiet tar-referenza f’modi oħra milli permezz ta’ transazzjonijiet individwali bejn il-produtturi.

(19) Fi qbil mat-tipi differenti ta’ trasferiment ta’ kwantitajiet ta’ referenza u bl-użu ta’ kriterji oġġettivi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jpoġġu parti mill-kwantitajiet trasferiti fir-riżerva nazzjonali.

(20) L-esperjenza dwar l-iskema ta’ taxxa miżjuda wriet li t-trasferiment tal-kwantitajiet tar-referenza permezz ta’ binjiet legali bħal ċnus, li mhux bilfors iwassal biex ikun hemm allokazzjoni fissa tal-kwantitajiet tar-referenza kkonċernati għall-persuna li lilha dawn se jiġu ttrasferiti, jista’ jkun fattur ta’ nefqa żejda għall-produzzjoni tal-ħalib, li allura tifa’ lura t-tijib fl-istrutturi tal-produzzjoni. Biex ikun imsaħħaħ l-effett li jirregola l-kwantitajiet tar-referenza fis-suq għall-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jagħtu kwantitajiet ta’ referenza, li jkunu ġew ittrasferiti permezz ta’ ċnus jew mezzi legali simili lir-riżerva nazzjonali. Dan biex dawn, waqt li jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, jitqassmu mill-ġdid lill-prodotturi attivi, l-aktar lil dawk li jkunu użawhom qabel. L-Istati Membri għandhom ikollhom ukoll id-dritt li jorganizzaw it-trasferiment tal-kwantitajiet tar-referenza b’mezzi għajr l-operazzjonijiet individwali bejn il-produtturi.

(21) Biex tkun evitata ż-żieda fin-nefqa tal-mezzi tal-produzzjoni jew biex ma jkunx hemm trattament mhux indaqs, għandu jkun imlissen b’qawwa li l-għajnuna finanzjarja pubblika kollha matul l-akkwist jew it-trasferiment tal-kwoti hija miżmuma.

(22) L-għan ewlieni tat-taxxa msemmija f’dan ir-Regolament huwa li jirranġa u jsaħħaħ is-suq fil-prodotti tal-ħalib. Id-dħul li jkun ġej minn din it-taxxa għandu għalhekk jintuża biex tkun iffinanzjata n-nefqa fil-qasam tal-ħalib.

(23) Il-miżuri meħtieġa biex jitħaddem dan ir-Regolament għandhom ikunu fi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li twaqqaf il-proċeduri biex ikunu mħaddma s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITLU 1 DIŻPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-Għan

1. Għal 11 il-perjodu konsekuttiv ta’ tnax-il xahar li jibdew mill-1 ta’ April 2004 (minn hawnhekk 'il quddiem imsejjaħ "il-perjodu ta’ tnax-il xahar"), qed tiddaħħal hawnhekk taxxa (minn hawnhekk 'il quddiem imsejħa "it-taxxa") fuq il-ħalib tal-baqra u tal-prodotti mill-ħalib li jkunu tqiegħdu fis-suq matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat fi kwantitajiet iżjed mill-kwantitajiet ta’ referenza nazzjonali ffissati fl-Anness I.

2. Dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu bejn il-produtturi fi qbil ma’ l-Artikolu 6, li jiddistingwi bejn it-twassil u l-bejgħ dirett kif imfisser fl-Artikolu 5. Kull żejjed li jkun hemm fil-kwantità tar-referenza nazzjonali u t-taxxa li tirriżulta għandhom ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru fuq livell nazzjonali u fi qbil mal-Kapitlu 3, waqt li ssir differenza bejn it-twassil u l-bejgħ dirett.

3. Il-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali li hemm fl-Anness I għandhom ikunu stabbiliti mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni possibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fis-suq u tal-kondizzjonijiet li jkun hemm f’uħud mill-Istati Membri.

Artikolu 2

It-Taxxa

It-taxxa għandha tkun stabbilita, għal kull 100 kilogramm ta’ ħalib, għal EUR 33,27 għall-perjodu 2004/2005, EUR 30,91 għall-perjodu 2005/2006, EUR 28,54 għall-perjodu 2006/2007 u EUR 27,83 għall-perjodu 2007/2008 u wara.

Artikolu 3

Il-Ħlas tat-taxxa

1. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għat-taxxa li tkun ġejja miż-żejjed tal-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali ffissati fl-Anness I, li jkunu ġew stabbiliti fuq livell nazzjonali u b’mod separat għat-twassil u l-bejgħ dirett. Qabel l-1 ta’ Ottubru wara l-perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat, dawn għandhom iħallsuha fi ħdan il-limitu ta’ 99 % ta’ l-ammont dovut fil-Fond Agrikolu Ewropew dwar il-Gwida u l-Garanzija (FAEGG).

2. Jekk it-taxxa msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tħallset qabel id-data dovuta, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar il-Gwida u l-Garanzija, il-Kummissjoni għandha tnaqqas somma li tkun daqsinsew għat-taxxa mhix imħallsa mill-avvanzi ta’ kull xahar fuq id-diżposizzjoni għan-nefqa li l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [7]. Qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru kkonċernat, li dan għandu jiċċara l-posizzjoni magħrufa tiegħu fi żmien ġimgħa. Id-diżposizzjoni ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2040/2000 m’għandux ikun jgħodd.

3. Il-Kummissjoni għandha twaqqaf l-arranġamenti għat-tħaddim ta’ dan l-Artikolu fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 4

Il-Kontribuzzjoni tal-produtturi għat-taxxa dovuta

I-taxxa għandha tkun allokata kollha kemm hi, fi qbil mad-diżposizzjonijiet ta’ l-Artikli 10 u 12, bejn il-produtturi li jkunu wasslu biex ikun hemm iż-żejjed fil-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 12(1) u f’rabta ma’ l-Istat Membru, il-produtturi għandhom ikunu responsabbli għall-ħas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta. Din għandha tinħadem fi qbil mad-diżposizzjonijiet tal-Kapitlu 3, minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantitajiet tar-referenza disponibbli tagħhom.

Artikolu 5

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "ħalib" għandu jfisser il-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar;

(b) "prodotti oħra tal-ħalib" tfisser kull prodott tal-ħalib għajr il-ħalib, l-aktar ħalib xkumat, krema, butir, yoghurt u ġobnijiet; meta jkun jgħodd, dawn jistgħu jinbidlu f’"ekwivalenti tal-ħalib" billi jkunu applikati l-koeffiċjenti li għandhom jiġu ffissati fi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2);

(ċ) "prodottur" tfisser il-bdiewa kif imfisser fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jwaqqaf ir-regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u skemi ta’ appoġġ għall-produtturi ta' ċerti uċuħ tar-raba [8], li jkollhom azjenda li tkun fit-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru, li jipproduċu u jbiegħu l-ħalib jew li qed iħejju li jagħmlu hekk fil-ġejjieni qrib;

(d) "azjenda" tfisser azjenda kif imfisser fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003;

(e) "xerrej" tfisser l-impriżi jew gruppi li jixtru l-ħalib mingħand il-produtturi biex:

- jiġbruh, jippakkjawh, jaħżnuh, ikessħuh u jipproċessawh, inkluż taħt appalti,

- ibigħuh lil impriża waħda jew aktar li jkunu jittrattaw jew jipproċessaw il-ħalib jew prodotti oħra mill-ħalib.

Madankollu, kull grupp ta’ xerrejja fl-istess żona ġeografika li jwettaq il-ħidmiet amministrattivi u finanzjarji meħtieġa għall-ħlas tat-taxxa f’isem il-membri tiegħu għandu jitqies bħala xerrej. Għall-għanijiet ta’ l-ewwel sentenza ta’ dan is-sotto-paragrafu, il-Greċja għandha tiqies bħala żona ġeografika waħda u din tista’ tqis entità uffiċjali bħala grupp ta’ xerrejja kif hemm isemmi fuq;

(f) "twassil" tfisser kull twassil ta’ ħalib, li ma jkunx jinkludi prodotti oħra tal-ħalib, mill-produttur għal għand ix-xerrej, kemm jekk it-trasport isir mill-produttur, mix-xerrej, minn impriża li tkun tipproċessa jew tittratta dawn il-prodotti, jew inkella minn xi terza parti;

(g) (ġ) "bejgħ dirett" tfisser kull bejgħ jew trasferiment dirett ta’ ħalib mill-produttur għal għand il-konsumaturi, kif ukoll kull bejgħ jew trasferiment ta’ prodotti oħra tal-ħalib mill-produttur. Il-Kummissjoni tista’, fi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2) u waqt li din tirrispetta d-definizzjoni tat-"twassil" isemmija f’(f) ta’ dan l-Artikolu, taġġusta d-definizzjoni ta’ "bejgħ dirett" biex tiżgura, l-aktar, li l-ebda kwantità ta’ ħalib jew prodotti oħra tal-ħalib mqiegħedha fis-suq ma jitħallew barra mill-arranġamenti tat-taxxa;

(g) "mqiegħda fis-suq" tfisser it-twassil tal-ħalib jew il-bejgħ dirett tal-ħalib jew prodotti tal-ħalib;

(i) (għ) "kwantità nazzjonali tar-referenza" tfisser il-kwantità tar-referenza ffissata fl-Anness I għal kull Stat Membru;

(h) "kwantità individwali tar-referenza" tfisser il-kwantità tar-referenza ta’ produttur fl-1 ta’ April ta’ kull perjodu ta’ tnax-il xahar;

(k) (ħ) "kwantità tar-referenza disponibbli" tfisser il-kwantità tar-referenza disponibbli għall-produtturi fil-31 ta’ Marzu tal-perjodu ta’ tnax-il xahar li għalihom trid tinħadem it-taxxa, waqt li jitqiesu t-trasferimenti kollha, il-bejgħ, il-bidliet u l-allokazzjonijiet temporanji mill-ġdid li hemm imsemmija f’dan ir-Regolament li jkunu saru matul dak il-perjodu ta’ tnax-il xahar.

KAPITLU 2 L-ALLOKAZZJONI TAL-KWANTITAJIET TAR-REFERENZA

Artikolu 6

Il-Kwantitajiet individwali tar-referenza

1. Qabel l-1 ta’ Ġunju 2004 l-Istati Membri għandhom iwaqqfu l-kwantitajiet individwali ta’ referenza tal-produtturi fuq il-bażi tal-kwantità individwali tar-referenza jew il-kwantitajiet allokati fi qbil ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92 matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar li jibda fl-1 ta’ April 2003.

2. Il-produtturi jista’ jkollhom kwantità individwali ta’ referenza waħda jew tnejn, waħda għat-twassil u l-oħra għall-bejgħ. Il-kwantitajiet ta’ produttur jistgħu jinbidlu biss minn kwantità ta’ referenza waħda għall-oħra mill-awtorità lokali kompetenti ta’ l-Istat Membri, fuq it-talba ġġustifikata kif xieraq tal-produttur.

3. Fejn il-produttur ikollu żewġ kwantitajiet ta’ referenza, il-kontribuzzjoni tiegħu għal kull taxxa dovuta għandha tinħadem separatament għal kull waħda.

4. Il-parti tal-kwantità nazzjonali tar-referenza tal-Finlandja li hija allokata għat-twassil imsemmi fl-Artikolu 1 tista’ tiżdied fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2) biex din tikkumpensa lill-produtturi SLOM tal-Finlandja sa 200000 tunnellata. Din ir-riżerva, li għandha tkun allokata fi qbil mal-liġi tal-Komunità, għandha tintuża esklussivament f’isem il-produtturi li kellhom id-dritt tagħhom li jerġgħu jibdew jipproduċu affettwat bl-adeżjoni.

5. Il-kwantitajiet individwali tar-referenza jistgħu jinbidlu, meta jkun xieraq, għal kull perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat, biex, għal kull Stat Membru, l-għadd tal-kwantitajiet individwali tar-referenza għat-twassil u dak għall-bejgħ dirett ma jaqbżux il-parti li tikkorrispondi tal-kwantità nazzjonali tar-referenza addattata fi qbil ma’ l-Artikolu 8, waqt li jitqies ukoll kull tnaqqis li jsir għall-allokazzjoni għar-riżerva nazzjonali kif imfisser fl-Artikolu 14.

Artikolu 7

L-Allokazzjoni tal-kwantitajiet mir-riżerva nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jadottaw ir-regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-kwantitajiet kollha jew ta’ parti minnhom lill-produtturi mir-riżerva nazzjonali, kif imfisser fl-Artikolu 14, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

KAPITLU 3 KIF TINĦADEM IT-TAXXA

Artikolu 8

L-Amministrazzjoni tal-kwantitajiet tar-referenza

1. Fi qbil mal-proċedura imfissra fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni għandha taddatta, għal kull Stat Membru u għal kull perjodu, qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu, il-qsim bejn "it-twassil" u "l-bejgħ dirett" tal-kwantitajiet nazzjonali tar-referenza. Dan fid-dawl tal-bidliet mitluba mill-produtturi bejn il-kwantitajiet individwali tar-referenza għat-twassil u l-bejgħ.

2. Ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, bid-dati u skond ir-regoli li għandhom jiġu ffissati fi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2), it-tagħrif meħtieġ għal biex:

(a) ikun jista’ jsir l-addattament imsemmi fil-paragrafu 1;

(b) tinħadem it-taxxa li għandha titħallas minnhom.

Artikolu 9

Il-Kontenut ta’ xaħam

1. Kull produttur għandu jkollu kontenut ta’ xaħam ta’ referenza, li għandu jkun jgħodd għall-kwantità jew kwantitajiet individwali ta’ referenza li jiġu allokati lil dak il-produttur.

2. Għall-kwantitajiet tar-referenza mogħtija lill-produtturi sal-31 ta’ Marzu 2004 fi qbil ma’ l-Artikolu 6(1), il-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun l-istess bħall-kontenut ta’ xaħam ta’ referenza ta’ dik il-kwantità f’dik id-data.

3. Dak il-kontenut għandu jinbidel matul il-konverżjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) u fejn il-kwantitajiet tar-referenza jkunu nkisbu jew ġew trasferiti, taħt ir-regoli li għandhom ikunu stabbiliti fi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2).

4. Għall-produtturi l-ġodda li jkollhom kwantità individwali ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali għat-twassil totali, il-kontenut tax-xaħam għandu jkun iffissat fi qbil mar-regoli msemmija fl-Artikolu 23(2).

5. Il-kontenut individwali tax-xaħam ta’ referenza imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun aġġustat, meta jkun xieraq, meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament u minn hemm ’il quddiem, fil-bidu tal-perjodu ta’ tnax-il xahar skond kif ikun meħtieġ, biex, għal kull Stat Membru, il-medja tat-toqol tal-kontenuti rappreżentattivi u individwali tax-xaħam ma tkunx taqbeż aktar minn 0,1 gram għal kull kg tal-kontenut ta’ referenza tax-xaħam stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 10

It-Taxxa fuq it-twassil

1. Biex titfassal id-dikjarazzjoni definittiva tat-taxxa, il-kwantitajiet imwassla minn kull produttur għandhom jiżdiedu jew jintaqqsu biex jirriflettu kull differenza bejn il-kontenut ta’ xaħam reali u l-kontenut tar-referenza tax-xaħam, billi jintużaw koeffiċjenti u fuq termini li għandhom ikunu stabbiliti fi qbil ma’ l-Artikolu 23(2).

2. Fejn, fuq livell lokali, l-għadd tat-twassil aġġustat fi qbil mal-paragrafu 1 ikun inqas mit-twassil li jkun sar fil-fatt, it-taxxa għandha tinħadem fuq il-bażi ta’ din ta’ l-aħħar. F’każijiet bħal dawn, kull aġġustament ’l isfel għandu jitnaqqas proporzjonalment biex is-somma tat-twassil aġġustat tiġi fi qbil mat-twassil li jkun sar fil-fatt.

Fejn is-somma tat-twassil aġġustat fi qbil mal-paragrafu 1 tkun ikbar mit-twassil li jkun sar fil-fatt, it-taxxa għandha tinħadem fuq il-bażi ta’ dik ta’ l-ewwel.

3. Kull kontribuzzjoni ta’ produttur għall-ħlas tat-taxxa għandha tkun stabbilita b’deċiżjoni mill-Istat Membru, wara li kull parti mhix użata tal-kwantità tar-referenza lokali li tkun ġiet allokata għat-twassil tkun jew ma tkunx ġiet allokata mill-ġdid, fi proporzjon għall-kwantitajiet tar-referenza individwali ta’ kull produttur jew skond kriterji oġġettivi li għandhom jitwaqqfu mill-Istati Membri:

(a) jew fuq livell lokali fuq il-bażi ta’ l-ammont li bih kull kwantità tar-referenza ta’ produttur tkun inqabżet,

(b) jew l-ewwel fuq il-livell tax-xerrej u minn hemm ’il quddiem fuq livell nazzjonali meta jkun xieraq.

Artikolu 11

Ir-Rwol tax-xerrejja

1. Ix-xerrejja għandhom ikunu resposnabbli biex jiġbru mingħand il-produtturi l-kontribuzzjonijiet dovuti mingħand dawn ta’ l-aħħar minħabba t-taxxa. Huma għandhom ukoll iħallsu lill-entità kompetenti ta’ l-Istat Membru, qabel data u wara proċedura li għandha titwaqqaf fi qbil ma’ l-Artikolu 23(2), l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet li jkunu tnaqqsu mill-prezz tal-ħalib imħallas lill-prodottur responsabbli mill-kwantitajiet żejda jew, jekk ma jagħmlux dan, nġabru b’mezzi oħra xierqa.

2. Fejn xerrej jibdel kompletament jew parzjalment xi xerrej jew xerrejja, il-kwantitajiet individwali ta’ referenza disponibbli lill-produtturi għandhom jitqiesu għall-bqija tal-perjodu ta’ tnax-il xahar li jkun għadu għaddej, wara t-tnaqqis tal-kwantitajiet li jkunu twasslu diġà u waqt li jkun meqjus ukoll il-kontenut tax-xaħam tagħhom. L-istess diżposizzjonijiet għandhom jgħoddu fejn produttur jittrasferixxi minn xerrej għall-ieħor.

3. Fejn, matul il-perjodu tar-referenza, il-kwantitajiet imwassla minn produttur ikunu jaqbżu dik il-kwantità tar-referenza disponibbli tal-produttur, l-Istat Membru rilevanti jista’ jiddeċiedi li x-xerrej għandu jnaqqas parti mill-prezz tal-ħalib li l-produttur ikkonċernat ikun wassallu fi kwantitajiet aktar mill-kwantità tar-referenza, billi jkun hemm avvanz fuq il-kontribuzzjoni tal-produttur, fi qbil ma’ regoli dettaljati stabbiliti mill-Istat Membru. Fejn il-produttur ikun qed jagħmel twassil lil ħafna xerrejja, l-Istat Membru jista’ jagħmel arranġamenti speċjali biex ix-xerrejja jkunu jistgħu jnaqqsu dan l-avvanz.

Artikolu 12

It-Taxxa fuq il-bejgħ dirett

1. Fil-każ ta’ bejgħ dirett, kull kontribuzzjoni ta’ produttur għall-ħas tat-taxxa għandha tkun stabbilita b’deċiżjoni mill-Istat Membru, wara li kull parti mhix użata tal-kwantità nazzjonali tar-referenza li tkun ġiet allokata għall-bejgħ dirett tkun jew ma tkunx ġiet allokata mill-ġdid, fuq livell territorjali xieraq jew inkella fuq livell nazzjonali.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-bażi ta’ kif għandha tinħadem il-kontribuzzjoni tal-produttur għat-taxxa dovuta fuq il-kwantità totali ta’ ħalib mibjugħ, trasferit jew użat għall-manifattura ta’ prodotti tal-ħalib, jew inkella ttrasferit billi jintużaw kriterji ffissati fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).

3. M’għandha titqies l-ebda korrezzjoni fil-kontenut ta’ xaħam biex titfassal id-dikjarazzjoni definittiva tat-taxxa.

4. Kif u meta t-taxxa għandha titħallas lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandu jiġi stabbilit fi qbil mal-proċedura li hemm fl-Artikolu 23(2).

KAPITLU 4 L-AMMINISTRAZZJONI TAT-TAXXA

Artikolu 13

L-ammonti żejda li jkunu tħallsu jew dawk li ma jkunux tħallsu

1. Fejn, fil-każ ta’ twassil jew bejgħ dirett, it-taxxa tinstab li għandha titħallas u l-kontribuzzjoni miġbura mill-produttur tkun ikbar minn dik it-taxxa, l-Istat Membru jista’:

(a) juża b’mod sħiħ jew parzjalment dak l-ammont żejjed biex dan jiffinanzja l-miżuri msemmija fl-Artikolu 18(1)(a), u/jew

(b) jerġa’ jqassamha mill-ġdid, parzjalment jew b’mod sħiħ, lill-produtturi li jaqgħu fi ħdan il-kategoriji ta’ prijorità stabbiliti mill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u fi ħdan il-perjodu li għandu jkun stabbilit fi qbil mal-proċedura li hemm fl-Artikolu 23(2), jew dawk li jkunu affettwati b’sitwazzjoni mhix tas-soltu li tkun ġejja minħabba regola lokali li ma tkunx marbuta ma’ l-iskema preżenti.

2. Fejn isir magħruf li l-ebda taxxa m’għandha titħallas, kull avvanzi miġbura mix-xerrejja jew l-Istat Membru għandhom jitħallsu lura sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-perjodu ta’ tnax-il xahar ta’ wara.

3. Fejn ix-xerrej ma jilħaqx l-obbligu li jiġbor il-kontribuzzjoni tal-produtturi għat-taxxa fi qbil ma’ l-Artikolu 11, l-Istat Membru jista’ jiġbor l-ammonti mhux imħallsa mingħand il-produtturi, mingħajr preġudizzju għal xi penali li dan jista’ jimponi fuq ix-xerrej li jkun naqas.

4. Fejn il-produttur jew ix-xerrej jonqos milli jħares il-limitu taż-żmien għall-ħlas, dawn għandhom iħallsu lill-Istat Membru l-interessi fuq l-arretrati li għandhom jiġu ffissati fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 14

Ir-Riżerva nazzjonali

1. Kull Stat Membru għandu jwaqqaf riżerva nazzjonali bħala parti mill-kwantitajiet iffissati fl-Anness I, l-aktar biex isiru l-allokazzjonijiet isemmija fl-Artikolu 7. Ir-riżerva nazzjonali għandha tkun mgħammra, kif xieraq, billi jittieħdu lura uħud mill-kwantitajiet kif imfisser fl-Artikolu 15, waqt li tinżamm parti mit-trasferimenti kif imfisser fl-Artikolu 19, jew billi jsir tnaqqis ġenerali fil-kwantitajiet individwali kollha tar-referenza. Il-kwantitajiet imsemmija għandhom iżommu l-għan oriġinali tagħhom, i.e. it-twassil jew il-bejgħ dirett.

2. Kull kwantità ta’ referenza miżjuda li tkun allokata lil Stat Membru għandha titpoġġa awtomatikament fir-riżerva nazzjonali u mqassma fi twassil u bejgħ dirett skond il-ħtiġiet li wieħed ikun qed jistenna.

3. Il-kwantitajiet impoġġija fir-riżerva nazzjonali m’għandhomx ikollhom kontenut ta’ referenza tax-xaħam.

Artikolu 15

Każijiet fejn ma jkunx hemm ħidma

1. Meta persuna fiżika jew legali li jkollha kwantitajiet individwali ta’ referenza ma tkunx għadha tilħaq il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(ċ) matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar, dawn il-kwantiajiet għandhom imorru fir-riżerva nazzjonali sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April tas-sena kalendarja ta’ wara, ħlief fejn dan jerġa’ jsir għal darb’oħra produttur kif imfisser fl-Artikolu 5(ċ) sa mhux aktar tard minn dik id-data.

Fejn il-persuna jew l-entità kkonċernata terġa’ ssir produttur sa mhux aktar tard mit-tmiem tat-tieni perjodu ta’ tnax-il xahar minn wara l-irtirat tagħha, il-kwantità individwali tar-referenza kollha jew parti minnha li tkun ġiet irtirata minn dik il-persuna jew entità għandha tmur lura għandu jew għandha sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April minn wara d-data ta’ l-applikazzjoni.

2. Fejn il-produtturi ma jpoġġux fis-suq kwantità li tkun mill-inqas ugwali għal 70 % tal-kwantità inividwali tar-referenza tagħhom matul mill-inqas perjodu wieħed ta’ tnax-il xahar, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi jekk u fuq liema kondizzjonijiet il-kwantità tar-referenza kollha jew parti minnha li ma tkunx ġiet użata għandhiex tmur għar-riżerva nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu fuq liema kondizzjonijiet kwantità ta’ referenza għandha tkun allokata mill-ġdid lill-produttur ikkonċernat jekk dan jerġa’ jissokta bit-tpoġġija tal-prodott tiegħu fis-suq.

3. Madankollu, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu jgħoddu f’każijiet ta’ forza maġġuri u f’każijiet iġġustifikati kif xieraq li jkunu qed jaffettwaw temporanjament il-kapċità tal-produzzjoni tal-produttur ikkonċernat u li jkunu magħrufa mill-awtorità lokali kompetenti.

Artikolu 16

It-Trasferimenti temporanji

1. Sat-tmiem ta’ kull perjodu ta’ tnax-il xahar, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw, għall-perjodu kkonċernat, kull trasferimenti temporanji ta’ parti tal-kwantitajiet individwali tar-referenza li l-produtturi li huma intitolati għalihom ma jkunux beħsiebhom jużawhom.

L-Istati Membri jistgħu jirregolaw il-ħidmiet ta’ trasferiment skond il-kategoriji tal-produtturi jew ta’ l-istrutturi tal-produzzjoni tal-ħalib ikkonċernati, jistgħu jillimitawhom għal-livell tax-xerrej jew f’reġjuni, jawtorizzaw it-trasferiment komplut fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3), kif ukoll jistabilixxu sa fejn min qed jittrasferixxi jkun jista’ jirrepeti l-ħidmiet ta’ trasferiment.

2. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jħaddimx il-pargrafu 1 fuq il-bażi ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a) il-ħtieġa li jkunu mħaffa t-tibdil strutturali u l-aġġustamenti,

(b) is-sebqa tal-ħtiġiet amministrattivi.

Artikolu 17

It-trasferimenti tal-kwantitajiet ta’ referenza flimkien ma’ l-art

1. Il-kwantitajiet individwali ta’ referenza għandhom ikunu ttrasferiti ma’ l-azjenda lill-produtturi, li dawn jeħduha meta tinbiegħ, tingħata b’ċens, tiġi ttrasferita b’wirt attwali jew antiċipat jew inkella b’mezzi oħra li jinvolvu effetti legali kumparabbli lill-produtturi, fi qbil mar-regoli dettaljati li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri, waqt li jitqiesu ż-żoni użati għall-produzzjoni tal-ħalib jew kriterji oġġettivi oħra u, fejn ikun jgħodd, kull ftehim li jsir bejn il-partijiet. Il-parti tal-kwantità tar-referenza li, fejn ikun jgħodd, ma tkunx ġiet ittrasferita ma’ l-azjenda, għandha tiżdied għar-riżerva nazzjonali.

2. Fejn il-kwantitajiet tar-referenza jkunu ġew ittrasferiti fi qbil mal-paragrafu 1 permezz ta’ ċnus rurali jew b’mezzi oħra li jinvolvu effetti legali simili, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u bil-ħsieb li jiżguraw li l-kwantitajiet tar-referenza jingħataw biss lill-produtturi, li l-kwantità tar-referenza m’għandhiex tiġi ttrasferita lill-azjenda.

3. Fejn l-art tkun ittrasferita lill-awtoritajiet pubbliċi u/jew għall-użu pubbliku, jew fejn it-trasferiment isir għal raġunijiet li ma jkunux marbuta ma’ l-agrikoltura, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dawn iħarsu l-interessi leġittmi tal-partijiet, u l-aktar li l-produtturi li jirrinunzjaw din l-art jkunu f’posizzjoni li jissuktaw, jekk jixtiequ, bil-produzzjoni tagħhom tal-ħalib.

4. Fejn ma jkun hemm l-ebda ftehim bejn il-partijiet, fil-każ ta’ qbiela li jkunu waslu biex jintemmu mingħajr ma jkun hemm il-possibbiltà ta’ tiġdid fuq termini simili, jew f’sitwazzjonijiet li jinvolvu effetti legali simili, il-kwantitajiet individwali tar-referenza in kwistjoni għandhom jiġu mgħoddija kollha jew parzjalment lill-produtturi li jeħduhom, fi qbil mad-diżposizzjonijiet addottati jew li se jkunu addottati mill-Istati Membri, waqt li jitqiesu l-interessi leġittmi tal-partijiet.

Artikolu 18

Miżuri ta’ trasferimenti speċjali

1. Bil-ħsieb li l-produzzjoni tal-ħalib tkun ristrutturata tajjeb jew li jitjieb l-ambjent, l-Istati Membri jistgħu, fi qbil ma’ regoli dettaljati li dawn għandhom jistabbilixxu waqt li jqisu l-interessi leġittmi tal-partijiet ikkonċernati:

(a) jagħtu kumpens fi ħlas parzjali annwali wieħed jew aktar lill-produtturi li jiddeċiedu li jabbandunaw għal dejjem il-produzzjoni tal-ħalib kollha tagħhom jew ta’ parti minnha u jpoġġu il-kwantitajiet tar-referenza individwali mħollija fir-riżerva nazzjonali;

(b) jistabilixxu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi l-kondizzjonijiet li fuqhom il-produtturi jistgħu jiksbu, wara li jkunu ngħataw ħlas, fil-bidu tal-perjodu ta’ tnax-il xahar, l-allokazzjoni mill-ġdid mill-awtorità kompetenti jew minn entità maħtura minn dik l-awtorità tal-kwantitajiet individwali tar-referenza mħollija definittivament fl-aħħar tal-perjodu ta’ tnax-il xahar ta’ qabel mill-produtturi l-oħra wara li jkunu ngħataw kumpens fi ħlas parzjali annwali wieħed jew aktar li jkun ugwali għall-ħlas imsemmi fuq;

(ċ) jiċċentralizzaw u jħarsu t-trasferimenti tal-kwantitajiet tar-referenza mingħajr l-art;

(d) jipprovdu, fil-każ ta’ art mgħoddija bil-ħsieb li jitjieb l-ambjent, għall-kwantità individwali tar-referenza kkonċernata li għandha tingħata lil produttur li jirrinunzja l-art iżda li jkun jixtieq jissokta bil-produzzjoni tal-ħalib;

(e) jistabilixxu, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, ir-reġjuni jew ż-żoni ta’ ġbir li fihom ikun awtorizzat it-trasferiment permanenti tal-kwantitajiet tar-referenza mingħajr it-trasferiment ta’ l-art li tkun tikkorrispondi, bil-ħsieb li titjieb l-istruttura tal-produzzjoni tal-ħalib;

(f) jawtorizzaw, wara li tkun saret applikazzjoni mill-produttur lill-awtorità kompetenti jew lil entità maħtura minn dik l-awtorità, it-trasferiment definittiv tal-kwantitajiet tar-referenza mingħajr ma jsir it-trasferiment ta’ l-art li tkun tikkorrispondi, jew bil-maqlib, bil-ħsieb li titjieb l-istruttura tal-produzzjoni tal-ħalib fuq il-livell ta’ l-azjenda jew biex tkun tista’ tiżdied il-produzzjoni.

2. Id-diżposizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jitħaddmu fuq livell nazzjonali, fuq il-livell territorjali xieraq jew f’żoni apposta tal-ġbir.

Artikolu 19

Iż-żamma ta’ parti tat-trasferimenti

1. Fil-każ ta’ trasferimenti kif hemm imsemmi fl-Artikli 17 u 18, l-Istati Membri jistgħu, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, iżommu parti mill-kwantità individwali tar-referenza għar-riżerva nazzjonali tagħhom.

2. Fejn il-kwantitajiet tar-referenza jkunu ġew jew ikunu qed jiġu mgħoddija fi qbil ma’ l-Artikli 17 u 18 bl-art li tkun tikkorrispondi jew mingħajrha permezz ta’ ċnus rurali jew b’mezzi oħra li jinvolvu effetti legali simili, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u bil-ħsieb li jiżguraw li l-kwantitajiet tar-referenza jingħataw biss lill-produtturi, jekk u taħt liema kondizzjonijiet il-kwantità tar-referenza, li tkun ġiet ittrasferita kollha jew f’parti minnha, għandhiex tmur fir-riżerva nazzjonali.

Artikolu 20

L-Għajnuna għall-akkwist tal-kwantitajiet tar-referenza

Taħt dan ir-Regolament, l-ebda awtorità pubblika m’għandha tagħti xi għajnuna finanzjarja li tkun marbuta direttament ma’ l-akkwist ta’ kwoti għall-bejgħ, it-trasferiment jew l-allokazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ referenza.

Artikolu 21

L-Approvazzjoni

L-istat ta’ xerrej għandu jkun jiddependi minn approvazzjoni minn qabel mill-Istat Membru fi qbil ma’ kriterji li għandhom jitwaqqfu fi qbil ma’ l-Artikolu 23(2).

Il-kondizzjonijiet li għandhom jitwettqu u t-tagħrif li għandu jingħata mill-produtturi fil-każ ta’ bejgħ dirett għandhom jiġu ffissati fi qbil mal-proċedura li hemm fl-Artikolu 23(2).

KAPITLU 5 DISPOŻIZZJONIJIET TEMPORANJI U FINALI

Artikolu 22

L-Applikazzjoni tat-taxxa

It-taxxa għandha titqes bħala intervent biex jibbilanċja s-swieq agrikoli u għandha tkun applikata biex tiffinanzja n-nefqa fis-settur tal-ħalib.

Artikolu 23

Il-Kumitat tat-Tmexxija

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tat-Tmexxija tal-Ħalib u tal-Prodotti tal-Ħalib imwaqqaf bl-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [9], li minn hawnhekk 'il quddiem qed jissejjaħ "Il-Kumitat".

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu mogħti fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu tal-Proċedura.

Artikolu 24

Il-Miżuri ta’ l-implimentazzjoni

Il-miżuri meħtieġa għat-tħaddim ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu addottati fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 25

It-Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 3950/92 qed ikun hawnhekk imħassar mill-1 ta’ April 2004.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw fi qbil mat-tabella tat-tqabbil li hemm fl-Anness III.

Artikolu 26

Miżuri temporanji

Kull miżuri temporanji meħtieġa biex iħaffu it-tħaddim tat-tibdil fl-iskema msemmija f’dan ir-Regolament għandhom ikunu addottati fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 27

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-sehh fit-tielet gurnata wara li jigi ppubblikat fil-Gurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jkun jgħodd mill-1 ta’ April 2004, għajr l-Artikli 6 u 24, li dawn għandhom ikunu jgħoddu mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Settembru 2003.

F’isem il-Kunsill

G. Alemanno

Il-President

[1] L-opinjoni mogħtija fil-5 ta’ Ġunju 2003 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 90, ta’ l-1.04.1984, p. 10.

[3] ĠU L 405, tal-31.12.1992, pġ. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2028/2002 (ĠU L 313, tas-16.11.2002, pġ. 3).

[4] ĠU L 160, tas-26.06.99, p. 73.

[5] ĠU L 244, tad-29.09.2000, p. 27.

[6] ĠU L 184, tas-17.07.1999, p. 23.

[7] ĠU L 160, tas-26.06.1999, p. 103.

[8] Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[9] ĠU L 160, tas-26.06.1999, p. 48.

--------------------------------------------------

ANNESS I

IL-KWANTITAJIET TA’ REFERENZA

(a) Perjodu 2004/2005

L-Istati Membri | Kwantitajiet, tunnellati |

Il-Belġju | 3310431,000 |

Id-Danimarka | 4455348,000 |

Il-Ġermanja | 27864816,000 |

Il-Greċja | 820513,000 |

Spanja | 6116950,000 |

Franza | 24235798,000 |

L-Irlanda | 5395764,000 |

L-Italja | 10530060,000 |

Il-Lussemburgu | 269049,000 |

L-Olanda | 11074692,000 |

L-Awstrija | 2749401,000 |

Il-Portugall | 1870461,000 |

Il-Finlandja | 2407003,324 |

L-Isvezja | 3303000,000 |

Ir-Renju Unit | 14609747,000 |

(b) Perjodu 2005/2006

L-Istati Membri | Kwantitajiet, tunnellati |

Il-Belġju | 3310431,000 |

Id-Danimarka | 4455348,000 |

Il-Ġermanja | 27864816,000 |

Il-Greċja | 820513,000 |

Spanja | 6116950,000 |

Franza | 24235798,000 |

L-Irlanda | 5395764,000 |

L-Italja | 10530060,000 |

Il-Lussemburgu | 269049,000 |

L-Olanda | 11074692,000 |

L-Awstrija | 2749401,000 |

Il-Portugall | 1920461,000 |

Il-Finlandja | 2407003,324 |

L-Isvezja | 3303000,000 |

Ir-Renju Unit | 14609747,000 |

(ċ) Perjodu 2006/2007

L-Istati Membri | Kwantitajiet, tunnellati |

Il-Belġju | 3326983,000 |

Id-Danimarka | 4477624,000 |

Il-Ġermanja | 28004140,000 |

Il-Greċja | 820513,000 |

Spanja | 6116950,000 |

Franza | 24356977,000 |

L-Irlanda | 5395764,000 |

L-Italja | 10530060,000 |

Il-Lussemburgu | 270394,000 |

L-Olanda | 11130066,000 |

L-Awstrija | 2763148,000 |

Il-Portugall | 1929824,000 |

Il-Finlandja | 2419025,324 |

L-Isvezja | 3319515,000 |

Ir-Renju Unit | 14682697,000 |

(d) Perjodu 2007/2008

L-Istati Membri | Kwantitajiet, tunnellati |

Il-Belġju | 3343535,000 |

Id-Danimarka | 4499900,000 |

Il-Ġermanja | 28143464,000 |

Il-Greċja | 820513,000 |

Spanja | 6116950,000 |

Franza | 24478156,000 |

L-Irlanda | 5395764,000 |

L-Italja | 10530060,000 |

Il-Lussemburgu | 271739,000 |

L-Olanda | 11185440,000 |

L-Awstrija | 2776895,000 |

Il-Portugall | 1939187,000 |

Il-Finlandja | 2431047,324 |

L-Isvezja | 3336030,000 |

Ir-Renju Unit | 14755647,000 |

(e) Perjodi 2008/2009 sa 2014/2015

L-Istati Membri | Kwantitajiet, tunnellati |

Il-Belġju | 3360087,000 |

Id-Danimarka | 4522176,000 |

Il-Ġermanja | 28282788,000 |

Il-Greċja | 820513,000 |

Spanja | 6116950,000 |

Franza | 24599335,000 |

L-Irlanda | 5395764,000 |

L-Italja | 10530060,000 |

Il-Lussemburgu | 273084,000 |

L-Olanda | 11240814,000 |

L-Awstrija | 2790642,000 |

Il-Portugall | 1948550,000 |

Il-Finlandja | 2443069,324 |

L-Isvezja | 3352545,000 |

Ir-Renju Unit | 14828597,000 |

--------------------------------------------------

ANNESS II

IL-KONTENUT TAX-XAĦAM TA’ REFERENZA

L-Istati Membri | Kontenut tax- xaħam ta' referenza (g/kg) |

Il-Belġju | 36,91 |

Id-Danimarka | 43,68 |

Il-Ġermanja | 40,11 |

Il-Greċja | 36,10 |

Spanja | 36,37 |

Franza | 39,48 |

L-Irlanda | 35,81 |

L-Italja | 36,88 |

Il-Lussemburgu | 39,17 |

L-Olanda | 42,36 |

L-Awstrija | 40,30 |

Il-Portugall | 37,30 |

Il-Finlandja | 43,40 |

L-Isvezja | 43,40 |

Ir-Renju Unit | 39,70 |

--------------------------------------------------

ANNESS III

TABELLA TAT-TQABBIL

Regolament Preżenti | Regolament (KEE)3950/92 |

| |

L-Artikolu 1 | (1) | L-Artikolu 1, l-ewwel sotto-paragrafu |

(2) | – |

(3) | l-Artikolu 3 (2) |

L-Artikolu 2 | L-Artikolu 1, it-tieni sotto-paragrafu |

L-Artikolu 3 | – |

L-Artikolu 4 | L-Artikolu 2(1), l-ewwel sotto-paragrafu |

L-Artikolu 5 | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 6 | (1), (2) u (3) | – |

(4) | L-Artikolu 3 (2) |

(5) | L-Artikolu 4 (2) |

L-Artikolu 7 | – |

L-Artikolu 8 | – |

L-Artikolu 9 | – |

L-Artikolu 10 | (1) u (2) | – |

(3) | L-Artikolu 2(1), it-tieni sotto-paragrafu |

L-Artikolu 11 | (1) | L-Artikolu 2(2), l-ewwel sotto-paragrafu |

(2) | L-Artikolu 2(2), it-tieni sotto-paragrafu |

(3) | L-Artikolu 2(2), it-tielet sotto-paragrafu |

L-Artikolu 12 | (1) | L-Artikolu 2 (1) |

(2) u (3) | – |

(4) | L-Artikolu 2 (3) |

L-Artikolu 13 | (1) | L-Artikolu 2 (4) |

(2), (3), (4) | – |

L-Artikolu 14 | (1) | L-Artikolu 5, l-ewwel sotto-paragrafu |

(2) u (3) | – |

L-Artikolu 15 | L-Artikolu 5, it-tieni u t-tielet sotto-paragrafi |

L-Artikolu 16 | L-Artikolu 6 |

L-Artikolu 17 | (1) | L-Artikolu 7 (1) |

(2) | Art 8a (b) |

(3) u (4) | L-Artikolu 7(1), it-tielet sotto-paragrafu u (3) |

L-Artikolu 18 | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 19 | (1) | L-Artikolu 7(1), it-tieni sotto-paragrafu |

(2) | L-Artikolu 8a (a) |

L-Artikolu 20 | – |

L-Artikolu 21 | – |

L-Artikolu 22 | L-Artikolu 10 |

L-Artikolu 23 | (1) | L-Artikolu 11, l-ewwel sotto-paragarfu |

(2) u (3) | – |

L-Artikolu 24 | L-Artikolu 11, l-ewwe sotto-paragrafu |

L-Artikolu 25 | L-Artikolu 12 |

L-Anness I | L-Anness |

L-Annes II | – |

l-Anness III | – |

--------------------------------------------------

Top