EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003E0444

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/pesk tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali

ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67–69 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/03/2011; Imħassar b' 32011D0168

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2003/444/oj

32003E0444



Official Journal L 150 , 18/06/2003 P. 0067 - 0069


Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/pesk

tas-16 ta' Ġunju 2003

dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) Il-konsolidazzjoni ta' l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet umani, kif ukoll il-preservazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u kif ipprovdut fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma ta' importanza fundamentali, u ta' prijorità għall-Unjoni.

(2) L-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002 u l-Qorti issa qiegħda tiffunzjona fis-sħiħ.

(3) L-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea rratifikaw l-Istatut ta' Ruma.

(4) Il-prinċipji ta' l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ukoll dawk li jirregolaw il-funzjonament tiegħu, huma allineati għal kollox mal-prinċipji u l-għanijiet ta' l-Unjoni.

(5) Id-delitti gravi fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Qorti huma ta' tħassib għall-Istati Membri, li huma ddeterminati li jikkooperaw sabiex jiġu pprevenuti dawn id-delitti u sabiex iġibu fi tmiem il-ħelsien mill-kastig tal-perpetraturi tagħhom.

(6) Il-prinċipji u r-regoli tal-liġijiet kriminali internazzjonali inkorporati fl-Istatut ta' Ruma għandhom jitqiesu fi strumenti legali internazzjonali oħra.

(7) L-Unjoni hija konvinta illi l-adeżjoni universali ma' l-Istatut ta' Ruma hija essenzjali għall-effikaċja sħiħa tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u, għal dan il-fini, tikkunsidra illi għandhom jiġu inkoraġġiti inizjattivi sabiex itejbu l-aċċettazzjoni ta' l-Istatut, sakemm dawn ikunu konsistenti ma' l-ittra u l-ispirtu ta' l-Istatut.

(8) L-implimentazzjoni ta' l-Istatut ta' Ruma jeħtieġ miżuri prattiċi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw bi sħiħ.

(9) Il-Pjan ta' Azzjoni li, fost ħwejjeġ oħra, kien mitlub b'Riżoluzzjoni dwar il-Qorti approvata mill-Parlament Ewropew fit-28 ta' Frar 2002 sabiex isegwi l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/443/PESK tal-11 ta' Ġunju 2001 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali [1] kien adottat fil-15 ta' Mejju 2002 u jista' jiġi addattat kif jixraq.

(10) Huwa eminentement importanti illi tiġi ppriservata l-integrità ta' l-Istatut ta' Ruma.

(11) Bil-Konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta' Settembru 2002 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Barranin żviluppa sett ta' prinċipji mehmuża ma' dawn il-konklużjonijiet sabiex iservu bħala linji gwida lill-Istati Membri meta jikkunsidraw il-ħtieġa u l-iskop tal-ftehimiet jew l-arranġamenti possibbli fit-tweġib għall-proposti li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet sabiex jiġu ċeduti persuni lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

(12) Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, għandha tiġi aġġornata u abbozzata mill-ġdid il-Pożizzjoni Komuni 2001/443/PESK.

(13) Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tinżamm taħt rivista.

(14) L-Unjoni Ewropea tikkunsidra l-applikazzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni mill-pajjiżi li sejrin jaderixxu ma' l-Unjoni Ewropea u l-allineament magħha mill-pajjiżi assoċjati tar-Rumanija, il-Bulgarija u t-Turkija u mill-pajjiżi ta' l-EFTA importanti sabiex jimmassimizzaw l-impatt tagħha,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

L-Artikolu 1

1. Bil-għan li jipprevieni u jrażżan il-kommissjoni tad-delitti gravi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, il-Qorti Kriminali Internazzjonli huwa mezz essenzjali sabiex jippromwovi r-rispett għal-liġjiet umanitarji u d-drittijiet umani internazzjonali, biex b'hekk jikkontribwixxi għal-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-istat tad-dritt kif ukoll biex jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

2. L-għan ta' din il-Pożizzjoni Komuni huwa li jappoġġja l-funzjonament effettiv tal-Qorti u li jmexxi ‘l quddiem l-appoġġ universali lilu billi jippromwovi l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fl-Istatut ta' Ruma.

L-Artikolu 2

1. Sabiex tikkontribwixxi għall-għan ta' l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fl-Istatut ta' Ruma, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu kull sforz li jmexxu ‘l quddiem dan il-proċess billi jqajmu l-kwistjoni ta' l-iktar ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni wiesg[a possibbli għall-Istatut u l-implimentazzjoni ta' l-Istatut fin-negozjati jew id-djalogi ma' Stati terzi, gruppi ta' Stati jew organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, kulmeta approprjat.

2. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni dinjija u għall-implimentazzjoni ta' l-Istatut b'mezzi oħra wkoll, bħalma huma l-adozzjoni ta' inizjattivi sabiex jippromwovu t-tixrid tal-valuri, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ta' l-Istatut u ta' l-istrumenti li għandhom x'jaqsmu miegħu. Sabiex tmexxi ‘l quddiem l-għanijiet ta' din il-Pożizzjoni Komuni, l-Unjoni għandha tikkoopera kif meħtieġ ma' Stati oħra, istituzzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili interessati.

3. L-Istati Membri għandhom jaqsmu ma' l-Istati kollha interessati l-esperjenzi tagħhom infushom dwar materji li jkollhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' l-Istatut u, meta approprjat, jipprovdu għamliet oħra ta' appoġġ għal dan l-għan. Meta mitluba, għandhom jikkontribwixxu bl-għajnuna teknika u, meta approprjat, dik finanzjarja lejn ix-xogħol leġislattiv meħtieġ għall-parteċipazzjoni fl-Istatut u l-implimentazzjoni tiegħu minn pajjiżi terzi. L-Istati li jkunu qegħdin jikkonsidraw li jagħmlu parti mill-Istatut jew li jikkooperaw mal-Qorti għandhom jiġu inkoraġġiti li jgħarrfu lill-Unjoni fid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom f'din it-triq.

4. Huma u jimplimentaw dan l-Artikolu, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkoordinaw is-sostenn politiku u tekniku għall-Qorti rigward l-Istati varji jew il-gruppi ta' Stati. Għal dan il-fini, għandhom jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi għall-pajjiżi jew speċifiċi għar-reġjuni u, meta approprjat, użati.

L-Artikolu 3

Sabiex jappoġġjaw l-indipendenza tal-Qorti, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom, b'mod partikolari:

- jinkoraġġixu lill-Istati Partijiet li jittrasferixxu minnufih u fis-sħiħ il-kontribuzzjonijiet tagħhom li jkunu ġew stmati skond id-deċiżjonijiet meħuda mill-Assemblea ta' l-Istati Partijiet;

- jagħmlu kull sforz sabiex l-Istati Membri tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti jiffirmaw u jirratifikaw malajr kemm jista' jkun u jippromwovu din il-firma u ratifika mill-Istati l-oħra; u

- jagħmlu ħilthom li jappoġġjaw kif approprjat l-iżvilupp tat-taħriġ u ta' l-assistenza lill-imħallfin, lill-prosekuturi, lill-uffiċjali u lill-avukati fix-xogħol li jkollu x'jaqsam mal-Qorti.

L-Artikolu 4

Il-Kunsill għandu, meta approprjat, jikkoordina l-miżuri mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri sabiex jiġu implimentati l-Artikoli 2 u 3.

L-Artikolu 5

1. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom isegwu mill-qrib l-iżviluppi li jirrigwardaw il-kooperazzjoni effettiva mal-Qorti skond l-Istatut ta' Ruma.

2. F'dan il-kuntest, għandhom jissoktaw, kif approprjat, jiġbdu l-attenzjoni ta' l-Istati terzi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2002 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u dwar il-Prinċipji ta' Gwida ta' l-UE annessi magħhom, rigward il-proposti għall-ftehimiet jew l-arranġamenti li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet għaċ-ċediment tal-persuni lill-Qorti.

L-Artikolu 6

Il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tidderieġi l-azzjoni tagħha lejn il-kisba tal-għanijiet u l-prijoritajiet ta' din il-Pożizzjoni Komuni, meta approprjat, b'miżuri Komunitarji pertinenti.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw fir-rigwardi kollha l-funzjonament bla xkiel ta' l-Assemblea ta' l-Istati Partijiet.

2. Matul in-negozjati fil-Gruppi Speċjali tax-Xogħol stabbiliti mill-Assemblea ta' l-Istati Partijiet sabiex jittrattaw id-delitti ta' l-aggressjoni, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-finalizzazzjoni tax-xogħol li għaddej u għandhom jappoġġjaw is-soluzzjonijiet li jkunu konsistenti ma' l-ittra u l-ispirtu ta' l-Istatut ta' Ruma u l-Karta tan-Nazjonijiet Uniti.

L-Artikolu 8

Il-Kunsill għandu jagħmel rivista ta' din il-Pożizzjoni Komuni kif approprjat.

L-Artikolu 9

1. Il-Kunsill jinnota illi Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u s-Slovenja beħsiebhom japplikaw din il-Pożizzjoni Komuni mid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

2. Il-Presidenza trid titlob lill-pajjiżi assoċjati tar-Rumanija, il-Bulgarija u t-Turkija kif ukoll lill-pajjiżi ta' l-AEKĦ sabiex jallineaw lilhom infushom ma' din il-Pożizzjoni Komuni.

L-Artikolu 10

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/443/PESK hija hawnhekk imħassra u mibdula b'din il-Pożizzjoni Komuni. Ir-referenzi għall-Pożizzjoni Komuni mħassra 2001/443/PESK għandhom jiġu mifhuma bħala magħmula għal din il-Pożizzjoni Komuni.

L-Artikolu 11

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett mid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

L-Artikolu 12

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Ġunju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Papandreou

[1] ĠU L 155, tat-12.6.2001, p. 19. Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2002/474/CFSP (ĠU L 164, tat-22.6.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

Top