Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R1005

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1005/2002 tat-12 ta’ Ġunju 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2848/98 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ gruppi ta’ produtturi, l-iskema ta’ l-irkant, ir-riserva nazzjonali u l-ftehim tat-trasferiment fis-settur tat-tabakk mhux maħdum

ĠU L 153, 13.6.2002, p. 3–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1005/oj

32002R1005



Official Journal L 153 , 13/06/2002 P. 0003 - 0004


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1005/2002

tat-12 ta’ Ġunju 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2848/98 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ gruppi ta’ produtturi, l-iskema ta’ l-irkant, ir-riserva nazzjonali u l-ftehim tat-trasferiment fis-settur tat-tabakk mhux maħdum

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 tat-3 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fit-tabakk mhux maħdum [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 546/2002 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 11 u l-Artikolu 14a tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2848/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 li jistipula r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 fir-rigward ta’ l-iskema tal-premium, il-kwoti tal-produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lill-gruppi ta’ produtturi fis-settur tat-tabakk [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 486/2002 [4], li jistipula l-kondizzjonijiet għall-għarfien tal-gruppi tal-produtturi. Fiż-żoni ta’ gżejjer fejn ammont żgħir ħafna ta’ tabakk huwa prodott u f’żoni iżolati ta’ produzzjoni fejn il-produzzjoni tat-tabakk qed titnaqqas il-limiti minimi meħtieġa fl-Anness I li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 2848/98 għat-twaqqif ta’ grupp tal-produtturi jistgħu ma jintlaħqux f’ċerti każi. Għandu għalhekk jiġi ntrodott kriterju alternattiv għaż-żoni ta’ gżejjer u l-perċentwali minima meħtieġa għall-għarfien ta’ gruppi tal-produtturi għandha titnaqqas sabiex il-produtturi in kwistjoni jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-parti varjabbli tal-premium.

(2) L-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 ġew emendati bir-Regolament (KE) Nru 546/2002. Ir-regoli li jikkorrispondu ma’ l-applikazzjoni li għaliha jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 2848/98 għandha għalhekk tiġi hekk adattata.

(3) L-Artikolu 33(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 2848/98 jistipula li għall-finijiet tat-trasferiment tal-kwoti, l-ftehim bejn il-partijiet għandu jiġi reġistrat mill-awtorità kompetenti fi żmien 30 jum mid-data finali għall-ħruġ tad-dikjarazzjonijiet dwar il-kwota. Biex titħaffef u tiġi semplifikata dik il-proċedura, l-limitu ta’ żmien għar-reġistrazzjoni tal-ftehim għandu jibda jiddekorri mill-jum attwali li fih tinħareġ id-dikjarazzjoni tal-kwota.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 2848/98 għandu jiġi hekk emendat.

(5) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għat-Tabakk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2848/98 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. Is-subparagrafu li ġej huwa miżjud ma’ l-Artikolu 3(1)(e):

"Fiż-żoni ta’ produzzjoni ta’ gżejjer grupp ta’ produtturi li ma jilħaqx il-perċentwali meħtieġ jista’ jingħata l-għarfien b’dan illi ta’ l-anqas 70 % tan-numru totali ta’ produtturi f’dik iż-żona jkunu membri."

2. L-Artikolu 12(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, qabel il-31 ta’ Jannar tas-sena tal-ħsad, jekk japplikawx sistema ta’ rkant għall-kuntratti ta’ koltivazzjoni għal grupp wieħed jew aktar tal-varjetajiet iffirmati fit-territorju tagħhom. Is-sistema għandha tkopri l-kuntratti tal-gruppi tal-produtturi li jixtiequ li jieħdu sehem."

3. L-Artikolu 29(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. Sabiex il-produtturi jiġu mħajjra biex jaqilbu għal uċuħ oħra tar-raba u biex jirristrutturaw il-bċejjeċ ta’ art tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jwaqqfu riserva nazzjonali ta’ kwota għal kull grupp ta’ varjetajiet għal kull ħsad."

4. L-Artikolu 33(1)(d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(d) il-ftehim li għalih issir referenza f’(ċ) kien intbagħat lill-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tad-dikjarazzjoni tal-kwota;"

5. L-Anness I huwa sostitwit bit-test ta’ l-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komuntajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-12 ta’ Ġunju 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 70.

[2] ĠU L 84, tat-28.3.2002, p. 4.

[3] ĠU L 358, tal-31.12.1998, p. 17.

[4] ĠU L 76, tad-19.3.2002, p. 9.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS I

IL-PERĊENTWALI TAL-LIMITI TA’ GARANZIJA GĦAL KULL STAT MEMBRU JEW REĠJUN SPEĊIFIKU GĦALL-GĦARFIEN TAL-GRUPPI TAL-PRODUTTURI

L-Istat Membru jew reġjun speċifiku ta’ oriġini ta’ l-istabbiliment ta’ grupp ta’ produtturi | Perċentwali |

Il-Ġermanja, Spanja (ħlief Castile-Leon, Navarra u ż-żona Campezo fil-Pajjiż Basque), Franza (ħlief Nord-Pas-de-Calais u Picardy), l-Italja, il-Portugall (ħlief ir-Reġjun Awtonomu ta’ l-Azores), il-Belġju, l-Awstrija | 2 % |

Il-Greċja (ħlief Epirus), ir-Reġjun Awtonomu ta’ l-Azores (il-Portugall), Nord-Pas-de-Calais u Picardy (Franza) | 1 % |

Castile-Leon (Spanja), Navarra (Spanja), iż-żona Campezo fil-Pajjiż Basque (Spanja), Epirus (il-Greċja) | 0,3 % |

"

--------------------------------------------------

Top