This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003D0397
2003/397/EC: Council decision of 19 May 2003 on the principles, priorities, intermediate objectives and conditions contained in the Accession Partnership with Romania
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2003 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet intermedji u l-kondizzjonijiet li jinsabu fs-Sħubija ta' l-Adeżjoni mar-Rumanija
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2003 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet intermedji u l-kondizzjonijiet li jinsabu fs-Sħubija ta' l-Adeżjoni mar-Rumanija
ĠU L 145, 12.6.2003, pp. 21–39
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
In force
Official Journal L 145 , 12/06/2003 P. 0021 - 0039
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2003 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet intermedji u l-kondizzjonijiet li jinsabu fs-Sħubija ta' l-Adeżjoni mar-Rumanija (2003/397/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 622/98 tas-16 ta' Marzu 1998 dwar assistenza lill-Istati applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, u partikolarment biex ikunu stabbiliti Sħubija fl-Adeżjoni [1], u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu, Wara li kkonsidra il-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu afferma li s-Sħubija ta' l-Adeżjoni huwa strument ġdid u element essenzali fit-tisħiħ ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni. (2) Il-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen afferma li, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussel u jekk ikun hemm aktar progress fit-tħaris tal-kriterji tas-sħubija, l-għan huwa li r-Rumanija tkun milqugħa bħala membru ta' l-Unjoni Ewropea fl-2007. Huwa approva l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar triq gwida għar-Rumanija, li tinkludi l-proposti għal żieda sinifikanti fl-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, u afferma li l-livell għoli ta' finanzjament disponibbli għandu jintuża b' mod flessibbli, immirat lejn il-prijoritajiet identifikati, inkluż f'setturi importanti bħall-ġustizzja u l-intern. Huwa afferma li għandha tkun ipprovduta aktar superviżjoni tax-xogħol ta' qabel l-adeżjoni bis-Sħubija ta' l-Adeżjoni riveduti, li jiġu ppreżentati lilhom is-sena d-dieħla. (3) Ir-Regolament (KE) Nru 622/98 jistabbilixxi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, b' maġġoranza kwalifikata u fuq proposta tal-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet intermedji u l-kondizzjonijiet li jinsabu fs-Sħubija ta' l-Adeżjoni individwali, kif mogħtija lil kull Stat applikant, kif ukoll dwar aġġustament sinifikanti sussegwenti applikabbli għalihom. (4) L-assistenza tal-Komunità tingħata fuq il-kondizzjoni li jkunu rrealizzati l-elementi essenzali, u partikolarment fir-rispett ta' l-impenn li jinsab fil-Ftehim Ewropej u il-progress lejn ir-realizzazzjoni tal-kriterji ta' Copenhagen; jekk ikun hemm element essenzali nieqes, il-Kunsill, b' maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jieħu passi xierqa dwar kwalunkwe assistenza ta' qabel l-adeżjoni. (5) Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu iddeċieda li l-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni u l-progress fl-adozzjoni ta' l-acquis communautaire ikun eżaminat mill-korpi tal-Ftehim ta' l-Ewropa. (6) Ir-rapport regolari tal-Kummissjoni ta' l-2002 jippreżenta analiżi oġġettiva tal-preparazzjoni tar-Rumanija għas-sħubija u jidentifika numru ta' setturi ta' prijorità għal aktar xogħol. (7) Ir-Rumanija teħtieġ tiżgura li jkunu mdaħħla l-istrutturi legali u amministrattivi xierqa għall-ipprogrammar, kordinazzjoni, amministrazzjoni, kontroll u evalwazzjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni tal-Komunità, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98, il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet intermedji u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija ta' l-Adeżjoni għar-Rumanija huma stabbiliti fl-Anness tiegħu, li jifforma parti ntegrali ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni għandha tkun eżaminata mill-korpi tal-Ftehim Ewropew u mill-korpi xierqa tal-Kunsill fuq il-bażi ta' rapporti regolari mill-Kummissjoni lill-Kunsill. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Mejju 2003. F'isem il-Kunsill Il-President G. Papandreou [1] ĠU L 85, 20.03.1998, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS 1. INTRODUZZJONI Fil-laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu f'Diċembru ta' l-1997, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li s-Sħubija ta' l-Adeżjoni ikunu element importanti fit-tisħiħ ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, li jimmobilizzaw il-forom kollha ta' assistenza lill-pajjiżi kandidati fi ħdan qafas wieħed. B'dan il-mod, il-Komunità timmira l-assistenza tagħha lejn ħtiġijiet speċifiċi ta' kull kandidat sabiex tipprovdi appoġġ biex jingħelbu problemi partikolari fit-triq lejn l-adeżjoni. L-ewwel Sħubija fl-Adeżjoni għar-Rumanija kien deċiż f'Marzu ta' l-1998. Kif previst fir-Regolament (KE) Nru 622/98 (l-Artikolu 2), is-Sħubija ta' l-Adeżjoni kien aġġornat l-ewwel darba f'Diċembru ta' l-1999, u t-tieni darba f'Jannar ta' l-2002 [1], fejn ikkonsidra żviluppi oħra fir-Rumanija. Fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-triq gwida għar-Rumanija, kien affermat li l-Kummissjoni tipproponi Sħubija fl-Adeżjoni rivedut għar-Rumanija fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport regolari u t-triq gwida ta' l-2002. Il-komunikazzjoni affermat ukoll li l-kwistjonijiet għal żmien qasir u medju identifikati fit-toroq gwida ikunu żviluppati aktar fs-Sħubija ta' l-Adeżjoni rivedut li għandu jkun ippreżentat is-sena d-dieħla, u li s-Sħubija ta' l-Adeżjoni ikompli jkunu il-bażi għall-ipprogrammar ta' l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, imma li l-prijoritajiet għall-assistenza ikunu mfassla fuq ir-rapport regolari, it-triq gwida u l-pjanijiet nazzjonali riveduti għall-iżvilupp li għandhom jitħejjew mir-Rumanija skond il-ħtiġijiet tal-Fondi Strutturali. Kien affermat li s-Sħubija ta' l-Adeżjoni jikkomplimenta it-triq gwida u, meħuda flimkien, ikunu l-għodda ewlenin li jiggwidaw ix-xogħol tar-Rumanija fil-preparazzjoni għall-adeżjoni fl-UE. 2. GĦANIJIET L-għan tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni huwa li jistabbilixxi f'qafas wieħed is-setturi ta' prijorità għal aktar xogħol identifikati fir-rapport regolari tal-Kummissjoni ta' l-2002 dwar il-progress li għamlet ir-Rumanija lejn is-sħubija fl-Unjoni u t-triq gwida, il-mezzi finanzjarji disponibbli biex jgħinu lir-Rumanija timplimenta dawn il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jgħoddu għal din l-assistenza. Is-Sħubija ta' l-Adeżjoni jipprovdi l-bażi għal numru ta' strumenti politiċi li għandhom jintużaw biex jgħinu lill-Istati kandidati fit-tħejjijiet tagħhom għas-sħubija. Dawn jinkludu, inter alia, il-proċedura ta' sorveljanza fiskali ta' qabel l-adeżjoni, il-programm ekonomiku ta' qabel l-adeżjoni, il-patt ta' qabel l-adeżjoni dwar il-kriminalità organizzata kif ukoll il-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp, il-pjanijiet għall-iżvilupp rurali, l-istrateġija nazzjonali għall-impiegi skond l-istrateġija Ewropea għall-impiegi, u pjanijiet settorjali meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-Fondi Strutturali wara s-sħubija u għall-implimentazzjoni ta' l-ISPA (Strument għall-politika strutturali għal qabel l-adeżjoni) u Sapard (Programm speċjali għall-adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali) qabel l-adeżjoni. Kull wieħed minn dawn l-istrumenti huwa differenti fin-natura tiegħu u huwa ppreperat u implimentat skond proċeduri speċifiċi u jista' jkun mgħejjun minn għajnuna ta' qabel l-adeżjoni. M' humiex parti integrali ta' dan is-Sħubija fl-Adeżjoni imma l-prijoritajiet li jinsabu fih ikunu kompatibbli miegħu. 3. PRINĊIPJI Is-setturi ewlenin ta' prijorità identifikati għal kull Stat kandidat jikkonċernaw l-abbiltà tagħhom li jassumu l-obbligazzjonijiet li jilħqu l-kriterji ta' Copenhagen li jaffermaw li s-sħubija teħtieġ: - li l-Istat kandidat ikun laħaq l-istabbiltà ta l-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet umani u r-rispett lejn u l-protezzjoni tal-minoranzi; - l-eżistenza ta' l-ekonomija tas-suq li tkun funzjonabbli, kif ukoll il-kapaċità li jreġi taħt il-pressjoni tal-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni; - l-abbiltà li jassumi l-obbligazzjonijiet tas-sħubija, inkluż l-aderenza għall-għanijiet ta' l-unjoni politika, ekonomika u monetarja. Fil-laqgħa tiegħu ta' Madrid fl-1995, il-Kunsill Ewropew emfasizza l-ħtieġa li l-Istati kandidati jaġġustaw l-istrutturi amministrattivi tagħhom biex jiżguraw it-tħaddim armonjuż tal-politika tal-Komunità wara l-adeżjoni. Fil-Lussemburgu, fl-1997, huwa emfasizza li l-inkorporazzjoni ta' l-acquis fil-leġislazzjoni hija meħtieġa, imma din minnha nnifisha mhux suffiċjenti minħabba li jeħtieġ ukoll li jkun żgurat li fir-realtà jiġi implimentat. Il-Kunsilli Ewropej ta' Feira u Gothenburg, fl-2000 u l-2001 rispettivament, ikkonfermaw l-importanza vitali tal-kapaċità tal-pajjiżi applikanti li jimplimentaw u jinfurzaw l-acquis, u żiedu li dan jeħtieġ sforzi mportanti mill-applikanti biex isaħħu u jirriformaw l-istrutturi amministrattivi u ġudizzjarji tagħhom. Il-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen fl-2002 mill-ġdid emfasizza l-importanza ta' riforma ġudizzjarja u amministrattiva, li tgħin lir-Rumanija biex iġġib ‘il quddiem it-tħejjijiet tagħha għas-sħubija. 4. PRIJORITAJIET Ir-rapporti regolari tal-Kummissjoni emfasizzaw, minbarra l-progress li diġà sar, l-entità ta' l-isforzi li għad iridu jsiru f'ċertu setturi minn pajjiżi kandidati biex iħejju għall-adeżjoni. Ir-rapporti regolari ikkonkludew li r-Rumanija kompliet taderixxi mal-kriterji politiċi u minkejja li kompliet tagħmel progress lejn li jkollha ekonomija tas-suq funzjonabbli, xorta għad m' hijiex tilħaq il-kriterji ekonomiċi ta' Copenhagen. Sabiex tkompli bit-tħejjijiet tagħha b' suċċess, ir-Rumanija jeħtieġ tkompli bl-isforzi tagħha biex iddaħħal fil-liġijiet tagħha, timplimenta u tinfurza l-acquis. Hija teħtieġ ukoll li tkompli bir-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura sabiex ikollha il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja għal dan. It-triq gwida għar-Rumanija, li tkopri l-perjodu sa l-adeżjoni, tindika l-passi ewlenin li jeħtieġ li tieħu biex tkun lesta għas-sħubija. Hija bbażata fuq ir-rabtiet li saru fin-negozjati u fuq dak li jeħtieġ isir biex taderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen u Madrid għas-sħubija. It-triq gwida għandha l-għan li ssostni l-isforzi tar-Rumanija li tilħaq il-kriterji li fadal għas-sħubija billi tidentifika l-kompiti futuri u tipprovdi aktar assistenza finanzjarja. Hemm emfażi partikolari fuq il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja meħtieġa biex timplimenta l-acquis u fuq ir-riforma ekonomika. Għall-kapitoli ta' l-acquis, it-toroq gwida jipprovdu livelli li magħhom il-progress tar-Rumanija jista' jiġi mkejjel. Dawn ikopru kemm l-allinjament tal-leġislazzjoni u wkoll l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva. Dan s-Sħubija ta' l-Adeżjoni rivedut jikkomplimenta t-triq gwida u, meħuda flimkien, dawn huma l-għodda ewlenin li jiggwidaw ix-xogħol tar-Rumanija fuq it-tħejjijiet għall-adeżjoni fl-UE. Is-Sħubija ta' l-Adeżjoni jissokta jiżviluppa l-kwistjonijiet għal żmien qasir u medju identifikati fit-triq gwida, jidentifika l-prijoritajiet li realistikament hu mistenni li r-Rumanija tista' twettaq jew tmexxi ‘l quddiem sostanzjalment matul il-perjodu 2003-2004. Il-prijoritajiet fis-Sħubija ta' l-Adeżjoni ġew stabbiliti bil-koperazzjoni tal-pajjiżi konċernati. Il-grad ta' assistenza mogħtija huwa kkondizzjonat minn jekk jintlaħqux dawn il-prijoritajiet. Huwa wkoll importanti li r-Rumanija taderixxi mar-rabtiet ta' l-approssimazzjoni leġislattiva u l-implimentazzjoni ta' l-acquis skond ir-rabtiet magħmula taħt il-Ftehim ta' l-Ewropa, u fil-kuntest tal-proċess tan-negozjati. Għandu jitfakkar ukoll li l-inkorporazzjoni ta' l-acquis fil-leġislazzjoni m' hijiex minnha nnifisha suffiċjenti; huwa meħtieġ ukoll li jkun żgurat li attwalment qiegħed jiġi applikat bl-istess standards bħal dawk li japplikaw fl-Unjoni. Fis-setturi kollha elenkati taħt jeħtieġ implimentazzjoni w infurzar kredibbli u effettiv ta' l-acquis. Fuq il-bażi ta' l-analiżi tar-rapport regolari tal-Kummissjoni ta' l-2002 u t-triq gwida, kienu identifikati l-prijoritajiet u l-għanijiet intermedji li ġejjin għar-Rumanija. Dawn il-prijoritajiet huma ppreżentati skond l-istruttura tar-rapport regolari [2]. Il-Kriterji Politiċi Id-demokrazija u l-istat tad-dritt Ikun rivedut il-qafas leġislattiv ta' l-1999 dwar l-impjegati taċ-ċivil, introdotta il-leġislazzjoni sekondarja meħtieġa u stabbiliti il-mekkaniżmi u l-istrutturi ta' l-implimentazzjoni. - Tkun adottata strateġija komprensiva għar-riforma tas-servizz ċivili li tikkjarifika ir-responsabbiltajiet istituzzjonali għar-riforma amministrattiva u li tkopri: (i) riforma komprensiva tal-ħlas li trid tiġi maqbula b' konsultazzjoni sħiħa ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, (ii) titjib fid-dispożizzjonijiet kemm għat-taħriġ inizjali kif ukoll għat-taħriġ fis-servizz, (iii) l-istituzzjoni ta' struttura ta' karrieri ibbażata fuq promozzjoni u evalwazzjoni trasparenti, (iv) l-introduzzjoni ta' elementi ta' amministrazzjoni moderna tar-riżorsi umani u (v) it-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi sabiex ikun żgurat li r-Rumanija għandha l-kapaċità għall-użu sħiħ u effettiv tal-fondi tal-Komunità. L-istrateġija għandha tistabbilixxi programm ta' riformi f'sekwenza u wkoll tipprovdi qafas għall-għoti ta' assistenza multi-annwali. - Tkun adottata strateġija komprensiva għar-riforma tal-proċess tal-formulazzjoni tal-politika li tkopri: (i) il-politika ta' kordinament u proċeduri ta' kosultazzjoni bejn il-ministeri, (ii) il-konsultazzjoni ta' dawk kollha li għandhom interess, (iii) l-iscreening ta' l-abbozzi ta' leġislazzjoni kollha għall-impatti tagħha fuq l-estimi u (iv) l-iscreening ta' l-abbozzi ta' leġislazzjoni kollha għall-kompatibbiltà mal-Ftehim ta' l-Ewropa u l-acquis communitaire. L-istrateġija għandha tistabbilixxi programm ta' riformi f'sekwenza u wkoll tipprovdi qafas għall-għoti ta' assistenza multi-annwali. Sabiex tkun implimentata din l-istrateġija għandha tkun stabbilita unit dedikata għar-riforma. - Titnaqqas id-dipendenza fuq l-ordinanzi, u l-ordinanzi ta' emerġenza, bħala strumenti leġislattivi u jkun kkjarifikati ċ-ċirkostanzi li taħthom dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jintużaw. - Tkun adottata strateġija komprensiva għall-amministrazzjoni tal-proċess kontinwu ta' deċentralizzazzjoni/dekonċentrazzjoni. L-istrateġija għandha tistabbilixxi programm ta' riformi f'sekwenza u wkoll tipprovdi qafas għall-għoti ta' assistenza multi-annwali. u prevedibbli sabiex ir-riżorsi jilqgħu għaż-żieda fir-responsabbiltajiet. - Tkun imsaħħa l-ġlieda kontra l-koruzzjoni billi: (i) titkompla l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija u l-programm ta' kontra l-korruzzjoni, (ii) tissaħħaħ l-awtonomija ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni, (iii) ikun introdott il-kunċett ta' sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi u penali kontra persuni legali fir-Rumanija, (iv) ikunu żviluppati kodiċi ta' etika għall-professjonijiet importanti li jinkludu l-korpi għall-infurzar tal-liġijiet u l-ġudikatura u (v) tkun żgurata prosekuzzjoni effettiva. - Titjib ta' l-infurzar tad-deċiżjonijiet ċivili u jkun żgurat li jkunu disponibbli r-riżorsi adegwati għall-ipproċessar ta' dawn id-deċiżjonijiet. - Jitkomplew l-isforzi għall-iżvilupp ta' sistema effettiva tal-probation. - L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija għar-riforma tal-ġudikatura li: (i) tiżgura l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura partikolarment billi tistabbilixxi sistema trasparenti għar-reklutaġġ u l-għażla ta' maġistrati, titħassar id-dispożizzjoni li tħalli uffiċjali anzjani jinħatru imħallfin mingħajr il-ħtieġa li jgħaddu minn eżami u jkunu introdotti proċeduri legali trasparenti għat-tneħħija ta' imħallfin mill-uffiċċju u għas-sanzjoni tagħhom għal kondotta ħażina; (ii) issaħħaħ il-professjonaliżmu tal-ġudikatura partikolarment billi ittejjeb il-programmi ta' taħriġ fl-Istitut Nazzjonali għall-Maġistratura (NIM), issaħħaħ l-abbiltà taċ-Ċentru għat-Taħriġ għall-Iskrivani biex jagħti kemm taħriġ inizjali u wkoll taħriġ fis-servizz u tiżviluppa taħriġ għall-persuni professjonali legali oħra bħal avukati, nutara, marixxalli, skrivani tal-qrati u persunal tal-Ministeru tal-Ġustizzja; (iii) ittejjeb l-amministrazzjoni tal-qrati partikolarment billi timmodernizza l-amministrazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-każi, tiżviluppa kriterji ċari għall-assenjazzjoni tal-każi, l-introduzzjoni sistematika ta' modi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-kawżi, l-estenzjoni ta' l-adeżjoni għall-għajnuna legali bla ħlas u t-titjib ta' l-apparat u l-infrastruttura tal-qrati. - Jitkompla l-proċess tar-riforma u l-modernizzazzjoni tal-pulizija partikolarment billi titlesta r-rijorganizzazzjoni interna, bit-tkomplija ta' l-isforzi għall-uffiċjali tal-pulizija li jirrispettaw b'mod sħiħ id-drittijiet umani bażiċi, it-twessiegħ ta' l-użu ta' approċċi ta' ħarsien tal-Komunità u jkun żgurat li tkun stabbilita u mħaddma sewwa sistema effiċjenti għall-eżaminazzjoni ta' ilmenti kontra kondotta hażina ta' pulizija. Għandha tkun żgurata l-adeżjoni tar-Roma għal din is-sistema. - Jkunu riveduti dawk is-sezzjonijiet tal-Kodiċi Penali li jikkonċernaw ir-rabja verbali, malafama u offiżi kontra l-awtoritajiet sabiex ikun żgurat li dawn iħarsu d-dispożizzjonijiet ta', u l-case law li tikkonċerna, l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani. - Tissaħħaħ iċ-ċertezza legali fl-ordni legali tar-Rumanija billi jkun ristrett id-dritt tal-Prosekutur Ġenerali li jressaq appelli straordinarji (u partikolarment l-appell għall-kanċellazzjoni) sabiex ikun żgurat li dan id-dritt ikun jista' jiġi eżerċitat biss f'każi limitati u skond kriterji legali oġġettivi. Id-drittijiet umani u l-protezzjoni tal-minoranzi - Jitkompla l-allinjament ta' l-acquis kontra d-diskriminazzjoni u tkun żgurata l-implimentazzjoni proprja tiegħu billi l-Kunsill Nazzjonali Rumen għall-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni jiffunzjona b' mod sħiħ [3]. - Titkompla r-riforma tas-sistema pubblika tal-kura tat-tfal skond l-istrateġija nazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal f'diffikultà, billi tiffoka fuq l-għeluq ta' istituzzjonijiet ta' stil antik, it-tneħħija u l-prevenżjoni ta' l-istituzzjonalizzazzjoni permezz ta' servizzi soċjali alternattivi għall-familji u t-tfal. Tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU. - Ikunu żviluppati standards nazzjonali adegwati għas-servizzi kollha tal-protezzjoni tat-tfal, inkluż l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' l-istandards sanitarji, u t-titjib tal-kapaċità ta' l-Awtorità Nazzjonali li twettaq spezzjonijiet f'livell lokali. - Ħidma lejn l-għeluq ta' l-iskejjel speċjali eżistenti permezz ta' l-iżvilupp ta' sistema ta' edukazzjoni inklussiva. - Tkun implimentata l-istrateġija nazzjonali dwar l-isptarijiet tal-maternità, bil-għan li titnaqqas ir-rata ta' l-abbandun ta' tfal fi sptarijiet bħal dawn. - Jinżamm f'postu il-moratorju fuq l-adozzjoni internazzjonali sakemm tidħol fis-seħħ leġislazzjoni ġdida kompatibbli ma' l-aħjar interessi tat-tfal u l-obbligazzjonijiet internazzjonali tar-Rumanija u tkun żgurata l-kapaċità amministrattiva li tkun implimentata il-leġislazzjoni l-ġdida. - Ikun pprovdut appoġġ finanzjarju adegwat u l-kapaċità amministrattiva sabiex tkun implimentata l-istrateġija nazzjonali dwar it-titjib tas-sitwazzjoni ta' Roma. - Ikun pprovdut appoġġ finanzjarju adegwat u l-kapaċità amministrattiva sabiex tkun implimentata l-istrateġija nazzjonali dwar it-titjib tas-sitwazzjoni ta' persuni b' diżabiltà. Kriterji Ekonomiċi - Jitkompla t-tnaqqis tar-rata ta' l-inflazzjoni. - Tkun stabbilita u implimentata strateġija li tnaqqas b' suċċess l-arretrati inter-enterprise. - Ikun żgurat kontroll strett ta' l-infieq fis-settur pubbliku. - Tittejjeb ir-rata tal-ġbir tal-flus fis-settur ta' l-enerġija u jkunu adattati prezzijiet regolatorji skond l-iżvilupp ta' l-ispiża. - Fis-settur fiskali, ir-riformi għandhom itejbu l-proċeduri tal-budget u l-amministrazzjoni tan-nefqa pubblika, jissimplifikaw ir-regolamenti tat-taxxa, itejbu l-funzjonament ta' l-amministrazzjoni tat-taxxi, inkluż ir-rata tal-ġbir tal-flus dovuti u jimmiraw għal tnaqqis ta' l-ekonomija informali. - Tittejjeb l-effiċjenza tal-proċeduri tal-falliment. - Fis-settur finanzjarju, trid tinġieb ‘il quddiem ħafna il-privatizzazzjoni tas-settur bankarju, jiġi żviluppat is-settur finanzjarju non-bankarju u tiġi żviluppata u mtejba l-intermedjazzjoni finanzjarja. - Iffaċilitat u mtejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà. - Jitħaffef il-ħolqien ta' suq tal-proprjetà funzjonabbli bl-iżvilupp ta' politika għall-konsolidazzjoni ta' l-art agrikola, biex jitlesta l-ħruġ ta' titoli fuq l-artijiet u jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà. - Jitħaffef il-progress fir-riforma ta' l-impriżi pubbliċi, inkluż it-tlestija tal-pjanijiet ta' ristrutturar, il-privatizzazzjoni ta' entitajiet vijabbli u l-likwidazzjoni ta' dawk mhux vijabbli. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żieda fit-trasparenza tal-proċeduri ta' l-ikkontjar fl-impriżi pubbliċi. - Ikunu stabbilizzati r-regoli li jiggvernaw il-privatizzazzjoni u l-operazzjoni tan-negozju u tiżdied it-trasparenza tagħhom. - Jiżdiedu il-volum u l-kwalità ta' l-investiment pubbliku, inkluż l-infrastruttura, l-edukazzjoni, l-ambjent u s-saħħa. - Jitnaqqsu l-livelli ta' għajnuna diretta u indiretta mill-istat u jkun żgurat li l-istrutturar ikun konformi ma' l-acquis ta' l-għajnuna mill-Istat sabiex jinħolqu ditti effiċjenti u kompetittivi. L-abbiltà li jitwettqu l-obbligazzjonijiet tas-sħubija Il-Moviment liberu ta' l-oġġetti - Jitkompla d-dħul tad-direttivi kollha ta' approċċ ġdid u jkun żgurat li l-istandards armonizzati Ewropej jiddaħħlu fl-istandards Rumeni. Ikun sostnut l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali tal-korpi u laboratorji li jeżaminaw il-konformità. Ikunu ikkjarifikati ir-responsabbiltajiet u rinfurzata s-sorveljanza tas-suq fl-oqsma koperti mid-direttivi ta' approċċ ġdid. - Jitlesta l-allinjament ma' l-acquis ta' leġislazzjoni ta' setturi speċifiċi għal setturi koperti mid-direttivi ta' approċċ ġdid. - Tkun stabbilita sistema ta' sorveljanza tas-suq, u kemm l-amministrazzjoni u wkoll l-operaturi ta' l-ikel ikunu mħejjija biex japplikaw il-prinċipji tal-Komunità dwar is-sigurtà fl-ikel. Tkun ristrutturata s-sistema tal-kontroll ta' l-ikel. Tkun abolita is-sistema ta' l-approvazzjoni ta' l-ikel qabel jidħol fis-suq. - Ikunu allokati aktar riżorsi (f'termini ta' apparat u persunal) biex jitjiebu s-servizzi tal-kontroll ta' l-ikel. - Ikun segwit l-allinjament tal-leġislazzjoni dwar l-offerti pubbliċi u tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tagħha, kif ukoll it-trasparenza fl-offerti pubbliċi. - Tkun eżaminata l-leġislazzjoni fis-settur mhux armonizzat biex ikun żgurat li hija skond l-Artikoli 28 sa 30 tat-Trattat tal-KE u jkunu eliminati id-dispożizzjonijiet li jiksru dawn l-Artikoli. Jittieħdu passi biex jiġu stabbiliti arranġamenti amministrattivi għall-kontroll futur ta' dan il-qasam. Ikun integrat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-leġislazzjoni relevanti dwar il-merkanzija. - Tkun rinfurzata il-kapaċità amministrattiva, partikolarment dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi ta' approċċ ġdid u l-acquis dwar il-prodotti industrijali. Il-moviment liberu tal-persuni - Jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiċi professjonali, billi jkunu indirizzati partikolarment in-nuqqasijiet identifikati fis-settur tar-rikonoxximent reċiproku tal-kurrikuli u t-taħriġ ta' l-infermiera, tobba, dentisti, qwiebel u spiżjara. - L-allinjament tal-leġislazzjoni mar-regoli tal-Komunità dwar il-ħtiġijiet tan-nazzjonalità u l-lingwa. - Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis fl-oqsma tat-trattament ugwali, permessi ta' xogħol, permessi ta' residenza u pensjonijiet supplimentari. - Jissaħħu s-servizzi pubbliċi ta' l-impiegi bil-għan li jipparteċipaw fin-network tal-EURES. Emfażi partikolari għandha titpoġġa fuq it-taħriġ tal-lingwa għall-persunal. - Jittieħdu miżuri preparatorji biex jitwettqu l-obbligazzjonijiet finanzjarji u amministrattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-libertà li jkunu pprovduti servizzi - Tkun rinfurzata s-sorvelja tas-servizzi finanzjarji u tpoġġi għad-dispożizzjoni riżorsi umani adegwati biex tkun implimentata leġislazzjoni ġdida. - Jittejjeb il-qafas istituzzjonali tas-sorvelja finanzjarja u jkompli jkun segwit l-allinjament tal-leġislazzjoni, partikolarment fl-oqsma tat-titoli u l-assigurazzjoni. - Jittejjeb il-qafas prudenzali għas-settur bankarju dwar il-konsolidazzjoni u l-adegwità tal-kapital. - Jiġu żviluppati r-regoli dwar il-corporate governance għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex tkun żgurata amministrazzjoni prudenti u proċeduri ta' kontroll intern bħala mekkaniżmu ta' prevenzjoni. - Ikun konkluż l-iscreening tal-liġi Rumena fis-settur tas-servizzi mhux finanzjarji. - Tkun allinejata b' mod sħiħ ma' l-acquis il-leġislazzjoni tal-protezzjoni tad-data, b' attenzjoni speċjali fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar. Il-Moviment liberu tal-kapital - Jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni u tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva sussegwenti tagħha. - Ikunu implimentati d-dispożizzjonijiet tat-tieni Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u jkun żgurat l-infurzar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħasil, Tfittxija, Żamma u Konfiskazzjoni. - Ikunu aboliti r-restrizzjonijiet fuq l-investiment dirett ‘il ġewwa li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet diskriminatorji fil-leġislazzjoni ta' setturi speċifiċi inkluż il-ħtiġijiet taċ-ċittadinanza u r-residenza. - Ikunu liberalizzati il-movimenti tal-kapital skond it-tabella tal-liberalizzazzjoni fir-Rumanija. - Tkun adottata leġislazzjoni biex jitlesta l-allinjament mal-leġislazzjoni ta' l-UE dwar is-sistemi tal-pagament. - Ikompli jkunu liberalizzati il-movimenti tal-kapital skond it-tabella fi tlett stadji tal-liberalizzazzjoni fir-Rumanija. - Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-applikazzjoni korretta u uniformi tar-reġim legali u istituzzjonali biex tkun garantita il-libertà ta' l-operazzjonijiet kapitali kollha, mhux biss f'livell nazzjonali, imma anke f'livelli reġjonali u lokali. Liġi tal-Kumpanniji - Isir aktar progress fl-allinjament ma' l-acquis tal-liġi tal-kumpanniji u l-ikkontjar u jkompli jkun segwit it-titjib tal-kapaċita amministrattiva f'dan is-settur, partikolarment fl-infurzar tal-liġi. - Jitnaqqas il-livell ta' piraterija u falsifikar billi: (i) jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-propjetà intellettwali u industrijali ma' l-acquis u jitjieb l-infurzar tagħha, speċjalment billi tkun rinfurzata l-kapaċità amministrattiva tal-korpi ta' l-infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali u industrijali, (ii) jissaħħu n-networks inter-istituzzjonali, (iii) tittejjeb il-koperazzjoni fost il-korpi ta' l-infurzar (notarjament il-pulizija, id-dwana u l-ġudikatura), (iv) ikun intensifikat it-taħriġ għall-korpi ta' l-infurzar inkluż l-imħallfin u l-prosekuturi u (v) ikunu żgurati kontrolli xierqa tal-fruntieri. - Tiddaħħal id-Direttiva tad-drittijiet ta' l-awtur fis-soċjetà ta' l-informazzjoni u d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-bejgħ mill-ġdid. - Jittejjeb ir-rapportar statistiku ta' l-Uffiċċju tad-Drittijiet ta' l-Awtur u l-uffiċċju għall-Invenzjonijiet u Trademarks. - Jiddaħħal l-acquis fejn jikkonċerna l-interess ekonomiku tal-gruppi, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjonijiet u l-infurzar ta' sentenzi ta' pajjiż barrani f'materji ċivili u kummerċjali. - Ikun żgurat it-trattament ugwali ta' l-impriżi barranin fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-kumpanniji, notarjament fir-regolament tal-litigazzjonijiet kummerċjali. Il-politika tal-kompetizzjoni - Jitlesta l-qafas leġislattiv kemm fl-għajnuna mill-Istat u wkoll fl-anti-trust. - Ikun żviluppat aktar it-taħriġ tal-persunal kemm fil-Kunsill għall-Kompetizzjoni u wkoll l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni. Ikun intensifikat it-taħriġ tal-ġudikatura fil-qasam tal-kompetizzjoni. - Jiżdied l-għarfien tar-regoli fost il-parteċipanti kollha fis-suq u dawk li jipprovdu l-għajnuna, partikolarment fost il-komunità tal-kummerċ u kif ukoll il-ġudikatura. - Tittejjeb il-koperazzjoni bejn il-Kunsill għall-Kompetizzjoni u l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u jkun rinforzat l-istatus ta' dawn iż-żewġ awtoritajiet b' relazzjoni ma' ministeri Rumeni u awtoritajiet oħra relevanti. - Fil-qasam ta' l-anti-trust, tkun abolita l-ħtieġa ta' notifika individwali u r-riżorsi għandhom ikunu ffokati fuq każi li jirrapreżentaw l-aktar tgħawwiġ serju tal-kompetizzjoni. Ikunu segwiti investigazzjonijiet b' inizjattiva propja u politika ta' sanzjonijiet ta' deterrent. - Ikun żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe leġislazzjoni ta' kontra l-kompetizzjoni. - Fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat, tittejjeb il-kompetenza sabiex titjieb il-kwalità tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. - Jissaħħaħ id-dritt ta' l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni li jopponu leġislazzjoni li taħtha tingħata għajnuna mill-istat. - Tittejjeb it-trasparenza ta' l-għajnuna mill-Istat, ikun aġġornat l-inventarju ta' l-għajnuna mill-Istat u jitħejjew u jkunu ppreżentati rapporti annwali lill-Kummissjoni. - Jittejjeb ir-rekord ta' l-infurzar ta' l-għajnuna mill-Istat, partikolarment b'/billi: (i) kontroll fuq l-utenti tal-miżuri kollha ġodda ta' għajnuna biex tkun żgurata l-kompatibilità ma' l-acquis; (ii) infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar għajnuna mhux notifikata; (iii) issir stima tal-miżuri eżistenti ta' għajnuna fir-Rumanija li taħthom tingħata għajnuna mill-Istat biex jinġiebu skond l-acquis u biex miżuri mogħtija qabel ikunu kkonvertiti f'għajnuna kompatibbli. - Tkun żgurata l-osservanza mal-Protokoll 2 tal-Ftehim ta' l-Ewropa dwar il-prodotti KEFA. L-Agrikoltura - Tkun żgurata l-allokazzjoni adegwata ta' riżorsi umani fil-livell ċentrali tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura, Ikel u Forestrija sabiex tkun permessa l-implimentazzjoni korretta u l-infurzar tal-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (CAP). - Ikunu rinforzati l-istrutturi amministrattivi sabiex ikunu żgurati implimentazzjoni u amministrazzjoni aktar effiċjenti tal-miżuri tas-Sapard; l-istess għandhom ikunu rinforzati l-istrutturi amministrattivi meħtieġa għad-disinn, l-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni, l-iskrutinju, il-kontroll u l-evalwazzjoni tal-fondi għall-iżvilupp rurali tal-Komunità. - Tkun żgurata l-finalizzazzjoni malajr tar-riżultati taċ-ċensiment ġenerali ta' l-agrikoltura. - Ikunu rinforzati l-istrutturi amministrattivi sabiex jittejbu l-kapaċitajiet għall-formulazzjoni tal-politika u l-analiżi ekonomika. - Il-politika ġdida ta' appoġġ mill-istat għandha tkun immirata lejn l-iżvilupp ta' politika agrikola orjentata lejn is-suq u tingħata aktar kunsiderazzjoni lill-iżvilupp rurali. - Issir il-preparazzjoni għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-mekkaniżmi ta' l-amministrazzjoni tal-politika agrikola komuni, partikolarment is-sistema integrata għall-amministrazzjoni u l-kontroll (inkluż sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' l-annimali u sistema ta' identifikazzjoni tal-biċċiet ta' l-art). - Jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni veterinarja u fitosanitarja u jitjiebu l-arranġamenti ta' l-ispezzjonijiet, partikolarment fi fruntieri esterni futuri. - Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex tkun implimentata l-istrateġija għas-sigurtà ta' l-ikel. - Jitħaffu r-riformi strutturali tas-setturi ta' l-agrikoltura u l-ikel agrikolu. - Ikunu żgurati investimenti biex jitlestew ir-riformi fir-reġistrazzjoni ta' l-artijiet u r-reġistrazzjoni tat-titoli ta' propjetà fl-uffiċċju tar-reġistrazzjoni ta' l-artijiet. - Dwar il-kwistjonijiet orizzontali, ikunu segwiti l-isforzi f'setturi bħar-reġistrazzjoni ta' l-artijiet, l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' fergħat, politika ta' kwalità u n-network tad-data ta' l-ikkontjar ta' l-irziezet (FADN). - Ikun elaborati il-miżuri ta' infurzar għall-liġi l-ġdida ta' l-inbid (partikolarment dwar ir-reġistru tad-dwieli). - Tkun rinfurzata il-kapaċità amministrattiva biex ikun implimentat u nfurzat l-acquis, partikolarment fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji, fejn huma meħtieġa aktar riżorsi umani u finanzjarji mill-Aġenzija Sanitarja Veterinarja Nazzjonali sabiex titlesta l-adozzjoni legali ta' l-acquis veterinarju. Is-Sajd - Jitlesta r-reġistru tas-sajd skond il-ħtiġijiet kollha tal-Komunità. - Tkun żviluppata sistema ta' min jorbot fuqha ta' statistiċi tas-sajd. - Tkun implimentata leġislazzjoni adottata riċentament li tirregola il-funzjonament ta' l-istrutturi amministrattivi ewlenin u jkunu pprovduti riżorsi u apparat istituzzjonali adegwati li jikkonċernaw l-ispezzjoni u l-kontrolli f'livelli ċentrali u reġjonali. - Ikunu kkjarifikati r-responsabbiltajiet amministrattivi bejn il-Ministeru ta' l-Agrikoltura, Ikel u Forestrija u l-Ministeru ta' l-Ilmijiet u l-Protezzjoni ta' l-Ambjent. - Għandu jitqiegħed persunal għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru ta' l-Agrikoltura, Ikel u Forestrija. - Jissaħħu l-attivitajiet ta' kontroll billi titpoġġa aktar emfażi fuq it-taħriġ ta' spetturi tas-sajd, ikun ipprovdut apparat xieraq, u jiżdied in-numru ta' spetturi għall-kontroll tas-sajd tal-baħar. - Issir preparazzjoni għall-implimentazzjoni ta' regolamenti li jikkonċernaw l-amministrazzjoni u l-kontroll tar-riżorsi. Il-politika dwar it-trasport - Fis-settur tat-toroq: (i) tkun rinfurzata l-kapaċità amministrattiva biex ikun implimentat l-acquis fiskali u soċjali/tekniku, (ii) titkompla l-implimentazzjoni ta' programmi biex jitneħħew il-prattiċi diskriminatorji fit-tassazzjoni/ħlasijiet fuq it-trasport fl-art, (iii) titkompla l-implimentazzjoni ta' pjanijiet t' azzjoni biex it-trakkijiet fir-Rumanija ikunu attrezzati b' apparat għall-limitazzjoni tal-velocita u apparat ta' reġistrazzjoni, (iv) titkompla l-implimentazzjoni ta' regolamenti dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ, (v) tkun implimentata l-iskeda biex ikunu żgurati l-investimenti meħtieġa għat-titjib u rijabilitazzjoni tan-network tat-toroq san-normi axle-weight tal-Komunità, billi tkun ikkonsidarat l-leġislazzjoni ambjentali u (vi) jkun żgurat li l-ispezzjonijiet fit-triq tal-vetturi ma' tagħtix lok għal kwalunkwe diskriminazzjoni de facto bejn trasportaturi u/jew vetturi Rumeni u tal-KE. - Jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni marittima ta' l-UE f'inħawi ta' sigurtà u mhux ta' sigurtà; tittejjeb is-sigurtà marittima, partikolarment il-prestazzjoni ta' l-istituzzjonijiet amministrattivi għas-sigurtà marittima bħala l-istat tal-bandiera u tkun garantita l-indipendenza tagħhom. Jittejjeb urġentament ir-rekord ta' sigurtà marittima tal-flotta Rumena taħt il-Memorandum ta' Pariġi bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha xierqa. B' żieda ma' dan, ikunu żgurati standards għolja ta' kontroll tal-portijiet ta' l-istat. - Ikompli jiddaħħal u jkun implimentat l-acquis tal-passaġġi ta' l-ilma interni. Tkun irristrutturata u mmodernizzata il-flotta Rumena tad-Danubju biex tiżdied il-kompetittività tagħha u biex titħejja għat-tħaris tal-ħtiġijiet tekniċi tal-Komunità. - Ikompli jiddaħħal u jkun implimentat l-acquis ta' l-avjazzjoni u l-linji tal-ferroviji. - Ikun żgurat li l-kapaċità amministrattiva meħtieġa tkun f'postha sabiex issir il-preparazzjoni għall-investimenti sinifikanti meħtieġa fl-infrastruttura tal-linji tal-ferroviji u t-toroq. It-Tassazzjoni - Jitkompla l-allinjament leġislattiv b' attenzjoni partikolari fuq l-eżenzjonijiet mit-TVM, il-kondizzjonijiet tar-rifużjoni, l-iskop taxxabbli u l-iskemi speċjali tat-TVM, kif ukoll il-livelli ta' dazji tas-sisa, l-istruttura u l-eżenzjonijiet. - Ikun adottat ir-reġim tas-sospensjoni tad-dazju tas-sisa (partikolarment id-dispożizzjonijiet dwar it-tax warehouses). - Ikun żgurat li l-leġislazzjoni futura tkun skond il-prinċipji tal-kodiċi ta' kondotta għat-tassazzjoni kummerċjali u jkunu riveduti d-dispożizzjonijiet eżistenti ta' dannu. - Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-proċeduri ta' kontroll inkluż il-koperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka. Għandha tingħata attenzjoni partikolari fuq (i) it-titjib tal-ġbir tal-flus u s-sistemi ta' rifużjoni, (ii) il-prevenzjoni ta' frodi fuq rifużjonijiet tat-TVM, (iii) it-tħejjija ta' reġistru ta' dawk li jħallsu t-taxxi, (iv) l-implimentar ta' strateġija għall-amministrazzjoni tat-taxxa, (v) it-tħejjija ta' kodiċi ta' etika u l-miżuri biex dan il-kodiċi ikun applikat, (vi) stima tar-riżorsi umani meħtieġa għas-sistema tat-tassazzjoni u (vii) id-disinjar u l-implimentar ta' sistema ta' taħriġ li tkopri kemm it-taħriġ inizjali u wkoll dak fis-servizz. - Tkun żviluppata sistema tat-TI sabiex ikun jista' jsir skambju ta' data elettronika mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha. L-Unjoni ekonomika u monetarja - Jitkompla l-allinjament tal-leġislazzjoni bid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis dwar l-indipendenza tal-bank ċentrali, il-projbizzjoni ta' adeżjoni privileġġjata mill-awtoritajiet tas-settur pubbliku għall-istituzzjonijiet finanzjarji u l-projbizzjoni ta' finanzjament dirett tas-settur pubbliku. - Ikunu armonizzati b' mod sħiħ l-istatistiċi finanzjarji tal-Gvern mal-ħtiġijiet ta' l-ESA 95. L-istatistika - Tkompli tittejjeb il-kwalità u l-kopertura ta' l-istatistiċi billi jkun żgurat li jkunu disponibbli r-riżorsi adegwati biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' l-istatistiċi, inkluż f'livell reġjonali. - Jittejjbu l-metodoloġiji ta' l-istatistika u jinbdew preparazzjonijiet għall-introduzzjoni futura tas-sistema ta' l-Intrastat. - Tkun żviluppata l-kapaċità tal-persunal ta' l-amministrazzjoni ta' l-istatistika u jkun żgurat li n-numru tal-persunal ma jitnaqqasx aktar. - Tkun żgurata r-ristrutturazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tat-tminn uffiċċji reġjonali ewlenin. - Tkun definita strateġija għat-tul għall-iżvilupp statistiku. - Għandha kontinwament tkun rinnovata u żviluppata l-kapaċità tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u jkun ipprovdut aktar taħriġ għall-persunal ċentrali u reġjonali sabiex isir użu aktar effettiv ta' l-apparat u l-applikazzjonijiet tas-software. Politika soċjali u impiegi - Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis fis-settur tal-liġi tax-xogħol u jkun implimentat il-Kodiċi tax-Xogħol ġdid u l-liġijiet l-oħra addizzjonali dwar l-implimentazzjoni ta' direttivi speċifiċi. - Ikompli jiddaħħal l-acquis fil-qasam tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel u tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Tkun adottata l-liġi dwar il-maternità, il-familja u l-protezzjoni tat-tfal. - Jitkompla l-allinjament ta' l-acquis għal kontra d-diskriminazzjoni u tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. - Ikompli jiddaħħal l-acquis dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jissaħħu l-istrutturi relevanti amministrattivi u ta' nfurzar, partikolarment l-Ispettorati tax-Xogħol. Tittejjeb il-koperazzjoni bejn il-Ministeru tax-Xogħol u Solidarjetà Soċjali u l-Ministeru tas-Saħħa u l-Familja. - Tkompli tiddaħħal u tkun implimentata l-leġislazzjoni dwar is-saħħa pubblika – inkluż l-acquis dwar il-kontroll tat-tabakk – u tittejjeb is-sistema nazzjonali ta' sorveljanza u kontroll ta' mard li jittieħed skond il-ħtiġijiet tal-Komunità. Tkun żviluppata sistema ta' kontroll u informazzjoni tas-saħħa li tilħaq l-istandards tal-Komunità. - Tissaħħaħ il-kapaċità biex tkun amministrata ir-riforma fis-settur tas-saħħa b' mod komprensiv billi jittejjeb l-ippjanar strateġiku għar-riżorsi umani u finanzjarji sabiex isir użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi waqt li tkun żgurata adeżjoni ugwali għall-kura tas-saħħa. Tittejjeb l-akkontabbiltà u t-trasparenza fl-allokazzjoni u l-użu tar-riżorsi tal-kura tas-saħħa. - Ikun implimentat il-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-impiegi, wara li jkunu ikkonsidrati il-linji ta' gwida riveduti Ewropej ta' l-impiegi u l-prijoritajiet, ir-rabtiet u r-rakkomandazzjonijiet identifikati fl-istima konġunta tal-prijoritajiet tal-politika ta' l-impiegi (JAP). - Tkompli tkun żviluppata il-kapaċità ta' l-Aġenzija Nazzjonali għall-Impiegi biex ikunu implimentati miżuri attivi u programmi għall-impiegi, jissaħħu l-istrutturi reġjonali u lokali tagħha u tkun żgurata l-kapaċità xierqa għall-amministrazzjoni ta' proġetti tat-tip tal-Fond Soċjali Ewropew bi tħejjija għall-Fondi Strutturali. - Ikompli jkunu sostnuti sforzi għall-bini tal-kapaċità ta' l-isħab soċjali, partikolarment dwar ir-rwol futur tagħhom fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-impiegi u soċjali tal-Komunità. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp tal-kapaċità f'setturi ta' politika ġodda inkluż l-inklużjoni ta' l-impiegi u dik soċjali. - Ikun promoss djalogu soċjali awtonomu, speċjalment f'livell ta' impriżi u dak settorjali, sabiex tittejjeb il-kopertura tiegħu. - Titlesta l-leġislazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-assistenza soċjali u tkun żviluppata sistema ta' eżami u kontroll li tikkonċerna l-assistenza soċjali. Titlesta u tkun implimentata ir-riforma tas-sistema ta' l-assistenza soċjali, (inkluż it-trasparenza tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni) skond l-acquis. - Dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ta' l-assistenza soċjali, tittejjeb il-koperazzjoni interministerjali, tkun żgurata t-trasparenza fid-deċentralizzar tar-responsabbiltajiet lill-livell lokali, ikun żgurat numru ta' persunal adegwat u taħriġ effettiv tal-persunal, u kif ukoll il-mezzi ta' l-estimi. - Tkun implimentata l-istrateġija nazzjonali għall-inklużjoni soċjali u għal kontra l-faqar (inkluż l-kollezzjoni tad-data) u tkun adottata l-leġislazzjoni sekondarja sabiex ikunu kkjarifikati r-responsabbiltajiet istituzzjonali tal-korpi u l-awtoritajiet kollha konċernati. L-enerġija - Tkunu allinejata l-istrateġija ta' l-enerġija ma' l-għanijiet tal-politika ta' l-enerġija tal-Komunità u jkun żgurat li tindirizza il-problemi strutturali li qiegħed jiffaċċja is-settur: (i) iż-żieda fil-livelli ta' hlasijiet ta' kontijiet u jkunu rkuprati aktar spejjeż; (ii) it-tnaqqis ta' l-arretrati; (iii) it-tneħħija tat-tgħawwiġ li baqa' fil-prezzijiet fis-settur ta' l-enerġija, kemm jekk diretti jew indiretti; (iv) ir-ristrutturar tat-Termoelectrica b' osservanza sħiħa ta' l-acquis tal-Komunità. - Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-korpi ġodda stabbiliti fis-settur (partikolarment ir-regolaturi ta' l-enerġija u l-korp ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija). - Jitkompla l-ftuħ progressiv tas-suq tal-gass u l-elettriku. Jitlesta l-proċess leġislattiv inkluż l-adozzjoni ta' leġislazzjoni sekondarja. - Jittieħdu miżuri progressivi biex jinbnew u jkunu amministrati ħażniet ta' żejt skond l-acquis. - Titnaqqas l-intensità ta' l-enerġija ta' l-ekonomija Rumena, fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta' l-enerġija. Ikun sostnut it-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija billi tkun iffrankata aktar enerġija u jittejjeb l-użu ta' egħjun ta' enerġija riġenerati. Ikompli jiddaħħal l-acquis ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija (it-tikkettjar ta' appliances, l-istandards ta' effiċjenza minimi). - Tkun żgurata l-osservanza tal-ħtiġijiet u l-proċeduri ta' l-Euratom. - Ikomplu jkunu implimentati ir-rakkomandazzjonijiet kollha li jinsabu fir-Rapport tal-Kunsill ta' l-2001 dwar is-sigurtà nukleari fil-kuntest tat-tkabbir u r-rapport tiegħu dwar l-istatus ta' l-eżami rivedut ta' Ġunju 2002, dwar il-prijoritajiet assenjati fir-rapporti. - Ikompli jkun żgurat livell għoli ta' sigurtà nukleari fl-impjant ta' l-enerġija nukleari ta' Cernavoda. - Ikun iffokat it-tisħiħ ta' l-indipendenza, ir-riżorsi u l-kapaċitajiet ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali għas-sigurtà nukleari. - Ikunu ndirizzati kwistjonijiet ta' karburanti nukleari użat jew ħela nukleari. Il-politika industrijali - Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u l-istrutturi meħtieġa biex tkun implimentata l-istrateġija tal-politika industrijali Rumena b' emfażi partikolari fuq strutturi fuq livell reġjonali. - Ikun rivedut il-qafas tal-politika u l-leġislazzjoni preżenti sabiex tittejjeb l-adeżjoni ta' l-impriżi (partikolarment IŻM) għall-investiment finanzjarju. - Titkompla l-implimentazzjoni ta' miżuri li jissimplifikaw u jistabbilizzaw l-ambjent kummerċjali sabiex ikun attirati investimenti barranin. L-impriżi zgħar u ta' daqs medju - Ikun żgurat approċċ kordinat biex ikunu implimentati kemm il-pjan ta' azzjoni għat-tneħħija ta' barrieri għall-IŻM kif ukoll il-pjan ta' azzjoni għat-tneħħija ta' barrieri amministrattivi għall-kummerċ. - Tkun implimentata l-Karta Ewropea għall-Impriżi Zgħar. - Jittieħdu miżuri biex tkun evitata d-duplikazzjoni tar-responsabbiltajiet u jkun żgurat li hemm kordinazzjoni effettiva bejn il-ħafna aġenziji involuti fis-settur. Ix-xjenza u Riċerka - Tkun rinfurzata il-kapaċità amministrattiva u l-infrastruttura dwar ir-riċerka sabiex jiżdiedu l-benefiċċji mill-assoċjazzjoni mal-qafas ta' programmi relevanti tal-Komunità inkluż is-Sitt Qafas ta' Programm (2002-2006). L-edukazzjoni u t-taħriġ - Issir il-preparazzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema immigranti sad-data ta' l-adeżjoni. It-telekomunikazzjonijiet u teknoloġiji ta' l-informazzjoni - Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis u tkun adottata aktar leġislazzjoni ta' implimentazzjoni, partikolarment dwar is-servizzi postali. - Tissaħħaħ l-indipendenza ta' l-awtorità regolatorja ġdida u jiżdiedu it-taħriġ u l-investiment finanzjarju biex ikun żgurat li teżisti kapaċità amministrattiva adegwata. - Titlesta s-separazzjoni ta' l-interessi regolatorji u proprjetorji. Il-politika kulturali u awdjoviżwali - Tkompli tkun allinejata l-leġislazzjoni u żviluppata l-kapaċità tal-Kunsill Awdjoviżwali Nazzjonali biex tkun infurzata il-liġi awdjoviżwali ġdida b' mod previdibbli, trasparenti u effettiv. - Ikun żgurat li r-ristrutturazzjoni li saret fil-Ministeru tal-Kultura u l-Affarijiet Reliġjużi dwar l-affarijiet awdjoviżwali ma taffetwax il-kapaċità istituzzjonali Rumena biex ikun żgurat allinjament leġislattiv effettiv. Il-politika reġjonali u l-kordinazzjoni ta' strumenti strutturali - Tkun żviluppata politika nazzjonali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u, f'dan il-kuntest, ikun aġġornat regolarment u mtejjeb il-pjan ta' żvilupp nazzjonali (partikolarment permezz ta' aktar kordinazzjoni mal-proċessi ta' l-estimi nazzjonali u tal-formulazzjoni tal-politika, inkluż ipprogrammar u estimi multi-annwali). - Tissaħħaħ il-kapaċità isituzzjonali u amministrattiva tal-korpi li huma responsabbli mill-ipprogrammar u l-amministrazzjoni tal-fondi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, skond l-approċċ tal-Fondi Strutturali. - Tkun stabbilita diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet f'livell nazzjonali u reġjonali u tittejjeb il-kapaċità amministrattiva f'termini ta' reklutaġġ, profili ta' karrieri u taħriġ. - Titjieb il-koperazzjoni bejn il-Ministeri, kif ukoll bejn l-aġenziji relevanti u s-sħab soċjali u ekonomiċi. - Tkun stabbilita s-sistema ta' kontroll u evalwazzjoni meħtieġa għall-Fondi Strutturali, partikolarment għall-utenti u għal wara l-evalwazzjoni u għall-ġbir ta' l-informazzjoni u l-indikaturi ta' l-istatistiċi relevanti. Tkun żviluppata l-kapaċita teknika biex jitmexxew proġetti li jkunu ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali: (i) issir l-għażla, d-diskussjoni u l-kjarifika tal-prijoritajiet ta' żvilupp kemm f'livell nazzjonali u wkoll livell reġjonali u (ii) issir l-identifikazzjoni, l-ipprogrammar, u l-preparazzjoni tal-proġetti. - Ikunu ndirizzati kemm l-aspetti leġislattivi u kif ukoll dawk amministrattivi li jikkonċernaw il-ħtiġijiet tal-Komunità dwar l-amministrazzjoni u kontroll finanzjarju (funzjonijiet ta' kontroll u awditjar, il-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni finanzjarja, ko-finanzjament nazzjonali). Issir il-preparazzjoni biex ikunu allokati l-funzjonijiet ta' kontroll u partikolarment il-funzjoni ta' awditjar intern fi ħdan l-awtoritajiet amministrattivi, l-awtoritajiet li jħallsu u, jekk inhu l-każ, il-korpi intermedjarji. L-ambjent - Titlesta l-istima komplessiva tas-sitwazzjoni fis-settur ta' l-ambjent sabiex ikunu identifikati l-ispazji li jridu jimtlew. - Tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' l-acquis, inkluż permezz ta' l-assigurazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa, b' emfażi partikolari fuq l-istima ta' l-impatt ambjentali, l-adeżjoni għall-informazzjoni, l-immaniġġjar ta' l-iskart, it-tniġġiż industrijali u l-amministrazzjoni tar-riskju, il-protezzjoni tan-natura, l-organiżmi kimiċi u mmodifikati ġenetikament, is-sigurtà nukleari u l-protezzjoni tar-radjazzjoni.- Jitjieb il-mezz li bih titħejja il-leġislazzjoni billi issir konsultazzjoni sħiħa ma' dawk kollha involuti (inkluż ministeri oħra, operaturi ekonomiċi u NGOs), u tingħata konsiderazzjoni sħiħa għall-ħtiġijiet ta' l-implimentazzjoni, inkluż stima sħiħa ta' l-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni. - Ikunu żviluppati pjanijiet ta' implimentazzjoni flimkien ma' strateġiji finanzjarji, biex ikunu iddelinejati il-passi meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa għaż-żmien medju u fit-tul. Dawn il-pjanijiet għandhom jikkonsidraw ir-riżorsi disponibbli u t-tisħiħ istituzzjonali, u jelaboraw aktar il-mekkaniżmi biex jikkontrollaw b' mod effettiv l-implimentazzjoni. Ikun żgurat l-involviment ta' dawk kollha involuti fil-fażi ta' l-ippjanar ta' l-implimentazzjoni. - Tittejjeb il-kapaċità amministrattiva biex ikun implimentat l-acquis, permezz ta' rinfurzar tal-persunal kemm fil-Ministeru u wkoll f'korpi oħra relevanti. Meħtieġa attenzjoni partikolari fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ta' l-Ispettorati tal-Protezzjoni Ambjentali fil-livell lokali u anke fil-livell reġjonali kif ukoll il-kordinazzjoni bejn il-ministeri. - Ikun żgurat li jitpoġġew ir-riżorsi suffiċjenti disponibbli fil-livell lokali biex jittejjeb l-istatus tal-persunal eżistenti, biex ikunu rreklutati spetturi ġodda, u jkunu mħarrġa adegwatament. - Ikunu rinfurzati l-istrutturi u l-mekkaniżmi (inkluż il-kordinazzjoni bejn il-ministeri) biex tkun żgurata l-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki settorjali l-oħra kollha sabiex ikun promoss l-iżvilupp sostenibbli. Il-protezzjoni tal-konsumaturi u s-saħħa - Tinbeda l-implimentazzjoni ta' strateġija għal ħames snin għall-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konsumatur. - Titjieb il-koperazzjoni bejn l-atturi relevanti f'dan is-settur u jkun ikkjarifikat ir-rwol rispettiv u l-kompiti tagħhom. - Tkun implimentata l-leġislazzjoni eżistenti u jkun żgurat li l-istrutturi amministrattivi huma kapaċi jaħdmu b' mod effettiv, partikolarment fis-sorveljanza u l-infurzar tas-suq. Titpoġġa emfażi partikolari fuq aspetti ta' siġurtà ta' prodotti tal-konsumatur li m' humiex ta' l-ikel u jkunu allokati riżorsi adekwati għall-ittestjar fil-laboratorji. - Jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi u produtturi tar-regolamenti l-ġodda u jkun promoss ir-rwol ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika għall-konsumatur. Il-ġustizzja u intern - Jitkompla t-titjib ta' l-amministrazzjoni tal-fruntieri billi: (i) jitwessa' l-iskop ta' l-istrateġija integrata għall-amministrazzjoni tal-fruntieri biex tkopri l-fruntieri kollha, (ii) tkun żviluppata sistema integrata għas-sorveljanza tal-baħar, (iii) titjieb il-kordinazzjoni u l-koperazzjoni ta' l-aġenziji kollha li jaħdmu fuq il-fruntieri, (iv) jimtlew il-vakanzi fil-pulizija tal-fruntieri, (v) ikunu mmodernizzati l-infrastruttura u l-apparat fuq il-bażi ta' l-implimentazzjoni ta' pjan għall-investiment multi-annwali u (vi) jiżdied l-użu ta' metodi ta' analiżi ta' riskju u t-tisħiħ tal-funzjoni ta' l-intelliġenza fi ħdan il-pulizija tal-fruntieri. - Ikun implimentat il-pjan ta' azzjoni aġġornat ta' Schengen u titkompla l-preparazzjoni għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-SIS II billi jkunu żviluppati databases u reġistri nazzjonali. - Jitjiebu aktar l-arranġamenti tal-viża billi (i) jitkompla l-allinjament mal-listi posittivi u negattivi ta' l-UE, (ii) it-tikketta nazzjonali tal-viża issir aktar żgura, (iii) tittejjeb il-kapaċità amministrattiva taċ-ċentru tal-viża u (iv) l-uffiċċji kollha diplomatiċi u konsulari jkunu pprovduti b' apparat tekniku biex jinqabdu dokumenti kkoppjati u ffalsifikati. - Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis tal-leġislazzjoni ta' l-asil, ikun żgurat ir-rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' non-refoulement, u jkunu implimentati programmi ta' integrazzjoni għal dawk li jfittxu asil jew refuġjati. - Titħejja l-infrastruttura biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-regolamenti dwar il-Eurodac u Dublin II ma' l-adeżjoni. - Tkun żviluppata u implimentata strateġija biex tkun miġġielda l-kriminalità organizzata skond il-patt ta' qabel l-adeżjoni dwar il-kriminalità organizzata: (i) ikun stabbilit qafas għall-koperazzjoni u kordinazzjoni mtejba bejn l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi speċjalizzati fil-ġlied kontra forom varji ta' kriminalità (b'attenzjoni speċjali lill-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u ekonomika, traffikar tad-droga, merkanzija ffalsifikata u armi) u (ii) jingħata aktar taħriġ speċjalizzat fis-setturi imsemmija fuq. - Jitkomplew l-isforzi biex tkun miġġielda l-immigrazzjoni illegali minn ġewwa r-Rumanija jew minnha, b' attenzjoni speċjali lejn l-organizzazzjonijiet li jaffiċilitaw id-dħul illegali tal-bnedmin (partikolarment nisa u tfal) fl-Istati Membri ta' l-UE. Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni ripatrijati, speċjalment vittmi ta' traffikar uman. - Ikun żgurat li jintlaħqu l-ħtiġijiet minn qabel għall-konklużjoni tal-ftehim ta' koperazzjoni mal-Europol. - Titkompla l-ġlieda kontra d-drogi billi (i) jitkompla l-implimentar ta' l-istrateġija nazzjonali biex ikunu miġġielda l-abbuż mid-drogi u t-traffiku illeċtu tad-drogi u l-oriġinaturi, (ii) jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u ta' kordinazzjoni ta' l-Aġenzija Nazzjonali kontra d-Drogi, (iii) ikun stabbilit legalment punt fokali nazzjonali b' mandat ċar li jistipula il-kompiti u r-responsabbiltajiet ewlenin tiegħu u (iv) tkun żviluppata aktar is-sistema ta' informazzjoni dwar id-drogi biex tipprovdi kontroll u eżaminar aktar preċiż tas-sitwazzjoni. - Titkompla l-preparazzjoni għall-implimentazzjoni ma' l-adeżjoni tat-tielet livell tal-konvenzjonijiet għall-koperazzjoni doganali. - Jittieħdu aktar miżuri biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-UE fis-settur tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, notarjament dwar ir-rikoxximent reċiproku u l-infurzar ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji. - Tkun emendata l-leġislazzjoni sabiex tidħol u tkun implimentata il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ta' l-UE ma' l-adeżjoni. Jittieħdu l-passi meħtieġa bi preparazzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa ma' l-adeżjoni ta' l-istrument li japplika l-prinċipju tar-rikoxximent reċiproku u partikolarment il-mandat ta' arrest Ewropew u l-Qafas ta' Deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta' l-ordnijiet li jiffriżaw proprjetà jew xiehda. - Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis dwar il-protezzjoni tal-liġi kriminali ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet (Konvenzjoni ta' l-1995) u tkun implimentata l-leġislazzjoni relevanti. - Ikun żgurat l-allinjament leġislattiv ma' l-acquis dwar il-protezzjoni tal-liġi kriminali tal-euro kontra l-iffalsifikar. Għaqda doganali - Titlesta l-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni tad-dwana, partikolarment dwar ir-regoli ta' l-oriġini u l-istatus ta' żoni ħielsa. - Tittejjeb il-koperazzjoni bejn is-servizzi tad-dwana u korpi oħra ta' l-infurzar. - Jittieħdu l-miżuri biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u b' mod sħiħ tal-proċeduri tad-dwana tat-territorju tad-dwana. - Ikunu miġġielda l-irregolaritajiet billi jiżdied l-użu ta' metodi ta' analiżi ta' riskju u t-tisħiħ tal-funzjoni ta' l-intelliġenza ta' l-amministrazzjoni tad-dwana. - Jitkomplew l-isforzi biex tkun implimentata il-politika ta' etika tad-dwana u miġġielda l-korruzzjoni fi ħdan is-servizzi tad-dwana. - Ikunu implimentati miżuri li jnaqqsu l-ħin ta' stennija fuq il-fruntiera, biex ikun miġġieled il-moviment minn fruntiera għall-oħra ta' oġġetti piratati u ffalsifikati u tkun miġġielda l-kriminalità ekonomika u kriminalità organizzata. - Tkun rinfurzata l-kapaċità amministrattiva u operazzjonali fil-qasam ta' l-infurzar tad-dwana. Għandhom ikunu eżaminati il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani u jkun żviluppat taħriġ ċentralizzat. - Imħaffa l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija tat-TI ta' l-amministrazzjoni tad-dwana Rumena; ikunu żviluppati sistemi tat-TI biex jippermettu l-iskambju ta' data kompjuterizzata fil-Komunità mkabbra; issir it-tħejjija għall-istallazzjoni u t-tħaddim ta' CCN/CSI (Common Communications Network/Common Systems Interface). - Jittieħdu l-passi għall-implimentazzjoni, fl-istess żmien ta' l-adeżjoni, tar-rabtiet fis-setturi tal-kollezzjoni u kontroll tar-riżorsi proprji tal-Komunità u l-amministrazzjoni ta' l-aspetti tad-dwana tal-politika agrikola komuni (kontroll tar-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni, eċċ.). Relazzjonijiet esterni - Issir analiżi tat-trattati u ftehim kollha internazzjonali sabiex ikun żgurat li jsiru t-tħejjijiet biex dawk li m' humiex kompatibbli ma' l-acquis jintemmu jew jiġu negozjati mill-ġdid fi żmien xieraq. Kontroll finanzjarju - Ikunu żviluppati l-kapaċitajiet istituzzjonali għall-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar il-kontroll finanzjarju preventiv u l-liġi dwar l-awditjar intern. Ħtieġa partikolari hija l-ġeneralizzazzjoni ta' units indipendenti u funzjonabbli għall-awditjar intern f'istituzzjonijiet pubbliċi, organizzati mill-ġdid skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi l-ġdida dwar l-awditjar pubbliku intern. Għandha tingħata attenzjoni partikolari fuq l-istituzzjonijiet responsabbli għall-amministrazzjoni tal-fondi tal-Komunità. - Tkun stabbilita Unit Ċentrali għall-Armonizzazzjoni ta' l-Awditjar Pubbliku Intern, responsabbli għall-elaborazzjoni u l-adattamenti ta' qafas legali unitarju fil-qasam ta' l-attività ta' l-awditjar pubbliku intern. - Tkun żgurata l-indipendenza tal-Qorti Rumena tal-Kontijiet permezz ta' emenda kostituzzjonali skond l-istandards internazzjonali li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet supremi ta' l-awditjar. - Jissaħħu l-proċeduri għall-iskrutinju parlamentari tas-sejbiet ta' l-awditjar tal-Qorti tal-Kontijiet u titjieb it-trasparenza u t-tixrid tar-rapporti tal-Qorti tal-Kontijiet. - Ikunu żviluppati u implimentati standards għall-awditjar estern, li jikkonformaw ma' standards ta' awditjar estern aċċettati internazzjonalment u skond l-acquis. Għandu jkun żviluppat aktar taħriġ għall-persunal. - Tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta' l-irregolaritajiet taħt il-Phare, Sapard u ISPA. - Tkun żgurata l-effettività operazzjonali u l-indipendenza operazzjonali tas-servizzi ta' kordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS), u implimentata koperazzjoni effettiva ma' l-OLAF b' dan is-servizz. Tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-mekkaniżmi għall-istħarriġ amministrattiv u għall-istħarriġ ġudizzjarju ta' l-investigazzjonijiet kontra l-frodi. - Jittieħdu l-passi meħtieġa biex issir il-preparazzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-acquis dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Estimi - Jitkompla l-bini tal-kapaċità teknika u amministrattiva dwar l-attivitajiet ta' tħejjija li jikkonċernaw l-amministrazzjoni operazzjonali tar-riżorsi proprji. Jitkomplew l-isforzi biex jiġu definiti il-proċeduri meħtieġa u l-arranġamenti organizzazzjonali u żviluppati il-kapaċitajiet meħtieġa biex ikunu kkordinati il-kalkulazzjoni, l-eżaminazzjoni, il-pagament, il-kontroll u l-evalwazzjoni tal-fondi lill-u mill-estmi tal-Komunità skond l-acquis dwar ir-riżorsi proprji. - Tittejjeb il-kapaċità li jkun ikkalkulat ir-riżors bażi tat-TVM skond l-istandards ESA 95. - Jinbeda l-iżvilupp tas-sistema ta' rapportar fuq każi ta' frodi u irregolaritajiet u s-sistema ta' l-ikkontrjar fl-oqsma tar-riżorsi proprji tradizzjonali. - Tinbeda azzjoni dwar l-aspetti organizzazzjonali u l-kapaċità amministrattiva assoċjati magħhom dwar il-levies fuq iz-zokkor, b' attenzjoni partikolari biex tkun stabbilita l-istruttura, ir-responsabbiltajiet u l-mod tal-funzjonament għall-Aġenzija tal-Pagament u l-Intervent. 5. IL-PROGRAMMAZZJONI Għall-perjodu 2000 sa 2006, u minbarra l-Phare, l-assistenza finanzjarja lir-Rumanija tikkonsisti f'appoġġ għall-miżuri ta' qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp agrikolu u rurali permezz ta' l-istrument ta' qabel l-adeżjoni Sapard (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/99, ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 87) u appoġġ għall-proġetti ta' infrastruttura fl-oqsma ta' l-ambjent u t-trasport permezz ta' l-istrument strutturali ISPA (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/99, ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 73), li jagħti prijorità lill-miżuri simili għall-fond ta' koeżjoni fil-perjodu ta' qabel l-adeżjoni. Taħt dawn l-allokazzjonijiet nazzjonali, ir-Rumanija tista' wkoll tiffinanzja parti mis-sehem tagħha fil-programmi tal-Komunità inkluż il-Qafas ta' Programmi għall-Iżvilupp ta' Riċerka u Teknoloġija u programmi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u impriżi. Barra minn hekk ir-Rumanija ikollha l-adeżjoni għall-finanzjament minn programmi multi-statali u orizzontali li jikkonċernaw direttament l-acquis. konġunt Finanzjarju by the candidate countries is systematically required for all proġetti ta' investiment. Mill-1998 il-Kummissjoni ħadmet mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, partikolarment il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-Bank Dinji, bil-għan li jkun iffaċilitat il-ko-finanzjament ta' proġetti li jikkonċernaw il-prijoritajiet ta' qabel l-adeżjoni. 6. IL-KONDIZZJONALITÀ L-assistenza tal-Komunità għall-finanzjament ta' proġetti permezz tat-tlett strumenti kollha ta' qabel l-adeżjoni, Phare, ISPA, u Sapard huwa kkondizzjonat fuq ir-rispett mir-Rumanija tar-rabtiet tagħha taħt il-Ftehim ta' l-Ewropa, aktar passi li jissodisfaw il-kriterji ta' Copenhagen kriterji u partikolarment progress fit-twettiq tal-prijoritajiet speċifiċi tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni rivedut. In-nuqqas ta' rispett ta' dawn il-kondizzjonijiet ġenerali jista' jwassal għal deċiżjoni mill-Kunsill dwar is-sospensjoni ta' l-assistenza finanzjarja fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 622/98. 7. IL-KONTROLL L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni u t-triq gwida hija kkontrollata fil-qafas tal-Ftehim ta' l-Ewropa. Kif emfassizzat mill-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu, huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-Ftehim ta' l-Ewropa ikomplu jkunu l-qafas li fih jiġu eżaminati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-acquis. Is-sottokumitati tal-Ftehim ta' l-Ewropa jipprovdu l-possibiltà li tkun riveduta l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni kif ukoll il-progress dwar l-approssimazzjoni legali, l-implimentazzjoni u l-infurzar. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiddiskuti l-iżviluppi globali, il-progress u l-problemi lejn it-twettiq tal-prijoritajiet tas-Sħubija ta' l-Adeżjoni u wkoll kwistjonijiet oħra speċifiċi imsemmija mis-sottokumitati. Il-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Phare jiżgura li azzjonijiet iffinanzjati taħt it-tlett strumenti kollha ta' qabel l-adeżjoni, Phare, ISPA, u Sapard, huma kompatibbli ma' xulxin u kif ukoll mas-Sħubija ta' l-Adeżjon kif imniżżel fir-Regolament ta' Kordinazzjoni (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1266/99 (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 68)). Is-Sħubija ta' l-Adeżjoni jibqa' jiġi emendat kif meħtieġ skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98. [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 Jannar 2002 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-għanijiet intermedji u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' l-Adeżjoni mar-Rumanija (ĠU L 44, ta' l-14.2.2002, p. 82). [2] L-ordni tal-presentazzjoni hija dik użata fir-rapport regolari u t-triq gwida ta' l-2002. [3] Ara wkoll il-kapitolu dwar il-politika soċjali u l-impiegi. --------------------------------------------------