EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R0468

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 468/2001 tas-6 ta' Marzu 2001 li jistabbilixxi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fil-Ġappun

ĠU L 67, 9.3.2001, p. 24–36 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/03/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/468/oj

32001R0468



Official Journal L 067 , 09/03/2001 P. 0024 - 0036


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 468/2001

tas-6 ta' Marzu 2001

li jistabbilixxi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fil-Ġappun

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li hi oġġett ta' dumping mill-pajjiżi terzi li mhux Membri tal-Komunità Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Miżuri bla ħsara għal reviżjoni li jinvolvu l-Ġappun

(1) F'April 1993, permezz tar-Regolament (KEE) Nru. 993/93 [2], il-Kunsill stabbilixxa dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fil-Ġappun.

2. Miżuri fis-seħħ li jinvolu pajjiżi oħra

(2) F'Ottubru 1993, permezz tar-Regolament (KEE) Nru. 2887/93 [3], il-Kunsill stabilixxa dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fis-Singapor. Fl-1995 dawn il-miżuri ġew emendati bir-Regolament (KE) Nru. 2937/95 [4] wara investigazzjoni li wriet li l-marġni ta' dumping żdied wara li ġew assorbiti d-dazji. Dawn il-miżuri huma wkoll bla ħsara għal reviżjoni li nfetħet f'Ottubru 1998 [5].

(3) Fis-16 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni ippubblikat Avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea [6] li jħabbar il-ftuħ ta' proċeduri anti-dumping skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru. 384/96 (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejjaħ ir-"Regolament Bażiku") relatati ma' l-importazzjoni fil-Komunità ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fir-Repubblika Popolari Ċiniża, fir-Repubblika tal-Korea u fit-Tajwan. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża f'Novembru 2000 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2605/2000 [7], li stabbilixxa dazji anti-dumping definittivi fuq importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi.

3. Talba għal reviżjoni

(4) Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fil-Ġappun [8], il-Kummissjoni rċeviet talba bid-data tat-23 ta' Jannar 1998 għal reviżjoni tal-miżuri skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku.

(5) It-talba ġiet ippreżentata f'isem il-produtturi komunitarji li l-produzzjoni kollettiva tagħhom ikkostitwiet proporzjon maġġuri tal-produzzjoni totali tal-prodotti kkonċernati.

(6) It-talba kienet ibbażata fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri probabbilment tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-ripetizzjoni ta' dumping u ta' inġurja lill-industrija komunitarja. Wara li ġie stabbilit, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed prova eżistenti biex tinbeda reviżjoni, il-Kummissjoni ta l-bidu għal investigazzjoni skond l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament Bażiku [9]. Il-ftuħ tar-reviżjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11(3) kienet ibbażata fuq it-talba li l-marġni ta' dumping żdiedu b'mod sinjifikanti mill-investigazzjoni preċedenti u li l-iskadenza tal-miżuri għalhekk jirriżultaw f'żjieda ta' dumping u ta' inġurja.

4. Investigazzjoni

(7) Il-Kummissjoni uffiċjalment infurmat lill-produtturi komunitarji li sostnew it-talba għal reviżjoni, lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lill-Eurocommerce (assoċjazzjoni li tirrappreżenta diversi utenti żgħar tal-Komunità) li kienu nteressati. Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi kienu wkoll uffiċjalment infurmati. Il-partijiet ikkonċernati ngħataw l-opportunità biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu seduta fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Avviż ta' l-introduzzjoni tar-reviżjoni.

(8) Il-Kummissjoni bagħtet kwistjonarji lill-partijiet ikkonċernati u rċeviet risposti minn tliet produtturi komunitarji u minn żewġ produtturi Ġappuniżi, li wieħed biss kien esporta l-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwistjonarji lill-importaturi u lill-assoċjazzjoni ta' l-utenti. Żewġ importaturi rrispondew. Ma kien hemm l-ebda risposta mill-assoċjazzjoni ta' l-utenti jew minn utenti individwali.

(9) Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hi qieset neċessarja għall-iskopijiet biex tistabbilixxi l-kontinwazzjoni jew ir-ripetizzjoni probabbli ta' dumping u ta' inġurja, kif ukoll l-interess komunitarju. Il-verifikazzjonijiet twettqu fil-bini tal-kumpanniji li ġejjin:

Produtturi Esportaturi:

- Yamato Scale Co. Ltd, Akashi

- Ishida Co. Ltd, Kyoto

Produtturi komunitarji li ppreżentaw it-talba għal reviżjoni:

- Bizerba GmbH & Co. KG, Balingen, il-Ġermanja

- GEC Avery Limited, (sussidjarja tal-General Electric Company, plc), Birmingham, ir-Renju Unit

- Testut/Lutrana SA, Béthune, Franza

Importaturi:

- Digi Nederland B.V., Purmerend, l-Olanda

- Carrin and Co. NV, Antwerp, Belġju

(10) L-investigazzjoni ta' kontinwazzjoni u ta' ripetizzjoni ta' dumping kienet relattiva mal-perjodu bejn l-1 ta' April sal-31 ta' Marzu 1998 (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ il-"perjodu ta' l-investigazzjoni"). L-eżami tal-kontinwazzjoni u tar-ripetizzjoni ta' l-inġurja kopra l-perjodu mill-1994 sa' l-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ il-"perjodu ta' analiżi").

(11) Ir-reviżjoni preżenti qabżet il-perjodu ta' 12-il xahar f'liema normalment kellu jiġi konkluż skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku, minħabba l-komplessità ta' l-investigazzjoni u partikolarment minħabba l-impatt ta' l-"effett ta' l-euro" fuq l-investigazzjoni (ara l-premessa 34) u d-diffikultajiet biex jiġu stabbiliti l-konklużjonijiet waqt li jkun ikkunsidrat in-nuqqas ta' koperazzjoni.

(12) Il-partijiet kollha kkonċernati ġew informati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali skond liema kien maħsub li jkun irrakkomandat il-manteninment tal-miżuri eżistenti. Kienu wkoll awtorizzati perijodi f'liema setgħu jsiru rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal din l-informazzjoni kkomunikata. Il-kummenti tal-partijiet ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, il-Kummissjonijiet emendat il-konklużjonijiet tagħha.

B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1. Il-prodott ikkonċernat

(13) Il-prodott ikkonċernat hu l-istess prodott ta' l-investigazzjoni oriġinali, fi kliem ieħor imwieżen elettroniċi għall-użu f'kummerċ bl-imnut, b'indikazzjoni numerika tal-piż, tal-prezz unitarju, u tal-prezz li għandu jitħallas (fihom jew le mezz biex din l-informazzjoni tkun stampata) li jaqgħu taħt il-kodiċi NK ex84238150. L-imwieżen elettroniċi għall-użu f'kummerċ bl-imnut għandhom tipi jew livelli differenti ta' prestazzjoni u ta' teknoloġija. F'dan ir-rigward, l-industrija tiddefinixxi tliet segmenti ta' mwieżen elettroniċi; inferjuri, intermedjarji u superjuri. Dawn ivarjaw minn imwieżen elettroniċi sempliċi, mingħajr stampatur inkorporat għal mudelli aktar soffistikati mgħammra b'sistema ta' programmazzjoni u l-possibbiltà supplimentari ta' integrazzjoni għal sistemi informatiċi ta' kontroll u ta' amministrazzjoni.

(14) Għalkemm il-possibbiltà ta' l-użu ta' l-imwieżen elettronċi jista' jvarja, m'hemmx xi differenza sinjifikanti fid-diversi mudelli fir-rigward ta' karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzali. B'addizzjoni, l-investigazzjoni wriet li m'hemm l-ebda linja li tiddividi bejn bejn dawn it-tliet segmenti, peress li l-mudelli fis-segmenti viċini jistgħu jinbidlu ma' xulxini. Kif uriet l-investigazzjoni preċedenti, għandhom għalhekk jiġu kkonsidrati bħala prodott wieħed għall-iskop ta' din l-investigazzjoni.

2. Prodott simili

(15) Ġie stabbilit li d-diversi mudelli ta' mwieżen elettroniċi fabbrikati u mibjugħa fil-Ġappun għandhom, minkejja d-differenzi fid-dimensjonijiet, fil-ħajja utli, fil-vultaġġ u fid-disinn, l-istess karatteristiċi bażiċi tekniċi u fiżiċi meta mqabbla ma' l-imwieżen elettroniċi esportati mill-Ġappun lejn il-Komunità u għalhekk għandhom jiġu kkonsidrati bħala prodotti simili.

Bl-istess mod, ħlief għal xi differenzi tekniċi, l-imwieżen elettroniċi ffabrikati fil-Komunità huma bażikament l-istess taħt l-aspetti kollha għall-imwieżen elettroniċi esportati mill-Ġappun lejn il-Komunità.

C. DUMPING U RIPETIZZJONI PROBABBLI TA' DUMPING

1. Rimarki preliminari

(16) Kif indikat hawn fuq, din l-investigazzjoni tgħaqqad reviżjoni li tiskadi bbażata fuq l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u reviżjoni intermedja bbażata fuq l-Artikolu 11(3), dan ta' l-aħħar ikun mibdi biex jeżamina informazzjoni li tinsab fit-talba għal reviżjoni li tindika ż-żjieda fl-effet ta' dumping. Il-Kummissjoni ddeċidiet biex ma tipprosegwix bir-reviżjoni ta' l-Artikolu 11(3) minħabba li l-volumi mibjugħa fuq is-suq tal-Komunità kienu baxxi u ma kienx hemm prova biżżejjed għal tibdil dewwiemi fiċ-ċirkustanzi. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma, għalhekk, ibbażati fuq dawk stabbiliti skond l-Artikolu 11(2) relatat mal-kontinwazzjoni u mar-ripetizzjoni possibli ta' dumping inġurjuż jekk jitneħħew il-miżuri eżistenti.

(17) Skond l-Eurostat, madwar 995 imwieżen elettroniċi ġew importati fil-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni, kif imqabbla ma' l-1900 unità importati fil-perjodu ta' investigazzjoni preċedenti fuq liema kienu bbażati l-miżuri suġġetti għal reviżjoni. Il-koperazzjoni f'din l-investigazzjoni kienet limitata ħafna (total ta' 35 unità jew inqas minn 4 % ta' l-importazzjoni) b'koperazzjoni parzjali ġejja biss minn żewġ produtturi, Yamato Scales Co. Ltd u Ishida Co. Ltd, din ta' l-aħħar ma esportatx lejn is-suq tal-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan jitqabbel mal-koperazzjoni minn erba' produtturi esportaturi fl-investigazzjoni preċedenti.

2. Probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ripetizzjoni ta' dumping

(18) Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-iskop ta' kwalunkwe reviżjoni ta' l-iskadenza hi li tkun determinata jekk l-iskadenza tal-miżuri jwasslux jew le għall-kontinwazzjoni jew għar-ripetizzjoni ta' dumping inġurjuż.

Probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping

(19) Waqt li tkun eżaminata l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni ta' dumping jekk il-miżuri jitneħħew, hu neċessarju li jkun ivverifikat jekk jeżistix dumping fil-preżent u jekk kwalunkwe dumping bħal dan hux possibli li jkompli.

(20) Żewġ produtturi biss ippreżentaw il-kummenti b'risposta għall-Avviż ta' bidu ta' l-investigazzjoni. Iż-żewġ kumpanniji kkoperaw biss parzjalment. Waħda mill-kumpanniji ma kellha l-ebda importazzjoni lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni u għalhekk ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni, filwaqt li l-kumpannija l-oħra kienet esportat imma pprovdiet informazzjoni mhux kompleta fuq valuri normali. Tliet produtturi oħra li kienu nvoluti fl-investigazzjoni preċedenti rrifjutaw li jikkoperaw. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha aċċess biss għal informazzjoni limitata ħafna mill-produtturi Ġappuniżi sabiex tkun tista' tiddetermina l-eżistenza ta' dumping.

(21) Il-koperatur parzjali, Yamato Scales Co. Ltd. ipprovda informazzjoni sħiħa fuq il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni waqt li pprovda informazzjoni mhux kompleta fuq valuri normali peress li l-informazzjoni pprovduta kopriet terz tal-bejgħ domestiku tiegħu tal-prodott ikkonċernat (il-bqija tal-bejgħ kienu destinati għal kumpanniji ta' distribuzzjoni relatati). Il-kumpannija falliet ukoll milli tipprovdi kwalunkwe informazzjoni dwar l-ispejjeż ġenerali, amministrattivi u tal-bejgħ sostnuti għall-bejgħ fuq is-suq intern. Il-paragun ta' dawn il-prezzijiet għall-esportazzjoni ma' l-informazzjoni mhux kompleta dwar valuri normali wera indikazzjoni li kien hemm fis-seħħ dumping sinjifikattiv fil-bejgħ ta' l-esportatur fil-Komunità. Anke l-paragun ta' dawn il-prezzijiet għall-esportazzjoni mal-valur normali magħmul għal dan il-produttur fl-investigazzjoni oriġinali ndika wkoll l-eżistenza ta' dumping sinjifikattiv.

(22) Barra minn dan, produttur esportatur Ġappuniż wieħed, li rrappreżenta l-maġġoranza vasta ta' l-importazzjoni ta' mwieżen elettroniċi mill-Ġappun matul il-perjodu ta' investigazzjoni, meta ddikjara n-nuqqas ta' koperazzjoni tiegħu, ammetta li kien qed jesporta l-prodotti tiegħu fil-Komunità bi prezzijiet ta' dumping. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-informazzjoni ta' l-Eurostat, u l-prezz medju ta' l-esportazzjonijiet kollha mill-Ġappun derivat minn dik l-informazzjoni kkonferma l-eżistenza ta' dumping peress li dan il-prezz kien aktar baxx minn kwalunkwe valur normali stabbilit għall-koperatur parzjali.

(23) Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni sinjifikanti, l-informazzjoni t'hawn fuq kienet ikkunsidrata bħala l-fatti disponibbli skond it-termini ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Kif indikat, dan ikkonferma l-eżistenza ta' marġni sinjifikanti ta' dumping.

(24) Minħabba l-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju tal-munita Ġappuniża fir-rigward ta' l-investigazzjoni preċedenti, ġie eżaminat ukoll id-deprezzament tal-Yen kontra l-munita tal-fattura, fi kliem ieħor id-dollaru Amerikan, imma nstab li ż-żjieda fil-prezzijiet għall-esportazzjoni fil-Yen kienet parzjalment ikkumpensata ma' waqgħa sinjifikanti f'termini reali tal-prezzijiet għall-esportazzjoni fid-dollaru Amerikan (kif irrapportat mill-Eurostat) fir-rigward tal-każ oriġinali. Dan ġie kkonfermat mill-konklużjonijiet relatati mal-kumpannija li koperat b'mod parzjali, minn fejn jirriżulta li d-deprezzament tal-Yen, sa' fejn jista' jkun konkluż mill-informazzjoni mhux kompleta riċevuta, ma rriżultax f'marġni aktar baxx ta' dumping. Barra minn dan, kien hemm sinjali ċari li d-deprezzament tal-Yen seta' ma damx.

(25) B'addizzjoni għall-konklużjonijiet ta' l-eżistenza ta' dumping sinjifikattiv matul il-perjodu ta' investigazzjoni, l-ebda informazzjoni ma ġiet ippreżentata li turi li dumping x'aktarx ma jkomplix jekk jitneħħew il-miżuri. Fil-fatt, l-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni tissuġġerixxi b'mod sod li din l-importazzjoni tista' tkompli ssir bi prezzijiet ta' dumping fil-futur immedjat jekk jitneħħew il-miżuri. B'mod partikolari, għandu jkun innotat li s-suq tal-Komunità hu attraenti għall-esportaturi peress li, skond l-informazzjoni riċevuta mill-unika kumpannija li kkoperat, il-prezzijiet huma ogħla minn dawk fi swieq ta' pajjiżi terzi oħra (Tajwan, il-Malasja) lejn liema il-kumpannija tesporta wkoll.

(26) Għandu jkun enfassizzat ukoll li l-prezzijiet tal-Ġappun baqgħu sistematikament għola minn kwalunkwe post ieħor, sitwazzjoni li ppersistiet għal numru ta' snin. Għalhekk, din is-sitwazzjoni hi kkunsidrata li x'aktarx ma titbiddilx fi żmien qasir jew medju u hu għalhekk estremament probabbli li jkun hemm kontinwazzjoni ta' dumping.

Probabbiltà ta' ripetizzjoni ta' dumping

(27) Minħabba li l-miżuri huma meqjusa li rriżultaw fi tnaqqis kbir fil-kwantitjiet esportati mill-Ġappun lejn il-Komunità, il-Komunità eżaminat l-effetti tat-tneħħija tal-miżuri fit-termini taż-żjieda fil-kwantitajiet u fil-prezzijiet ta' dumping, fi kliem ieħor ir-ripetizzjoni ta' dumping.

(28) Hemm indikaturi li juru li l-kumpanniji li kkoperaw b'mod parzjali u dawk li ma kkoperawx se jibdew probabbilment jesportaw kwantitajiet sinjifikanti tal-prodott. L-ewwel nett, it-tneħħija ta' dawn il-miżuri se jagħmlu lill-Komunità destinazzjoni attraenti għall-esportazzjoni Ġappuniża peress li l-prezzijiet jidhru li huma kemm kemm għola hemmhekk minn swieq ta' pajjiżi terzi oħra fejn huma preżenti l-produtturi esportaturi. Għalhekk, minħabba li għad hemm esportazzjoni Ġappuniża sinjifikanti lejn dawn is-swieq oħra tal-pajjiżi terzi, ir-ri-direzzjoni ta' minn ta' l-inqas uħud minn din l-esportazzjoni lejn il-Komunità hi probabbli. It-tieni nett, is-suq tal-Komunità hu wieħed importanti ħafna bħala daqs u hu improbabbli li dawn l-esportaturi ma jieħdux vantaġġ minn kwalunkwe tneħħija ta' miżuri.

(29) F'każ li l-importazzjoni terġa' tibda, m'hemm l-ebda raġuni li l-prezzijiet ikunu kkunsidrati bħala differenti minn dawk attwalment applikati għall-importazzjoni, għalkemm huma ta' livell baxx. Wieħed jista' jsostni li prezzijiet aktar baxxi jistgħu jkunu prerekwiżit għal żjieda sinjifikanti fil-kwantitajiet. Ripetizzjoni ta' dumping ssir aktar probabbli mill-fatt li, kif muri fil-premessa 25, l-esportazzjoni Ġappuniża lejn swieq ta' pajjiż terz li m'għandhom l-ebda miżura fis-seħħ (Tajwan u l-Malasja) ssir bi prezzijiet ta' dumping. Xejn ma jagħti indikazzjoni li l-prezzijiet relativament għolja fil-Ġappun se jinbidlu fi żmien immedjat.

D. SITWAZZJONI TAS-SUQ TAL-KOMUNITÀ TA' L-IMWIEŻEN ELETTRONIĊI

1. Struttura ta' l-industrija komunitarja

(30) Peress li l-miżuri attwali ta' anti-dumping ġew stabbiliti fuq l-importazzjoni ta' mwieżen elettroniċi mill-Ġappun fl-1993, l-industrija komunitarja għaddiet minn programm ta' ristrutturar u konsolidazzjoni sabiex iżżomm il-kompetittività tagħha. Total ta' għaxar kumpanniji biss ikkoperaw fl-investigazzjoni preċedenti, imma wara l-proċess ta' ristrutturazzjoni fl-industrija sitta biss minn dawn il-kumpanniji baqgħu attivi fil-perjodu ta' investigazzjoni. Tlieta minn dawn il-kumpanniji kkoperaw fl-investigazzjoni preżenti. Sar evidenti matul l-investigazzjoni li produtturi oħra tal-Komunità rristrutturaw fuq l-istess bażi.

(31) Il-produtturi tal-Komunità li kkoperaw jirrappreżentaw 41 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni u għalhekk jikkwalifikaw bħala proporzjon maġġuri tal-produzzjoni tal-Komunità skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Dawn il-produtturi huma msejħa bħala "industrija tal-Komunità" hawnhekk iżjed 'il quddiem. B'addizzjoni, żewġ kumpanniji kbar appoġġaw it-talba ta' reviżjoni imma ma kkoperawx totalment għall-investigazzjoni. Ir-rappreżentattività tal-produzzjoni tal-Komunità li appoġġaw l-ilment kienet, għalhekk, ħafna aktar mill-50 %.

(32) Għandu jkun enfasizzat li għall-iskop tal-kalkolu t'hawn fuq tar-rappreżentattività tal-produzzjoni tal-Komunità, skond l-Artikolu 4(1)(a) u (2) tar-Regolament Bażiku, kwalunkwe kumpannija li taħdem fil-Komunità relatata ma' produtturi esportaturi f'pajjiżi li nstabu li qed jużaw prattika ta' dumping, ġiet eskluża mid-definizzjoni tal-produzzjoni totali tal-Komunità.

2. Konsum ta' mwieżen elettroniċi fuq is-suq tal-Komunità

(33) Il-konsum fil-Komunità ġie kkalkolat bl-użu ta' informazzjoni ta' bejgħ vverifikata pprovduta mill-industrija komunitarja, ta' figuri fit-talba ta' reviżjoni (għal bejgħ minn produtturi tal-Komunità li ma kkoperawx) u ta' valuri ta' importazzjoni miksuba permezz ta' l-Eurostat. Il-konsum kien kif ġej matul il-perjodu ta' analiżi:

Il-konsum ta' l-imwieżen elettroniċi fil-Komunità

(unitajiet) |

1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

174448 | 161682 | 172314 | 177391 | 184990 |

(34) Iż-żjieda fil-konsum fl-1997 u matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien prinċipalment dovut għal żjieda ta' darba fit-talba minn bejjiegħa bl-imnut li ġiet mill-introduzzjoni ta' l-Euro ("effett ta' l-Euro"). Mill-1997 'il quddiem, il-bejjiegħa bl-imnut xtraw mudelli ġodda kompatibbli ma' l-Euro minħabba l-introduzzjoni ta' din il-munita. Peress li l-bejjiegħa bl-imnut kienu għalhekk qiegħdin jissostitwixxu l-imwieżen elettroniċi qodma tagħhom inħolqot żjieda fid-domanda fis-suq tal-Komunità u żdied il-volum tal-bejgħ. Din is-sitwazzjoni mtejjba se tkun ta' dewma qasira u l-volumi ta' bejgħ jerġgħu jirritornaw għal-livelli normali sas-sena 2000, jaqgħu aktar taħt il-livelli normali mis-sena 2001 sakemm jerġgħu jirritornaw għan-normal sas-sena 2004.

3. Importazzjoni kkonċernata

Volum ta' importazzjoni

(35) Skond il-bażi ta' l-informazzjoni mill-Eursotat (bl-użu tal-kodiċi TARIC

8423815010

), l-importazzjoni ta' l-imwieżen elettroniċi mill-Ġappun matul il-perjodu ta' analiżi rreġistraw l-iżvilupp li ġej:

Volum ta' importazzjoni

(unitajiet) |

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

Importazzjoni mill-Ġappun | 1320 | 474 | 954 | 1606 | 995 |

Sehem tas-suq | 0.8 % | 0.3 % | 0.6 % | 0.9 % | 0.5 % |

Politika tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi

(36) Sa' fejn huma kkonċernati l-prezzijiet, ġie kkunsidrat bħala l-aktar xieraq li tintuża l-informazzjoni pprovduta mill-uniku produttur esportatur li esporta lejn is-suq tal-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Minħabba n-natura tal-prodott ġie kkunsidrat rappreżentattiv li tkun eżaminata l-politika tal-prezz tal-produttur esportatur matul il-perjodu ta' investigazzjoni billi jkunu pparagunati l-prezzijiet għall-esportazzjoni ma' dawk ta' mudelli simili mibjugħa mill-industrija komunitarja. Filwaqt li kien meqjus li dawn il-mudelli pprovdew paragun imparzjali, il-volum baxx ta' esportazzjoni tal-produttur esportatur in kwistjoni jippermetti diffiċilment li jsiru konklużjonijiet ċari. Skond il-bażi tan-numru limitat ta' transazzjonijiet disponibbli, madankollu, kien hemm indikazzjonijiet li l-produttur esportattur ikkonċernat kellu bejgħ bi prezzijiet baxxi ħafna meta mqabbla ma' dawk ta' l-industrija komunitarja. Kien ukoll evidenti li t-tnaqqis fil-prezzijiet ta' dawn il-mudelli matul il-perjodu ta' analiżi kien jikkorrespondi ma' tnaqqis fil-prezzijiet ipprattikati mill-industrija komunitarja (ara l-premessa 42).

4. Sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja

(37) Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta' l-impatt ta' l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija komunitarja nkluda evalwazzjoni tal-fatturi u ta' l-indiċi ekonomiċi kollha li jinfluwenzaw l-istat ta' l-industrija. Madankollu, ċerti fatturi m'humiex illustrati fid-dettal hawn taħt għax instabu li ma kienux rilevanti għas-sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja fil-kors ta' din l-investigazzjoni. Finalment għandu jkun enfasizzat li l-ebda fattur ma jagħti ġudizzju deċisiv.

Produzzjoni, użu tal-kapaċità u inventarji

(38) Il-produzzjoni tat-tipi kollha ta' mwieżen elettroniċi naqset bejn il-perjodu 1994-1996 imma mbagħad żdiedet minħabba l-effett ta' l-Euro kif spjegat fil-premessa 34. Ir-rata ta' l-użu tal-kapaċitajiet ta' l-industrija komunitarja żdiedet b'6 % matul il-perjodu ta' analiżi.

Industrija komunitarja – produzzjoni u kapaċità

Indiċi: 1994 = 100 | 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

Il-volum li l-imwieżen elettroniċi kollha pproduċew | 74829 | 70862 | 69926 | 77057 | 75915 |

Kapaċità (l-imwieżen elettroniċi kollha) | 105446 | 106770 | 100338 | 99888 | 100625 |

Ir-rata ta' l-użu tal-kapaċità (l-imwieżen elettroniċi kollha) | 71 % | 66 % | 70 % | 77 % | 75 % |

Kien ikkunsidrat li l-livell ta' inventarji ma jistax ikun meqjus bħala li għandu xi effett sinjifikanti fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja għax din l-industrija tuża s-sistema tal-produzzjoni biex tordna meta l-ħażniet ikunu kważi ineżistenti.

Volum ta' bejgħ

(39) Il-volum tal-bejgħ ta' l-unitajiet kollha ta' mwieżen elettroniċi magħmula mill-industrija komunitarja fuq is-suq tal-Komunità kellu tnaqqis matul il-perjodu 1994-1998, imma mbagħad żdied minħabba l-effett ta' l-Euro kif spjegat fil-premessa 34.

Bejgħ f'unitajiet

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

Bejgħ ta' l-industrija komunitarja | 58245 | 54307 | 53485 | 57794 | 58002 |

Qligħ mill-bejgħ

(40) Il-qligħ mill-bejgħ ta' l-imwieżen elettroniċi kollha magħmula mill-industrija komunitarja fuq is-suq tal-Komunità kellu tnaqqis matul il-perjodu 1994-1997, imma mbagħad żdied minħabba l-effett ta' l-Euro kif spjegat fil-premessa 34.

Qligħ mill-bejgħ f'ECU

(1000 ECU) |

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

Bejgħ ta' l-industrija komunitarja | 87445 | 80679 | 77066 | 74079 | 77902 |

Sehem tas-suq u tkabbir

(41) Is-sehem tas-suq ta' l-industrija komunitarja niżel minn 33.4 % fl-1994 għal 31.4 % fil-perjodu ta' investigazzjoni. Għalhekk, l-industrija komunitarja ma tistax tibbenefika totalment mit-tkabbir tas-suq.

Żvilupp tal-prezzijiet

(42) Analiżi tal-prezzijiet ta' l-imwieżen elettroniċi fil-Komunità saret b'referenza għall-prezzijiet ta' bejgħ tal-mudelli kollha mibjugħa mill-industrija komunitarja. Il-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ lill-klijenti mhux relatati matul il-perjodu ta' analiżi rreġistrat l-iżvilupp li ġej:

Żvilupp tal-prezzijiet ta' l-imwieżen elettroniċi

(ECU/unità) |

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

L-imwieżen elettroniċi kollha | 1576 | 1562 | 1508 | 1321 | 1404 |

Indiċi | 100 | 99 | 96 | 84 | 89 |

Il-prezzijiet tal-bejgħ għall-mudelli kollha naqsu bejn l-1994 u l-perjodu ta' investigazzjoni b'11 %. Dan it-tnaqqis totali tal-prezz medju kien konsistenti għall-mudelli kollha ta' l-imwieżen elettroniċi.

Profitt

(43) Kif muri fit-Tabella hawn taħt, il-profitti mill-qligħ nett kien posittiv tul il-perjodu imma, fil-bidu tal-perjodu ta' analiżi, kien b'mod koerenti taħt ir-rata kkunsidrata neċessarja għall-vijabilità ta' l-industrija. Il-figuri mtejjba għall-1997 u għall-perjodu ta' investigazzjoni kienu riżultat ta' żewġ fatturi; l-effett ta' l-Euro msemmi hawn fuq li ta inċentiv temporanju lill-bejgħ u, f'miżura iżgħar, l-effetti ta' ristrutturar fuq skala kbira mwettaq mill-industrija kif spjegat fil-premessa 30.

Profitt (profitt fuq il-qligħ nett) fil-Komunità

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perjodu ta' investigazzjoni |

Industrija komunitarja | 2.2 % | 3.1 % | 1.6 % | 4.9 % | 9.6 % |

Fatturi oħra relatati mal-prestazzjoni

(44) L-ebda analiżi ddettaljata ma twettqet fuq il-fluss ta' flus, fuq il-kapaċità li jinkiseb il-kapital (jew investiment) u fuq il-profitt fuq l-investimenti peress li analiżi bħal din tirreferi għas-sitwazzjoni tal-kumpannija bħala totali. L-attivitajiet l-oħra tal-kumpanniji jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-qligħ totali tal-kumpannija u, għalhekk, analiżi totali ma tkunx neċessarjament rappreżentattiva għall-prodott taħt konsiderazzjoni.

B'konsiderazzjoni tal-volum u tal-prezzijiet ta' l-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, l-impatt fuq l-industrija komunitarja tal-kobor tal-marġni attwali ta' dumping ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li hu negliġibbli.

Produttività, impjieg u pagi

(45) It-tabella t'hawn taħt turi li matul il-perjodu ta' l-analiżi l-impjieg fl-industrija komunitarja naqas b'29 %.

Produttività għal kull impjegat

| 1995 | 1996 | 1997 | 1998 | Perjodu ta' investigazzjoni |

Numru ta' unitajiet prodotti | 74829 | 70862 | 69926 | 77057 | 75915 |

Numru ta' impjegati | 1370 | 1305 | 1208 | 1063 | 978 |

Produttività | 55 | 54 | 58 | 72 | 78 |

(46) Il-produttività għal kull impjegat żdiedet b'42 % matul il-perjodu ta' analiżi.

(47) Ma twettqet l-ebda analiżi ddettaljata fuq il-pagi minħabba l-importanza ta' l-attivitajiet l-oħra tal-kumpannija fir-rigward ta' l-attività totali tagħha. Analiżi bħal din tirrelata mas-sitwazzjoni tal-kumpannija bħala sħiħa u ma tkunx neċessarjament rappreżentattiva għall-prodott taħt konsiderazzjoni.

Konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja

(48) L-industrija komunitarja għaddiet minn taħt programm prinċipali ta' ristrutturazzjoni u tejjbu t-tekniċi ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni. Madankollu, kompliet tgħaddi minn pressjoni fuq il-prezzijiet, li naqqsu l-marġni tagħha ta' profitt u wasslu għal telfa fis-sehem tas-suq u tnaqqis fl-impjieg. Il-profitt żdied lejn l-aħħar tal-perjodu ta' analiżi imma, kif imsemmi fil-premessa 34, dan kien prinċipalment dovut għal benefiċċji ta' darba ta' l-"effett ta' l-Euro", u l-livelli tal-profitti għandhom jirritornaw malajr għal dawk reġistrati matul il-parti prinċipali tal-perjodu ta' analiżi. Hu għalhekk ikkunsidrat li l-industrija komunitarja għadha ma rkupratx totalment mis-sitwazzjoni negattiva identifikata fl-investigazzjoni preċedenti.

E. PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIPETIZZJONI TA' INĠURJA

1. Analiżi tas-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi Ġappuniżi

(49) L-iżvilupp ta' l-importazzjoni mill-Ġappun hi deskritta fil-premessa 35. Il-produtturi esportaturi Ġappuniżi komplew ibigħu fuq is-suq tal-Komunità, u l-industrija komunitarja kkonfermat li dawn ikkonċentraw il-bejgħ tagħhom ta' mudelli speċifiċi fuq swieq f'ċerti Stati Membri, minflok biegħu l-mudelli kollha. Din l-affermazzjoni ġiet eżaminata mill-Kummissjoni, u kien ċar, mill-figuri tal-bejgħ ippreżentati mill-importaturi, li l-importazzjoni kienet verament ikkonċentrata f'ċerti swieq, fejn l-esportaturi ħassew li setgħu jikkompetu, prinċiplament minħabba l-prezzijiet baxxi, mingħajr il-ħtieġa ta' networks kbar ta' bejgħ u ta' distribuzzjoni neċessarji għall-industrija komunitarja.

(50) L-importaturi li kkoperaw affermaw li t-tnaqqis fl-esportazzjoni mill-Ġappun kien dovut għal trasferiment tal-produzzjoni lejn pajjiżi oħra, u li, waqt li jkun ikkunsidrat li dan it-trasferiment hu definittiv, hu improbabbli li l-produzzjoni ta' l-imwieżen elettroniċi fil-Ġappun u l-esportazzjoni konsegwenti lejn il-Komunità jistgħu jiżdiedu fil-futur. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li mill-investigazzjonijiet preċedenti anti-dumping relatati mal-prodott ikkonċernat ħareġ li l-produzzjoni hi mobbli, u tista' faċilment tiġi trasferita għall-pajjiżi li mhumiex oġġett tal-miżuri. L-investigazzjoni wriet li dan il-proċess ġie mgħejjun mill-fatt li, meta l-produzzjoni tmexxiet mill-Ġappun għal pajjiżi oħra ta' l-Asja tax-Xlokk fil-passat, valur sinjifikanti ta' partijiet (speċjalment komponenti elettroniċi) komplew jiġu prodotti u forniti mill-Ġappun. Skond din il-bażi, il-Kummissjoni tikkunsidra li, jekk il-miżuri fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat jitħallew jiskadu, kontrarjament għall-preżentazzjoni magħmula mill-importaturi li kkoperaw, ma jistax ikun eskluż li l-esportazzjoni mill-Ġappun malajr tilħaq il-livelli tagħha preċedenti. Minħabba l-konklużjoni ta' din l-investigazzjoni li dumping baqa' jseħħ, jista' jkun mistenni li importazzjoni bħal din se tkun bi prezzijiet ta' dumping.

(51) B'addizzjoni tal-punt t'hawn fuq fir-rigward tal-faċilità relattiva tar-rilokazzjoni tal-produzzjoni, il-figuri miksuba mill-produttur esportatur li kkopera parzjalment juru li l-użu tal-kapaċità, għall-faċilitajiet ta' produzzjoni eżistenti fil-Ġappun, kien biss ta' 50 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan juri li hemm skop ċar għal żjieda fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, peress li m'hemm l-ebda swieq oħra maġġuri li jistgħu jassorbu dan il-volum addizzjonali ta' produzzjoni.

(52) Għandu jkun enfasizzat ukoll li dan il-produttur esportatur ibigħ ukoll bi prezzijiet baxxi fuq swieq oħra (il-Malasja u t-Tajwan per eżempju). Għal bejgħ paragunat, il-prezzijiet fuq is-swieq tal-Malasja u tat-Tajwan kienu inferjuri bi 30 % tal-prezzijiet tal-bejgħ (prezzijiet cif esklużi d-dazji anti-dumping) ta' l-istess mudell fuq is-suq komunitarju. Dan jissuġġerixxi b'mod ċar li s-suq tal-Komunità jista' jkun attraenti għall-produtturi esportaturi Ġappuniżi fin-nuqqas ta' miżuri anti-dumping.

(53) Hu wkoll ċar li l-prezzijiet ta' l-importazzjoni tal-Komunità ta' numru żgħir ta' transazzjonijiet osservati matul il-perjodu ta' investigazzjoni huma f'livelli baxxi minkejja l-miżuri anti-dumping fis-seħħ, imma minħabba l-livell baxx tagħhom, dawn ma setgħux jeżerċitaw pressjoni qawwija biex jitnaqqsu l-prezzijiet ta' l-industrija komunitarja. Jekk jitneħħew il-miżuri, l-esportaturi u l-importaturi jkollhom flessibilità miżjuda fil-prezzijiet. Produtturi esportaturi jistgħu jibbenefikaw minn żjieda fil-prezzijiet ta' l-esportazzjoni imma din iż-żjieda x'aktarx tkun limitata sabiex iżidu l-faxxinu tal-prodotti tagħhom. Madankollu, fin-nuqqas ta' dazji anti-dumping il-prezzijiet ta' l-importazzjoni x'aktarx jitnaqqsu u għalhekk jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet ta' l-industrija komunitarja.

2. Analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja

(54) Skond previżjonijiet, is-suq tal-Komunità għall-imwieżen elettroniċi għandu jibqa' relattivament stabbli għal żmien medju, waqt li jirrifletti l-fatt li l-imwieżen elettroniċi huma prodotti relattivament "maturi". Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, l-industrija komunitarja kienet qed tgawdi minn inċentiv fil-volum tal-bejgħ ikkawżat mill-"effett ta' l-Euro", imma, kif spjegat fil-premessa 34, dan mhux xi fenomenu permanenti, u jista' jkun kontrobilanċjat b'telf fil-bejgħ fil-futur. F'terminu medju, il-bejgħ se jibda jonqos gradwalment bil-mod. L-industrija komunitarja għalhekk ma tistax tippretendi li f'terminu medju jew twil tara żjieda fil-volum tal-bejgħ, imma s-sehem tas-suq tagħha hu fir-riskju li jitnaqqas aktar minħabba pressjoni mill-importazzjoni minn pajjiżi terzi. Din is-sitwazzjoni tista' teħżien aktar jekk il-miżuri jitħallew jiskadu fir-rigward ta' importazzjoni li toriġina fil-Ġappun, minħabba li hi mistennija żjieda kbira fil-volum ta' importazzjoni, peress li l-kapaċitajiet ta' produzzjoni eżistenti huma użati b'mod sħiħ fil-Ġappun jew il-produzzjoni hi trasferita lura lejn il-Ġappun mill-pajjiżi l-oħra wara l-istabbiliment ta' dazji anti-dumping.

(55) Bejn l-1994 u l-perjodu ta' investigazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ naqsu b'medja ta' 10.9 %, u hu mistenni li din it-tendenza titkompla hekk kif l-industrija komunitarja tipprova żżomm is-sehem tas-suq tagħha. It-tendenza preżenti ta' trasferiment tal-kummerċ minn ħwienet żgħar għal katini kbar ta' supermarkets teżerċita pressjoni fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet minħabba li dawn il-katini għandhom il-poter tan-neguzjar. Il-katini ta' supermarket jinnegozjaw kuntratti annwali ta' xiri ta' mwieżen elettroniċi direttament mill-produtturi. Matul l-investigazzjoni, deher ċar li dawn il-bejjiegħa bl-imnut kbar għamlu użu minn offerti bi prezzijiet baxxi mill-produtturi esportaturi Ġappuniżi biex iżidu l-pressjoni fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet. Waqt li tinżamm f'kunsiderazzjoni li, skond il-previżjonijiet, is-suq tal-Komunità se jkun jidher aktar attraenti, l-użu ta' offerti bi prezz baxx għandu riskju li jnaqqas serjament il-prezizjiet u għalhekk jagħti appoġġ għall-probabbiltà ta' ripetizzjoni ta' inġurja.

3. Konklużjoni dwar ir-ripetizzjoni ta' l-inġurja

(56) Fid-dawl ta' l-analiżi t'hawn fuq ġie konkluż li l-iskadenza tal-miżuri fuq din l-importazzjoni x'aktarx se twassal għal ripetizzjoni ta' inġurja fis-sens ta' l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku. Biex tilħaq din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-fatt li l-produtturi esportaturi Ġappuniżi jistgħu jinfluwenzaw aktar is-suq tal-Komunità milli s-sehem tas-suq tagħhom matul il-perjodu ta' investigazzjoni jista' jissuġġerixxi. Jekk jitneħħew id-dazji anti-dumping hu probabbli ħafna li jkun hemm kontinwazzjoni ta' dumping għal volumi għola ta' importazzjoni. Din il-konklużjoni hi sostnuta aktar bil-livell ta' kapaċità mhux użat ta' produzzjoni disponibbli fil-Ġappun, bil-faċilità relattiva b'liema l-faċilitajiet ta' produzzjoni jistgħu jiġu trasferiti bejn pajjiżi, u bil-konklużjoni fil-premessa 52 t'hawn fuq relatata mal-kontinwazzjoni ta' l-attrazzjoni tas-suq tal-Komunità għall-produtturi esportaturi Ġappuniżi.

(57) L-iskadenza tal-miżuri għalhekk iġiegħlu lis-sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja tkompli teħżien, u eventwalment tpoġġi f'riskju l-vijabilità tal-produzzjoni tal-Komunità ta' l-imwieżen elettroniċi.

F. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1. Osservazzjonijiet ġenerali

(58) Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku ġiet eżaminata jekk it-tkarkir tad-dazji anti-dumping ikun kontra l-interess globali tal-Komunità. Id-determinazzjoni ta' l-interess tal-Komuntà kienet ibbażata fuq il-valutazzjoni ta' l-interessi varji kollha bħal per eżempju l-industrija komunitarja, l-importaturi u l-kummerċjanti u l-utenti tal-prodott ikkonċernat. Sabiex ikun ivvalutat l-impatt probabbli tal-kontinwazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni mill-partijiet kollha kkonċernati msemmija hawn fuq.

(59) Għandu jkun imfakkar li, fl-investigazzjoni preċedenti, l-adozzjoni tal-miżuri ma kinietx ikkunsidrata bħala li hi kontra l-interess tal-Komunità. Barra dan, l-investigazzjoni attwali hi reviżjoni, li tanalizza sitwazzjoni fejn hemm fis-seħħ miżuri anti-dumping. Konsegwentament, il-perjodu u n-natura ta' l-investigazzjoni attwali ħallew għall-valutazzjoni ta' kwalunkwe impatt negattiv fuq il-partijiet ikkonċernati minħabba l-miżuri anti-dumping.

2. Interessi ta' l-industrija komunitarja

(60) Sabiex l-industrija komunitarja tibqa' tirreġistra sitwazzjoni ekonomika diffiċli, speċjalment fit-termini ta' profitt inadegwat (fil-bidu tal-perjodu ta' analiżi u fuq prospettiva b'termini medji), l-impjieg u s-sehem tas-suq, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fin-nuqqas ta' miżuri kontra dumping inġurjuż, is-sitwazzjoni ta' l-industrija komunitarja x'aktarx tmur għall-agħar. Minħabba l-livell ta' telf li ċerti produtturi weħlu fiż-żmien ta' l-investigazzjoni preċedenti ta' reviżjoni relatata ma' imwieżen elettroniċi mill-Ġappun, kien previst li ċerti produtturi komunitarji probabbilment iwaqqfu l-produzzjoni ta' dawn l-imwieżen u li l-livell ta' impjieg jirreġistra tnaqqis. Għalhekk il-miżuri nżammu fl-1993, iżda xorta kien hemm tnaqqis fil-livell ta' impjieg minħabba l-proċess ta' konsolidazzjoni li nvolva varji inkorporazzjonijiet u akkwisti.

(61) Tnaqqis jew deterjorament ulterjuri ta' l-industrija komunitarja jkollhom implikazzjonijiet negattivi għall-impjieg u għall-investiment fl-industrija nnifisha, b'effetti knock-on, kemm fuq il-fornituri ta' l-industrija kif ukoll fuq setturi relatati mal-produzzjoni fl-industrija komunitarja. Fil-fatt, it-teknoloġiji ta' l-imwieżen elettroniċi u l-mudelli kollha tal-prodotti l-oħra huma relatati. Eżempji ta' dawn huma tipi oħra ta' mwieżen (bħal imwieżen industrijali) u tagħmir użat fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (bħal magni għat-tqattigħ). Kwalunkwe telf ta' għarfien teknoloġiku fis-settur ta' l-imwieżen elettroniċi jfisser telf globali tal-kompetittività fis-setturi relatati.

(62) B'addizzjoni, l-investigazzjoni wriet li l-industrija komunitarja għamlet kull sforz biex tlaħħaq mal-kompetizzjoni mill-Ġappun u minn pajjiżi oħra. Eżempji ta' dawn il-miżuri:

(a) Progressjoni lejn konsolidazzjoni akbar (anqas kumpanniji).

(b) L-għeluq ta' kapaċità żejda.

(ċ) Użu akbar ta' tekniċi moderni tal-produzzjoni (eż. sistemi ta' produzzjoni fuq l-ordni, żjieda fil-mekkanizzazzjoni u fl-komputerizzazzjoni).

(d) Titjib fil-produttività.

(e) Tnaqqis fl-ispejjeż permezz ta' kuntratti bl-appalt għall-fabbrikazzjoni ta' ċerti komponenti, u

(f) Investiment f'mudelli ġodda.

(63) Il-produtturi tal-Komunità għalhekk urew l-intenzjoni u d-determinazzjoni li jżommu preżenza kompetittiva fuq is-suq tal-Komunità u huma kapaċi milli jibbenefikaw mill-protezzjoni offerta mill-miżuri anti-dumping kontra kummerċ inġust.

3. Interessi ta' l-importaturi

(64) Il-Kummissjoni kkunsidrat l-interessi ta' l-importaturi fil-Komunità u rċeviet risposti għall-kwestjonarju minn żewġ kumpanniji (imniżżla fil-premessa 9) li importaw il-prodott ikkonċernat mill-Ġappun matul il-perjodu ta' investigazzjoni. L-importaturi kkunsidraw li l-miżuri għandhom jinteħħew peress li kienu qed ifixklu l-abilità tagħhom li jbigħu prodott ta' kwalità għolja li ma kienx mibjugħ fl-industrija komunitarja. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-mudell importat kien simili għal xi wħud mill-aħjar mudelli prodotti u mibjugħa mill-industrija komunitarja, li dawn kienu f'kompetizzjoni diretta ma' xulxin u li kienu għalhekk prodotti simili.

(65) Fir-rigward tal-bejgħ u tal-profitt ta' l-importaturi, hu evidenti li t-tneħħija tal-miżuri jippermettu lill-importaturi biex inaqqsu l-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid tagħhom u jżidu l-marġni. Fid-dawl tal-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq dwar dumping u inġurja, din iż-żjieda fil-profitt se tkun dovuta biss minħabba dumping kontinwu.

4. Interessi ta' l-utenti

(66) Il-Kummissjoni fittxet il-koperazzjoni ta' korp li jirrappreżenta l-interessi tal-bejjiegħa bl-imnut, inkluż utenti kbar tal-prodott ikkonċernat (supermarkets), sabiex tidentifika jekk kienx hemm xi impatt sinjifikanti fuq kwalunkwe utenti.

(67) Il-Kummissjoni ġiet mgħarrfa b'mod mhux uffiċjali minn dan il-korp li ma kien hemm l-ebda risposta mill-bejjiegħa bl-imnut. Fil-fatt, l-ebda parti interessata oħra ma identifikat ruħha. Dan in-nuqqas ta' koperazzjoni hu bla dubju dovut minħabba l-fatt li l-imwieżen elettroniċi jirrappreżentaw biss perċentaġġ żgħir ta' l-ispejjeż totali ta' l-utenti. L-impatt biex jinżammu l-miżuri, f'dak li hu suq kompetittiv ħafna, jista' jkun meqjus bħala li hu negliġibbli.

5. Konklużjoni

(68) Il-livell baxx ta' koperazzjoni mill-utenti u mill-importaturi jagħmilha diffiċli biex isiru l-konklużjoni dwar l-impatt fuq dawn is-setturi. Kien konkluż, madankollu, li l-impatt se jkun negliġibbli, partikolarment għas-settur tal-bejjiegħa bl-imnut fejn l-imwieżen elettroniċi jirrappreżentaw perċentaġġ żgħir ħafna ta' l-ispejjeż.

(69) Għandu jkun imfakkar, madankollu, li hemm probabbiltà ta' ripetizzjoni u ta' inġurja gravi lill-industrija komunitarja li għamlet sforzi kbar biex tibqa' kompetittiva. L-industrija komunitarja termporanjament qed tibbenifka mill-introduzzjoni ta' l-Euro. Madankollu, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, u fid-dawl ta' tnaqqis fl-effett ta' l-Euro, hu probabbli li l-industrija komunitarja se tiddeterjora fil-futur u thedded il-vijabilità tal-produzzjoni sħiħa tal-Komunità.

(70) Skond dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li m'hemm l-ebda raġuni konvinċenti ta' l-interess tal-Komunità kontra l-manteniment tal-miżuri anti-dumping.

Ġ. MIŻURI DEFINITTIVI

(71) Se jkun imfakkar li r-reviżjoni attwali nfetħet kemm taħt l-Artikolu 11(2) kif ukoll taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Kif spjegat fil-premessa 16, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix bir-reviżjoni ta' l-Artikolu 11(3). Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma għalhekk ibbażati fuq dawk stabbiliti skond l-Artikolu 11(2) relatati mal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni u tar-ripetizzjoni ta' dumping inġurjuż jekk jitneħħew il-miżuri eżistenti.

(72) Għalhekk għandhom jinżammu d-dazji

anti-dumping

eżistenti:

Yamato Scale Co. Ltd, Akashi | 15.3 % |

Tokyo Electric Co. Ltd, Tokyo | 22.5 % |

Teraoka Seiko Co. Ltd, Tokyo | 22.6 % |

Ishida Co. Ltd, Kyoto | 31.6 % |

Il-kumpanniji kollha l-oħra | 31.6 % |

(73) Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa 11 dwar it-tul ta' l-investigazzjoni, hu meqjus xieraq li d-dewma tal-miżuri tkun limitata għal erba' snin,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju anti-dumping definittiv hu hawnhekk stabbilit għall-importazzjoni ta' mwieżen elettroniċi għall-bejgħ bl-imnut attwalment klassifikati taħt il-kodiċi NK ex84238150 (kodiċi TARIC 8423815010) u li joriġinaw fil-Ġappun.

2. Id-dazju, ikkalkolat fuq il-bażi tal-prezz nett, ħieles mill-fruntiera komunitarja tal-prodott qabel id-dazju, għandu jkun:

31.6 % (Kodiċi addizzjonali TARIC

8697

), bl-eċċezzjoni għal imwieżen elettroniċi għal bejgħ bl-imnut prodotti mill-kumpanniji mniżżla hawn taħt, li għalihom tapplika r-rata li ġejja:

Yamato Scale Co. Ltd, Akashi (Kodiċi addizzjonali TARIC 8696) | 15.3 % |

Tokyo Electric Co. Ltd, Tokyo (Kodiċi addizzjonali TARIC 8694) | 22.5 % |

Teraoka Seiko Co. Ltd, Tokyo (Kodiċi addizzjonali TARIC 8695) | 22.6 % |

3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana.

Artikolu 2

Id-dazji anti-dumping se jkunu stabbiliti għal perjodu ta' erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Marzu 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Thalén

[1] ĠU L 56, tas-06.03.96, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru. 2238/2000 (ĠU L 257, tal-11.10.00, p. 2).

[2] ĠU L 104, tad-29.04.93, p. 4.

[3] ĠU L 263, tat-22.10.93, p. 1.

[4] ĠU L 307, ta' l-20.12.95, p. 30.

[5] ĠU C 324, tat-22.10.98, p. 4.

[6] ĠU C 262, tas-16.09.99, p. 8.

[7] ĠU L 301, tat-30.11.00, p. 42.

[8] ĠU C 329, tal-31.10.97, p. 6.

[9] ĠU C 128, tal-25.04.98, p. 11.

--------------------------------------------------

Top